EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IR0672

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Miżuri biex jiġi appoġġat il-ħolqien ta’ ekosistemi ta’ start ups tat-teknoloġija avvanzata

ĠU C 415, 20.11.2014, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 415/5


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Miżuri biex jiġi appoġġat il-ħolqien ta’ ekosistemi ta’ start ups tat-teknoloġija avvanzata

2014/C 415/02

Relatur

Is-Sur Markkula (FI/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Espoo

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

Studju reċenti (1) jissuġġerixxu li l-ekonomija tal-Internet fis-swieq żviluppati tal-G-20 qed tipprevedi rata ta’ tkabbir annwali ta’ 8 % għall-ħames snin li ġejjin. Barra minn hekk, il-forza tax-xogħol tal-iżviluppaturi ta’ applikazzjonijiet fl-Ewropa se tiżdied minn miljun fl-2013 għal 2,8 miljun fl-2018 (2). Il-persunal ta’ appoġġ u tal-marketing ħolqu 1,8 miljun postijiet tax-xogħol fl-2013, b’żieda prevista għal 4,8 miljuni fl-2018. Din id-data tissuġġerixxi li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-fenomenu tal-istart ups ta’ teknoloġija avvanzata li, jekk jiġi ġestit b’mod tajjeb, jista’ jsir għall-Ewropa mutur veru u proprju ta’ tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi. Madankollu, wieħed għandu jqis il-fatt li fil-kontinent l-antik l-intraprenditorija ma ġietx ikkoltivata b’mod sistematiku; minn issa ‘l quddiem l-isforzi jridu jkunu ħafna iżjed intensivi u effikaċi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, infatti, billi huma responsabbli għal terz tal-ispiża pubblika u għal żewġ terzi tal-investiment pubbliku, huma element deċiżiv biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE u titrawwem l-intraprenditorija.

Konsiderazzjonijiet bażiċi

1.

L-ekosistemi tal-istart ups ta’ teknoloġija avvanzata huma entità li ma tistax tiġi prevista jew ippjanata minn qabel, talinqas mhux kollha kemm hi. F’ekosistema, ħafna mill-fatturi varjabbli ma jistgħux jiġu kkontrollati. Għaldaqstant huwa possibbli li wieħed jidentifika fatturi li jgħinu l-intraprenditorija, jiġifieri: aċċess aħjar għal kreditu, regolamentazzjoni u qafas fiskali effiċjenti, promozzjoni ta’ kultura intraprenditorjali u inklinazzjoni qawwija lejn ir-riskju tal-impriżi. Dawn l-aspetti ġew enfasizzati f’diversi okkażjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 (3). Fl-istess waqt, sabiex titrawwem l-intraprenditorija tat-teknoloġija avvanzata, jeħtieġ tiġi stabbilita infrastruttura li tiżgura l-aċċess għall-broadband.

2.

Għalhekk, mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit minn qabel fejn se tinħoloq ekosistema. L-għażla ta’ fejn l-istart ups għandhom ikunu bbażati mhijiex f’idejn dawk li jfasslu l-politika iżda f’idejn l-istart ups stess, skont il-kondizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp li jiġu offerti.

3.

Sabiex dawn l-ekosistemi jiġu appoġġati jridu jiġu mobilizzati l-amministrazzjoni pubblika, dawk li jfasslu l-politika, is-sistema intraprenditorjali, id-dinja akkademika, l-istudenti u l-partijiet interessati kollha l-oħra, u għandhom jingħataw l-għodod meħtieġa. L-edukazzjoni taqdi rwol deċiżiv hawnhekk, fejn l-eċċellenza u l-innovazzjoni jinħolqu mill-persuni.

4.

Għandu jitnaqqas għal livell minimu r-riskju ta’ fallimenti u nuqqas ta’ effiċjenza, b’loġika ta’ koordinazzjoni fuq livell nazzjonali, u billi jiġu polarizzati u kkonċentrati r-riżorsi fuq xi ekosistemi identifikati abbażi ta’ kriterji definiti. Huwa l-livell reġjonali l-iżjed adatt biex jaħseb fit-tipi ta’ aggregazzjoni ta’ riżorsi.

5.

Fl-Ewropa hemm frammentazzjoni eċċessiva tal-inizjattivi, kemm dawk nazzjonali kif ukoll dawk reġjonali. Hija prevista l-ħtieġa għal qafas ta’ referenza komuni.

Immappjar

Il-punt ta’ tluq sabiex jittieħdu deċiżjonijiet bil-għan li jintlaħqu l-objettivi huwa li tinkiseb informazzjoni ċara u eżawrjenti dwar il-fenomenu li se jiġi ġestiti. Għalhekk, il-KtR iqis opportun:

6.

valutazzjoni ta’ dak kollu li diġà sar b’mod konkret, filwaqt li jitqies il-fatt li diversi reġjuni Ewropej diġà għandhom strumenti u/jew adottaw politiki favur l-istart ups tat-teknoloġija avvanzata. Dan għandu jippermetti li jinħoloq “dashboard” li joffri qari sempliċi u immedjat.

7.

l-organizzazzjoni tad-data f’raggruppamenti sabiex jiġu individwati l-prinċipji ewlenin: b’hekk inkunu nistgħu naqraw b’mod analitiku l-miżuri li diġà ġew adottati mir-reġjuni u nindividwaw ix-xejriet.

8.

il-ħolqien ta’ bażi ta’ data adatta fejn il-livelli ta’ governanza diċentralizzata jkunu jistgħu jaqsmu l-aħjar prattiki adottati. B’konsegwenza ta’ dan ikun possibbli wkoll li jiġu implimentati prattiki ta’ benchmarking, li huma utli ħafna l-iżjed għal dawk ir-reġjuni li għadhom ma laħqux il-profil ta’ regolamentazzjoni.

9.

l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ valutazzjoni tal-effikaċja tal-interventi sabiex isiru verifiki perjodiċi u intermedjarji tar-riżultati milħuqa.

10.

il-kjarifika ta’ liema huma, fil-livell reġjonali, il-partijiet interessati l-iżjed rilevanti u x’inhuma r-responsabbiltajiet tagħhom meta jappoġġjaw l-istart ups. Anke strumenti li diġà huma disponibbli u li jintużaw fi proġetti Ewropej oħra se jkunu użati għal dan il-għan: Dynamic Mapping of Web Entrepreneurs and Startups’ ecosystem, Cluster Observatory.

Semplifikazzjoni u standardizzazzjoni tal-burokrazija

11.

Jekk il-kunċett tal-istart ups huwa marbut mal-kunċett ta’ flessibilità, irid jitnaqqas sal-minimu l-piż burokratiku. L-ostakoli burokratiċi għadhom sal-lum meqjusin bħala waħda mill-problemi ewlenin li għandha tiġi indirizzata. Għalhekk, il-KtR jipproponi li:

11.1.

jiġu semplifikati u standardizzati r-regolamenti reġjonali sabiex ma jitqegħidx piż żejjed fuq dawk nazzjonali;

11.2.

tkun disponibbli onlajn l-iżjed informazzjoni utli possibbli, u b’mod strutturat, filwaqt li jiġu rispettati r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

11.3.

jiġi stabbilit standard minimu rigward l-informazzjoni li għandha tingħata b’mod li jkunu jistgħu jitwettqu operazzjonijiet ta’ valutazzjoni u komparattivi min-naħa ta’ dawk li jirċievu l-informazzjoni;

11.4.

jkunu disponibbli onlajn il-prattiki kollha li għandhom jiġu implimentati b’mod li jitnaqqsu u ma jkunux żejda; kif ukoll tingħata l-possibilità li l-prattiki burokratiċi jkunu jistgħu jsiru b’mod dirett onlajn;

11.5.

tkun disponibbli l-informazzjoni onlajn fi kwalunkwe lingwa lokali kif ukoll bl-Ingliż;

12.

Il-punti 11.1-11.5 għandhom jiġu implimentati wkoll bl-użu ta’ strumenti li diġà jeżistu, bħall-portal http://ec.europa.eu/internal_market/eu-go/

Kwalifikazzjonijiet tal-persunal tal-amministrazzjonijiet pubbliċi

Fi ħdan l-istrateġija kumplessiva mmirata biex tiffavorixxi l-ħolqien ta’ ekosistemi ta’ start ups tat-teknoloġija avvanzata, il-KtR jenfasizza li:

13.

Il-persunal tal-amministrazzjonijiet pubbliċi lokali u reġjonali għandhom jiġu mħarrġa. Persuni li jassumu r-rwol li jbassru l-futur tal-ekonomija jridu jkunu preparati mill-aħjar u “jgħixu fil-fruntiera tal-innovazzjoni”.

14.

Għandha tiġi żviluppata fl-awtoritajiet lokali u reġjonali, u fl-individwi inġenerali, il-kapaċità li jipprevedu, jiġifieri l-kapaċità li jikkonċepixxu programm b’tali mod li jkun jista’ jwassal għal riżultati. Huwa neċessarju wkoll taħriġ intraprenditorjali.

15.

jiġu previsti mekkaniżmi ta’ valutazzjoni dwar il-kwalità tas-servizzi offruti, sabiex l-amministrazzjonijiet pubbliċi jkunu mħeġġa jagħmlu mill-aħjar.

16.

Anke r-reġjuni, bħall-gvernijiet, iridu jibdew jaħsbu fuq livell diġitali. Dan għandu jippermetti mhux biss żieda fl-effiċjenza iżda wkoll effikaċja ikbar tas-servizzi mogħtija liċ-ċittadin.

17.

Iridu jsiru aktar sforzi sabiex kull reġjun, bħal kull Stat Membru, jaħtar Uffiċjal Diġitali Ewlieni. Uffiċjali Diġitali Ewlenin permanenti li jaħdmu full-time ikunu jistgħu jgħinu jassiguraw li l-innovazzjonijiet diġitali jkollhom impatt mill-iktar wiesa’ u effikaċi.

18.

Id-data reġjonali trid tkun pubblika, filwaqt li tikkonforma mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Din hija sors essenzjali ta’ informazzjoni għall-istart ups. Jekk id-data reġjonali tkun pubblika, jiżdiedu t-trasparenza u l-fiduċja. Barra minn hekk, dan għandu jżid il-possibilitajiet li kumpaniji innovattivi jiltaqgħu ma’ opportunitajiet potenzjali.

19.

Ir-reġjuni kollha jridu jistabbilixxu talinqas ammont limitat ta’ objettivi kwantitattivi f’dak li għandu x’jaqsam mat-tkabbir intelliġenti u l-ħolqien ta’ ekosistemi ta’ start ups tat-teknoloġija avvanzata; bħala alternattiva, iridu jadottaw approċċ kwalitattiv konsistenti ta’ mixja pożittiva ta’ tibdil li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi.

20.

Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-politiki jridu jkunu r-responsabbiltà ta’ Kumitat Tekniku speċifiku magħmul minn esperti indipendenti. Bħala segwitu tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ, kull reġjun irid jippubblika rapport perjodiku (talinqas annwali) dwar il-progress li sar biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti. Fuq kollox, dan ir-rapport għandu jeżamina l-implimentazzjoni tal-istrateġija tar-reġjun RIS3 għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, b’referenza partikolari għall-progess li sar fl-iżvilupp tal-ekosistema tal-innovazzjoni u kif jista’ jintlaħaq it-tkabbir u jinħolqu negozji bi prestazzjonijiet għolja. Għan ieħor tal-evalwazzjoni huwa li tiġi promossa koordinazzjoni fl-Ewropa bejn attivitajiet f’din l-isfera. Madankollu, ir-rapport m’għandux iżid il-piż amministrattiv għall-atturi lokali u reġjonali;

21.

Huwa neċessarju l-aġġornament malajr kemm jista’ jkun ta’ bażi statistika adegwata fil-livell lokali u reġjonali u d-definizzjoni ta’ indikaturi ta’ progress reġjonali utli għall-monitoraġġ tar-riżultati milħuqa. L-għan huwa li wieħed jifhem liema politiki kienu iżjed effikaċi u liema ma kinux, sabiex jiġu indirizzati l-politiki futuri.

Appoġġ għall-edukazzjoni intraprenditorjali u ispirazzjoni għall-innovazzjoni

L-evidenza empirika turi kif is-suċċess intraprenditorjali huwa marbut mill-qrib u b’mod pożittiv mal-livell ta’ taħriġ tal-intraprendituri, independentement mill-profil tat-taħriġ kollu tagħhom (4). F’xi Stati Membri d-data tindika li l-proporzjon ta’ gradwati li ħames snin wara li ggradwaw jiddikjaraw li huma intraprendituri huwa biss 1 %. Joħroġ fid-dieher ukoll distakk dejjem jikber bejn il-ħtiġijiet ta’ dawk li jimpjegaw u l-kapaċitajiet tal-ħaddiema: 26 % ta’ dawk li jimpjegaw fl-Ewropa jsibu diffikultajiet biex jagħmlu tajjeb għal dan in-nuqqas ta’ talent (5). Għaldaqstant, il-Kumitat jenfasizza l-importanza ta’:

22.

Għandu jkun hemm persuna ta’ referenza li taħdem kontinwament biex tippromovi l-kultura intraprenditorjali. Din għandha tiġi mħeġġa permezz ta’ xhieda ta’ suċċessi li kien hemm fil-passat. Iż-żgħażagħ Ewropej għandhom jiġu informati dwar il-possibilitajiet li llum il-ġurnata huma offerti bis-saħħa tat-teknoloġiji ġodda.

23.

Il-promozzjoni ta’ attitudini proattiva min-naħa taż-żgħażagħ filwaqt li jitneħħew ostakli kulturali u psikoloġiċi li jillimitaw l-aċċess għall-intraprenditorjat. Dan jindika l-ħtieġa ta’ strateġija komprensiva tal-edukazzjoni dwar l-intraprenditorija, kif diġà enfasizza l-KtR fl-Opinjoni tiegħu dwar “Reviżjoni tal-Edukazzjoni” (6).

24.

Ħolqien ta’ entużjażmu lejn l-intraprenditorija. L-intraprendituri ta’ suċċess li l-attivitajiet tagħhom ikollhom impatt reali fuq il-ħajja tan-nies għandhom jiġu ċċelebrati u jitqiesu bħala xempji. Għandna bżonn li niġu stimolati, kemm fil-qasam tal-intraprenditorija kif ukoll fl-innovazzjoni.

25.

Il-ħolqien ta’ inkubaturi tan-negozju bħala parti integrali tal-kurrikulu edukattiv u r-rabta tal-edukazzjoni mad-dinja tan-negozju. Dan għandu jippermetti lill-istudenti biex ikollhom idea ta’ xi jfisser li tibda tmexxi kumpanija mingħajr ma jkollok tieqaf mill-istudju, li fil-każ li l-kumpanija tfalli, ikun ix-xibka ta’ salvataġġ tagħhom.

26.

L-appoġġ tal-programmi edukattivi mmexxija f’kooperazzjoni mad-dinja tan-negozju, għal orjentament internazzjonali għall-istart ups u l-kumpaniji li qed jikbru malajr, b’kombinazzjoni mal-aħħar teknoloġija, żviluppi tan-negozju u tad-disinn bi skoperti intraprenditorjali. Dawn iħallu benefiċċji lokalment u taw xhieda li jistgħu jġibu riżultati eċċellenti.

27.

Sabiex jiġi żgurat li programmi edukattivi u ta’ taħriġ vokazzjonali differenti jaġixxu b’mod effiċjenti għall-ħtiġijiet tas-suq, kriterju tajjeb li għandu jiġi adottat huwa dak tal-koinvestiment u/jew il-kopertura parzjali tal-ispejjeż: il-kumpaniji jistgħu, u fil-każ ta’ xi programmi għandhom, jonfqu minn flushom biex juru li jemmnu fl-inizjattiva. Idealment, dawn il-programmi jagħqdu flimkien persuni minn kumpaniji li joperaw f’reġjuni u setturi differenti, biex l-aħħar għarfien u teknoloġija jkunu aċċesibbli għalihom, u joħolqu proġetti ta’ sħubija bejn kumpaniji u stabbilimenti edukattivi u ta’ riċerka.

28.

Barra minn hekk, il-proċedura ta’ akkreditazzjoni ta’ dawn il-programmi trid tiġi semplifikata.

29.

Jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu sinerġiji bejn id-diversi proġetti Ewropej li jappoġġjaw l-intraprenditorija; b’mod partikolari bejn Orizzont 2020, COSME u ESIF.

Speċjalizzazzjoni intelliġenti tal-ekosistemi

Kif ġie enfasizzat diġà fl-Opinjoni preċedenti “L-eliminazzjoni tad-distakk fl-innovazzjoni (7)” il-Kumitat itenni li:

30.

Il-Kunsill tal-UE enfasizza r-rwol intrinsiku tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Gwida tal-UE dwar l-istrateġiji ta’ riċerka u innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3) tiddefinixxi dawn l-istrateġiji bħala aġendi integrati u lokalizzati ta’ trasformazzjoni ekonomika.

31.

Il-pjattaforma ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (S3 Platform) għandha bżonn tappoġġja aktar l-attivitajiet fil-livelli reġjonali u lokali b’enfasi partikolari fuq ir-reġjuni anqas żviluppati. Dan ifisser l-ewwelnett l-appoġġ, f’kull reġjun, ta’ proċessi mmirati lejn id-definizzjoni tal-attivitajiet b’valur miżjud għoli fir-reġjun stess, u li jiġu offruti opportunitajiet aħjar biex tissaħħaħ il-kompetittività tar-reġjun u l-firxa ta’ politiki li għandhom jiġu implimentati sabiex jiġu definiti l-istrateġiji intelliġenti relattivi għall-ispeċjalizzazzjoni.

32.

Il-KtR jenfasizza l-importanza tal-finanzjament fil-livell tal-UE u reġjonali għal ekosistemi ta’ innovazzjoni u ta’ produzzjoni b’karatteristiċi lokali, reġjonali jew transreġjonali qawwijin.

Miżuri oħra utli

Il-KtR iħeġġeġ bil-qawwa kollha lir-reġjuni tal-Istati Membri diversi biex:

33.

Jikkoordinaw l-interventi tad-diversi atturi tal-ekosistema. Jistimolaw l-interazzjoni u l-ħolqien ta’ netwerks bejn l-atturi tal-ekosistema huwa d-dmir prinċipali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi.

34.

jakkwistaw iżjed mill-SMEs tat-teknoloġija avvanzata. Fl-UE kollha l-maġġoranza tal-kuntratti ta’ akkwist pubbliku jintrebħu minn kumpaniji multinazzjonali. Għandu jkun hemm konformità mill-iktar fis possibbli kif previst fid-Direttivi ġodda dwar l-Akkwist Pubbliku (8) li jtejbu b’mod ċar l-aċċess għas-suq għall-SMEs.

35.

Jiġi favorit id-dħul ta’ kumpaniji ta’ teknoloġija avvanzata ewlenin b’mod li jikber l-ammont ta’ talent teknoloġiku disponibbli u jinħoloq effett ta’ “spillover”. Dan kollu għandu jiġi pjanifikat fi ħdan qafas li mhuwiex biss imsejjes fil-livell lokali.

Brussell, 7 ta’ Ottubru 2014

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel LEBRUN


(1)  BCG, The $4.2 Trillion Opportunity –the Internet economy in the G-20, Marzu 2012.

(2)  GIGAOM RESEARCH, Sizing the EU app economy, Frar 2014.

(3)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2012:0795:FIN:MT:PDF

(4)  Kummissjoni Ewropea, Effects and impact of entrepreneurship programmes in higher education, Marzu 2012.

(5)  McKinsey Global Institute – Help wanted: The future of work in advanced economies, Marzu 2012 minn James Manyika, Susan Lund, Byron Auguste u Sreenivas Ramaswamy.

(6)  CoR2392/2012

(7)  CdR 2414/2012 fin.

(8)  Direttiva 2014/24/UE li tieħu post Direttiva 2004/18/KE, Direttiva 2014/25/UE li tieħu post Direttiva 2004/17/KE


Top