EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IR0023

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku – (EUSAIR)

ĠU C 271, 19.8.2014, p. 40–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/40


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku – (EUSAIR)

2014/C 271/08

Relatur

Gian Mario Spacca (IT/ALDE), President tar-Reġjun tal-Marche

Dokument ta’ referenza

COM(2014) 357 final

SWD(2014) 190 final

SWD(2014) 191 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2012, li jappellaw lill-Kummissjoni ħalli tippreżenta Strateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR) sal-aħħar tal-2014. Din id-deċiżjoni kienet ġiet rakkomandata fl-Opinjoni fuq inizjattiva propja tal-KtR dwar il-kooperazzjoni territorjali fil-baċir tal-Mediterran permezz tal-makroreġjun Adrijatiku-Joniku, adottata fil-11 ta’ Ottubru 2011 (1);

2.

jaqbel mad-definizjoni ta’ strateġiji makroreġjonali bħala oqfsa integrati appruvati mill-Kunsill Ewropew li jirrelataw mal-Istati Membri u pajjiżi terzi fl-istess żona ġeografika li jindirizzaw sfidi komuni u jipprovdu soluzzjonijiet permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (2);

L-integrazzjoni tal-UE u d-dimensjoni esterna

3.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-EUSAIR li ser tħaddan erba’ pajjiżi tal-UE (il-Kroazja, il-Greċja, l-Italja u s-Slovenja) u erba’ pajjiżi barra mill-UE (l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Montenegro u s-Serbja) u ser tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-integrazzjoni Ewropea tal-pajjiżi kandidati jew kandidati potenzjali fir-reġjun. Il-komponent tal-integrazzjoni mal-UE joffri valur miżjud rilevanti f’din l-istrateġija makroreġjonali (3);

4.

jisħaq fuq l-aspetti ta’ rikonċiljazzjoni, sigurtà u stabbiltà fir-Reġjun Adrijatiku u Joniku permezz tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi l-oħra li m’humiex fl-UE, li jistgħu jingħaqdu f’dan il-makroreġjun fil-ġejjieni; f’dan ir-rigward, jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali bħala protagonisti li jippromovu d-demokrazija, id-deċentralizzazzjoni, aktar governanza awtonoma fil-livell lokali u reġjonali u l-bini tal-kapaċità;

5.

jinnota li l-istrateġija Adrijatika-Jonika tista’ tkun il-bidu ta’ approċċ u strateġija aktar integrati li jirrigwardaw il-baċir kollu tal-Mediterran, kif ġie indikat fir-riżoluzzjoni tal-PE (4);

6.

jinnota li l-ARLEM (L-Assemblea Lokali u Reġjonali Ewromediterranja) ukoll tappella għal approċċ makroreġjonali għall-baċir kollu tal-Mediterran mill-iżvilupp ta’ tliet makroreġjuni integrati, il-Punent tal-Mediterran, l-Adrijatiku-Joniku, il-Lvant tal-Mediterran (5);

Governanza f’diversi livelli

7.

jaqbel mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali ta’ Ottubru 2013 dwar il-ħtieġa li jiġu riveduti s-sistemi ta’ governanza tal-makroreġjuni, u jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea fl-20 ta’ Mejju 2014 kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Adrijatiku Joniku tas-17 ta’ Ġunju 2014. barra min hekk jaqbel mal-fehma tal-Kunsill dwar l-importanza tar-responsabbiltà u s-sens ta’ sjieda tal-pajjiżi kkonċernati, li tirrikjedi t-tisħiħ tal-atturi reġjonali u lokali rilevanti kif ukoll impenn ċar u fit-tul mill-partijiet interessati (6), barra minn hekk jitlob parteċipazzjoni akbar tar-reġjuni u tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-fażi tal-koordinament, b’appoġġ għall-Kummissjoni Ewropea, dan għandu jseħħ ukoll fil-fażi tal-implimentazzjoni. F’dan ir-rigward jaqbel li l-pjan ta’ azzjoni jipprevedi struttura ta’ Governanza ibbażata fuq koordinaturi għal kull pilastru li ġej mill-Ministri kompetenti u jenfasizza li dawn jistgħu jiġu wkoll minn gvernijiet reġjonali.

8.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ governanza intelliġenti u koordinata b’livelli ta’ governanza li jkunu kollegati bejniethom: tmexxija politika b’saħħitha li twassal għal teħid ta’ deċiżjonijiet ċari mill-pajjiżi li jipparteċipaw, koordinazzjoni b’saħħitha, ftehim dwar l-implimentazzjoni territorjali u sjieda kondiviża b’mod mifrux bl-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea, bl-appoġġ tal-Kumitat tar-Reġjuni;

9.

jisħaq li l-EUSAIR teħtieġ tmexxija politika b’saħħitha u li l-Inizjattiva Adrijatika Jonika li ġġib flimkien tmien Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi interessati, jista’ jkollha rwol importanti ta’ koordinazzjoni f’dan ir-rigward; mill-banda l-oħra, l-EUSAIR għandha bżonn pjattaforma ta’ governanza f’diversi livelli, u r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali jistgħu jipprovdu ħiliet ta’ livell għoli għall-implimentazzjoni effikaċi tal-proġetti f’approċċ makroreġjonali integrat;

10.

jappella biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom rwol aktar b’saħħtu fil-governanza u l-implimentazzjoni tal-istrateġija.

11.

għaldaqstant jinnota li l-Grupp Interreġjonali Adrijatiku-Joniku tal-Kumitat tar-Reġjuni twaqqaf fit-30 ta’ Jannar 2013 bil-għan li jappoġġja l-Kummissjoni Ewropea fit-tħejjija ta’ Strateġija Adrijatika u Jonika sal-aħħar tal-2014, u jippromovi identità komuni għar-reġjun Adrijatiku-Joniku sabiex jiġbed l-attenzjoni għall-potenzjal sħiħ tar-reġjun;

12.

jinnota li “l-mandat” tal-Kunsill Ewropew lill-Kummissjoni huwa l-frott ta’ sforzi konġunti mill-pajjiżi fir-reġjun. Huwa jibni fuq diversi inizjattivi, bħall-Inizjattiva Adrijatika-Jonika (AII) mnedija mid-Dikjarazzjoni ta’ Ancona tal-2000, u fuq fora u netwerks oħra tal-Adrijatiku-Joniku bħall-Forum ta’ Assoċjazzjoni tal-Bliet tal-Adrijatiku u l-Joniku, il-Forum tal-Kmamar tal-Kummerċ tal-Adrijatiku u l-Joniku, in-netwerk tal-universitajiet UniAdrion, u l-Ewroreġjun Adrijatiku u Joniku;

13.

jenfasizza li l-ħtiġijiet territorjali jistgħu jiġu indirizzati b’governanza f’diversi livelli li tibda mil-livell lokali u titla’ ‘l fuq, bil-għan li jiġu trattati problemi u sfidi komuni tar-Reġjun Adrijatiku u Joniku permezz ta’ soluzzjonijiet li jkun hemm qbil wiesa’ dwarhom; dan huwa s-sigriet tas-suċċess ta’ din l-istrateġija tal-UE;

Sfidi u kompiti għar-Reġjun Adtiatiku Joniku

14.

jaqbel li l-għan ewlieni tal-Istrateġija proposta hija l-promozzjoni ta’ żvilupp ekonomiku sostenibbli u l-prosperità soċjali, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fir-Reġjun b’konformità mal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, billi ttejjeb l-attrazzjoni, il-kompetittività u l-konnessjoni filwaqt li jiġu preżervati l-ambjent u l-ekosistemi marini u kostali;

15.

jesprimi s-sodisfazzjon għall-adozzjoni mill-Kummissjoni tas-“Strateġija marittima għall-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Joniku” (7), li ġiet inkluża fl-EUSAIR;

16.

huwa sodisfatt bl-ambitu u l-kontenut tal-erba pilastri tal-EUSAIR li jirriżultaw minn konsultazzjoni estensiva ta’ partijiet interessati fir-Reġjun, jiġifieri “tkabbir Blu”, “nikkollegaw ir-reġjun”, kwalità ambjentali”, u “turiżmu sostenibbli”; huwa sodisfatt li l-inklużjoni tal-komunikazzjoni fil-kwistjonijiet trasversali tal-“bini tal-kapaċità fosthom tal-komunikazzjoni” u “r-riċerka, l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-SMEs”;

17.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea li tiżviluppa valutazzjoni ta’ referenza tal-impatt u tas-sitwazzjoni makroekonomika tal-EUSAIR bħala l-ewwel pass lejn il-bini tal-kapaċità, u l-implimentazzoni tal-erba’ pilastri/prijoritajiet ta’ azzjoni biex timmira aħjar l-għanijiet u tkejjel il-progress lejhom;

18.

jitlob li jkun hemm attenzjoni akbar fuq il-koeżjoni territorjali u soċjali dwar it-tħassib ewlieni li ma jistax jiġi trattat b’mod effiċjenti mill-pajjiżi individwali, bħas-saħħa, it-tixjiħ attiv, id-differenzi fil-kundizzjonijiet demografiċi u ekonomiċi bejn u fi ħdan il-pajjiżi fir-Reġjun, kif ukoll problemi marbutin mas-sigurtà, il-kriminalità organizzata, il-migrazzjoni illegali, ir-rilokazzjoni tan-negozji u l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu trattati f’kull wieħed mill-erba’ pilastri bil-għan li jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv b’koerenza mal-politiki u l-għanijiet tal-Ewropa 2020, u biex tiżdied il-kompetittività u l-attrazzjoni tar-reġjuni tal-EUSAIR;

19.

jissuġġerixxi li jitqiesu l-esperjenzi tal-Istrateġiji tal-Baltiku u tad-Danubju u li jiġi organizzat forum anwali tal-EUSAIR biex jiffaċilita d-djalogu ekonomiku u soċjali u s-sjieda mifruxa tal-Istrateġija Adrijatika-Jonika permezz tal-parteċipazzjoni effikaċi tal-partijiet interessati soċjali u ekonomiċi, NGOs, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, eċċ.);

Il-finanzjament

20.

jilqa’ b’sodisfazzjoni l-opportunità tal-mument li tippermetti lill-EUSAIR li tiġi inkluża fil-ġenerazzjoni ġdida ta’ dokumenti ta’ ppjanar u programmar 2014-2020 tal-fondi strutturali u ta’ investiment tal-UE u l-fondi tal-IPA – il-Ftehim ta’ Sħubija, id-Dokumenti ta’ Strateġija tal-IPA, il-Programmi Operattivi – kif ukoll fil-politiki u programmi kollha rilevanti tal-UE bħall-Orizzont 2020, COSME, eċċ.;

21.

jinnota li r-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, ir-regolament tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea u r-regolament tal-IPA huma opportunitajiet reali għall-EUSAIR peress li jeħtieġu l-fondi kollha strutturali, tal-investiment u tal-IPA biex jadottaw il-prijoritajiet makroreġjonali;

22.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ parteċipazzjoni akbar mill-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-identifikazzjoni tal-proġetti prijoritarji għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku; jilqa’ b’sodisfazzjon l-inklużjoni tal-ġestjoni tar-riskju mid-diżastri naturali fil-prinċipji orizzontali għall-erba’ pilastri tal-komunikazzjoni EUSAIR tal-Kummissjoni u jerġa’ jitlob li tingħata attenzjoni akbar fil-livell tal-azzjoni progressiva lil temi orizzontali bħalma huma l-migrazzjoni, id-dritt għas-saħħa u t-taħriġ għall-amministraturi fi skola għolja ta’ taħriġ għall-Adrijatiku u l-Joniku;

23.

jappella għall-appoġġ attiv mill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u internazzjonali bħall-BEI, il-BERŻ, il-Bank Dinji u oħrajn, bħal fil-każ tal-Qafas ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent;

24.

jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ Faċilità ta’ Implimentazzjoni bil-kollaborazzjoni tal-BEI u l-korpi finanzjarji internazzjonali li tippermetti s-sottomissjoni ta’ “proġetti bankabbli” (8);

25.

jappella biex il-kofinanzjament privat jiġi integrat mal-fondi disponibbli;

26.

jirrikonoxxi “r-regola tat-tliet le”: l-ebda regolament ġdid, l-ebda istituzzjoni ġdida, l-ebda fondi addizzjonali, u jenfasizza r-regola tat-“tliet iva” li ssir referenza għaliha f’diversi fora: aktar fondi kumplimentari, aktar koordinazzjoni istituzzjonali u aktar proġetti ġodda;

27.

jenfasiza li l-appoġġ finanzjarju fil-livell tal-UE għall-assistenza teknika marbuta mal-istrateġiji makroreġjonali diġà wera li huwa assi importanti fl-Istrateġija tal-Baltiku u għandu jiġi estiż għal dik Adrijatika-Jonika; jappella għal intestatura speċifika baġitarja li għandha tinħoloq għall-assistenza teknika għall-makroreġjun Adrijatiku u Joniku, bħall-intestatura baġitarja li nħolqot għall-makroreġjuni tal-Baltiku u d-Danubju, li pprovdiet 2,5 miljun ewro f’impenn u approprijazzjonijiet ta’ pagamenti għal kull makroreġjun sal-2014;

Komunikazzjoni

28.

jappella għal attenzjoni aktar qawwija dwar il-komunikazzjoni bħala kwistjoni trasversali biex tissaħħaħ is-sjieda pubblika tal-istrateġija makroreġjonali u governanza aktar b’saħħitha, kif ġie enfasizzat ukoll fil-“Contribution of the Adriatic-Ionian Interregional Group of the CoR to the stakeholders consultation” ta’ Diċembru 2013 indirizzata lill-Kummissjoni Ewropea;

29.

jenfasizza l-komunikazzjoni bħala għodda biex tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili ta’ dak li din l-Istrateġija tirrappreżenta għaċ-ċittadini, u tal-valur miżjud tagħha fit-tisħiħ tal-identità tar-Reġjun Adrijatiku u Joniku;

Bini tal-kapaċità

30.

jaqbel li l-bini tal-kapaċità hija kwistjoni trasversali rilevanti biex tiżgura s-suċċess tal-EUSAIR, peress li r-Reġjun Adrijatiku Joniku huwa żona kbira li fiha pajjiżi tal-UE, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, bi strutturi amministrattivi differenti;

31.

jaqbel li l-pajjiżi tal-UE kif ukoll pajjiżi mhux tal-UE għandhom bżonn isaħħu l-ħiliet u l-kapaċitajiet biex jaslu għal soluzzjonijiet intelliġenti u sostenibbli għall-problemi komuni fl-oqsma tal-ġestjoni tar-riżorsi umani, ir-relazzjonijiet internazzjonali, eċċ. Miżura waħda possibbli tkun li titwaqqaf Skola Għolja tal-Amministrazzjoni Adrijatika Jonika bħall-ENA Franċiża (Ecole Nationale d’Administration), li fiha uffiċjali taċ-ċivil tar-Reġjun Adrijatiku Joniku jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet u l-kapaċitajiet meħtieġa għall-governanza f’diversi livelli, biex b’hekk ikunu jistgħu jimplimentaw proċessi innovattivi tal-amministrazzjoni pubblika;

32.

jikkunsidra li l-bini ta’ żona Adrijatika Jonika għat-tul għal djalogu paċifiku u għal kooperazzjoni effettiva, ma jistax isir mingħajr ma jkunu involuti, b’mod konsistenti, iż-żgħażagħ tar-reġjuni kkonċernati. Għalhekk, jistieden lill-Istati membri u lill-Kummissjoni Ewropea biex jippromovu, jiffaċilitaw u jtejbu l-implimentazzjoni tal-programmi għall-mobbiltà taż-żgħażagħ eżistenti fil-qafas taż-żona EUSAIR;

33.

jenfasizza li kwistjonijiet politiċi urġenti li huma rilevanti għar-reġjun bħall-migrazzjoni għandhom jidhru bħala fatturi ta’ integrazzjoni u sors ta’ impjieg li jikkontribwixxu biex ir-Reġjun Adrijatiku Joniku u ż-żona kollha tal-Mediterran jitrattataw sfidi ewlenin;

34.

jisħaq li s-sigurtà hija kwistjoni oħra ewlenija ta’ tħassib li ma tistax tiġi trattata minn pajjiżi individwali u jappella lill-Kummissjoni Ewropea li ddaħħal azzjonijiet speċifiċi biex tindirizza din il-kwistjoni fl-erba’ pilasti tal-Istrateġija;

35.

japprezza l-Komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Pjan ta’ Sigurtà “Għal qasam marittimu mondjali miftuħ u sigur: l-elementi għal Strateġija ta’ Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea” (9), filwaqt li jisħaq li l-interessi marittimi tal-Ewropa huma marbutin b’mod fundamentali mal-benesseri, il-prosperità u s-sigurtà taċ-ċittadini u l-komunitajiet tagħha;

36.

jinnota li l-benessri taċ-ċittadini huwa fundamentali għall-iżvilupp armonjuż tar-reġjun; jenfasizza li s-servizzi tal-kura tas-saħħa u r-riċerka għandhom jiġu koordinati biex jiżguraw l-effiċjenza fl-operat tas-settur tas-saħħa;

Tkabbir Blu

37.

jisħaq fuq ir-rilevanza tat-temi tas-“sajd u l-akkwakultura”, “it-teknoloġija blu” u “is-servizzi tal-baħar u marittimi”;

38.

jilqa’ b’sodisfazzjon id-Direttiva tal-PE u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar spazjali marittimu u għall-ġestjoni integrata tal-kosta (10) u jħeġġeġ lill-KE tqis din id-Direttiva fl-ippjanar ta’ azzjonijiet speċifiċi fir-Reġjun Adrijatiku Joniku;

39.

jenfasizza li l-governanza f’diversi livelli mill-partijiet interessati li jipparteċipaw fit-tkabbir tal-baħar u marittimu hija fattur essenzjali fil-ġestjoni effiċjenti taż-żona Adrijatika Jonika permezz ta’ regoli komuni u protokolli dwar is-sajd u l-preżervazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut, kif ukoll sistemi u proċeduri ta’ ġestjoni standardizzati;

40.

jenfasizza li l-ekoinnovazzjoni flimkien mal-modernizzazzjoni tas-sajd u l-akkwakultura kif ukoll (b’rabta mill-qrib mat-tieni pilastru) tat-trasport marittimu u l-portijiet bl-infrastrutturi tagħhom fuq l-art u l-clusters marittimi huma essenzjali biex jassiguraw l-esplojtazzjoni razzjonali tar-riżorsi tal-baħar u tas-sistemi marittimi. Tikketta komuni ta’ prodotti tal-ħut ta’ kwalità għolja b’oriġini traċċabbli tista’ tkun għodda importanti biex iż-żona tiġi promossa;

Nikkollegaw ir-reġjun

41.

jenfasizza r-rilevanza tat-temi “transport marittimu”, “konnessjonijiet intermodali fuq l-art” u “netwerks tal-enerġija” u jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jissaħħu l-infrastrutturi immaterjali tal-ICT. Il-Cloud Adrijatika-Jonika tirrappreżenta mezz li jgħaqqad il-pjattaformi attwali sabiex il-proċessi u l-protokolli kondiviżi jiġu standardizzati, ikun hemm trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri intermodali effiċjenti, jiġu faċilitati s-servizzi, l-ħarsien ambjentali u s-sigurtà marittima;

42.

jenfasizza li r-Reġjun Adrijatiku Joniku għandu bżonn itejjeb l-aċċess tax-Xlokk tal-Ewropa għall-kumplament tad-dinja, inkluża ż-żona tal-Mediterran, bl-estensjoni tal-Kuritur Baltiku Adrijatiku tul ix-xifer Adrijatiku. Is-sistemi tat-trasport intermodali f’din iż-żona għandhom bżonn jissaħħu biex titjieb il-pożizzjoni tar-reġjun bħala ċentru tat-trasport f’qafas internazzjonali;

Kwalità ambjentali

43.

jisħaq fuq ir-rilevanza tat-temi “bijodiversità tal-baħar”, “tniġġis tal-ibħra” u “ħabitats terrestri transnazzjonali u l-bijodiversità”;

44.

jenfasizza li r-Reġjun Adrijatiku Joniku għandu bżonn jippreżerva l-ħabitats u l-ekosistemi quddiem l-isfidi tat-tibdil fil-klima permezz ta’ governanza integrata f’diversi livelli bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha fi proċess kondiviż u integrat;

45.

jiġbed l-attenzjoni li l-Mediterran huwa baħar kważi magħluq bl-aktar rata baxxa ta’ riġenerazzjoni tal-ilma fid-dinja, u b’hekk jeħtieġ li din l-ekosistema delikata jkollha livell għoli ta’ ħarsien u proġetti ta’ esperimentazzjoni avvanzati;

46.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima ta’ April 2013 (11) li tinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-iżvilupp ta’ pjani ta’ azzjoni makroreġjonali, bħala eżempji ta’ approċċi globali u valutazzjoni aħjar tar-riskji u d-dgħufijiet;

Turiżmu sostenibbli

47.

jissottolinja r-rilevanza tal-“prodotti u s-servizzi diversifikati tat-turiżmu”, u tat-temi ta’ “ġestjoni sostenibbli tat-turiżmu”, li jirriżultaw mill-konsultazzjoni tal-partijiet interessati fil-Konferenza ta’ Ateni;

48.

jisħaq li l-attrazzjoni tar-Reġjun hija rappreżentata prinċipalment mit-turżimu bħala wieħed mis-setturi tat-tkabbir ewlenin u skattatur notevoli għall-iżvilupp tal-ekonomija marittima u fuq l-art tiegħu. L-iżvilupp tas-settur jirrikjedi governanza f’diversi livelli bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll il-partijiet interessati territorjali, mill-kmamar tal-kummerċ sal-universitajiet;

49.

jiġbed l-attenzjoni li fuq il-bażi ta’ teżori naturali, kulturali u storiċi kondiviżi, il-kwalità għolja ta’ prodotti agroalimentari, it-tradizzjonijiet ta’ ospitalità professjonali, u l-pajsaġġi attraenti li għandhom jiġu komunikati permezz tal-marka Adrijatika Jonika, it-turiżmu jista’ jkun lieva importanti għat-tkabbir sosotenibbli, l-opportunitajiet tal-impjieg għaż-żgħażagħ u l-inklużjoni soċjali peress li llum “nofs l-impjiegi tat-turiżmu kostali Ewropew u l-valur miżjud jinsabu fil-Mediterran” (12);

Konklużjonijiet

50.

jenfasizza l-importanza ta’ din it-tielet strateġija makroreġjonali tal-UE li tibni fuq l-esperjenza ta’ strateġiji makroreġjonali li diġà jeżistu biex tiżviluppa kooperazzjoni ġdida innovattiva u intelliġenti kif ukoll metodu ta’ governanza f’diversi livelli esperimentali u innovattiv li fih “nitgħallmu billi naġixxu”, filwaqt li wieħed ifittex is-sinerġiji u l-iskambju tal-prattiki ma’ strateġiji oħra tal-UE;

51.

jindika r-rilevanza tal-EUSAIR biex jingħata impetu ġdid lill-indirizzar ta’ kwistjonijiet komuni fir-Reġjun u l-promozzjoni tal-prosperità ekonomika u soċjali sostenibbli b’attenzjoni partikolari fuq it-tkabbir u l-impjiegi b’konformità mal-għanijiet tal-Ewropa 2020, billi titjieb l-attrazzjoni, il-kompetittività u l-konnessjoni sabiex ir-Reġjun Adrijatiku Joniku jsir ċentru ewlieni;

52.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex ikollha rwol ewlieni fi pjattaforma ta’ koordinazzjoni u implimentazzjoni ta’ governanza f’diversi livelli innovattiva li fiha d-deċiżjonijiet jiġu maqsuma biex jassiguraw l-impenn politiku u s-sjieda tal-partijiet interessati fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, b’koerenza mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; is-settur privat u s-soċjetà ċivili għandhom jipparteċipaw billi jiżguraw sens qawwi u mifrux ta’ appartenenza għall-Istrateġija permezz tal-komunikazzjoni, l-għoti tar-rendikonti u riżultati trasparenti minn fuq għal isfel u minn isfel ‘il fuq, pereżempju portal tad-data miftuħ, forum annwali ta’ djalogu ekonomiku u soċjali dwar l-EUSAIR, eċċ.;

53.

jenfasizza li l-integrazzjoni tal-UE hija element fundamentali tal-EUSAIR, li fih erba’ pajjiżi mill-UE u erba’ li m’humiex, u jiġbed l-attenzjoni għall-elementi ta’ rikonċiljazzjoni, sigurtà, stabbiltà u prosperità permezz ta’ kooperazzjoni aktar mill-viċin u r-rwol tar-reġjuni bħala atturi ewlenin fil-promozzjoni tal-awtogovernanza tar-reġjuni, il-bini tal-kapaċità, id-deċentralizzazzjoni u d-demokrazija.

Brussell, 26 ta’ Ġunju 2014

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel LEBRUN


(1)  CdR 168/2011 fin.

(2)  COM(2013) 468 final.

(3)  COM(2013) 468 final.

(4)  Riżoluzzjoni tal-PE P7_TA(2012)0269.

(5)  Rapport tal-Arlem KtR 2013/02318.

(6)  COM(2013) 468 final.

(7)  COM(2012) 713 final.

(8)  COM(2011) 381 final.

(9)  JOIN(2014) 9 final.

(10)  COM(2013) 133 final.

(11)  COM(2013) 216 final.

(12)  COM(2014) 86 final.


Top