Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IP0066(01)

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-futur tal-azjendi agrikoli żgħar (2013/2096(INI))

    ĠU C 93, 24.3.2017, p. 42–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.3.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 93/42


    P7_TA(2014)0066

    Il-futur tal-azjendi agrikoli żgħar

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-futur tal-azjendi agrikoli żgħar (2013/2096(INI))

    (2017/C 093/08)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-għanijiet tal-Politika Agrikola Komuni, kif stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), speċjalment l-għanijiet “li tkabbar il-produzzjoni agrikola billi tippromwovi progress tekniku u billi tassigura l-iżvilupp razzjonali ta’ produzzjoni agrikola u l-aħjar utilizzazzjoni possibbli tal-fatturi ta’ produzzjoni, speċjalment tan-nies tax-xogħol” u “li tassigura b’dan il-mod livell ġust ta’ għajxien għall-popolazzjoni agrikola, partikolarment billi tkabbar il-qligħ individwali tal-ħaddiema fl-agrikoltura”;

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1307/2013 tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (1), speċjalment l-Artikoli 32 u 61 dwar pagamenti redistributtivi jew l-iskema ta' bdiewa żgħar,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill (UE) Nru 1305/2013 tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (2), speċjalment l-Artikoli 7 u 19 dwar subprogrammi tematiċi jew l-iżvilupp ta' azjendi agrikoli u negozji oħra,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2011 bl-isem “L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020” (COM(2011)0244),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-7 ta' Settembru 2010 dwar “id-dħul ġust għall-bdiewa: katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar” (3)

    wara li kkunsidra r-riċerka tal-2013 bl-isem “Semi-subsistence farming: value and directions for development” mid-Dipartiment Tematiku B (Politika Strutturali u ta' Koeżjoni) tal-Parlament,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0029/2014),

    A.

    billi l-azjendi agrikoli ż-żgħar fl-Ewropa huma suġġetti għal pressjoni demografika, kummerċjali u teknoloġika kostanti, li qed twassal għal tnaqqis fl-attività tal-biedja u depopolazzjoni ta' villaġġi f'reġjuni rurali, kif ukoll għall-abbandun massiċċ ta' azjendi tat-trobbija tal-bhejjem b'merħliet żgħar u għat-telf tal-kultivazzjoni ta' prodotti lokali speċifiċi;

    B.

    billi dawn l-azjendi agrikoli żgħar jirrappreżentaw mudell agrikolu ta’ natura soċjali li llum il-ġurnata għadu ewlieni fl-UE li jista’ u għandu jeżisti flimkien ma’ mudelli agrikoli oħra li huma fuq skala akbar u aktar orjentati lejn is-swieq il-kbar;

    C.

    billi azjendi agrikoli żgħar ma jissodisfawx biss funzjoni produttiva, iżda għandhom ukoll funzjonijiet importanti marbuta mal-provvista ta’ beni pubbliċi: billi dawn jinkludu rwoli fil-qasam man-natura u l-pajsaġġ (billi jikkontribwixxu għall-preservazzjoni tal-pajsaġġ karatteristiku tal-villaġġi Ewropej kif ukoll għad-diversità bijoloġika tar-reġjuni rurali), rwoli fil-qasam soċjali (billi jiżguraw l-għajxien ta' miljuni ta' persuni fl-Ewropa u jipprevjenu l-faqar, kif ukoll jiżguraw riserva ta' ħaddiema għall-industrija u għal setturi ekonomiċi oħra, bħat-turiżmu), u rwoli kulturali (jippreservaw it-tradizzjonijiet, id-drawwiet u wirt storiku mhux materjali ieħor u jipproduċu prodotti reġjonali u tradizzjonali);

    D.

    billi azjendi agrikoli żgħar joħolqu rekwiżiti tajbin għal agrikoltura mfassla b’mod favorevoli għall-ambjent u adattata skont il-benesseri tal-annimali;

    E.

    billi d-depopolazzjoni u l-eżodu miż-żoni rurali jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet f’żoni rurali – u konsegwentement jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-bdiewa – u peress li dawn ħafna drabi huma fattur determinanti f'deċiżjonijiet dwar iż-żamma jew l-abbandun ta’ azjendi żgħar; billi l-ħolqien ta’ perspettivi sostenibbli, speċjalment għaż-żgħażagħ, f’żoni rurali jinfluwenza b’mod sinifikanti l-futur tal-azjendi agrikoli żgħar;

    F.

    billi, f’ċerti territorji, il-preżenza u s-sopravivenza ta’ azjendi agrikoli żgħar jiggarantixxu sors ta’ introjtu u jillimitaw it-tnaqqis tal-popolazzjoni;

    G.

    billi l-volatilità tal-prezzijiet fis-suq hija ħafna drabi aggravata bil-preżenza ta’ xerrejja intermedjarji li jiddettaw il-prezzijiet u japprofittaw mill-vulnerabilità tal-produtturi;

    H.

    billi azjendi agrikoli żgħar ġeneralment huma iktar flessibbli u jadattaw ruħhom iktar faċli għall-kriżijiet fis-suq;

    I.

    billi ħafna mill-azjendi żgħar huma speċjalizzati u jingħaqdu flimkien f’organizzazzjonijiet ta’ produzzjoni u għalhekk dan jippermettilhom jagħmlu talba ġustifikata biex jibdew jipproduċu għas-suq tal-ikel fuq livell ugwali mal-azjendi l-kbar;

    J.

    billi jeħtieġ ikun hemm approċċ aktar wiesa’ biex jindirizza l-problemi ta’ azjendi agrikoli żgħar; billi l-appoġġ permezz ta’ sorsi alternattivi possibbli ta' introjtu u l-perspettiva ta' diversifikazzjoni, kif ukoll il-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol mhux agrikoli u l-provvista ta' servizzi pubbliċi f’reġjuni rurali huma vitali għall-futur ta’ azjendi agrikoli żgħar u tal-komunitajiet rurali;

    K.

    billi l-azjendi agrikoli żgħar m'humiex ikkunsidrati biżżejjed fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), u billi r-raġunijiet għal dan jinkludu l-fatt li l-istruttura ta’ finanzjament fil-kuntest tal-PAK hija aktar ibbażata fuq l-erja u l-livelli ta’ produzzjoni fil-passat u għalhekk ma tistax twieġeb b'mod adatt għas-sitwazzjoni u l-funzjoni ta' azjendi agrikoli żgħar, il-fatt li ċerti Stati Membri jistabbilixxu limiti minimi ta’ eliġibbiltà fit-tieni pilastru, kif ukoll li l-Istati Membri ma jintroduċux miżuri ta’ implimentazzjoni li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ azjenda ta' dan it-tip;

    L.

    billi huwa diffiċli għas-sidien tal-azjendi agrikoli żgħar li jakkwistaw appoġġ finanzjarju, fost l-oħrajn minħabba li l-aċċess għal mezzi ta’ finanzjament taħt programmi tal-UE huwa kkumplikat minħabba n-nuqqas ta’ kapital proprju u/jew il-kapaċità meħtieġa, jew minħabba l-fatt li jkollhom affidabbiltà kreditizja baxxa jew ineżistenti;

    M.

    billi l-azjendi ż-żgħar tar-reġjuni ultraperiferiċi, b’kont meħud tal-pressjoni doppja li taħtha qegħdin iwettqu xogħolhom, jeħtieġu wkoll attenzjoni speċjali;

    N.

    billi dħul addizzjonali u sekondarju huwa ta’ importanza kbira għal ħafna azjendi agrikoli żgħar;

    O.

    billi ċerti tipi ta’ azjendi agrikoli żgħar, bħall-irziezet ta’ sussistenza, qed iservu bħala lqugħ kontra t-tiċħid assolut, filwaqt li tal-anqas jipprovdu livelli miżeri ta’ ikel u ta’ introjtu;

    P.

    billi f'ċertu każijiet bdiewa żgħar ma jirċevux appoġġ amministrattiv biżżejjed jew pariri ta' kwalità tajba'; billi l-Istati Membri spiss joħolqu burokrazija mhux meħtieġa u ċerti bdiewa żgħar m'għandhomx ir-riżorsi u l-esperjenza meħtieġa biex isegwu b'mod effettiv il-proċessi amministrattivi;

    Q.

    billi, peress li l-azjendi agrikoli jinsabu mxerrdin ġeografikament, il-poter ta' nnegozjar fil-katina tal-ikel huwa ferm aktar dgħajjef minn dak ta' parteċipanti oħra tas-suq, u billi dan jinħass l-aktar fil-każ tal-azjendi agrikoli żgħar;

    R.

    billi l-azjendi agrikoli żgħar għandhom ir-rwol speċjali li jippreservaw il-vitalità ta’ ċerti reġjuni, fosthom ir-reġjuni muntanjużi, ir-reġjuni żvantaġġati u r-reġjuni ultraperiferiċi, kif ukoll dawk li fihom, minħabba limiti ġeografiċi u morfoloġiċi, l-agrikoltura hija waħda mill-ftit – jekk mhux l-unika – attività ekonomikament sostenibbli;

    S.

    billi l-livell ta’ introjtu u l-istandards tal-għajxien tal-familji li jaqilgħu l-għajxien tagħhom permezz tax-xogħol f’azjendi agrikoli żgħar huma ferm aktar baxxi minn dawk tal-bdiewa li jaħdmu f’azjendi akbar jew setturi oħra tal-ekonomija;

    T.

    billi diversi azjendi agrikoli żgħar ma jistgħux jgħixu mill-agrikoltura waħedha u dawn jeħtieġu sorsi alternattivi ta’ introjtu għall-assigurazzjoni tal-eżistenza; iżda wkoll billi bdiewa żgħar għandhom jorjentaw ruħhom dejjem aktar fuq ir-rentabbiltà u l-produttività tal-azjenda tagħhom;

    U.

    billi azjendi agrikoli żgħar f’ħafna reġjuni jiżguraw l-għajxien tal-familji li m’għandhomx il-possibbiltà jsibu sors ieħor ta’ introjtu;

    V.

    billi għad m’hemmx dejta affidabbli biżżejjed dwar is-sitwazzjoni tal-azjendi agrikoli żgħar u l-effetti tal-istrumenti tal-PAK fuq dan is-settur u billi azjendi żgħar huma definiti differenti ħafna fl-Istati Membri individwali;

    W.

    billi xi wħud mill-produtturi agrikoli żgħar, bħal pereżempju min irabbi n-naħal, m’għandhomx proprjetajiet ta’ art jew inkella ma jużawhomx għall-biedja u għalhekk jiġu esklużi mill-iskema għal bdiewa żgħar;

    X.

    billi l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddikjarat is-sena 2014 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Biedja mill-Familji;

    1.

    Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jieħdu azzjoni adegwata taħt il-politika agrikola komuni l-ġdida u jfasslu linji gwida għall-perjodu ta’ wara l-2020, li fihom tingħata aktar attenzjoni lill-ħtiġijiet speċifiċi tal-azjendi żgħar tal-familji, li huma komponent importanti tal-mudell agrikolu Ewropew, kif ukoll il-qalba tal-iżvilupp multifunzjonali ta’ żoni rurali u tal-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni b’mod ġenerali;

    2.

    Jappella għat-tkomplija ta' politika li tippromwovi l-konsolidazzjoni ta’ art agrikola, kif ukoll it-tqassim ta’ għajnuna finanzjarja lil bdiewa li jipparteċipaw fl-iskema għall-bdiewa żgħar u li b’ċertezza ħallew l-art agrikola tagħhom f’idejn bidwi ieħor, bħala miżura effettiva għat-titjib tal-istruttura tal-produzzjoni agrikola;

    3.

    Huwa tal-fehma li l-objettiv ewlieni tar-ristrutturar m’għandux ikun sempliċement it-tnaqqis tan-numru ta’ azjendi agrikoli, peress li dan mhux se jżid il-kompetittività ta’ azjendi akbar; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri jissuġġerixxu soluzzjonijiet adegwati u mudelli għall-iżvilupp tal-azjendi agrikoli żgħar, filwaqt li jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tal-agrikoltura fil-pajjiż rispettiv kif ukoll varjazzjonijiet reġjonali; isaħħu l-kapaċità kompetittiva, il-vijabbiltà u l-profittabilità tagħhom, jippromwovu l-ispirtu intraprenditorjali, joħolqu l-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol u jillimitaw il-proċess ta’ depopolazzjoni rurali;

    4.

    Huwa tal-fehma li għandhom jittieħdu miżuri urġenti kontra l-proċess tal-eżodu miż-żoni rurali u d-depopolazzjoni, sabiex azjendi agrikoli żgħar ikunu jistgħu jgawdu minn kundizzjonijiet adatti u perspettivi sostenibbli fis-siti preżenti tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jużaw b'mod effiċjenti l-finanzjament tal-UE disponibbli biex jippromwovu l-infrastruttura, il-faċilitajiet edukattivi, mediċi u għall-kura medika, il-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal, l-aċċess għall-internet rapidu u t-twaqqif u l-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), biex jiżguraw l-uniformità tal-kundizzjonijiet tal-ħajja f'żoni urbani u rurali; jirrakkomanda li jsir enfasi speċjali fuq il-ħolqien ta’ perspettivi futuri sostenibbli għaż-żgħażagħ, il-persuni li għandhom edukazzjoni tajba u n-nisa;

    5.

    Jappella għal żieda fil-bejgħ dirett – bħall-bejgħ ta' prodotti tradizzjonali – fis-swieq lokali u reġjonali, u għall-iżvilupp f'azjendi agrikoli żgħar ta’ tip ta’ proċessar li jkun responsabbli u sostenibbli kif ukoll ta' sistema ta' monitoraġġ essenzjali u proporzjonata; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu rieżami tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar is-sikurezza tal-ikel bil-għan li jitnaqqsu l-piżijiet u l-ostakli li dawn jistgħu jikkawżaw għall-iżvilupp tal-ipproċessar u l-bejgħ tal-ikel permezz ta’ azjendi agrikoli żgħar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu pjattaforma għall-iskambju ta’ prattiki tajbin fir-rigward tar-regolamentazzjoni u l-monitoraġġ tal-ipproċessar tal-ikel permezz ta’ azjendi agrikoli żgħar; jappella wkoll lill-awtoritajiet reġjonali biex jinvolvu ruħhom aktar fil-qasam tal-iżvilupp infrastrutturali tal-bejgħ dirett, inklużi s-swieq lokali u urbani u jiffaċilitaw lill-konsumaturi li jakkwistaw prodotti agrikoli rħas, friski u ta' kwalità għolja;

    6.

    Huwa tal-fehma li għandhom jiġu inklużi wkoll oqsma oħrajn ta' politika tal-Unjoni, inkluża l-politika ta' koeżjoni, flimkien mal-PAK, fil-proċess għas-sejbien ta' soluzzjonijiet rigward il-problemi tal-azjendi agrikoli żgħar biex jikkontribwixxu għat-titjib tal-infrastruttura teknika, kif ukoll tal-aċċess għal servizzi pubbliċi f'reġjuni rurali, filwaqt li għandhom jintużaw mezzi tal-Fond Soċjali Ewropew għall-finanzjament ta' attivitajiet soċjali relatati mal-integrazzjoni soċjali, l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-trasferiment tal-għarfien; barra minn hekk, huwa tal-fehma li peress li dawn l-azjendi żgħar m’għandhomx impatt sinifikanti fuq is-suq, għandu jiġi permess appoġġ addizzjonali pprovdut minn riżorsi nazzjonali f’konformità mar-rekwiżiti miftiehma mal-Kummissjoni u mingħajr ma jinkisru l-prinċipji tal-kompetizzjoni;

    7.

    Jiġbed l-attenzjoni lejn il-pressjoni li qiegħda tiġi eżerċitata fuq il-prezzijiet ta’ artijiet agrikoli minħabba l-liberalizzazzjoni imminenti tas-suq tal-proprjetà fl-Istati Membri l-ġodda; juri li l-bdiewa fuq skala żgħira l-iktar li se jkunu milquta miż-żieda fil-prezzijiet tal-artijiet;

    8.

    Jistieden lill-Istati Membri biex permezz tas-sistemi edukattivi tagħhom jiżguraw infrastruttura edukattiva adegwata għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-agrikoltura;

    9.

    Jiġbed l-attenzjoni lejn il-pressjoni li qiegħda tiġi eżerċitata fuq il-prezzijiet ta’ artijiet agrikoli kawża tat-tifrix tal-bliet;

    10.

    Jilqa' t-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' appoġġ għal bdiewa żgħar fil-qafas tal-ewwel pilastru tal-PAK, iżda huwa tal-fehma li hija biss il-forma ta' trasferiment li ġiet issimplifikata, filwaqt li r-rati baxxi ta' pagament dirett ma jagħtux lok għal żvilupp, u li l-miżuri għadhom insuffiċjenti biex itejbu s-sitwazzjoni tal-azjendi agrikoli żgħar fl-UE; jemmen li għandha tkun introdotta soluzzjoni li tagħmilha possibbli għal azjendi agrikoli żgħar biex jissottomettu applikazzjonijiet għal pagamenti diretti ta’ aktar minn sena, li jiġu aġġornati esklussivament f’każ ta’ tibdil fl-azjenda kkonċernata;

    11.

    Jiġbed l-attenzjoni mill-ġdid lejn id-differenzi sinifikanti bejn is-sussidji agrikoli pprovduti fl-Istati Membri individwali, li qegħdin jitħallsu mill-Istati Membri l-ġodda;

    12.

    Jenfasizza li minħabba n-natura volontarja tal-iskema għall-bdiewa ż-żgħar fl-ewwel pilastru tal-PAK, jeħtieġ li l-possibbiltajiet kollha ta’ finanzjament għal produtturi żgħar, li huma pprovduti fit-tieni pilastru tal-PAK, jiġu rieżaminati u applikati;

    13.

    Huwa tal-fehma li minbarra tali miżuri, huwa essenzjali li jinstab mod effettiv ta’ appoġġ għal dawk il-produtturi agrikoli żgħar, li l-attivitajiet u l-prodotti tagħhom ma jinvolvux is-sjieda u/jew l-użu ta’ art agrikola;

    14.

    Jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu strumenti ta’ finanzjament adegwati, pereżempju f’forma ta’ mikrokreditu, rati ta’ interess sussidjati għal self, lokazzjoni finanzjarja, ħlas bin-nifs tal-ewwel pagamenti jew garanziji ta’ kreditu; minbarra dan, huwa tal-fehma li istituzzjonijiet awtonomi fil-livell reġjonali u lokali jiġu inklużi fil-proċess ta’ għoti ta’ appoġġ;

    15.

    Jenfasizza li r-rekwiżiti tal-prattika agrikola tajba u d-dispożizzjonijiet Ewropej kif ukoll dawk nazzjonali rispettivi, b'mod partikolari għall-produzzjoni agrikola u l-protezzjoni tal-konsumatur, huma kruċjali anke għal azjendi agrikoli żgħar u għalhekk huwa essenzjali li l-bdiewa ż-żgħar ikollhom kwalifiki minimi; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw modi kif jiżguraw li tali kwalifiki minimi jistgħu jinkisbu b’mod komprensiv għal azjendi żgħar f’forma adattata għall-ħtiġijiet tagħhom;

    16.

    Jappella biex tkun organizzata aħjar il-konsulenza bla ħlas għall-ħtiġijiet tal-azjendi agrikoli żgħar, jiġu semplifikati l-proċeduri relatati mal-informazzjoni, it-taħriġ, il-valutazzjoni tar-riskju u l-monitoraġġ tas-saħħa, jinħolqu azzjonijiet informattivi, jinxterdu l-aħjar prattiki fil-qasam tal-katina qasira ta’ provvista tal-ikel u tkun żgurata għajnuna teknika fl-applikazzjoni għall-finanzjament tal-UE kif ukoll konsulenza, li permezz tagħha l-attività tagħhom fil-produzzjoni tista’ tkun adattata għall-potenzjal tagħhom tal-produzzjoni u ambjentali;

    17.

    Jenfasizza, hawnhekk, li l-azjendi agrikoli żgħar għandhom jingħaqdu flimkien f’organizzazzjonijiet, gruppi ta’ produtturi jew korpi u għandhom jaċċettaw kampanji ta’ marketing konġunti; huwa tal-fehma li l-forom kollha ta’ kooperazzjoni tal-azjendi agrikoli żgħar f’forma ta’ kooperattivi, organizzazzjonijiet ta’ produzzjoni jew tal-użu komuni ta’ mezzi tal-produzzjoni, eż. magni, għandhom ikunu promossi b’mod speċjali taħt il-mekkaniżmi tal-UE u nazzjonali;

    18.

    Huwa tal-fehma li azjendi agrikoli żgħar f’reġjuni muntanjużi, reġjuni żvantaġġati, kif ukoll reġjuni ultraperiferiċi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ akkoppjat, bħal pereżempju għat-trobbija tal-bhejjem, jekk huma jaqdu wkoll ċerti funzjonijiet ambjentali;

    19.

    Huwa tal-fehma li fejn jidħol ix-xogħol tal-agrikoltura, dan aktar minn qatt qabel għandu x’jaqsam ma’ xogħol strateġiku, li għandu jingħata attenzjoni mill-Istati Membri kollha, sabiex jinstabu soluzzjonijiet għal bdiewa fuq skala żgħira fir-rigward tat-tkomplija tax-xogħol tagħhom, biex jiddomina bilanċ bejn il-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti agrikoli u l-ispejjeż tal-produzzjoni;

    20.

    Jitlob lill-Istati Membri jinkludu partijiet ta' programmi u miżuri diretti lejn azjendi agrikoli żgħar fil-programmi tagħhom fl-ewwel u t-tieni pilastru; jindika li jeħtieġ li partikolarment l-azjendi agrikoli żgħar jinvolvu ruħhom f'attivitajiet supplimentari u anċillari, bħas-settur tat-turiżmu, sabiex jiżguraw introjtu suffiċjenti; jenfasizza, f'din il-konnessjoni, l-importanza li jkun żgurat li t-tieni pilastru tal-PAK ikollu riżorsi biżżejjed u li l-programmi għall-iżvilupp rurali jkunu mmirati b'mod xieraq lejn il-ħtiġijiet ta' azjendi agrikoli żgħar;

    21.

    Jirrakkomanda li n-Netwerks tad-Dejta tal-Kontabilità Agrikola (FADN) jiġu estiżi sabiex tkun eżaminata s-sitwazzjoni tal-azjendi żgħar u l-effetti tal-PAK fuqhom u jirrakkomanda li jiġi ppjanat l-iżvilupp ulterjuri tagħhom;

    22.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.

    (2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487

    (3)  ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 22.


    Top