EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IP0061

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar l-idoneità Regolatorja tal-UE, Sussidjarjetà u Proporzjonalità – id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011 (2013/2077(INI)),

ĠU C 93, 24.3.2017, p. 14–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 93/14


P7_TA(2014)0061

Idoneità regolatorja tal-UE u sussidjarjetà u proporzjonalità – tfassil aħjar tal-liġijiet

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar l-idoneità Regolatorja tal-UE, Sussidjarjetà u Proporzjonalità – id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011 (2013/2077(INI)),

(2017/C 093/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (1),

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, b'mod partikolari l-Artikoli 4, 6 u 7 tiegħu,

wara li kkunsidra l-arranġamenti prattiċi li sar qbil dwarhom fit-22 ta’ Lulju 2011 bejn is-servizzi kompetenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 294(4) tat-TFUE f’każ ta’ qbil fl-ewwel qari,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2012 dwar it-18-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet – Applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità (2010) (2)

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u r-regolamentazzjoni intelliġenti (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar l-iżgurar ta' valutazzjonijiet tal-impatt indipendenti (4),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011) (COM(2012)0373),

wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità Regolatorja tal-UE (COM(2012)0746) u (COM(2013)0685),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea – Inwieġbu għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u medji”(COM(2013)0122),

wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar monitoraġġ u konsultazzjoni dwar regolamentazzjoni intelliġenti għall-intrapriżi żgħar u medji (SWD(2013)0060),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea (COM(2010)0543),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti tat-30 ta' Mejju 2013,

wara li kkunsidra r-rapport tal-15 ta' Novembru 2011 tal-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti għall-Piżijiet Amministrattivi, bl-isem “l-Ewropa baqgħalha x'taqdef: Rapport dwar l-aħjar prattika fl-Istati Membri biex il-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi implimentata bil-mod l-inqas ta’ xkiel”,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-30 ta' Mejju 2013 (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0056/2014),

A.

billi l-aġenda dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti fiha nnifisha hija sforz biex jiġu konsolidati l-isforzi f’termini ta’ tfassil aħjar tal-liġijiet, is-semplifikazzjoni tal-liġijiet tal-UE u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, u biex jinbeda proċess għall-ksib ta’ governanza tajba imsejsa fuq tfassil tal-politika abbażi ta’ elementi konkreti, li fiha l-valutazzjonijiet tal-impatt u l-kontrolli ex post ikollhom rwol essenzjali;

B.

Jemmen li l-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu involuti fil-valutazzjonijiet ex post ta' regolamenti ġodda, u dan jgħin lill-Kummissjoni bir-rapporti tagħha u b'mod ġenerali jtejjeb il-valutazzjoni ta' kwistjonijiet Ewropej mill-parlamenti nazzjonali;

C.

billi l-Ftehim Interistituzzjonali tal-2003 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ma baqax adattat għall-ambjent leġiżlattiv attwali kif maħluq mit-Trattat ta’ Lisbona, mhux inqas minħabba l-approċċ frammentat użat mill-istituzzjonijiet tal-UE f’termini ta’ adozzjoni ta’ dikjarazzjonijiet politiċi konġunti fuq dokumenti ta’ spjegazzjoni u arranġamenti prattiċi fil-livell tas-segretarjat għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 294 tat-TFUE;

Kummenti ġenerali

1.

Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni proposta u adottata fil-livell Ewropew għandha tkun sempliċi, effettiva u effiċjenti, għandha tipprovdi valur miżjud ċar, u għandha tkun faċli biex tinftiehem u aċċessibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Istati Membri, kif ukoll tipprovdi benefiċċji sħaħ bi spejjeż minimi; jirrikonoxxi li l-kriżi ekonomika xeħtet pressjoni akbar fuq ir-riżorsi tal-amministrazzjonijiet nazzjonali, u jemmen li impenn favur il-ħolqien ta' leġiżlazzjoni ċara u li tkun tista’ tiġi trasposta faċilment jgħin biex itaffi parti minn din il-pressjoni fuq l-ammistrazzjonijiet nazzjonali u fuq l-individwi privati li jridu jikkonformaw mal-liġi; jenfasizza l-fatt li l-istituzzjonijiet Ewropej huma responsabbli biex jiggarantixxu li l-leġiżlazzjoni tkun ċara, tinftiehem faċilment u ma tpoġġix piż amministrattiv bla bżonn fuq iċ-ċittadini u l-impriżi;

2.

Jenfasizza li l-evalwazzjoni tal-impatt ta' regolamenti ġodda fuq l-SMEs jew fuq kumpaniji kbar la għandha twassal għal diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema abbażi tad-daqs tal-kumpaniji li jimpjegawhom u lanqas għal deterjorament fid-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema, inkluż id-dritt għal informazzjoni u konsultazzjoni, jew għal deterjorament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, il-benessri fuq il-post tax-xogħol jew id-drittijiet għal sigurtà soċjali, u lanqas m'għandha tostakola t-titjib f'dawn id-drittijiet jew fis-salvagwardja tagħhom fuq il-post tax-xogħol, fid-dawl ta' riskji eżistenti u oħrajn ġodda marbuta max-xogħol;

3.

Jenfasizza li l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità jridu jiġu osservati mill-istituzzjonijiet Ewropej meta dawn ifasslu l-liġijiet;

4.

Ifakkar l-osservazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-fatt li ħafna drabi ġara li l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt u l-Parlamenti nazzjonali kkonstataw li dawn il-prinċipji ġew indirizzati b’mod inadegwat fil-valutazzjonijiet ta’ impatt tal-Kummissjoni; jesprimi d-diżappunt tiegħu, għal darba oħra, li tali kritika ġiet ripetuta għal sena oħra;

5.

Jemmen li tfassil aħjar tal-liġijiet għandu jiġi segwit fl-ispirtu ta’ governanza f’diversi livelli, jiġifieri permezz ta’ azzjoni koordinata mill-UE, l-istituzzjonijiet nazzjonali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

6.

Jitlob għal darba oħra li l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet tal-2003 jiġi rinegozjat sabiex jitqies l-ambjent leġiżlattiv ġdid li nħoloq bit-Trattat ta’ Lisbona, tiġi kkonsolidata l-aqwa prassi attwali u l-ftehim jiġi aġġornat b’konformità mal-aġenda dwar “it-tfassil aħjar tal-liġijiet”; jirrakkomanda li kwlaunkwe ftehim ġdid għandu jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 295 tat-TFUE u għandu jkun vinkolanti;

7.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimpenjaw ruħhom mal-Parlament f’negozjati dwar il-kriterji għall-applikazzjoni xierqa tal-Artikolu 290 u 291 tat-TFUE; iqis li dan jista’ jintlaħaq fil-qafas tar-reviżjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li tkun tinkludi inter alia kriterji bħal dawn;

8.

Iqis li l-varjetà ta’ titoli applikati għall-iskemi li tuża l-Kummissjoni biex tevalwa l-liġijiet adottati u biex twassal tnaqqis fil-piżijiet qed toħloq konfużjoni u hija kkumplikata bla bżonn; jirrakkomanda li jiġi adottat titolu uniku bl-isem “Tfassil aħjar tal-liġijiet”, u jtenni t-talba tiegħu li Kummissarju wieħed jiġi inkarigat b’dan ir-rapport;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid ir-reviżjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, speċjalment fir-rigward tal-użu tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE dwar atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni;

10.

Iqis li, fil-kuntest ta' leġittimità demokratika usa', is-sistema ta' twissija bikrija għandha tiġi sottoposta għal riflessjoni attenta.

Mekkaniżmu ta’ sussidjarjetà għall-parlamenti nazzjonali

11.

Jindika li, filwaqt li l-kriżi ekonomika u dik finanzjarja jeħtieġu koordinazzjoni mtejba ta' politiki u tisħiħ tas-setgħat tal-Unjoni f'għadd ta' ambiti, hu essenzjali wkoll li jinżamm fehim ċar tat-tqassim tal-kompetenzi fis-sistema ta' governanza fuq diversi livelli tal-Unjoni Ewropea u, wara dibattitu trasparenti, li jittieħdu deċiżjonijiet b'mod trasparenti fil-livell l-iktar xieraq, bit-tnaqqis tal-burokrazija;

12.

Jenfasizza li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jirrispettaw il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità mħaddna fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 2, li huma ta' natura ġenerali, li jorbtu lill-istituzzjoniiet fl-eżerċizzju tas-setgħat tal-Unjoni bl-eċċezzjoni li l-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax f'dawk l-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni;

13.

Jissuġġerixxi li jiġi valutat il-fatt jekk għandhomx jiġu stabbiliti kriterji xierqa, fil-livell tal-UE, għall-evalwazzjoni tal-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

14.

Jinnota li l-Protokoll Nru 2 jagħti l-opportunità formali lill-parlamenti nazzjonali li jagħtu konsulenza lil-leġiżlatur tal-UE dwar jekk abbozz ta' liġi ġdid ma jgħaddix mill-prova tas-sussidjarjetà li bis-saħħa tiegħu l-objettivi tiegħu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni pjuttost milli fil-livell tal-Istati Membri;

15.

Jinnota l-importanza kruċjali tal-valutazzjonijiet tal-impatt bħala strumenti li jgħinu fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-proċess leġiżlattiv u jenfasizza l-ħtieġa, f’dan il-kuntest, li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-kwistjonijiet relatati mas-sussidjarjetà u mal-proporzjonalità;

16.

Jilqa' l-parteċipazzjoni aktar stretta tal-parlamenti nazzjonali fil-qafas tal-proċess leġiżlattiv Ewropew u l-fatt li dawn qegħdin juru interess saħansitra ikbar fl-applikazzjoni xierqa ta' dawn il-prinċipji mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. dan jidher mill-fatt li fl-2011 il-Parlament Ewropew irċieva 77 opinjoni motivata fejn ġie ddikjarat li abbozz ta' att leġiżlattiv ma kkonformax mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u 523 kontribut ieħor dwar il-mertu ta' abbozz ta' liġi, billi ċ-ċifri rispettivi għall-2010 kienu 41 u 299; jesprimi d-disponibilità tiegħu li jkompli u jsaħħaħ il-kooperazzjoni u d-djalogu interparlamentari mal-parlamenti nazzjonali;

17.

Jissottolinja bil-qawwa l-importanza tal-iskrutinju parlamentari, kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-parlamenti nazzjonali; jirrakkomanda li l-parlamenti nazzjonali jingħataw assistenza sostanzjali biex jitħallew jaqdu l-kompiti ta' skrutinju tagħhom; jissuġġerixxi li l-parlamenti nazzjonali jingħataw linji gwida biex jgħinuhom fil-valutazzjoni tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

18.

Jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja, bi qbil mal-Artikolu 263 TFUE, hija kompetenti sabiex teżamina l-legalità tal-atti leġiżlattivi, fir-rigward tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u li dan il-prinċipju jikkostitwixxi linja gwida politika dwar l-eżerċizzju tas-setgħat fil-livell tal-Unjoni;

19.

Jindika, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bis-saħħa tat-Trattati, għandha l-ġurisdizzjoni f'azzjonijiet imressqa abbażi ta' 'ksur tat-Trattati jew ta' kwalunkwe stat tad-dritt marbut mal-applikazzjoni tagħhom', u li skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità jappartjenu għal dawn ir-regoli; jinnota li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-validità ta' atti tal-Unjoni, għalhekk, ma jestendix għall-konformità ma' dawn il-prinċipji;

20.

Jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-12 ta' Mejju 2011 fil-kawża C-176/09 Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu vs Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tafferma li l-prinċipju tal-proporzjonalità “jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz ta' dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu kapaċi li jilħqu l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux ultra vires minn dak li huwa meħtieġ sabiex jilħqu dan” u li “f'oqsma fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa normattiva wiesgħa” l-legalità ta' miżura adottata f'dan il-kuntest tista' tiġi affettwata biss jekk il-miżura ma tkunx xierqa b'mod ċar fir-rigward tal-objettiv li qed jippruvaw isegwu l-istituzzjonijiet kompetenti, minkejja li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu, madankollu, “jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi' u, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet marbuta mal-miżuri differenti possibbli, jeżamina 'jekk l-għanijiet imfittxija mill-miżura magħżula humiex ta' natura li tiġġustifika l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli għal ċerti operaturi”;

21.

Josserva li l-prinċipju tas-sussidjarjetà kif inhu formulat fit-Trattati jippermetti l-azzjoni tal-Unjoni fl-oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklużiva tagħha biss “jekk u sa fejn l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni”, filwaqt li, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, is-sustanza u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni m'għandhiex taqbeż dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi tat-Trattati; jindika li s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma marbutin mill-qrib ma' xulxin iżda distinti: filwaqt li tal-ewwel jirrigwarda l-adegwatezza tal-azzjoni tal-Unjoni fl-oqsma li mhumiex ta' kompetenza esklużiva tagħha, dan tal-aħħar jirrigwarda l-proporzjonalità bejn il-mezzi stabbiliti mil-leġiżlatur u l-finijiet imfittxija minnu u taħdem bħala regola ġenerali fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni; ifakkar għalhekk li l-eżami tal-proporzjonalità ta' abbozz ta' att leġiżlattiv għandha ssegwi loġikament dak tas-sussidjarjetà, iżda, fl-istess ħin il-verifika tas-sussidjarjetà ma tkunx biżżejjed effikaċi mingħajr il-verifika tal-proporzionalità;

22.

Josserva li l-Kummissjoni rċeviet għadd żgħir biss ta' mistoqsijiet parlamentari (32 minn iktar minn 12 000) fl-2011 dwar kwistjonijiet marbuta mal-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

23.

Jenfasizza l-fatt li fl-2011 il-Kummissjoni rċeviet 64 opinjoni motivata fi ħdan it-tifsira tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, li tirrappreżenta żieda konsiderevoli meta mqabbel mal-2010; jikkonstata, madankollu, li dawn l-64 opinjoni motivata rrappreżentaw 10 % tat-total ta' 622 opinjoni trażmessi lill-Kummissjoni mill-parlamenti nazzjonali fl-2011 fil-qafas tad-djalogu politiku kkkonċernat; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li l-ebda mill-proposti tal-Kummissjoni ma rċeviet għadd suffiċjenti ta' opinjonijiet motivati biex jirriżulta fi 'proċeduri tal-“karta safra jew oranġjo” skont il-Protokoll; jikkonstata madankollu li fit-22 ta' Mejju 2012 ingħatat għall-ewwel darba “proċedura ta' karta safra” għal proposta tal-Kummissjoni (proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li tagħti servizz, l-hekk imsejħa proposta għal Regolament “Monti II”); jissottolinja li l-Kummissjoni rtirat il-proposta mhux għax qieset li kisret il-prinċipju tas-sussidjarjetà, iżda għax indunat li l-proposta diffiċilment setgħet ikollha, fi ħdan il-Parlament u l-Kunsill, is-sostenn politiku neċessarju għall-finijiet tal-adozzjoni tagħha;

24.

Hu tal-fehma li l-mekkaniżmu ta' verifika tal-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jitfassal u jintuża bħala strument ewlenin ta' kollaborazzjoni bejn istituzzjonijiet Ewropej u istituzzjonijiet nazzjonali; jinnota b'sodisfazzjon li dan l-istrument jintuża fil-prattika bħala mezz ta' komunikazzjoni u djalogu ta' kooperazzjoni fost id-diversi livelli istituzzjonali tas-sistema Ewropea b'livelli multipli;

25.

Jikkonstata bi tħassib li ċerti opinjonijiet motivati mill-parlamenti nazzjonali jenfasizzaw il-fatt li, f'numru ta' proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni, il-ġustifikazzjoni tas-sussidjarjetà hija insuffiċjenti jew lanqas biss teżisti;

26.

Jirrakkomanda li jiġu eżaminati r-raġunijiet għaliex jitressaq għadd tant żgħir ta' opinjonijiet formali u motivati mingħand il-parlamenti nazzjonali u jiġi ddeterminat jekk dan huwiex dovut għall-fatt li l-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa osservat min-naħat kollha, jew għall-fatt li l-parlamenti nazzjonali mhumiex kapaċi jinfurzaw dan il-prinċipju minħabba nuqqas ta' riżorsi jew ir-riġidità tal-iskadenzi; jikkunsidra li analiżi mill-Kummissjoni hija mixtieqa;

27.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet Ewropej jagħmluha possibbli għall-parlamenti nazzjonali li jeżaminaw il-proposti leġiżlattivi billi jiżguraw li l-Kummissjoni tforni motivazzjoni dettaljata u komprensiva għad-deċiżjonijiet leġiżlattivi tagħha dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

28.

Jinnota wkoll f'dan ir-rigward li l-perjodu attwali li fih il-parlamenti nazzjonali jagħmlu l-kontrolli fuq is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità spiss ġie kkunsidrat insuffiċjenti;

29.

Iqis li l-pressjoni fuq iż-żmien u r-riżorsi li jiffaċċaw il-parlamenti nazzjonali fir-rispons tagħhom għal abbozzi ta' leġiżlazzjoni tikkontribwixxi għad-'defiċit demokratiku' osservat fi ħdan l-UE;

30.

Ifakkar it-talbiet preċedenti tiegħu għal kontroll aktar dettaljat tal-problemi ffaċċjati mill-parlamenti nazzjonali sabiex itejbu l-funzjonament tal-mekkaniżmu eżistenti; jemmen li jkun tajjeb jekk jinstabu metodi ta' tisħiħ ta' dan il-mekkaniżmu li, possibilment fil-kuntest ta' rieżami futur tat-Trattat, jistgħu jagħtu aktar drittijiet lill-parlamenti nazzjonali; jissuġġerixxi li f'dan ir-rieżami tingħata kunsiderazzjoni lin-numru adegwat ta' risponsi tal-parlament nazzjonali meħtieġa biex jingħata bidu għal din il-proċedura, jekk il-proċedura għandhiex tkun limitata għal raġunijiet ta’ sussidjarjetà, u x’għandu jkun l-effett tagħha, partikolarment b'referenza għall-proċedura tal-“karta s-safra”; iqis li diskussjoni ta’ dan it-tip tikkostitwixxi stadju siewi fl-evoluzzjoni tas-setgħa mogħtija lill-parlamenti nazzjonali, l-allinjament tal-inċentivi biex jiġi eżerċitat skrutinju li jkollu effett fil-livell Ewropew;

31.

Iqis li sadanittant jistgħu jiġu introdotti diversi inizjattivi biex tittejjeb l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet Ewropej min-naħa tal-parlamenti nazzjonali; b’mod partikolari:

jissuġġerixxi li kull att leġiżlattiv ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali għandu jinkludi nota li tispeċifika liema parlamenti nazzjonali jkunu taw rispons, u dawk li jkunu wrew tħassib dwar is-sussidjarjetà;

jipproponi li jiġu ppreżentati l-opinjonijiet motivati tal-parlamenti nazzjonali, li jintbagħtu skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2 li jinsab fl-anness tat-TUE u mat-TFUE lill-koleġiżlaturi, mingħajr dewmien;

jissuġġerixxi li jistgħu jitħejjew linji gwida li jelenkaw il-kriterji għal opinjonijiet motivati dwar kwistjonijiet ta’ sussidjarjetà;

jipproponi l-mobilizzazzjoni tal-parlamenti nazzjonali biex jitwettqu evalwazzjonijiet kumparattivi ta' valutazzjonijiet ex ante li huma jkunu wettqu u valutazzjonijiet ex post imfassla mill-Kummissjoni;

Tfassil aħjar tal-liġijiet

32.

Jemmen li approċċ effikaċi għall-isfidi ta' tfassil aħjar tal-liġijiet għandu jgħin lill-istituzzjonijiet Ewropej jirreaġixxu għall-kriżi, kemm f'termini ta' liġijiet eżistenti u kemm ta' leġiżlazzjoni prospettiva; iqis li r-riforma tal-leġiżlazzjoni u l-prattiki leġiżlattivi Ewropej hi għodda essenzjali għall-ħolqien ta' tkabbir, il-kompetittività u xogħlijiet diċenti fl-Ewropa;

33.

Jilqa’ l-enfasi dejjem akbar li qed tagħmel il-Kummissjoni fuq “ċiklu” ta’ politika, fejn l-istadji tal-inizjazzjoni, il-valutazzjoni tal-impatt, il-konsultazzjoni, il-promulgazzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE jitqiesu bħala parti minn proċess koerenti; jemmen f'dan il-kuntest li l-prinċipju “L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir” għandu jinżamm bħala element ewlieni, u l-valutazzjoni ex ante ta' leġiżlazzjoni ġdida għandha titjieb, biex b'hekk jifforma proċess intelliġibbli u trasparenti għall-istimular tat-tkabbir u tal-kompetittività fl-Ewropa;

34.

Jilqa', f’dan ir-rigward, il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti u dwar il-l-Idoneità Regolatorja tal-UE, kif ukoll id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar “L-Għaxar l-aktar atti leġiżlattivi li huma ta' piż fuq l-SMEs”; iqis li dawn id-dokumenti jirrappreżentaw avvanzi kredibbli fl-aġenda ta’ tfassil aħjar tal-liġijiet u jirriflettu ħafna mit-talbiet preċedenti tal-Parlament;

35.

Iqis li dawn l-avvanzi retoriċi issa għandhom jiġu kkonsolidati b’azzjoni konkreta; iħeġġeġ il-Kummissjoni, għaldaqstant, tippreżenta proposti konkreti biex jitnaqqas il-piż regolatorju ġenerali tal-UE mingħajr ma jiddgħajfu s-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, u b’mod partikolari billi:

tieħu azzjoni biex tnaqqas, malajr kemm jista' jkun, il-piżijiet identifikati mill-SMEs madwar l-Ewropa fil-konsultazzjoni “Top 10”;

iżżid, fejn xieraq, l-użu ta’ eżenzjonijiet jew reġimi anqas riġidi għall-mikro-intrapriżi u l-SMEs meta tipproponi leġiżlazzjoni ġdida u biex ir-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE isiru aktar favorevoli għall-SMEs;

timplimenta b'mod rapidu l-impenji stipulati fil-Komunikazzjoni dwar l-Ideoneità regolatorja (REFIT) tat-2 ta' Ottubru 2013 (COM(2013)0685), u ttemm l-valutazzjonijiet f'oqsma politiċi ewlenin qabel it-tmiem tat-terminu leġiżlattiv attwali, inkluż informazzjoni mil-livelli ta' gvern fis-setturi prinċipali li huma ta' tħassib għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

tagħti spinta aktar ambizzjuża lill-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir fl-UE billi tnaqqas l-ispiża tar-regolamentazzjoni għan-negozji;

tħejji rapport annwali li jiffoka fuq l-aġenda usa’ tat-tfassil aħjar tal-liġijiet, li jkun jinkludi fih dikjarazzjoni tal-progress fuq l-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni, fosthom dikjarazzjoni tal-ispiża netta għan-negozji u l-ispejjeż soċjali tal-proposti ġodda adottati mill-Kummissjoni fit-12-il xahar preċedenti;

36.

Jenfasizza li t-titjib tas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol u l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema huma żewġ elementi importanti għat-tisħiħ tal-produttività u tal-kompetittività fl-ekonomija Ewropea; jenfasizza li regolamentazzjoni soda u stabbli f'dawn l-oqsma ma xxekkilx it-tkabbir, anzi tikkontribwixxi għalih;

37.

Iqis li l-Kummissjoni għandha tesplora aktar il-possibilità li jiġi introdott stadju ta’ “white paper” fil-proċess leġiżlattiv; jemmen li meta l-partijiet interessati jingħataw il-possibblità li jikkumentaw dwar abbozzi ta’ proposti u l-valutazzjonijet ta’ impatt proviżorji li jakkompajnawhom, dan itejjeb il-kwalità tal-abbozz ta’ leġiżlazzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni, mingħajr ma jiżdied bla bżonn il-ħin tal-perjodu ta’ “ġestazzjoni” tal-liġijiet prospettivi;

38.

Ifakkar, f'dan ir-rigward, l-istedina li l-Parlament għamel lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti li jimplimentaw kompensazzjoni regolatorja, li tkun teħtieġ li jiġu identifikati kompensi ekwivalenti għall-ispejjeż, qabel il-leġiżlazzjoni ġdida li tintroduċi l-impożizzjoni ta’ spejjeż ġodda; jinnota li l-leġiżlazzjoni tal-UE ma għandha bħala konsegwenza awtomatika la l-eliminazzjoni ta’ 28 liġi nazzjonali biex toħdilhom posthom liġi waħda Ewropea, u lanqas tnaqqis fil-piż regolatorju awtomatiku meta mqabbel ma’ dak tal-liġijiet nazzjonali rispettivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, li teżamina din il-proposta serjament, u li tippreżenta valutazzjoni tal-impatt tagħha qabel tmiem it-terminu parlamentari attwali fl-2014;

39.

Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni beħsieba tirtira l-proposta tagħha dwar l-Istatut ta' Kumpannija Privata Ewropea, kif mitlub mill-Parlament fir-rapport leġiżlattiv fuq inizjattiva tiegħu stess; jitlob lill-Kummissjoni tikkonsulta l-Parlament qabel ma tirtira kwalunkwe proposta fuq dan ir-rapport tal-Parlament;

40.

Jenfasizza l-importanza tas-simplifikazzjoni għall-allinjament tal-ambjent regolatorju, speċjalment għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, li r-riżorsi tagħhom għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni spiss huma limitati u qegħdin jonqsu;

41.

Jifhem li r-regolamentazzjoni żejda (“goldplating”) hija prattika fejn l-Istati Membri jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minima mitluba mid-Direttivi meta jwettqu t-traspożizzjoni tagħhom fil-liġijiet nazzjonali; itenni l-appoġġ tiegħu għal miżuri biex tkun ittrattata r-regolamentazzjoni żejda u għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jispjegaw ir-raġunijiet tagħhom għal dan, f'każijiet fejn isseħħ ir-regolamentazzjoni żejda;

Valutazzjoni tal-Impatt u Valur Miżjud Ewropew

42.

Jilqa’ l-fatt li l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni jippruvaw ikopru firxa wiesgħa u komprensiva ta’ impatti potenzjali, iżda jemmen li s-sistema xorta waħda tista’ tissaħħaħ aktar, b’diversi modi, pereżempju bl-inklużjoni tad-dimensjoni territorjali (implikazzjonijiet finanzjarji u amministrattivi għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali); f’dan ir-rigward, jinsab inkoraġġit bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taġġorna, tikkonsolida u tirrevedi l-Linji Gwida tal-Valutazzjoni tal-Impatt sa Ġunju 2014, u jirriżerva d-dritt li jagħti kontribut dettaljat li jiddeskrivi titjib potenzjali għal dawn il-linji gwida fix-xhur li ġejjin; jinsisti li dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt, li huma essenzjali għall-formazzjoni tal-opinjonijiet pubbliċi u politiċi, jirrispettaw il-prinċipju tal-multilingwiżmu;

43.

Jitlob lill-Kummissjoni tanalizza l-metodoloġija użata fl-abbozzar ta' valutazzjonijiet tal-impatt bl-għan li tivvaluta modi ta' kif jistgħu jitjiebu l-indikaturi kwalitattivi kif ukoll it-twettiq ġenerali tal-proċess ta' konsultazzjoni, b'mod partikolari b'referenza għall-involviment tal-partijiet konċernati rilevanti;

44.

Jemmen li jeħtieġ ikun hemm konsistenza bejn il-valutazzjoni tal-impatt ippubblikat mill-Kummissjoni u l-kontenut tal-proposta leġiżlattiva kif adottata mill-Kulleġġ tal-Kummissarji; ifakkar li kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt fuq proposta emendata mill-Kulleġġ għandha tiġi aġġornata awtomatikament biex tirrifletti t-tibdiliet magħmula mill-Kummissarji;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-irwol u l-indipendenza tal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt (IAB), u partikolarment biex tiffinalizza u tippreżenta proposti leġiżlattivi biss meta dawn ikunu ġew approvati permezz ta' opinjoni favorevoli minn dak il-Bord; iħeġġeġ lill-IAB jislet mill-għarfien espert tas-sħab soċjali;

46.

Jemmen li d-dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà attwali li l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni “timpenja biss lis-servizzi tal-Kummissjoni involuti fit-tħejjija tagħha, u ma tippreġudikax il-forma aħħarija ta' kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni” tenfasizza dgħjufija sinifikanti fis-sistema eżistenti;

47.

Jilqa’ l-iżvilupp pożittiv tad-Direttorat tal-Valutazzjoni tal-Impatt u tal-Valur Miżjud Ewropew fi ħdan il-Parlament; jemmen li għandu jiġi adottat approċċ sistematiku għall-kunsiderazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt fil-Parlament kollu; jilqa’ l-fatt li d-Direttorat tal-Valutazzjoni tal-Impatt ħejjiet sinteżijiet qosra tal-valutazzjonijiet tal-impatt li jakkumpanjaw il-proposti tal-Kummissjoni, u jqis li dawn għandhom ikunu element essenzjali tal-kunsiderazzjoni min-naħa tal-kumitati tal-proposti leġiżlattivi li jkunu qed jiġu diskussi; jipproponi li l-valutazzjoniiet tal-impatt tal-Parlament għandhom jinkludu dimensjoni territorjali meta jkun xieraq; jitlob lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati jikkunsidraw l-aħjar mod ta’ kif jistgħu jimplimentaw din ir-rakkomandazzjoni;

48.

Ifakkar l-impenn meħud mill-Parlament u mill-Kunsill fl-Approċċ Komuni Interistituzzjonali għall-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2005 biex iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt qabel ma jikkunsidraw l-adozzjoni ta’ emendi sostantivi bħala adegwati u meħtieġa għall-proċess leġiżlattiv; jitlob lill-kumitati biex jagħmlu użu għall-Unità għall-Valutazzjoni tal-Impatt fl-implimentazzjoni ta' dan l-impenn;

49.

Ifakkar il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tal-2003, u jħeġġeġ lill-Kunsill biex mingħajr dewmien żejjed ilesti l-ħidma fuq mekkaniżmu tiegħu stess għall-valutazzjoni tal-impatt tal-emendi sustantivi tiegħu stess, b’konformità mal-obbligi tiegħu skont il-Ftehim tal-2003;

50.

Jinsisti li l-Kummissjoni tikkunsidra serjament il-valutazzjonijiet dwar il-valur miżjud Ewropew li jakkumpanjaw rapporti leġiżlattivi fuq inizjattiva proprja, li jispjegaw fid-dettall ir-raġunijiet tagħha f’każ li ma taċċettax jew tqis bħala irrelevanti kwalunkwe argument li jkun tressaq mill-Parlament;

o

o o

51.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(2)  ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 117.

(3)  ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 87.

(4)  ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 31.

(5)  ĠU C 218, 30.7.2013, p. 22.


Top