Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IP0049

    Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2014 li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (09828/2014 – C8-0130/2014 – 2014/0083(NLE) – 2014/2817(INI))

    ĠU C 285, 5.8.2016, p. 2–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 285/2


    P8_TA(2014)0049

    Konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra

    Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2014 li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (09828/2014 – C8-0130/2014 – 2014/0083(NLE) – 2014/2817(INI))

    (2016/C 285/01)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (09828/2014),

    wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (17903/2013),

    wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 217 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0130/2014),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE rigward in-negozjati bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tat-13 ta' Novembru 2014 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Viċinat tal-Lvant u b'mod partikolari dawk tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-valutazzjoni u l-istabbiliment ta' prijoritajiet għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi tas-sħubija tal-Lvant (3) u tas-17 ta' April 2014 dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SL) u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina (4),

    wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova li ġiet approvata fis-26 ta' Ġunju 2014 mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni u li ssostitwiet il-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV tat-22 ta' Frar 2005,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0022/2014),

    A.

    billi f'dawn l-aħħar snin bis-saħħa tad-determinazzjoni politika tal-gvern tagħha, ir-Repubblika tal-Moldova għamlet progress sinifikanti fir-riformi u fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-UE;

    B.

    billi l-kriżi li għadha għaddejja fl-Ukraina, l-annessjoni illegali tal-Krimea u r-rwol li kellha r-Russja jirrappreżentaw theddida serja għas-sigurtà Ewropea u bidlu l-ordni ġeopolitika; billi dan għandu implikazzjonijiet ukoll għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Moldova;

    C.

    billi s-SL ħolqot qafas politiku sinifikanti għall-approfondiment tar-relazzjonijiet, l-aċċelerazzjoni tal-assoċjazzjoni politika u aktar integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova – żewġ entitajiet b'rabtiet ġeografiċi, storiċi u kulturali qawwijin – billi appoġġat ir-riformi politiċi u soċjoekonomiċi u ffaċilitat it-tqarrib, partikolarment fid-dawl tas-sanzjonijiet ekonomiċi tar-Russja u l-azzjonijiet destabbilizzanti kontra r-Repubblika tal-Moldova;

    D.

    billi r-Repubblika tal-Moldova rratifikat il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, bl-inklużjoni ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA), fit-2 ta' Lulju 2014 u ċerti dispożizzjonijiet tiegħu qed jiġu applikati fuq bażi proviżorja mill-1 ta' Settembru 2014, sakemm jiġi ratifikat mill-Istati Membri tal-UE;

    E.

    billi l-konklużjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mhijiex tmiem fiha nnifisha, iżda tifforma parti minn proċess usa' ta' tisħiħ tal-perspettiva Ewropea tar-Repubblika tal-Moldova politikament, ekonomikament u soċjalment; billi t-tnedija tar-reġim ta' eżenzjoni tal-viżi għaċ-ċittadini tal-Moldova, il-konklużjoni tal-ftehimiet fl-oqsma tal-avjazzjoni, l-agrikoltura u l-protezzjoni ċivili dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova f'aġenziji tal-UE u l-programmi tas-sigurtà komuni u l-kooperazzjoni għall-politika tad-difiża, u, l-aktar importanti, l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova jirrappreżentaw espressjoni tanġibbli ta' dan il-proċess; billi, għal dan il-għan, l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kollha hi essenzjali;

    F.

    billi l-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Moldova, Iurie Leanca, għamel dikjarazzjoni dwar l-intenzjoni tar-Repubblika tal-Moldova li tressaq applikazzjoni għal sħubija fl-Unjoni Ewropea fl-2015;

    G.

    billi kunsens f'parti kbira mill-ispettru politiku dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova u l-prijoritajiet tagħhom jista' jikkontribwixxi għal implimentazzjoni aħjar u aktar rapida tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-Moldova;

    H.

    billi djalogu nazzjonali inklużiv u parteċipattiv u approċċ kostruttiv fil-livelli kollha tal-gvern u tas-soċjetà huma meħtieġa biex ir-reġjuni u l-minoranzi nazzjonali kollha jkollhom sehem attiv fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

    I.

    billi kampanja ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni b'saħħitha fl-UE kif ukoll fir-Repubblika tal-Moldova tista' tikkontribwixxi biex iċ-ċittadini jifhmu aħjar il-benefiċċji reċiproċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva;

    J.

    billi l-oqfsa reġjonali, inkluża l-Assemblea Parlamentari Euronest, jikkostitwixxu forum addizzjonali fejn jiġu kondiviżi l-esperjenza, l-informazzjoni u l-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni;

    K.

    billi proġetti speċifiċi tal-infrastruttura tal-enerġija jistgħu jwasslu għal benefiċċji konkreti għaċ-ċittadini fir-rigward tas-sigurtà enerġetika u jnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija għall-popolazzjoni filwaqt li jissodisfaw ukoll l-objettivi tal-Komunità tal-Enerġija;

    L.

    billi r-restrizzjonijiet tal-kummerċ fuq prodotti speċifiċi tal-Moldova mill-Federazzjoni Russa laqtu bil-kbir lill-produtturi lokali u lill-ekonomija tal-Moldova b'mod ġenerali;

    M.

    billi aktar kmieni din is-sena, ir-Russja wettqet eżerċizzji militari fir-reġjun separatista tat-Transnistrija tal-Moldova; billi l-parlament tat-Transnistrija tenna l-appell tiegħu lil Moska li jingħata awtorizzazzjoni biex jingħaqad mal-Federazzjoni Russa;

    N.

    billi l-ħolqien taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova jirrappreżenta wieħed mill-aktar benefiċċji reċiproċi sinifikanti tal-ftehim, li bla dubju ta' xejn huwa ta' importanza għat-tkabbir kummerċjali u ekonomiku, il-prosperità u l-istabilità fir-Repubblika tal-Moldova;

    O.

    billi permezz tal-istabbiliment taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva mal-UE, ir-Repubblika tal-Moldova se ssaħħaħ l-aċċess tagħha għas-suq tal-UE, u b'hekk jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp u t-tkabbir, u b'benefiċċju dirett għan-negozji u ċ-ċittadini tal-Moldova; billi l-UE se tibbenefika minn flussi kummerċjali b'inqas intoppi u kundizzjonijiet ta' investiment aħjar fir-Repubblika tal-Moldova;

    P.

    billi ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva tinkludi bosta dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jirriformaw il-leġiżlazzjoni kummerċjali u l-politiki relatati mal-kummerċ tar-Repubblika tal-Moldova f'konformità mal-acquis tal-UE u abbażi tiegħu, li se jiddisponu għall-modernizzazzjoni tal-ekonomija tal-pajjiż u għal ambjent tan-negozju mtejjeb u aktar prevedibbli, inkluż ukoll għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

    Q.

    billi mingħajr appoġġ amministrattiv b'saħħtu minn esperti tal-UE, huwa diffiċli ħafna għal kwalunkwe gvern tal-Moldova biex jimplimenta l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni għal mal-acquis tal-UE, li ntlaħaq ftehim dwarha;

    R.

    billi bl-għoti ta' preferenzi kummerċjali awtonomi u, preċedentement, preferenzi GSP+, l-UE diġà offriet benefiċċji sostanzjali lill-ekonomija tal-Moldova, u għandha tkompli tappoġġa lill-pajjiż fil-futur;

    S.

    billi rabtiet politiċi u ekonomiċi aktar b'saħħithom ser iġibu stabilità u prosperità akbar lill-kontinent Ewropew kollu; billi l-kooperazzjoni ta' dan it-tip hija bbażata fuq valuri komuni f'termini ta' drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt, u hi ispirata mill-viżjoni tagħna tal-valur uniku ta' kull persuna;

    T.

    billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-integrazzjoni gradwali rilevanti tar-Repubblika tal-Moldova fil-politiki tal-UE m'għandhomx jeskludu lir-Repubblika tal-Moldova mir-rabtiet tradizzjonali, storiċi u ekonomiċi tagħha ma' pajjiżi oħra fir-reġjun iżda, għall-kuntrarju, għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet sabiex il-pajjiż ikun jista' jibbenefika kemm jista' jkun possibbli mill-potenzjal tiegħu;

    1.

    Jilqa' pożittivament l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, sinjal qawwi ta' rikonoxximent tal-isforzi u l-ambizzjonijiet ta' riforma taċ-ċittadini u l-awtoritajiet tal-Moldova u tal-progress sostanzjali miksub fl-aktar perjodu riċenti, jilqa' l-assistenza addizzjonali li saret disponibbli mill-Kummissjoni permezz tal-mekkaniżmu “aktar għal aktar” fl-2014 għar-rikonoxximent tal-iżviluppi pożittivi bħal dawn f'oqsma ta' prijorità; jirrikonoxxi li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jirrappreżenta pass 'il quddiem sinifikanti fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova u impenn fit-triq lejn assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika; jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu hija essenzjali; iħeġġeġ lil-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jipproċedu kemm jista' jkun malajr fir-rigward tar-ratifika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

    2.

    Jenfasizza li l-iffirmar u r-ratifika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ma jikkostitwixxux l-għan finali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova u jirrimarka li skont l-Artikolu 49 tat-TUE, ir-Repubblika tal-Moldova – bħal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor – għandha perspettiva Ewropea u tista' tapplika sabiex issir membru tal-Unjoni Ewropea dment li taderixxi mal-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-minoranzi, u tiżgura l-istat tad-dritt;

    3.

    Jenfasizza li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jkopri t-territorju kollu rikonoxxut internazzjonalment tar-Repubblika tal-Moldova, u huwa għall-benefiċċju tal-popolazzjoni kollha; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjali tar-riformi assoċjati fi żmien xieraq u b'mod ġust; jistieden lir-Repubblika tal-Moldova tiżgura li r-riformi jkunu msejsa u bbażati sew fil-qafas istituzzjonali; jenfasizza l-ħtieġa ta' kampanja ta' informazzjoni komprensiva immirata għall-pubbliku dwar l-għanijiet u l-kontenut tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-benefiċċji diretti u konkreti għaċ-ċittadini li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni;

    4.

    Jilqa' l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni, li tinkludi passi konkreti u kundizzjonalitajiet għall-ksib tal-objettivi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u għandha tkun il-qafas li jiggwida r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova;

    5.

    Jenfasizza li kemm ir-Repubblika tal-Moldova kif ukoll l-UE għandhom ikunu involuti fl-implimentazzjoni tal-Aġenda tal-Assoċjazzjoni, u li l-prijoritajiet stabbiliti fiha għandhom jingħataw appoġġ tekniku u finanzjarju xieraq sabiex il-benefiċċji tal-assoċjazzjoni jkunu viżibbli għaċ-ċittadini tal-Moldova kemm jista' jkun malajr; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi dawn il-prijoritajiet meta tipprogramma l-finanzjament għar-Repubblika tal-Moldova; jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-kapaċità ta' assorbiment fir-Repubblika tal-Moldova sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti tal-proġetti u l-użu tal-finanzjament; jiddefinixxi l-importanza li jissaħħaħ mekkaniżmu għall-ġestjoni, it-trasparenza u r-responsabbiltà għas-sorveljanza tal-assorbiment u l-użu tal-fondi tal-UE; jistieden lill-partijiet jidentifikaw il-bżonnijiet ta' taħriġ meħtieġa biex jiġi żgurat li r-Repubblika tal-Moldova hi kapaċi twettaq l-obbligi tagħha taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni;

    6.

    Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-istabbilità, l-indipendenza u l-effikaċja tal-istituzzjonijiet responsabbli għall-garanzija tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, u tal-konsolidazzjoni tas-sistema ta' ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; jinnota, f'dan il-kuntest, ir-rilevanza tal-passi preċedenti lejn ir-riforma, bħat-tisħiħ tal-awtonomija tas-sistema għall-ħatra tal-imħallfin, il-preżenza ta' konfigurazzjoni rappreżentattiva tal-Kumitat Elettorali Ċentrali, u t-titjib tal-effikaċja u l-indipendenza tal-Qorti tal-Awdituri;

    7.

    Jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jiżguraw li l-proċess elettorali li jmiss iseħħ skont l-ogħla standards Ewropej u internazzjonali u jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-Moldova li jgħixu barra mill-pajjiż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jaħdmu mill-qrib mal-OSKE/ODIHR, il-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa u jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom; jenfasizza r-rwol importanti tal-atturi u l-partiti politiċi u l-ħtieġa li tiġi adottata leġiżlazzjoni effikaċi li tiżgura t-trasparenza fil-finanzjament tal-partiti; huwa impenjat li jiżgura l-preżenza tal-osservaturi elettorali jekk jintalab jagħmel dan mill-awtoritajiet; u se jibgħat missjoni ta' osservazzjoni elettorali tiegħu stess biex tosserva l-elezzjonijiet parlamentari tat-30 ta' Novembru 2014.

    8.

    Jinnota l-ħtieġa li jiġi emendat l-Artikolu 78 tal-Kostituzzjoni tal-Moldova, dwar l-elezzjoni tal-President, biex jiġi evitat li jitfaċċa mill-ġdid l-istaġnar istituzzjonali li jkun ta' detriment għar-rittmu u r-riformi; iħeġġeġ biex kwalunkwe riforma kostituzzjonali titwettaq b'konsultazzjoni mal-Kummissjoni ta' Venezja u l-partijiet ikkonċernati nazzjonali rilevanti;

    9.

    Jinnota b'sodisfazzjon il-progress li sar mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova fl-implimentazzjoni tal-aġenda Ewropea ta' riforma, inkluża r-riforma tal-ġustizzja u tal-infurzar tal-liġi, kif innutat fir-rapport tal-Kummissjoni tas-27 ta' Marzu 2014, ir-ristrutturar tal-qafas kontra l-korruzzjoni, l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-pjan ta' azzjoni li jappoġġa lill-persuni Rom, iż-żamma tad-djalogu tagħha ma' Tiraspol u l-kontinwazzjoni tal-isfida għar-riformi regolatorji u settorjali;

    10.

    Jinnota l-progress li ntlaħaq s'issa; jistieden lill-awtoritajiet jissoktaw bl-implimentazzjoni effikaċi tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni Rom;

    11.

    Jenfasizza l-bżonn li r-riforma tal-ġudikatura tiġi affrontata b'iktar saħħa biex tiġi żgurata l-indipendenza tagħha u dik tas-sistemi tal-infurzar tal-liġi u li jiġu żgurati dispożizzjonijiet kostituzzjonali għal ġudikatura indipendenti, ugwaljanza f'għajnejn il-liġi u drittijiet ċivili bażiċi; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha, inter alia permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-pakkett leġiżlattiv adottat fl-2013 u t-titjib tar-riżultati miksuba mill-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jiżguraw li l-mekkaniżmi li jappartjenu lis-sistema kontra l-korruzzjoni, b'mod partikolari ċ-Ċentru Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni u ċ-Ċentru Nazzjonali tal-Integrità, huma indipendenti, jiffunzjonaw b'mod sħiħ, huma ffinanzjati kif xieraq, u huma ħielsa minn influwenza żejda;

    12.

    Jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jtejbu t-trasparenza u r-responsabbiltà fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, fil-proċessi ta' privatizzazzjoni u fl-akkwist pubbliku, sabiex tiġi żgurata governanza tajba, aċċess ugwali u kompetizzjoni ġusta, u biex tissaħħaħ iktar is-superviżjoni tas-settur bankarju;

    13.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu investigati kif xieraq u b'mod sħiħ l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari li tiġi indirizzata l-impunità u min jikkommetti t-trattament ħażin u t-tortura jinġieb quddiem il-ġustizzja b'mod effikaċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tforni assistenza lill-entitajiet governattivi biex jindirizzaw b'mod adegwat tali ksur permezz tal-istrumenti ġuridiċi u l-mekkaniżmi soċjali neċessarji mmirati lejn il-prevenzjoni ta' tali reati, u biex jaħdmu mill-qrib mas-soċjetà ċivili biex tgħinhom ikollhom rwol imsaħħaħ fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

    14.

    Jenfasizza l-importanza tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni biex jiġu żgurati l-ugwaljanza u l-protezzjoni għall-minoranzi kollha, b'mod partikolari għall-minoranzi etniċi, reliġjużi u persuni LGBT, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jneħħu kull dispożizzjoni diskriminatorja li fadal; jisħaq fuq l-importanza tal-Kunsill għall-Prevenzjoni u għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni u għall-Garanzija tal-Ugwaljanza, li għadu kemm twaqqaf, fl-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-Garanzija tal-Ugwaljanza tal-2012;

    15.

    Jistieden lill-gvern iforni l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ adegwati u r-riżorsi neċessarji għall-implimentazzjoni tal-garanziji ġuridiċi għall-minoranzi nazzjonali kollha u għat-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tal-edukazzjoni bil-lingwa materna għall-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li l-gvern iwettaq djalogu ma' rappreżentanti tal-minoranzi etniċi kollha u jipprovdi appoġġ tekniku u finanzjarju għal titjib fl-infrastruttura fl-unità territorjali awtonoma ta' Gagauzia u d-distrett ta' Taraklia,

    16.

    Itenni l-ħtieġa li jissaħħu u jiġu promossi l-libertà u l-pluralità tal-midja u li tiġi żgurata n-newtralità tal-midja taħt sjieda pubblika, filwaqt li tiġi appoġġata wkoll il-midja indipendenti; jesprimi t-tħassib tiegħu għan-nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tas-sjieda tal-midja u n-natura kkonċentrata tas-sjieda tal-midja tal-massa li ddgħajjef il-pluralità tad-dinja tal-midja; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet, għaldaqstant, jiffaċilitaw suq tal-midja aktar kompetittiv u jiżguraw li l-aġenziji responsabbli kollha fil-qasam tal-midja jikkonformaw mal-istandards Ewropej dwar il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu;

    17.

    Jilqa' pożittivament il-Kapitolu 27 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova li jiffoka speċifikament fuq il-kooperazzjoni fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal u jistieden liż-żewġ partijiet isostnu l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni;

    18.

    Jappoġġa b'mod sħiħ ir-reġim mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Moldova, filwaqt li jfakkar li r-Repubblika tal-Moldova kienet l-ewwel Sieħba tal-Lvant li laħqet dan l-objettiv; jitlob lill-awtoritajiet tal-Moldova jkomplu jxerrdu l-informazzjoni dwar id-drittijiet u d-dmirijiet marbuta mal-liberalizzazzjoni tal-viża;

    19.

    Jieħu nota tat-titjib fil-kapaċitajiet tas-servizzi doganali u l-gwardja tal-fruntieri u t-tkomplija tad-demarkazzjoni tal-fruntiera mal-Ukraina; jilqa' l-ħidma tal-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntiera (EUBAM) u l-kooperazzjoni kostruttiva tal-awtoritajiet tal-Moldova;

    20.

    Jistieden lil Chisinau u lil Comrat ikomplu jikkooperaw b'mod kostruttiv fi spirtu ta' fiduċja u djalogu inklużiv sabiex il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jiġi implimentat b'suċċess u jkun stabbilit ambjent politiku li jwassal għal aktar progress fit-triq lejn l-Ewropa;

    21.

    Jenfasizza l-ħtieġa li titkompla l-ħidma tal-professjonalizzazzjoni u d-depolitiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika ċentrali u lokali, peress li din ukoll tikkontribwixxi ħafna għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; jistieden lir-Repubblika tal-Moldova twettaq l-istrateġija ta' deċentralizzazzjoni b'mod inklużiv; jindika l-importanza ta' awtoritajiet muniċipali lokali effikaċi u infrastruttura adegwata fl-iżvilupp taż-żoni rurali li huwa kundizzjoni preliminari biex tonqos ir-rata tad-depopolazzjoni rurali;

    22.

    Jilqa' pożittivament id-determinazzjoni politika intiża biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jfaħħar l-isforzi ta' modernizzazzjoni li saru fil-pajjiż; huwa konxju, madankollu, tal-bżonn li l-istituzzjonijiet demokratiċi jiġu kkonsolidati ulterjorment u jinkoraġġixxi lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova jkompli jistinka biex jimplimenta l-miżuri neċessarji; jemmen li stabilità politika u kunsens sostenibbli dwar ir-riformi, speċjalment fir-rigward tal-istat tad-dritt u l-indipendenza mill-istituzzjonijiet tal-istat, huma ta’ importanza ewlenija għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Moldova;

    23.

    Jistenna li l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva se tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u għall-integrazzjoni bla intoppi tal-ekonomija tal-Moldova fis-swieq dinjin, b'hekk jiġi stimolat il-proċess ta' modernizzazzjoni tagħha u jinħolqu kundizzjonijiet ta' xogħol aħjar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tforni assistenza u konsulenza lill-Moldova dwar kif taffronta b'mod effikaċi l-isfidi ta' adattament fit-terminu qasir, inter alia permezz ta' kooperazzjoni mat-trade unions u l-komunità kummerċjali lokali;

    24.

    Ikompli jenfasizza l-ħtieġa ta' ambjent ta' negozju u investiment trasparenti, riforma regolatorja xierqa u tkomplija tal-proċess ta' privatizzazzjoni, sabiex il-kompetittività tal-ekonomija tar-Repubblika tal-Moldova tingħata spinta, jitħeġġeġ l-investiment dirett barrani u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-miżuri meħuda biex jiġu indirizzati l-problemi ekonomiċi strutturali; jenfasizza l-bżonn ta' estensjoni tal-katini ta' valur fl-agrikoltura bħala kundizzjoni preliminari għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

    25.

    Ifaħħar lir-Repubblika tal-Moldova għad-determinazzjoni u l-impenn li wriet sabiex tfittex li jkollha rabtiet ekonomiċi aktar mill-qrib mal-UE billi twettaq riformi ekonomiċi profondi, kumplessi u għaljin; jemmen bis-sħiħ li ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva se jkollha effett pożittiv fuq perjodu ta' żmien twil fuq l-ekonomija tar-Repubblika tal-Moldova u għaldaqstant se tikkontribwixxi sabiex iżżid il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħha;

    26.

    Jenfasizza l-fatt li s-suċċess taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva jiddependi fuq l-implimentazzjoni rapida, bir-reqqa u effikaċi tal-impenji stabbiliti fil-ftehim min-naħa taż-żewġ partijiet; jappella, f'dan ir-rigward, lill-UE biex tipprovdi lir-Repubblika tal-Moldova bl-għajnuna finanzjarja u teknika kollha meħtieġa, bl-għan ukoll li ttaffi l-ispejjeż fuq żmien qasir għar-Repubblika tal-Moldova;

    27.

    Jemmen li l-iskrutinju parlamentari huwa kundizzjoni fundamentali għall-appoġġ demokratiku lill-politiki tal-UE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiffaċilita fi żmien xieraq il-monitoraġġ regolari u dettaljat tal-implimentazzjoni taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva mill-Parlament;

    28.

    Jinnota li ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva ġiet applikata proviżorjament mill-1 ta' Settembru 2014, b'segwitu għall-firma li saret fis-27 ta' Ġunju 2014 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE tas-16 ta' Ġunju 2014 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, abbażi ta' opinjoni kondiviża tal-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u l-ħtieġa urġenti ta' appoġġ lejn il-pajjiż;

    29.

    Jiddeplora bil-qawwi l-użu kontinwu tal-kummerċ min-naħa tar-Russja bħala mezz ta' destabbilizzazzjoni tar-reġjun permezz tal-introduzzjoni ta' bosta projbizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti mir-Repubblika tal-Moldova, bi ksur tal-impennji tad-WTO tar-Russja; jistieden lill-Federazzjoni Russa tirrispetta b'mod sħiħ l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova u l-għażla Ewropea tagħha; jappoġġa b'mod sħiħ l-inizjattivi tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jiġġieldu l-effetti tal-embargo Russu fuq il-prodotti tal-Moldova, inkluż permezz ta' appoġġ finanzjarju u l-estensjoni u l-approfondiment tal-preferenzi kummerċjali awtonomi mogħtija lir-Repubblika tal-Moldova;

    30.

    Jilqa' pożittivament l-iffirmar tal-ftehim dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-Programm Qafas Orizzont 2020 fl-1 ta' Lulju 2014; jemmen li l-kooperazzjoni taħt dan il-qafas se tagħti spinta lit-tkabbir, lill-innovazzjoni u lill-kompetittività, kif ukoll toħloq impjiegi u opportunitajiet ġodda; jappella għal aktar parteċipazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova fil-programmi u fl-aġenziji tal-Unjoni u għal aktar proġetti ta' ġemellaġġi u ta' skambju ta' studenti;

    31.

    Jieħu nota tar-reviżjoni riċenti tal-istrateġija enerġetika u jistieden lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova jeżamina mill-ġdid u jsaħħaħ il-pjan ta' azzjoni nazzjonali 2013-2015 għall-effiċjenza enerġetika, jiżviluppa pjan kredibbli u effikaċi dwar l-enerġija rinnovabbli bil-għan li jiddiversifika s-sorsi tal-enerġija u jallinja l-politiki u l-objettivi dwar it-tibdil fil-klima ma' dawk tal-UE;

    32.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftuħ tal-interkonnettur tal-gass Iași-Ungheni; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi fil-bini tal-pipeline Ungheni-Chisinau billi, inter alia, tiffaċilita l-kofinanzjament minn sħab internazzjonali oħra u ssaħħaħ l-appoġġ finanzjarju bil-għan li jiġi finalizzat il-proġett kemm jista' jkun malajr;

    33.

    Jitlob lil Chisinau u Tiraspol ikomplu jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv sabiex isibu soluzzjoni effikaċi għar-riżoluzzjoni tal-kwistjoni tat-Transnistrija u jieħdu passi konkreti biex itejbu l-għajxien tal-popolazzjoni; jesprimi diżappunt li s'issa il-qafas “5+2” naqas milli joffri soluzzjoni u jitlob rwol ikbar għall-UE, b'mod partikolari billi l-istatus tagħha jiġi rivalutat għal dak ta' sieħba fin-negozjati, u jitlob lill-partijiet kollha involuti jużaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jibnu l-pedamenti għal djalogu kostruttiv u biex jiffaċilitaw l-issuktar rapidu tat-taħditiet uffiċjali; jitlob lir-RGħ/VP u lis-SEAE jaħdmu b'mod proattiv lejn ftehim komprensiv li jirrispetta s-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova u li jippromwovi l-bini tal-fiduċja, b'ħidma mill-qrib mal-istrutturi kompetenti tal-OSKE; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li t-Transnistrija, bħala parti integrali tal-Moldova, tiġi koperta mill-kamp ta' applikazzjoni u l-effetti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; jinkoraġġixxi, għal dan l-għan, lill-awtoritajiet tal-Moldova jagħmlu kuntatt mal-popolazzjoni ġenerali, mal-komunità tan-negozju u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; josserva li kwalunkwe soluzzjoni għandha tkun konformi mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali u tirrispettahom totalment;

    34.

    Jisħaq fuq l-importanza, f'dan ir-rigward, li jissaħħu l-kuntatti interpersonali fil-livelli kollha ħalli jinħolqu l-kundizzjonijiet għal djalogu sostnut u jitrawwem ulterjorment il-bini tal-fiduċja bil-għan li jiġi intensifikat il-proċess ta' paċi u tintlaħaq ir-rikonċiljazzjoni bejn il-partijiet;

    35.

    Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni mal-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova bħala mezz biex tiġi monitorjata l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni;

    36.

    Jistieden lill-Kummisjoni tintensifika l-forniment ta' assistenza u għarfien espert lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-Repubblika tal-Moldova sabiex ikunu jistgħu jipprovdu monitoraġġ intern tar-riformi u l-impenji tal-gvern, u r-responsabbiltà tagħhom, li ħa fil-proċess ta' abbozzar u implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, kif ukoll sabiex tingħata għajnuna lis-soċjetà ċivili biex issaħħaħ il-kapaċità organizzattiva u ta' difiża tal-kawżi tagħha, ir-rwol tagħha biex tgħasses l-attivitajiet kontra d-diskriminazzjoni u kontra l-korruzzjoni, u b'mod ġenerali r-rwol tagħha fit-trawwim ta kultura ta' parteċipazzjoni ċivika u tal-volontarjat;

    37.

    Jinsab imħasseb dwar l-azzjonijiet tar-Russja mmirati biex jimminaw il-proċess ta' assoċjazzjoni tal-ġirien tal-Lvant tal-UE; itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-proċess ta' assoċjazzjoni tas-sħab tal-Lvant tal-UE m'huwiex ta' theddida għall-interessi politiċi u ekonomiċi tar-Russja, u jiddispjaċih li t-tmexxija Russa tikkunsidrah b'dan il-mod; jenfasizza li t-tħassib tar-Russja fir-rigward tal-proċess ta' assoċjazzjoni għandu jiġi indirizzat u spjegat b'mod adegwat, sabiex tittaffa l-biża' ta' linji diviżivi ġeopolitiċi ġodda fil-kontinent Ewropew; jinnota li kull pajjiż għandu kull dritt li jagħmel l-għażliet politiċi tiegħu, iżda l-impenn tal-UE mas-sħab tal-Lvant għandu l-għan li jxerred il-prosperità u jżid l-istabbiltà politika, li fl-aħħar mill-aħħar ħa jkun ta' vantaġġ għar-reġjun kollu;

    38.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova.


    (1)  ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 108.

    (2)  Testi adottati, P8_TA(2014)0050.

    (3)  Testi adottati, P7_TA(2014)0229.

    (4)  Testi adottati, P7_TA(2014)0457.


    Top