This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014IP0040(01)
European Parliament resolution of 16 January 2014 on the European integration process of Kosovo (2013/2881(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proċess ta' Integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo (2013/2881(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proċess ta' Integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo (2013/2881(RSP))
ĠU C 482, 23.12.2016, p. 127–134
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
23.12.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 482/127 |
P7_TA(2014)0040
Proċess ta' Integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proċess ta' Integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo (2013/2881(RSP))
(2016/C 482/18)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra l-Ewwel Ftehim tad-19 ta' April 2013 dwar il-Prinċipji li Jirregolaw in-Normalizzazzjoni tar-Relazzjonijiet bejn il-Prim Ministri Ivica Dacic u Hasim Thaci u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Implimentazzjoni tat-22 ta' Mejju 2013, li kien ir-riżultat ta' għaxar laqgħat li kienu parti mid-djalogu ta' livell għoli bejn Belgrad u Pristina, |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tat-22 ta' April 2013 mir-RGħ/VP u l-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress tal-Kosovo fir-rigward tal-indirizzar tal-kwistjonijiet imsemmija fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2012 fid-dawl ta' deċiżjoni possibbli dwar il-ftuħ ta' negozjati dwar il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, |
— |
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013 li jadottaw id-deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo, |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 dwar Studju ta' Fattibilità għal Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo (COM(2012)0602), |
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2012 li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati għal ftehim qafas mal-Kosovo dwar il-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni, |
— |
wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-attivitajiet li jkunu għaddejjin tal-Missjoni ta' Amministrazzjoni Intermedja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo u l-iżviluppi relatati magħha, inkluż ir-rapport li nħareġ fid-29 ta' Awwissu 2013, li jkopri l-perjodu mit-23 ta' April sal-15 ta' Lulju, u l-aħħar rapport li nħareġ fit-28 ta' Ottubru 2013, |
— |
wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK tal-4 ta' Frar 2008 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX Kosovo, kif emendata mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/445/PESK tad-9 ta' Ġunju 2009, mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/322/PESK tat-8 ta' Ġunju 2010 u mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/291/PESK tal-5 ta' Ġunju 2012, |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-7 ta' Diċembru 2009, tal-14 ta' Diċembru 2010 u tal-5 ta' Diċembru 2011, li enfasizzaw u affermaw mill-ġdid, rispettivament, li l-Kosovo, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus tiegħu, għandu wkoll igawdi mill-prospettiva tal-liberalizzazzjoni eventwali tal-viża ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha; wara li kkunsidra t-tnedija ta' djalogu dwar il-kwistjoni tal-viżi f'Jannar 2012 u l-preżentazzjoni ta' pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża f'Ġunju 2012 u tal-ewwel rapport tal-Kummissjoni tat-8 ta' Frar 2013 dwar il-progress li għamel il-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali għal-liberizzazzjoni tal-viża (COM(2013)0066), |
— |
wara li kkunsidra d-Djalogu Strutturali dwar l-Istat tad-Dritt imniedi fit-30 ta' Mejju 2012, |
— |
wara li kkunsidra l-Kunsill Nazzjonali tal-Kosovo għall-Integrazzjoni Ewropea, marbut mal-uffiċċju tal-President u li jaqdi r-rwol ta' korp ta' koordinament ta' livell għoli responsabbli mill-ksib ta' kunsens dwar l-aġenda Ewropea permezz ta' approċċ inklużiv u mhux partiġjan, li ġie inawgurat f'Marzu 2012, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1244(1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza tal-Kosovo, u r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Settembru 2010 (1), li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni tal-QIĠ u laqat pożittivament id-disponibilità tal-UE li taġevola d-djalogu bejn Belgrad u Pristina. |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-laqgħat interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-Kosovo tat-28 u d-29 ta' Mejju 2008, tas-6 u s-7 ta' April 2009, tat-22 u t-23 ta' Ġunju 2010, tal-20 ta' Mejju 2011, tal-14 u l-15 ta' Marzu 2012 u tat-30 u l-31 ta' Ottubru 2013, |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ottubru 2013 dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2013-2014 (COM(2013)0700), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar il-ġestjoni baġitarja tal-fondi ta’ qabel l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tas-sistemi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali (2) u l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-Albanija1, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi l-ftehim li ntlaħaq f'April 2013 mill-Prim Ministri Thaçi u Dačić jikkostitwixxi pass importanti u jsaħħaħ ir-responsabbiltà taż-żewġ naħat biex jimplimentaw dan il-ftehim bona fide, li jkomplu bin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet u li jressqu r-riformi meħtieġa fit-triq lejn l-integrazzjoni Ewropea; |
B. |
billi 104 Stat Membru fost il-193 Stat Membru tan-Nazzjonijiet Uniti, inklużi 23 mis-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jirrikonoxxu l-indipendenza tal-Kosovo; |
C. |
billi l-Istati Membri kollha tal-UE jappoġġaw il-prospettiva Ewropea tal-Kosovo, f'konformità mal-impenji meħuda mill-UE fil-konfront tal-Balkani tal-Punent u mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus tal-Kosovo; |
D. |
billi r-riformi politiċi, amministrattivi u ekonomiċi importanti nkisbu mill-awtoritajiet u mill-poplu tar-Repubblika tal-Kosovo; billi għad hemm ħafna xi jsir biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, li jirrappreżenta l-pedament li fuqu jissejsu l-iżvilupp fit-tul, id-demokrazija u l-ekonomija soċjali tas-suq; |
E. |
billi l-Kosovo żdied il-kapaċità tiegħu li jwieġeb għall-prijoritajiet tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea billi jibni fuq il-prijoritajiet f'terminu qasir identifikati mill-istudju ta' fattibilità u billi jipprepara għan-negozjati dwar Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA); |
F. |
billi fil-kuntest tad-djalogu rigward il-liberalizzazzjoni tal-viża l-Kosovo mmodifika u adotta leġiżlazzjoni importanti, inklużi liġijiet dwar l-asil, il-finanzjament tal-partiti u t-traffikar tal-bnedmin; |
G. |
billi jinħtieġu aktar sforzi biex jingħelbu l-isfidi tal-aġenda riformi għall-Ewropa fid-dawl tal-FSA, partikolarment f'oqsma prijoritarji bħall-istat tad-dritt, il-ġudikatura, l-amministrazzjoni pubblika, ir-riforma elettorali, id-drittijiet tal-bniedem u fundamentali; |
1. |
Jilqa' l-konklużjoni tal-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji ta' Normalizzazzjoni tad-19 ta' April 2013 bejn iż-żewġ Prim Ministri, kif ukoll il-ftehim dwar il-pjan ta' implimentazzjoni, u jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tiegħu bona fide u fi żmien debitu; jilqa' pożittivament ukoll l-allokazzjoni ta' finanzjamenti addizzjonali tal-UE fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) bħala sostenn għall-implimentazzjoni tal-ftehim; |
2. |
Jifraħ lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President għax-xogħol tagħha għal dak li jikkonċerna l-faċilitazzjoni tad-djalogu bejn Belgrad u Pristina; |
3. |
Jilqa' t-tnedija tan-negozjati bejn l-UE u l-Kosovo dwar il-FSA fit-28 ta' Ottobbru 2013; jiddispjaċih, madankollu, mill-fatt li minħabba d-diviżjoni interna fil-Kunsill, il-mandat ta' negozjar huwa differenti minn dawk ta' FSA preċedenti; jisħaq fuq il-fatt li dan l-FSA se joħloq inċentiv b'saħħtu għal riforma u opportunitajiet ġodda li se jsaħħu r-relazzjonijiet ta' viċinat tal-Kosovo u jiggarantixxu stabbilizzazzjoni usa' fir-reġjun; |
4. |
Jenfasizza l-fatt li l-elezzjonijiet lokali li saru fit-3 ta' Novembru 2013 jirrappreżentaw test kruċjali għall-proċess ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn Belgrad u Pristina; |
5. |
Japprezza l-elezzjonijiet lokali li għall-ewwel darba fl-istorja koprew it-territorju kollu tal-Kosovo u saru skont il-liġi Kosovara fit-3 ta' Novembru, 17 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2013 talli rrappreżentaw pass kbir 'il quddiem lejn id-demokrazija fil-Kosovo u għall-fiduċja taċ-ċittadini fil-proċessi demokratiċi abbażi tal-proċess tan-normalizzazzjoni, u jilqa' l-iżvolġiment ġeneralment regolari tal-elezzjonijiet, kif ivvalutat fid-dikjarazzjonijiet preliminari tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE (EOM); jilqa' l-fatt li l-ewwel sindka mara ġiet eletta fil-Kosovo; ikompli jenfasizza l-bżonn li kandidati nisa jiġu inkoraġġiti jipparteċipaw f'elezzjonijiet futuri; jilqa' pożittivament il-miżuri adottati mill-awtoritajiet Kosovari intiżi li jsaħħu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż, ngħidu aħna l-ħolqien ta' mekkaniżmu sod ta' viġilanza li joffri liċ-ċittadini l-possibilità li jilmentaw dwar intimidazzjonijiet u irregolaritajiet fil-ġurnata tal-elezzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon ir-rata ta' parteċipazzjoni elettorali evidenti fil-muniċipalitajiet ta' maġġoranza Serba fuq ix-xaqliba tan-Nofsinhar tax-xmara Ibar bħala pass kruċjali lejn il-formazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Muniċipalitajiet Serbi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li n-nuqqas li jinawguraw sindku ġdid fit-Tramuntana ta' Mitrovica u s-sejħa sussegwenti għall-elezzjonijiet ġodda f'dan il-muniċipalità m'għandhomx ifixklu l-kontinwazzjoni tal-proċess u l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim tad-19 ta' April 2013; jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta' Dimitrije Janicijevic, kunsillier muniċipali ta' Mitrovica tat-Tramuntana, u jitlob lill-awtoritajiet rilevanti biex jibdew immedjatament l-investigazzjoni u jġibu lill-awturi għall-ġustizzja; |
6. |
Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza u l-indimidazzjoni persistenti li saru fil-muniċipalitajiet ta' Mitrovica tat-Tramuntana u Zvečan; jissottolinja l-fatt li tali inċidenti jippreġudikaw l-istabilità u s-sigurtà fir-reġjun tal-madwar u jeħtieġ l-awtoritajiet rilevanti jagħmlu ħilithom sabiex jiffaċilitaw sforzi ħalli r-responsabbli jittellgħu l-qorti; jikkonstata li huma meħtieġa aktar sforzi attenti biex jisfaxxa n-netwerk tal-kriminalità organizzata u r-rabtiet tiegħu mal-elites politiċi lokali u jerġa' jiġi stabbilit l-istat tad-dritt fit-Tramuntana tal-Kosovo; jilqa' favorevolment il-pożizzjoni tal-mexxejja politiċi Serbi li inkoraġġixxu b'mod attiv is-Serbi tal-Kosovo jipparteċipaw fl-elezzjonijiet; jiddispjaċih, iżda, li l-mexxejja ta' Belgrad ma żarux b'mod attiv it-Tramuntana tal-Kosovo qabel it-3 ta' Novembru 2013; |
7. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kosovari jadottaw malajr kemm jista' jkun, f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni ta' Venezja, liġi elettorali ġdida bil-għan li l-proċeduri elettorali jsiru aktar trasparenti u l-votazzjoni tiġi ssimplifikata u u terġa' tinġieb il-fiduċja taċ-ċittadini Kosovari fil-proċess demokratiku, u tiżgura l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' riforma elettorali; |
8. |
Josserva fl-istess ħin li se jinħtieġu aktar sforzi kontinwi biex il-komunità Albaniża u dik Serba jitressqu aktar lejn xulxin; |
9. |
Jilqa' l-ftehimiet konklużi dwar it-telekomunikazzjonijiet u l-enerġija, u jisħaq fuq l-importanza li l-Kosovo jingħata kemm jista' jkun malajr prefiss telefoniku internazzjonali għalih, li se jgħin biex tissawwar l-identità Kosovara u l-viżibilità internazzjonali tagħha; |
10. |
Jenfasizza l-bżonn li l-konklużjonijiet tad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina jiġu kkomunikati bi trasparenza kompleta u li jkun żgurat l-involviment tal-parlamenti u tas-soċjetajiet ċivili fil-proċess ta' implimentazzjoni; jilqa' l-ħatra ta' uffiċjali ta' kollegament miż-żewġ naħat u jinsisti li jingħata appoġġ kontinwu lit-tnejn li huma; |
11. |
Jenfasizza l-importanza tal-liberalizzazzjoni tal-viża għaċ-ċittadini Kosovari u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Kosovari jżidu l-isforzi tagħhom ħalli jissodisfaw il-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni għall-Viża; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu aktar reattivi għall-isforzi tal-gvern Kosovar u f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni taċċelera l-interventi tekniċi relatati mal-proċess ta' liberalizzazzjoni tal-viża; |
12. |
Jistieden lill-Kunsill jadotta, mill-aktar fis possibbli, id-deċiżjonijiet li hemm bżonn ħalli l-Kosovo jkun jista' jieħu sehem fil-programmi tal-UE; |
13. |
Jinkoraġġixxi lill-ħames Stati Membri li fadal jipproċedu bir-rikonoxximent tal-Kosovo; jitlob lill-Istati Membri tal-UE kollha jagħmlu ħilithom sabiex jiffaċilitaw ir-relazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi bejn iċ-ċittadini tagħhom u dawk tal-Kosovo; josserva li huwa neċessarju li jittieħdu passi attivi li jippermettu l-implimentazzjoni sħiħa tal-IPA, u anki li jtejbu l-kooperazzjoni bejn EULEX, Europol u Interpol, inklużi, sakemm għad m'hemmx rikonoxximent komplet, passi prattiċi intiżi sabiex il-Kosovo jiġi inkluż fil-ħidma ta' dawn iż-żewġ aġenziji u jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq ftehimiet li jkunu jippermettu kooperazzjoni tal-Kosovo mal-aġenziji tal-UE; |
14. |
Jilqa' l-istabbiliment tat-Tim ta' Kmand Reġjonali tal-Pulizija tal-Kosovo fit-Tramuntana bħala parti mill-proċess tal-ħolqien ta' Pulizija Unifikata tal-Kosovo; |
15. |
Jenfasizza l-importanza tax-xogħol ta' EULEX fil-konsolidament tal-istat tad-dritt fl-istituzzjonijiet Kosovari, iżda josserva l-insodisfazzjon mifrux bir-riżultati ta' EULEX kemm fost is-Serbi kif ukoll fost l-Albaniżi tal-Kosovo; jitlob lil EULEX iżżid l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbilizzazzjoni tax-xogħol tagħha, tinforma lill-Parlament Ewropew u l-Parlament tal-Kosovo b'mod regolari dwar l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tagħha u, b'mod partikolari, turi riżultati aktar konkreti kemm lill-awtoritajiet Kosovari u Serbi kif ukoll lill-popolazzjoni inġenerali; jiġbed l-attenzjoni għall-eżistenza ta' setturi li fihom għandu jkun mistenni titjib, inklużi definizzjoni aħjar tal-objettivi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet u r-rabtiet tagħhom ma' parametri ta' riferiment speċifiċi; jisħaq fuq il-bżonn ta' koordinament aħjar tal-objettivi esterni u interni, ta' koordinament aħjar bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u bejn din tal-aħħar u l-awtoritajiet Kosovari u l-komunità internazzjonali; iħeġġeġ lil EULEX, kull meta possibbli, f'dan ir-rigward, tagħti prijorità lill-objettivi tagħha, tottimizza l-użu tar-riżorsi u tal-persunal tagħha u taċċelera l-implimentazzjoni tad-dokument operattiv dwar l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fil-kuntest tal-PESD (minn Novembru 2005); |
16. |
Jappella lill-awtoritajiet Kosovari jkomplu jirrispettaw il-mandat ta' EULEX u l-eżerċizzju tas-setgħat eżekuttivi tagħha; jieħu nota tal-interess tal-gvern Kosovar li jassumi l-funzjonijiet ta' EULEX; jinsisti fuq il-preżenza ta' EULEX ħalli tappoġġa l-implimentazzjoni tal-ftehim tad-19 ta' April 2013 fil-qasam tal-istat tad-dritt; jissottolinja li s-sigurtà taċ-ċittadini hija fundamentali biex tirnexxi l-implimentazzjoni tal-ftehimiet; jenfasizza l-bżonn urġenti ta' miżuri biex dan jiġi ttrattat; jenfasizza fuq il-fatt li EULEX attwalment qed tinvestiga aktar minn 250 każ inklużi każijiet ta' kriminalità organizzata, korruzzjoni, delitti tal-gwerra u akkużi serji oħra li jinvolvu għexieren ta' uffiċjali ta' partiti politiċi fost oħrajn; jissottolinja li kwalunkwe trasferiment ta' responsabbiltajiet jeħtieġ li jkun gradwali, ibbażat fuq progress reali fit-territorju u għandu jinvolvi s-soċjetà ċivili Kosovara u l-istituzzjonijiet demokratiċi tar-Repubblika tal-Kosovo; jistieden għalhekk lill-Gvern Kosovar jaqbel mal-proroga tal-mandat ta' EULEX Kosovo lil hinn minn Ġunju 2014; |
17. |
Jistieden b'mod partikolari, kemm lill-Kosovo kif ukoll lis-Serbja jikkooperaw b'mod attiv u kostruttiv ma' EULEX fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ftehim dwar l-assistenza ġudizzjarja reċiproka bil-għan li jiġi ttrattat in-numru dejjem ikbar ta' talbiet dwar il-proprjetajiet fil-Kosovo; |
18. |
Jikkundanna bil-qawwa l-attakk li wassal għall-qtil ta' uffiċjal ta' EULEX fid-19 ta' Settembru 2013 viċin il-Muniċipalità Zveçan/Zvečan u jappella sabiex titwettaq investigazzjoni mingħajr dewmien; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jevitaw kwalunkwe azzjoni li tista' toħloq tensjoni; |
19. |
Jenfasizza mill-ġdid il-bżonn ta' responsabbiltà u sjieda lokali għal dak li jikkonċerna l-proċess ta' rikonċiljazzjoni u fl-istess ħin jikkundanna r-retorika nazzjonalistika taż-żewġ naħat; jemmen li l-awtoritajiet Kosovari għandhom jieħdu passi deċiżivi ulterjuri f'dak li hu tisħiħ tal-fiduċja bejn is-Serbi u l-Albaniżi tal-Kosovo, partikolarment fit-Tramuntana, biex javviċinaw il-minoranza Serba u minoranzi oħra bil-għan li tiġi żgurata integrazzjoni wiesgħa fi ħdan is-soċjetà; jappella wkoll għall-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipju kostituzzjonali tal-għoti lis-Serbi tal-Kosovo tad-dritt ta' aċċess għas-servizzi uffiċjali kollha bil-lingwa tagħhom stess; jenfasizza, fl-istess ħin, l-importanza ta' edukazzjoni kompletament bilingwali; jinkoraġġixxi lis-Serbi tal-Kosovo kollha kif ukoll lir-rappreżentanti politiċi tagħhom jużaw il-possibbiltajiet li toffrilhom il-Kostituzzjoni tal-Kosovo sabiex jassumu rwol kostruttiv fil-politika u s-soċjetà u b'hekk, permezz tal-parteċipazzjoni attiva fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Kosovo flimkien mal-Albaniżi tal-Kosovo jikkondividu r-responsabbiltà għall-iżvilupp soċjali u l-ħolqien tal-istituzzjonijiet u jieħdu f'kunsiderazzjoni speċjali l-involviment tan-nisa f'dan il-proċess; jilqa' pożittivament il-progress li sar fl-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni muniċipali; |
20. |
Jifraħ bl-azzjonijiet tal-UE intiżi li jinkoraġġixxu d-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet; iħeġġeġ li l-atturi kollha jkomplu jagħtu attenzjoni partikolari lill-aspetti tekniċi tal-integrazzjoni mal-UE, kif ukoll lill-atti simboliċi ta' rikonċiljazzjoni; |
21. |
Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-minoranzi u tad-drittijiet kulturali għadha sfida importanti fil-Kosovo; jindika l-bżonn ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-patrimonju kulturali u l-Knisja Ortodossa Serba, kif ukoll l-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni għall-komunitajiet tar-Rom, tal-Ashkali u tal-Eġizzjani, li l-qagħda tagħhom fit-territorju għadha tqajjem tħassib kbir; filwaqt li jesprimi apprezzament għall-progress li sar fit-titjib tal-ħajja tal-komunitajiet tar-Rom, tal-Ashkali u tal-Eġizzjani, jibqa' mħasseb dwar is-sitwazzjoni tagħhom, li fiha, b'mod partikolari, it-tfal għadhom vulnerabbli u emarġinati; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tar-Rom bħala kwistjoni essenzjali tad-drittijiet tal-bniedem. jistieden lill-awtoritajiet u lill-Kummissjoni jagħtu attenzjoni adegwata għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja ta' dawn il-komunitajiet, inkluż l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni; jenfasizza l-pożizzjoni tal-minoranza Kroata, dik Bosnijaka, dik Ashkali, dik Torka, dik Gorani u dik Eġizzjana Balkanika fir-rigward tal-importanza tal-edukazzjoni multilingwi, bil-għan li dawn il-minoranzi etniċi ma jħossuhomx politikament iżolati; |
22. |
Jilqa' favorevolment il-finanzjament addizzjonali min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea fl-ambitu tal-Istrument IPA tal-UE bħala sostenn favur il-muniċipalitajiet b'maġġoranza Serba fil-Kosovo kollu; |
23. |
Jitlob lill-awtoritajiet Kosovari jtejbu l-effikaċja, it-trasparenza, ir-responsabbilizzazzjoni u l-imparzjalità tas-sistema ġudizzjarja u jirrispettaw l-indipendenza tagħha bil-għan li jkun garantit li l-pubbliku ġenerali u l-komunità tal-impriżi jafdaw lill-ġudikatura, u jindirizzaw b'mod efikaċi kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet isaħħu b'mod proattiv l-istat tad-dritt, b'mod partikolari billi jnaqqsu l-indħil politiku fil-ġudikatura, jiżguraw li s-sanzjonijiet dixxiplinari kontra l-imħallfin u l-prosekuturi jirriżultaw f'azzjoni konkreta, jaħdmu favur l-indipendenza u l-effiċjenza tal-Kunsill ta' Prosekuzzjoni u tal-Prosekutur tal-Istat u jimplimentaw il-kodiċi kriminali u tal-kodiċi ta' proċedura kriminali; |
24. |
Jistieden lill-awtoritajiet iżidu l-impenn tagħhom lejn riforma ġudizzjarja awtentika, jibnu l-kapaċitajiet b'enfasi fuq il-meritokrazija fir-reklutaġġ tal-persunal ġudizzjarju meħtieġ biex jittratta l-akkumulu eżistenti ta' kawżi pendenti, u jiggarantixxi ambjent sikur għall-imħallfin u għall-prosekuturi ħieles mill-indħil politiku; |
25. |
Jinsab partikolarment imħasseb dwar in-nuqqas ta' progress tanġibbli fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-Kosovo; jemmen li l-korruzzjoni għadha sfida ewlenija u ostakolu serju għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet pubbliċi; jiddispjaċih f'dan ir-rigward li l-Aġenzija kontra l-Korruzzjoni stabbilita fl-2006 ma għandha l-ebda setgħa investigattiva; josserva li l-Assemblea tal-Kosovo adottat strateġija u pjan ta' azzjoni ġodda kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-awtoritajiet jiggarantixxu l-implimentazzjoni tagħhom billi jiddefinixxu rwoli u responsabbiltajiet ċari għall-istituzzjonijiet inkarigati mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni ħalli dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jipproduċu riżultati konkreti u sostenibbli; |
26. |
Jibqa' mħasseb dwar l-ambitu limitat tal-qafas tal-protezzjoni tax-xhieda fil-Kosovo, b'mod partikolari fil-kawżi li jiġbdu ħafna l-attenzjoni tan-nies, u jappella lill-Istati Membri tal-UE jsaħħu l-kooperazzjoni fir-rigward tat-trasferiment possibbli tax-xhieda; |
27. |
Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' xi progress sinifikanti fl-indirizzar tal-korruzjoni u l-kriminalità organizzata, b'mod partikolari dwar ir-rati għoljin ta' kriminalità organizzata fit-Tramuntana tal-Kosovo; josserva li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma mifruxa fir-reġjun u jirrappreżentaw ukoll ostaklu għall-iżvilupp demokratiku, soċjali u ekonomiku tal-Kosovo; jisħaq fuq il-fatt li l-Kosovo jeħtieġ iforni provi konkreti ta' riżultati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni bħala kwistjoni ta' prijorità; iqis li strateġija reġjonali u kooperazzjoni msaħħa bejn il-pajjiżi kollha fir-reġjun huma essenzjali sabiex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati b'aktar effikaċja, b'mod partikolari t-titjib fis-sorveljanza tal-fruntieri u sforzi sabiex jiġu indirizzati t-traffikar u l-isfruttament tan-nisa u l-minorenni, b'mod partikolari dawk li huma vittmi tal-isfruttament sesswali jew elemożina furzata; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet ċentrali u lokali jfornu riżultati konkreti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-bnedmin, tad-drogi u tal-armi; jisħaq fuq l-importanza ta' approċċ komprensiv, multidixxiplinari u orjentat lejn il-vittmi b'aċċess mingħajr ostakli għall-assistenza, għas-sostenn u għall-ħarsien tal-vittmi; jiddispjaċih mill-fatt li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata tħallew mhux mittiefsa minn EULEX; |
28. |
Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tar-riformi neċessarji tal-amministrazzjoni pubblika u taż-żieda fl-għadd ta' nisa u ta' membri tal-minoranzi fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni; jibqa' inkwetat bil-fatt li bosta impjegati tas-settur pubbliku għandhom impjiegi addizzjonali oħrajn li fil-prinċipju jistgħu joħolqu kunflitti ta' interessi jew jiffaċilitaw il-prattiki ta' korruzzjoni; |
29. |
Jappoġġa ż-żamma tal-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra fil-livell nazzjonali inkluża l-importanza tal-prosekuzzjoni tal-istupri tal-gwerra; jiddispjaċih mill-fatt li, bħala konsegwenza tal-gwerra tal-1999 fil-Kosovo, 1 869 ruħ għadhom nieqsa; josserva li din il-kwistjoni teħtieġ risposta rapida min-naħa tal-awtoritajiet fis-Serbja u fil-Kosovo, bħala kundizzjoni preliminari vitali għar-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet u għal futur paċifiku fir-reġjun u jisħaq fuq il-fatt li sabiex id-djalogu bejn il-Kosovo u s-Serbja jitkompla, il-kooperazzjoni għat-tisjib tal-persuni nieqsa u aspetti oħrajn tal-ġustizzja tranżizzjonali jeħtieġu li jkunu prijorità; |
30. |
Jitlob, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Serbi jipprovdu kull assistenza fir-ripartijazzjoni tal-iġsma tal-persuni Kosovari nieqsa li nstabu riċentement fis-Serbja u jkomplu jfittxu fiż-żona identifikata li fiha l-persuni nieqsa huma presunti li ndifnu. |
31. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo u tas-Serbja jikkooperaw u jieħdu responsabbiltà sħiħa biex isibu soluzzjonijiet dejjiema għal dak li għandu x'jaqsam mal-persuni spostati internament fis-Serbja u fil-Kosovo; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Kosovari għandhom isaħħu l-isforzi tagħhom biex tinstab soluzzjoni għall-problema tal-persuna spostata internament fil-kuntest tal-proċess ta' adeżjoni mal-U, partikolarment dwar il-kwistjoni tar-riżoluzzjoni effiċjenti tat-tilwim relatat mal-proprjetà; |
32. |
Jistieden lill-awtoritajiet Kosovari u tal-pajjiżi ġirien ikomplu juru rieda tajba lejn u jikkooperaw bis-sħiħ ma' u jsostnu t-Task Force Investigattiva Speċjali stabbilita b'segwitu għar-rapport tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa ta' Diċembru 2010 kif ukoll kwalunkwe prosekuzzjoni li tista' toħroġ mill-ħidma tat-Task Force Investigattiva Speċjali u jinkoraġġixxi aktar aċċelerazzjoni ta' xogħolha; |
33. |
Jitlob lill-istituzzjonijiet fuq livell kemm ċentrali kif ukoll lokali jimplimentaw b'mod effikaċi l-leġiżlazzjoni relatata mad-drittijiet tal-bniedem u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ulterjuri ta' soċjetà multietnika, b'enfasi partikolari fuq l-edukazzjoni u l-impjieg ta' rappreżentanti tal-gruppi minoritarji kollha; |
34. |
Jappoġġa l-professjonalizzazzjoni tas-servizz pubbliku u jappella għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni neċessarja f'dan ir-rigward; jinsab imħasseb dwar il-każijiet ta' ndħil politiku fir-reklutaġġ u fil-ħatra ta' impjegati pubbliċi; |
35. |
Jinsab imħasseb dwar il-fatt li d-diskriminazzjoni għadha problema serja u jitlob lill-awtoritajiet japplikaw il-prinċipju kostituzzjonali tan-nondiskriminazzjoni; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi mfassla strateġija globali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u li tiġi implimentata bis-sħiħ il-Liġi dwar il-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni biex b'hekk jiġi garantit, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-trattament ugwali ta' kulħadd indipendentement mill-oriġini etnika, ir-reliġjon, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-età jew id-diżabbiltà; |
36. |
Jieħu att tal-kap ta' akkuża ppreżentat kontra tliet ċittadini Kosovari talli kienu involuti fl-attakk fuq Kosovo 2.0 fl-14 ta' Diċembru 2012 fis-Sala l-Ħamra taċ-Ċentru għaż-Żgħażagħ u l-Isport u jistenna li l-awturi jiġu pproċessati fi żmien dovut; |
37. |
Jisħaq fuq il-fatt li għalkemm il-libertà li wieħed jissieħeb ma' trade unions hija ggarantita mil-liġi, għad hemm bżonn ta' titjib fir-rigward tad-drittijiet bażiċi tax-xogħol u tat-trade unions; jinkoraġġixxi lill-Kosovo jsaħħaħ id-djalogu soċjali fi ħdan il-proċess deċiżjonali, it-tfassil tal-politika u l-bini tal-kapaċitajiet tas-sħab soċjali; |
38. |
Jistieden lill-awtoritajiet Kosovari jimplimentaw totalment il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u jirrakkomanda r-reviżjoni tal-politiki dwar il-faqar fost it-tfal, inkluża l-modifika tal-iskema ta' assistenza soċjali u l-introduzzjoni ta' skema ta' benefiċċji għat-tfal universali u abbażi ta' test tal-mezzi; |
39. |
Jinsab imħasseb dwar ir-rati għolja ta' faqar u ta' mortalità infantili, il-livell baxx ta' kopertura offruta mis-sistema tal-protezzjoni soċjali tal-Kosovo u l-ammont għoli ta' nfiq mhux rimborsat għall-assistenza sanitarja, u b'hekk il-familji vulnerabbli jiġu esposti għall-faqar kroniku; |
40. |
Jappella għat-titjib tar-relazzjonijiet u tar-rappreżentanza tal-Kosovo fi ħdan l-istituzzjonijiet internazzjonali inkarigati mill-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali bil-għan li jittejjeb il-ħarsien tas-siti u tal-monumenti reliġjużi u kulturali, kif ukoll għall-konsolidament tar-rappreżentanza tal-Kosovo fi ħdan l-organizzazzjonijiet sportivi u tal-mezzi tal-komunikazzjoni Ewropej u internazzjonali bil-għan li l-artisti u l-atleti Kosovari jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-avvenimenti kulturali u sportivi internazzjonali kollha, inklużi l-European Song Contest u l-kampjonati Ewropej u tad-dinja u l-Olimpijadi; |
41. |
Jenfasizza l-importanza ta' midja libera u indipendenti u jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-programmi intiżi sabiex itejbu l-kwalità u l-professjonalità tal-ġurnalisti; jisħaq fuq ir-rwol ta' mezzi ta' komunikazzjoni sostenibbli tas-servizz pubbliku f'dan ir-rigward; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' protezzjoni għall-ġurnalisti indipendenti u l-pressjoni eżerċitata fuqhom; jistieden lill-awtoritajiet Kosovari jipprevedu mekkaniżmu ta' finanzjament sostenibbli tal-mezzi tal-komunikazzjoni tas-servizz pubbliku u jikkompetaw l-ħatriet tal-membri tal-bord tat-tmexxija tiegħu; jenfasizza l-bżonn li jiġu garantiti sjieda ċara tal-mezzi tal-komunikazzjoni u servizz tax-xandir ħieles u ta' kwalità; jappoġġa l-isforzi tal-istituzzjonijiet biex l-Kosovo jingħata kodiċi ta' dominju tal-internet; |
42. |
Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi u indipendenti fit-tisħiħ u l-konsolidament tal-proċessi politiċi demokratiċi u fil-bini ta' soċjetà integrata fil-pajjiż; jissottolinja l-importanza ta' djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jisħaq fuq ir-rwol kruċjali tal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-kontribut għal tisħiħ fil-kooperazzjoni reġjonali dwar kwistjonijiet soċjali u politiċi; jilqa' favorevolment il-kooperazzjoni mtejba mill-gvern mal-NGOs u jistieden lill-awtoritajiet Kosovari jistabbilixxu mekkaniżmu strutturat ta' djalogu u ta' konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili fir-rigward tat-tfassil tal-politiki, inklużi konsultazzjonijiet dwar politiki u leġiżlazzjoni, u l-monitoraġġ tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea; |
43. |
Jieħu nota tal-proċess attwali ta' privatizzazzjoni tal-partimonju pubbliku, b'mod partikolari l-kumpanija tal-posta u t-telekomunikazzjoni tal-Kosovo (PTK); iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kosovari jadottaw miżuri konkreti sabiex isaħħu t-trasparenza, ir-responsabbilizzazzjoni u l-leġittimità tal-proċess fit-totalità tiegħu, pereżempju billi jqiegħdu l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati kollha fi żmien debitu; |
44. |
Jitlob lill-Kosovo jtejjeb il-kuntest ekonomiku għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju billi jnaqqas il-piż amministrattiv u l-ispejjeż assoċjati, iżid l-aċċess għall-kreditu, u jagħti appoġġ partikolari għall-impriżi li jkunu għadhom jibdew; jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-iffirmar ta' Memorandum ta' Qbil bejn il-Kmamar tal-Kummerċ tal-Kosovo u tas-Serbja; |
45. |
Jilqa' l-fatt li, fis-17 ta' Diċembru 2012, il-Kosovo sar is-66 membru tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ); jilqa', barra minn hekk, l-adozzjoni tal-ewwel strateġija BERŻ sħiħa għall-pajjiż fit-8 ta' Mejju 2013 li se tikkontribwixxi għall-aċċelerazzjoni tal-proċess ta' riforma u tas-sostenn għall-ekonomija tal-Kosovo, se ttejjeb ħajjet in-nies, tiffaċilita tranżizzjoni u tikkontribwixxi għall-istabilità reġjonali; |
46. |
Jilqa' l-impenn provviżorju tal-UE li tipprovi aktar fondi sabiex jitħallsu l-ispejjeż kollha tad-dekummissjonar tal-impjant tal-elettriku l-qadim Kosovo A sal-2017; jistieden lill-Kosovo jintensifika l-isforzi tiegħu u jieħu minnufih passi konkreti li hemm bżonn għad-dekummissjonar tal-impjant tal-elettriku Kosovo A u jitlob Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali kompleta b'mod konformi mal-istandards tal-UE għall-impjant tal-elettriku l-ġdid tal-Kosovo; jitlob ukoll lill-Kosovo jaħdem fuq l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija b'mod koerenti mal-impenn tiegħu li sal-2020 25 % tal-bżonnijiet totali tal-enerġija jiġi mill-enerġija rinnovabbli, u jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-bżonn li tiġi allokata parti akbar mill-għajnuna finanzjarja provduta mill-UE u l-BERŻ għall-iffrankar tal-enerġija, l-effiċjenza fl-enerġija, l-integrazzjoni fis-swieq reġjonali tal-elettriku u l-proġetti favur l-enerġija rinnovabbli; |
47. |
Jiddispjaċih bid-dewmien tal-awtoritajiet Kosovari fir-rigward tal-preparazzjoni u l-adozzjoni ta' strateġija ambjentali kredibbli u effikaċi fir-rigward, partikolarment, tar-regoli dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u tal-objettivi klimatiċi tal-UE; |
48. |
Josserva bi tħassib iċ-ċifri għolja tal-qgħad, b'mod partikolari dak fost iż-żgħażagħ u jħeġġeġ lill-gvern jindirizza din il-problema billi joffri opportunitajiet adegwati għaż-żgħażagħ u billi jorjenta l-edukazzjoni abbażi tal-esiġenzi tas-suq tax-xogħol; |
49. |
Jisħaq fuq il-fatt li l-adeżjoni Kosovara mal-organizzazzjoni reġjonali ta' kooperazzjoni għandha tkun promossa u inkoraġġita mill-pajjiżi kollha tar-reġjun; jappoġġa, f'dan ir-rigward, l-impenn tal-Kosovo fl-organizzazzjonijiet reġjonali u jappella għat-tneħħija tal-ostakli kollha ħalli l-Kosovo jkun jista' jieħu sehem f'dawn l-organizzazzjonijiet, inkluż il-Kunsill tal-Ewropea; |
50. |
Jisħaq fuq l-importanza li jkun żviluppat it-trasport pubbliku, b'mod partikolari, permezz tal-modernizzazzjoni tal-kollegamenti ferrovjarji, jew l-ħolqien ta' oħrajn ġodda, bħala parti minn sistema ta' trasport sostenibbli; jissuġġerixxi li tinħoloq sistema transkonfinali ta' trasport ferrovjarju ta' veloċità għolja bejn il-pajjiżi kollha fil-Balkani tal-Punent, konnessi man-Netwerk Trans-Ewropew tal-Unjoni Ewropea; |
51. |
Josserva bi tħassib is-sitwazzjoni ekonomika attwali fil-Kosovo; jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li titjieb l-istatistika ekonomika bil-għan li tiġi valutata s-sitwazzjoni ekonomika qabel ma jiġu identifikati l-modi ta' kif tista' tiġi indirizzata; |
52. |
Jistieden lill-awtoritajiet Kosovari jaħdmu fuq it-titjib tal-affidabilità tal-istatistika konformement mal-istandards Ewropej u mal-metodoloġiji internazzjonali; |
53. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Kosovo. |
(1) A/RES/64/298
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0434.