EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IP0017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2014 dwar il-marka reġjonali: lejn l-aħjar prassi fl-ekonomiji rurali (2013/2098(INI))

ĠU C 482, 23.12.2016, p. 70–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 482/70


P7_TA(2014)0017

Il-marka ta' kwalità reġjonali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2014 dwar il-marka reġjonali: lejn l-aħjar prassi fl-ekonomiji rurali (2013/2098(INI))

(2016/C 482/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 174 et seq. tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistabbilixxu l-objettiv ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u jispeċifikaw liema strumenti finanzjarji strutturali jridu jintużaw sabiex jinkiseb dan l-objettiv,

wara li kkunsidra l-Artikolu 39 tat-TFUE li jistipula l-objettivi tal-politika agrikola komuni,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0456/2013),

A.

billi l-kunċett tal-iżvilupp territorjali ħa importanza miżjuda fis-snin reċenti, b'mod partikolari bħala riżultat tal-inklużjoni ta' referenza aktar espliċita għalih fit-Trattat ta' Lisbona;

B.

billi l-politika Ewropea għall-iżvilupp rurali, li hija t-tieni pilastru tal-PAK, kienet uffiċjalment rikonoxxuta fil-kuntest tar-riforma tal-Aġenda 2000; billi dik ir-riforma tat lill-politika għall-iżvilupp rurali status li jmur lil hinn mill-politika soċjali u strutturali implimentata sempliċiment bħala żieda mal-politika tas-swieq agrikoli;

C.

billi l-qafas tar-regolament futur tal-politika reġjonali jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw ippjanar u programmazzjoni integrati bħala sforz li jippermetti aktar konsistenza bejn il-programmi pluriennali implimentati fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni kif ukoll il-FAEŻR (u l-Fond Ewropew għas-Sajd) permezz tal-użu ta’ qafas strateġiku komuni, li jevita d-duplikazzjoni tal-finanzjament u inizjattivi doppji, isegwi l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, u stabbilit fi ftehim ta’ sħubija mfassal mill-Istati Membri f’kooperazzjoni mas-sħab ekonomiċi u soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; billi l-miżuri u l-inizjattivi favur l-iżvilupp tat-territorji, partikolarment dawk rigward żoni rurali, iridu konsegwentement jiddaħħlu f’approċċ globali u transsettorjali;

D.

billi l-fruntiera bejn l-urban u r-rurali qed tisfuma u l-agrikoltura periurbana qed tespandi; billi huwa importanti li bħala żieda mal-politika għall-iżvilupp rurali, il-politika reġjonali tkun imfassla wkoll biex tindirizza ż-żoni rurali, sabiex hemmhekk tappoġġja proġetti innovattivi u formattivi.

E.

billi l-istrumenti tal-iżvilupp rurali disponibbli għall-Istati Membri fir-regolament għall-iżvilupp rurali fis-seħħ joffru bosta possibilitajiet tal-iżvilupp għal dawn l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom, u billi dawn il-possibilitajiet mhumiex użati biżżejjed mill-programmi attwali ta’ żvilupp rurali minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi baġitarji;

F.

billi r-regolament għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 għall-iżvilupp rurali se jestendi l-miżuri disponibbli għall-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri li jappoġġjaw il-produzzjoni ta’ ikel ta’ kwalità, il-firxa ta’ koperazzjoni bejn l-atturi territorjali biex ikunu rkuprati r-riżorsi kollha fil-forma ta’ prodotti u servizzi ta’ kwalità, it-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, kif ukoll il-miżuri ta’ innovazzjoni u d-diversifikazzjoni ekonomika fiż-żoni rurali;

G.

billi l-inklużjoni mtejba tal-produtturi primarji fil-katina tal-ikel permezz ta’ sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità, il-promozzjoni tal-bejgħ fis-swieq lokali u r-rotot tal-provvista qosra kienet stabbilita bħala prijorità għall-iżvilupp rurali fis-snin 2014-2020;

H.

billi, fil-kuntest tal-iżvilupp rurali, l-approċċ “LEADER” jiġbor bl-aħjar mod il-kunċett tal-kooperazzjoni bejn persuni ta’ natura differenti filwaqt li jżomm, madankollu, f’post ċentrali l-attività agrikola u billi l-persuni involuti jistgħu jaqsmu proġett territorjali bbażat fuq is-setturi bil-għan li jenfasizza l-fatturi speċifiċi u l-aħjar prattiki ta’ żona omoġenja determinata;

I.

billi l-għażla tal-metodi u t-tip ta’ appoġġ li għandhom jiġu implimentati fil-programmi ta’ żvilupp rurali għandha titħalla fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri jew ir-reġjuni tagħhom, jekk huma jagħżlu programmazzjoni reġjonali; billi l-Istati Membri huma fl-aħjar pożizzjoni biex jiddeterminaw l-enfasi xierqa ta’ programmi bħal dawn fil-livell nazzjonali jew reġjonali;

J.

billi jistgħu jintużaw metodi li, permezz ta’ approċċi komuni, jimmobilizzaw u jinvolvu l-atturi pubbliċi u privati relevanti kollha, irrispettivament mil-livelli li fihom ikunu attivi, bil-għan li tiġi żviluppata kooperazzjoni f'firxa wiesgħa ta' żoni u jiġi sfruttat il-potenzjal kollu għal kull territorju abbażi ta’ proġett komuni, fejn għandha tinġibed l-attenzjoni, b’mod partikolari f’dan il-każ, għall-importanza tal-assoċjazzjonijiet ta’ żvilupp lokali, l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi u l-kooperattivi, li jistgħu jaġixxu bħala sħab privileġġjati bl-għan li jkun hemm aċċess għal swieq lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali;

K.

billi l-programmi ta’ żvilupp rurali kemm ta’ suċċess kif ukoll komprensivi jista’ jkollhom impatt pożittiv konkret fuq ir-rati tal-impjieg u l-kompetittività tan-negozji fiż-żoni rurali, u b’hekk jitnaqqsu r-riskji ta’ qgħad jew li minħabba d-dħul rurali baxx l-abitanti jgħixu fil-faqar kbir;

L.

billi l-marki territorjali ta' eċċellenza jistgħu jikkontribwixxu fir-reżiljenza u l-iżvilupp ta’ ekonomiji territorjali, partikolarment fir-reġjuni l-aktar vulnerabbli, ir-reġjuni muntanjużi u r-reġjuni l-aktar imbiegħda, filwaqt li jikkoordinaw settijiet ta’ prodotti (alimentari u dawk li mhumiex) u servizzi ta’ kwalità intrinsikament marbuta ma’ xulxin, profondament ankrati fl-ispeċifiċitajiet ta’ kull territorju u partikolarment il-wirt tagħhom (storiku, kulturali, ġeografiku eċċ); billi miġbura flimkien f'settijiet dawn il-prodotti u s-servizzi huma uniċi u jiġġeneraw dħul fil-livell territorjali filwaqt li joħolqu opportunitajiet ġodda fis-swieq lokali u internazzjonali u jistgħu jaġixxu wkoll bħala “umbrella” għall-promozzjoni tar-reġjuni bħala destinazzjonijiet turistiċi; billi l-għan ta' dawn il-marki (branding) territorjali huwa li jidentifika dawk it-territorji li ħadmu flimkien biex joħolqu sħubiji u sinerġiji komuni sabiex jisfruttaw ir-riżorsi tagħhom fuq tul ta' żmien twil, iħeġġu l-produtturi lokali/reġjonali u jistimulaw l-ekonomiji tagħhom, li huwa vitali għall-kwalità tal-ħajja fil-kampanja u l-iżvilupp ibbilanċjat taż-żoni rurali u urbani; billi m'għandhomx jiġu mfixkla mat-tikketti ta' kwalità (denominazzjoni protetta tal-oriġini (DPO), indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) u Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti (STG)) użati għal prodotti tal-ikel, li bihom barra li jkunu inkompatibbli, ikunu bil-maqlub għal kollox kumplimentari; billi għandhom jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta' dawn l-iskemi kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE u jgħinu biex itejbu l-kompetittività tal-ekonomiji rurali filwaqt li fl-istess ħin iżidu l-opportunitajiet tal-impjieg;

M.

billi s-sistema tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini (DPO) u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) hija waħda effiċjenti li tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-iżvilupp rurali u territorjali permezz tal-ħolqien u d-distribuzzjoni tal-valur miżjud, bl-azzjoni kollettiva tal-produtturi u l-partijiet interessati kollha u bil-mod kif jippromwovu r-reġjun inkwistjoni fis-swieq lokali, reġjonali u internazzjonali; billi, għaldaqstant, il-marka reġjonali fl-ebda każ m’għandha tissostitwixxi jew b’xi mod tagħmel ħsara lis-sistema tad-DPO-IĠP;

N.

billi miżuri biex jinkoraġġixxu u jappoġġaw l-interazzjoni fil-livell lokali u reġjonali bejn is-settur primarju u dak terzjarju jistgħu jiggarantixxu l-iżvilupp sostenibbli tas-settur agrikolu u tat-turiżmu fl-UE;

O.

billi teżisti l-ħtieġa li tinħoloq u tiġi applikata għodda effettiva ta’ kummerċjalizzazzjoni li tagħti spinta lill-kompetittività tal-prodotti reġjonali, tħeġġeġ lill-produtturi lokali u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ identità reġjonali mhux biss rigward l-agrikoltura iżda wkoll f’oqsma oħra;

1.

Jilqa’ l-approċċ integrat għal żvilupp territorjali stabbilit fir-regolament dwar il-qafas strateġiku komuni għall-fondi tal-UE; jinnota l-ħtieġa għal koordinazzjoni u koerenza bejn il-fondi differenti tal-UE bħala mod biex jiġi garantit żvilupp territorjali armonjuż, sostenibbli u bbilanċjat;

2.

Jinnota li l-iżvilupp territorjali huwa espliċitament inkluż fl-objettivi tal-PAK, li jikkumplimenta żewġ objettivi oħra, b'mod partikolari s-sigurtà tal-ikel u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-ġlieda kontra t-tisħin globali;

3.

Jenfasizza li r-reġjuni agrikoli għandhom rwol multifunzjonali li jinvolvi mhux biss l-iżvilupp agrikolu iżda wkoll attivitajiet ekonomiċi u soċjali oħra marbuta mal-bini ta’ kapaċitajiet lokali fir-rigward ta’ ħiliet, għarfien u investiment fl-individwazzjoni u l-kontroll tal-assi lokali u l-potenzjali u r-riżorsi ta’ valur u moħbija kollha;

4.

Jilqa' l-kunċett ta' “żvilupp lokali mmexxi mill-komunità” u jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw dan il-kunċett u jneħħu kwalunkwe ostaklu li jista’ jkun hemm bejn id-dipartimenti ministerjali u korpi amministrattivi oħra involuti fil-ġestjoni ta’ dan l-approċċ innovattiv il-ġdid; jenfasizza li l-proċeduri amministrattivi ma għandhomx ikunu ta’ piż, u lanqas joħolqu spejjeż addizzjonali għall-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru;

5.

Jistieden lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali tagħhom biex jippromwovu forom aktar dinamiċi ta' governanza parteċipattiva li jippermettu l-implimentazzjoni ta' proġetti komuni ta’ żvilupp territorjali, li jkunu kapaċi jkopru s-setturi ekonomiċi kollha, inkluż it-turiżmu u, fis-settur tal-agrikoltura, l-industriji tal-ikel u dawk li mhumiex tal-ikel, bħal proġetti tal-katina tal-provvista reġjonali (li jikkonċernaw ktajjen tal-provvista qosra, ktajjen tal-ikel, biċċeriji lokali, produzzjoni tal-metan minn proġetti ta’ bijogass mill-bijomassa agrikola, kimika ekoloġika, materjal ibbażat fuq il-prodotti bijoloġiċi eċċ…), b'attenzjoni partikolari fuq mikronegozji u negozji ġodda li jkunu għadhom kemm fetħu, abbażi tar-rikonoxximent gradwali tal-identità ta’ kull territorju, kif definit u infurmat mill-wirt tiegħu; jinnota li dawn il-forom ta' governanza huma bbażati fuq sħubiji kumplessi bejn l-atturi u l-korpi, li l-ħidma tagħhom trid tkun ikkoordinata madwar il-kunċett tal-marka ta’ eċċellenza territorjali; għalhekk, jistieden lill-Istati Membri biex joħolqu pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki, billi jintużaw b'mod partikolari l-għodod ipprovduti mill-approċċ LEADER għal programmi ta' żvilupp rurali;

6.

Jinnota li koordinazzjoni eqreb tal-atturi lokali tista' tgħin l-ekonomiji rurali, speċjalment fir-reġjuni l-aktar vulnerabbli, inkluż ir-reġjuni muntanjużi, u fl-aktar distanti fosthom, bħar-reġjuni l-aktar imbiegħda; jenfasizza li t-territorji jistgħu jibbenefikaw minn organizzazzjoni aħjar bil-għan li jiġi identifikat il-potenzjal sħiħ li joffru r-riżorsi tagħhom (inklużi r-riżorsi moħbija), fl-interessi tal-atturi kollha marbutin flimkien permezz ta' relazzjoni ta’ interdipendenza u ta’ solidarjetà (jiġifieri dawk involuti fis-settur agrikolu, artiġjanali, turistiku, patrimonjali, u jinkludi l-organizzazzjonijiet, l-assoċjazzjonijiet u l-kmamar tal-kummerċ tal-produtturi, eċċ…); jinnota li r-raġuni ta' din il-koordinazzjoni strateġika hija li jkun hemm aċċess għal riżorsi billi jinkludu u jmorru lil hinn minn approċċ settorjali jew skont industriji uniċi u minflok jitolbu l-użu ta' approċċi territorjali li jiġġeneraw qligħ ġdid fil-livell territorjali permezz tal-kummerċjalizzazzjoni ta' settijiet ta' prodotti u servizzi kumplementari li jirriflettu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull territorju; jistipula f'dan ir-rigward li din il-governanza territorjali għandha tappoġġja b'mod qawwi l-ħolqien, l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u tal-ikel koperti mill-iskemi ta' kwalità eżistenti, ibbażati fuq il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u fl-istess ħin mal-promozzjoni ta' servizzi ta' kwalità (li ma jibbenefikawx minn rikonoxximent Ewropew uffiċjali), bi promozzjoni msaħħa reċiproka tal-prodotti agrikoli u tas-servizzi, u l-partijiet kollha li juru s-solidarjetà sabiex jitħeġġu l-prodotti u s-servizzi kollha miż-żona lokali tagħhom stess;

7.

Għalkemm il-marka ta’ kwalità territorjali hija intenzjonata biex tmexxi proċess ta’ ħolqien tal-valur territorjali li jfittex li jiġbor il-prodotti u s-servizzi f'perspettiva ta' identità u responsabbiltà soċjali, u li jikkomplementa, billi jifforma parti sħiħa magħquda u jiġġenera sinerġiji mal-iskemi eżistenti tal-marki ta’ kwalità marbuta mal-oriġini tal-prodotti tal-ikel, jinnota li dan it-tip ta' marka jmur lil hinn billi jkun japplika b'mod globali għall-prodotti, l-oġġetti u s-servizzi kollha ta' territorju partikolari u għall-mudell ta’ ġestjoni tal-impriżi, l-istituzzjonijiet u l-atturi lokali f'dak it-territorju;

8.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi forom ta’ assoċjazzjoni bejn reġjuni differenti u sħubija transsettorjali, sabiex ikunu kompetittivi; jagħraf ir-rwol ta’ korpi rappreżentattivi, bħal assoċjazzjonijiet, fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew li jagħtu lok għall-promozzjoni ta’ marki reġjonali u jtejbu u jsaħħu l-viżibbiltà li tkun qed tikber tar-reġjun; jitlob li tingħata iktar attenzjoni lill-inizjattivi ta’ marki reġjonali bħala tema komuni possibbli fil-kooperazzjoni territorjali Ewropea u l-inizjattivi ta’ finanzjament Ewropew, u bħala għodda li tirrappreżenta investiment fil-vitalità fit-tul tal-kompetittività tar-reġjun;

9.

Iqis li l-marka ta' kwalità reġjonali trid tgħin biex jinżamm l-immaġni tal-Ewropa bħala destinazzjoni ta' kwalità għolja għat-turiżmu, fuq il-bażi ta' diversi oqsma tat-turiżmu reġjonali, bħall-agrituriżmu, it-turiżmu rurali, l-ekoturiżmu, it-turiżmu kulinari, kif ukoll il-wirt industrijali, storiku, naturali u kulturali, u li tinkludi wkoll r-rotot taċ-ċikliżmu li jiġu kkombinati mat-trasport pubbliku; jenfasizza li bħalissa ma teżisti l-ebda marka Ewropea għal servizzi assoċjati ma' post partikolari li tista' tippermetti lill-konsumaturi li jidentifikaw prodott turistiku ta’ kwalità; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li tingħata assistenza fl-introduzzjoni ta' dinamika relatata mal-kwalità fis-settur turistiku, b’mod partikolari b'rabta mat-turiżmu rurali u l-impriżi żgħar; iqis li din tista’ tgħin biex tipprovdi alternattiva għas-setturi tradizzjonali bħall-agrikoltura u t-trobbija tal-bhejjem; iqis li kull marka ta' kwalità marbuta ma' post speċifiku trid tirrifletti sett ta' speċifikazzjonijiet li jipprovdu garanzija ta' kwalità u trid tirrispetta u tibni fuq marka eżistenti, bħad-denominazzjonijiet tal-prodotti tal-ikel, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni fir-rigward ta' prodotti agrikoli b'tikketta ta' kwalità tal-UE;

10.

Iqis li inizjattivi bħan-netwerk EDEN (Destinazzjonijiet Ewropej ta' Eċċellenza) jippromwovu l-kompetittività, jgħinu sabiex ikun hemm turiżmu sostenibbli u ta' kwalità għolja f'reġjun, permezz tal-potenzjal ta' impriżi mikro u żgħar, u jikkontribwixxu għall-involviment tal-istituzzjonijiet lokali, l-istabbiliment ta' sħubijiet u d-diversifikazzjoni tal-parteċipanti fil-ħolqien tal-marka ta' kwalità reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi forom differenti ta’ turiżmu li jinvolvu attivitajiet rurali f'miżuri u programmi relatati bħal EDEN, Calypso, eċċ.; jinsisti li jeħtieġ li l-attivitajiet turistiċi rurali jiġu promossi permezz ta' azzjonijiet u ta' programmi mmirati;

11.

Jirrakkomanda lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw li l-programmi futuri ta’ żvilupp rurali jipprovdu miżuri xierqa u riżorsi suffiċjenti biex jiffaċilitaw governanza tajba u forom sostenibbli tal-governanza territorjali billi jimmobilizzaw u jsaħħu l-miżuri bbażati fuq l-operati kollettivi: miżuri li jirrigwardaw il-kooperazzjoni, (inkluż dwar sistemi ta' produzzjoni sostenibbli), il-koordinazzjoni, l-iskambji, in-netwerks, l-innovazzjoni, it-taħriġ, l-għaqda ta' produtturi fi gruppi, il-promozzjoni, l-informazzjoni u l-investiment, previsti fir-regolamenti l-ġodda dwar l-iżvilupp rurali; jistieden lill-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali (GAL), fil-qafas tal-Programm LEADER+, sabiex jipprovdu l-appoġġ neċessarju biex jitwaqqfu netwerks ta’ kooperazzjoni li jobtu flimkien il-produtturi lokali u reġjonali, il-fornituri ta’ servizzi u l-istituzzjonijiet kulturali, bħal universitajiet, libreriji u ċentri ta’ riċerka, sabiex jippermettu li l-aspetti kulturali u storiċi tat-territorji jkunu sintetizzati f’marka reġjonali li kapaċi toħloq rabta fit-tul bejn it-taħriġ, ir-riċerka u l-produzzjoni, li jirriżultaw ukoll fil-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli;

12.

Jispeċifika li programmi bħal dawn għandhom ikunu multisettorjali, mingħajr ma jiżvijaw, madankollu, mill-importanza prevalenti tal-attività agrikola, u li dawn għandhom jiġu vvalutati mill-awtoritajiet tal-ġestjoni responsabbli għall-pjanijiet ta’ żvilupp;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex jiġu rikonoxxuti u mħeġġa forom ġodda ta' kooperazzjoni għal żoni rurali, madwar il-marka ta’ eċċellenza territorjali, bl-għajnuna ta' għodod li jinsabu fir-riforma tal-PAK bħall-inizjattiva tal-Unjoni LEADER, l-għodod ta 'assistenza teknika u ta’ netwerking, is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (IEP), in-netwerk Ewropew għall-iżvilupp rurali, kif ukoll kull għodda u riżorsa oħra li jistgħu jkunu meħtieġa; dawn il-forom ġodda ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni oġġettiva tas-sinerġiji reġjonali, billi jqisu d-dimensjoni soċjali, ekonomika u ambjentali, is-sostenibilità, id-diversità tal-atturi ekonomiċi u soċjali (inklużi dawk mis-settur tat-turiżmu) involuti fil-promozzjoni tal-identità territorjali u s-sett ta' prodotti u servizzi speċifiċi li jistgħu jiġu żviluppati f’kull territorju, sabiex jinħoloq u jinżamm valur miżjud;

14.

Iqis li, fil-kuntest ta' dawn il-forom ġodda ta' kooperazzjoni territorjali, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jużaw il-miżuri kollha ta' żvilupp rurali marbutin ma' politika ta' kwalità għal prodotti tal-ikel, bil-għan li jiġi żviluppat b'mod partikolari l-bejgħ fi swieq lokali u ktajjen tal-provvista qosra u titjieb is-sostenibilità kif ukoll l-għarfien ta' metodi ta' produzzjoni, filwaqt li jiġu rispettati għal kollox ir-regoli tal-UE u mingħajr ma jiġu affettwati, imfixkla jew imdgħajfa l-iskemi Ewropej eżistenti tal-kwalità, bħad-denominazzjoni protetta tal-oriġini (DPO), l-indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) u l-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti (STG); iqis li, fis-settur tal-ikel agrikolu, il-marka ta’ eċċellenza territorjali għandha tkun illimitata għall-promozzjoni ta' skemi tal-kwalità DPO-IĠP-STG kull fejn jeżistu jew għall-appoġġ tal-ħolqien tagħhom fejn għadhom ma jeżistux; jistieden lill-Kummissjoni, filwaqt li jqis il-proliferazzjoni ta' tikketti multipli u marki reġjonali rigward il-prodotti tal-ikel fl-Ewropa, biex tfassal inventarju tal-marki b'fatturi reġjonali speċifiċi, sabiex tiġi evitata kwalunkwe possibilità ta' effetti negattivi fuq l-iskemi ta' kwalità; jinnota li l-kunċett tal-marka reġjonali għandu jiġi definit b’mod ċar, filwaqt li titqies l-esperjenza pożittiva tal-marki ta' kwalità diġà eżistenti (DPO, DOC, IĠP), u jiġu definiti strateġiji koordinati sabiex jiġu evitati duplikazzjonijiet u trikkib li jirriżultaw minn approċċ komuni konġunt, ibbażat fuq qafas li għandu jiġi definit fil-livell tal-UE;

15.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.


Top