Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DP0001(01)

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2014 dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Lara Comi (2013/2190(IMM))

ĠU C 482, 23.12.2016, p. 155–156 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 482/155


P7_TA(2014)0001

Talba għall-ħarsien tal-immunità parlamentari ta' Lara Comi

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2014 dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Lara Comi (2013/2190(IMM))

(2016/C 482/25)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba tat-30 ta' Lulju 2013 ta' Lara Comi għall-ħarsien tal-immunità fir-rigward tal-proċedimenti kriminali pendenti quddiem il-Qorti ta' Ferrara, u mħabbra fis-seduta plenarja fid-9 ta' Settembru 2013,

wara li sema' lil Lara Comi fit-5 ta' Novembru 2013 skont it-termini tal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, ta-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010 u tas-6 ta' Settembru 2011, (1)

wara li kkunsidra l-Artikoli 6(3) u 7 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0469/2013),

A.

billi Lara Comi, Membru tal-Parlament Ewropew, talbet il-ħarsien tal-immunità parlamentari tagħha fir-rigward ta' proċedimenti ġudizzjarji mnedija mill-Prosekutur Pubbliku ta' Ferrara b'segwitu ta' akkuża ta' malafama aggravata miġjuba skont l-Artikolu 595(2) u (3) tal-Kodiċi Kriminali Taljan u l-Artikolu 30 tal-Liġi 223 tas-6 ta' Awwissu 1990, għad-dikjarazzjonijiet li allegatament għamlet waqt xandira ta' dibattitu politiku fuq it-televiżjoni;

B.

billi l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-privileġgi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, li Lara Comi qed tinvoka esspressament fit-talba tagħha għall-ħarsien tal-immunità, jiddisponi li l-Membri tal-Parlament Ewropew ma jistgħux jiġu mfittxija, miżmuma jew persegwiti minħabba l-fehmiet espressi jew il-voti mitfugħa fil-qadi ta’ dmirijiethom;

C.

billi l-Artikolu 6 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jiddisponi li fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom;

D.

billi l-Parlament jiddisponi minn setgħat ta' diskrezzjoni wesgħin fir-rigward il-linja ta' azzjoni li jagħżel li jadotta bi tweġiba għal talba għall-ħarsien tal-immunità parlamentari ta' wieħed mill-Membri tiegħu (2);

E.

billi l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li dikjarazzjoni magħmula minn Membri barra mill-Parlament Ewropew tista' tikkostitwixxi opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet tal-Membru fit-tifsira tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, u tat rilevanza mhux għall-post fejn tkun ġiet magħmula d-dikjarazzjoni, iżda għan-natura u l-kontenut tagħha (3);

F.

billi Lara Comi kienet mistiedna fix-xandira televiżiva inkwistjoni fil-kapaċità tagħha bħala Membru tal-Parlament Ewropew u mhux bħala rappreżentanta nazzjonali ta' partit, li kien diġà rappreżentat minn mistieden ieħor, bi qbil mad-dispożizzjonijiet nazzjonali maħsuba biex jiggarantixxu preżenza ekwilibrata ta' kelliema politiċi fid-dibattiti televiżivi li jitwettqu waqt il-kampanji elettorali, kif inhu l-każ inkwistjoni;

G.

billi fid-demokraziji moderni d-dibattitu politiku ma jsirx biss fil-Parlament iżda wkoll permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni li jvarjaw minn stqarrijiet għall-istampa sal-internet,

H.

billi fix-xandira televiżiva inkwistjoni Lara Comi tkellmet bħala Membru tal-Parlament Ewropew biex tiddiskuti kwistjonijiet politiċi, inkluż dwar l-akkwist pubbliku u l-kriminalità organizzata, li dwarhom hija dejjem ħadet interess fil-livell Ewropew;

I.

billi l-għada stess, is-Sa. Comi bagħtet l-apoloġiji tagħha lill-ilmentatur, li wara ġew imtennija f'xandira televiżiva nazzjonali oħra;

1.

Jiddeċiedi li jħares il-privileġġi u l-immunità ta' Lara Comi;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Taljana u lil Lara Comi.


(1)  Sentenza tat-12 ta' Mejju 1964 fil-Kawża 101/63, Wagner vs Fohrmann u Krier (Ġabra tal-Ġurisprudenza 1964, p. 381); Sentenza tal-10 ta' Lulju 1986 fil-Kawża 149/85, Wybot vs Faure et. (Ġabra tal-Ġurisprudenza 1986, p. 2391); Sentenza tal-15 ta' Ottubru 2008 fil-Kawża T–345/05, Mote vs Il-Parlament (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008, p. II–2849); Sentenza tal-21 ta' Ottubru 2008 fil-Kawżi Magħquda C–200/07 u C–201/07, Marra vs De Gregorio u Clemente (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008, p. I–7929); Sentenza tad-19 ta' Marzu 2010 fil-Kawża T–42/06, Gollnisch vs Il-Parlament (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010, p. II–1135); Sentenza tas-6 ta' Settembru 2011 fil-Kawża C–163/10, Patricello (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011, p. I–7565).

(2)  Kawża T-42/06, Gollnisch v. il-Parlament, paragrafu 101

(3)  Patriciello, sentenza ċitata, paragrafu 30.


Top