EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0906

ABBOZZ TAR-RAPPORT KONĠUNT DWAR L-IMPJIEG MILL-KUMMISSJONI U L-KUNSILL li jakkompanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali 2015

/* COM/2014/0906 final */

52014DC0906

ABBOZZ TAR-RAPPORT KONĠUNT DWAR L-IMPJIEG MILL-KUMMISSJONI U L-KUNSILL li jakkompanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali 2015 /* COM/2014/0906 final */


L-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi (RKI), kif mitlub mill-Artikolu 148 tat-TFUE, huwa parti mill-pakkett tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) biex iniedi s-Semestru Ewropew tal-2015. Bħala kontribut ewlieni għal gwida ekonomika msaħħa, ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi jirfed il-messaġġi ewlenin fir-rigward tal-impjiegi li jinstabu fis-SAT. L-analiżi li fih, hija bbażata fuq l-iżviluppi fl-impjiegi u s-sitwazzjoni soċjali fl-Ewropa, fuq l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida għall-Impjiegi[1] u l-eżami tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) li wasslu għar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (RSP) adottati mill-Kunsill fit-8 ta' Lulju 2014 u fuq il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom s'issa.

 Is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi tkompli toħloq tħassib

It-tbassir ekonomiku tal-Ħarifa mill-Kummissjoni huwa kkaratterizzat minn tkabbir bil-mod u qgħad għoli iżda relattivament stabbli (24.6 miljun persuna). Id-diverġenzi fost il-pajjiżi, partikolarment fiż-żona tal-euro, jibgħu għolja. Anke f’ekonomiji li għandhom prestazzjoni relattivament tajba, il-qgħad qed isir strutturali kif jidher mill-għadd dejjem jikber ta’ persuni qiegħda għal żmien twil.

Riformi li jappoġġjaw swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw tajjeb għandhom ikomplu

Bosta Stati Membri wettqu riformi, f’konformità mar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-pajjiż. L-effetti pożittivi mir-riforma huma viżibbli pereżempju f’rati ta’ attività dejjem jiżdiedu. Iżda aktar investimenti huma meħtieġa biex jistimulaw it-tkabbir u joħolqu ambjent pożittiv għall-ħolqien tal-impjiegi deċenti.

Fir-rigward tal-ġlieda kontra l-qgħad, l-Istati Membri għamlu progress fl-implimentazzjoni ta’ Garanziji għaż-Żgħażagħ. Aktar sforzi huma meħtieġa, b’attenzjoni speċifika għas-servizzi pubbliċi tal-impjieg, interventi attivi mfassla apposta fis-suq tax-xogħol u edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ambjent favorevoli għall-kumpaniji biex joffru apprentistati li jippermettu tranżizzjoni aktar faċli mill-iskola għax-xogħol.

L-investiment fil-kapital uman permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ se jżid il-produttività

L-Istati Membri ħadmu biex jintroduċu miżuri mmirati maħsuba biex itejbu l-provvista tal-kompetenzi u jġibu 'l quddiem it-tagħlim tal-adulti. Għadd ta’ pajjiżi ħadu miżuri biex itejbu l-edukazzjoni primarja, sekondarja u terzjarja, filwaqt li oħrajn indirizzaw l-istrateġija ġenerali tal-edukazzjoni. L-Istati Membri għandhom ikomplu jirriformaw is-sistemi tal-EVT biex iżidu l-produttività tal-ħaddiema fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-ħiliet li qed jinbidlu malajr.

Is-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji għandhom ikunu ta' appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi

L-iskemi ta' benefiċċji għall-qgħad għandhom ikunu marbuta aħjar mal-miżuri ta' attivazzjoni u ta' appoġġ u tinħtieġ aktar azzjoni biex tiżdied l-integrazzjoni tal-qgħad fit-tul fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom ikomplu, jew f'xi każijiet iħaffu l-miżuri li jindirizzaw l-isfida tas-swieq tax-xogħol frammentati billi jissimplifikaw il-liġi tax-xogħol.

Xi riformi tas-sistemi tat-taxxa ngħataw bidu biex jitnaqqsu d-diżinċentivi li wieħed jaċċetta impjieg u –fl-istess waqt- u tonqos it-tassazzjoni tax-xogħol biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jingaġġaw (mill-ġdid) żgħażagħ u persuni qiegħda fit-tul. Bosta Stati Membri indirizzaw xi mekkaniżmi ta' ffissar ta' pagi biex jippromwovu l-allinjament tal-iżviluppi tal-pagi mal-produttività u biex jappoġġjaw l-introjtu disponibbli tal-unitajiet domestiċi, b'attenzjoni partikolari fuq il-pagi minimi. Xi Stati Membri fittxew toroq għall-ħolqien tal-impjiegi permezz ta' ingaġġar (temporanju), sussidji ta' paga jew ta' kontribuzzjonijiet soċjali mmirati lejn ingaġġ ġdid. Il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali

Ġew introdotti riformi ta’ politika tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. L-età tal-pensjoni qed tiżdied u d-diverġenzi tal-ġeneru fl-età pensjonabbli qed jitnaqqsu. L-Istati Membri qed jiftħu rotot biex dak li jkun itawwal il-ħajja tax-xogħol tiegħu u jtejjeb id-drittijiet tal-pensjoni billi jiddiferixxi l-irtirar. Is-sistemi ta' protezzjoni soċjali jattivaw dawk li jistgħu jaċċessaw is-suq tax-xogħol, jipproteġu dawk l-aktar esklużi mis-suq tax-xogħol u jagħtu kenn lill-persuni mir-riskji taċ-ċikli ta' ħajjithom.

L-Istati Membri qed iżidu l-isforzi tagħhom biex iżommu aħjar fil-mira lil dawk li huma fir-riskju tal-povertà, b'mod partikolari t-tfal u l-anzjani.

Barra minn hekk, ir-reviżjonijiet tan-nefqa tal-kura tas-saħħa qed jippromwovu modi biex tiżdied l-effikaċja għaċ-ċittadini u titjieb il-kwalità meta mqabbla mal-prezz.

1.            IX-XEJRIET TAS-SUQ TAX-XOGĦOL U DAWK SOĊJALI U L-ISFIDI FL-UNJONI EWROPEA

Il-qgħad qed jonqos bil-mod iżda għadu f'livelli għoljin fl-UE-28. Filwaqt li r-rata tal-qgħad naqset b'aktar minn żewġ punti perċentwali bejn l-2004 u l-2008, il-kriżi finanzjarja u ekonomika kkawżat deterjorament serju (Figura 1). Bejn l-2008 u l-2013, ir-rata tal-qgħad fit-tul fl-UE-28 żdiedet minn 7.0 % sa 10.8 %. Ċifri aktar reċenti tal-Eurostat juru li minn dakinhar ir-rata tal-qgħad reġgħet niżlet għal-livell ta' 10.1% f'Settembru 2014 (11,5% fiż-ŻE-18). Dan huwa l-iktar livell baxx minn Frar 2012 u huwa stabbli meta mqabbel ma' Awwissu 2014. Din ir-rata hija ekwivalenti għal numru assolut ta' 24.6 miljuni ta' persuni mingħajr xogħol meta sena qabel kien hemm 26.4 miljuni. Meta wieħed iħares lejn l-iżviluppi minn żmien għal żmien fir-rigward ta' gruppi differenti fis-suq tax-xogħol, wieħed isib li r-rata tal-qgħad fiż-żgħażagħ hija strutturalment ogħla mir-rata medja, u anki iktar sensittiva għaċ-ċiklu tan-negozju. Ir-rati tal-qgħad għal dawk bi ftit kwalifiki huma wkoll strutturalment ogħla.[2] L-ħaddiema ta' età aktar avanzat għandhom rati ta' qgħad aktar baxxi iżda għalihom huwa ġeneralment aktar diffiċli li jerġgħu jsibu x-xogħol meta jkunu qiegħda. Ir-rati ta' qgħad għall-irġiel u n-nisa ilhom kważi l-istess mill-2009.

Figura 1: L-iżvilupp tar-rati ta' qgħad bejn l-2004 u l-2013 fl-UE-28 (dejta annwali), total, żgħażagħ, ħaddiema aktar anzjani, bi ftit kwalifiki u nisa.   Sors: Eurostat

L-iżviluppi fil-qgħad madwar l-UE xorta għadhom ivarjaw ħafna, iżda ma kienx hemm aktar diverġenza. F’Settembru 2014 ir-rata tal-qgħad kienet tvarja minn 5.0 % fil-Ġermanja u 5.1 % fl-Awstrija f'estrem wieħed għal 24.0 % fi Spanja u 26.4 % (il-figura ta' Lulju) fil-Greċja fl-estrem l-ieħor. Matul l-aħħar sena, il-qgħad naqas f'21 Stat Membru filwaqt li baqa’ l-istess f’pajjiż wieħed u żdied f’sitta. L-ikbar tnaqqis ġie reġistrat fi Spanja, il-Kroazja, l-Ungerija u l-Portugall. Kien hemm aktar żieda f'sitt Stati Membri (Franza, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Awstrija u l-Finlandja).

Il-qgħad fit-tul għadu qed jiżdied. Bejn l-2010 u l-2013, ir-rata tal-qgħad fit-tul fl-UE-28 żdiedet minn 3.9% sa 5.1%. L-iżviluppi kienu partikolarment negattivi fil-Greċja u fi Spanja u sa ċertu punt inqas f’Cipru, filwaqt li titjib sinifikanti ġie rreġistrat fit-tliet Stati Baltiċi. Matul is-sena li għaddiet il-qgħad fit-tul bħala perċentwal tal-qgħad totali kompla jiżdied aktar minn 45.3% għal 48.7% fl-UE-28 (47.5 % u 51.5% għaż-ŻE-18).

Ir-rata ta’ qgħad fit-tul taffettwa l-irġiel, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema bi ftit kwalifiki aktar minn gruppi oħra fis-suq tax-xogħol, u speċjalment tolqot lil dawk li jaħdmu f’impjiegi u setturi li sejrin lura. L-istat ġenerali tal-ekonomija għadu fattur importanti fid-determinazzjoni tat-tibdil fil-livelli u ċ-ċaqliq lejn il-qgħad fit-tul u 'l hemm minnu, iżda hemm ukoll effetti qawwija speċifiċi għall-pajjiż fil-każ ta' xi Stati Membri (bħall-Finlandja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja) li jiżguraw rati ta' tranżizzjoni għolja lejn l-impjieg b'kuntrast ma' oħrajn, bħal pereżempju il-Bulgarija, il-Greċja u s-Slovakkja. B'mod ġenerali, wieħed minn ħamsa ta' dawk li huma qiegħda fit-tul fl-UE qatt ma ħadem, u tlieta minn kull erbgħa huma żgħażagħ taħt l-eta ta' 35, u dan joħloq riskji ta' marġinalizzazzjoni.[3]

Figura 2: Rati ta’ qgħad fuq żmien twil f’% ta’ popolazzjoni attiva, l-UE-28 u l-Istati Membri, 2010 u 2013          Sors: Eurostat

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu fuq livelli għoljin iżda qed juri sinjali ta' titjib. F’Settembru 2014 ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ (15-24 sena) fl-UE-28 kienet ta’ 21.6%, bi tnaqqis ta’ 1.9 punti perċentwali fuq is-sena ta’ qabel. Hemm dispersjoni wiesgħa bejn l-Istati Membri, u ċ-ċifri jvarjaw bejn 7.6% fil-Ġermanja u 9.1% fl-Awstrija għal 50.7 (Lulju 2014) % fil-Greċja u 53.7% fi Spanja. Sadanittant id-diverġenza ma żdiditx aktar, iżda tibqa' kbira.

Il-proporzjon ta’ żgħażagħ (15-24) li mhumiex f’impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEET) baqgħet għolja, anki jekk kważi 70 % taż-żgħażagħ fl-UE kienu fl-edukazzjoni fl-ewwel trimestru tal-2014. F’ħafna Stati Membri, ir-rati tan-NEET huma konsiderevolment ’il fuq mil-livelli l-aktar baxxi reġistrati mill-2008 u xorta qrib tal-ogħla limiti. Dan huwa partikolarment minnu għal xi Stati Membri bl-ogħla rati bħall-Bulgarija, Ċipru, il-Greċja, Spanja, il-Kroazja, l-Italja u r-Rumanija. Rati pjuttost baxxi — u li qed juru titjib — jinsabu fl-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja. Fl-2013, il-livelli baqgħu 'l fuq minn 10% f’maġġoranza kbira ta’ Stati Membri. Ir-rati tan-NEET huma kemxejn ogħla għan-nisa milli għall-irġiel: fl-2013 ir-rati kienu 13.2% u 12.7% rispettivament (total 13.0%). Il-fenomenu tan-NEET huwa prinċipalment dovut għal żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ iżda wkoll għal inattività ta' min mhux qiegħed f'xi skola jew taħriġ. F’xi Stati Membri (il-Bulgarija, ir-Rumanija, l-Italja) ir-rati ta' inattività NEET jaqbżu 10%.

Il-livelli ta’ tluq bikri mill-iskola qegħdin jonqsu bil-mod, jagħmlu progress lejn il-mira ta’ inqas minn 10% ta’ dawk li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt sal-2020. It-tluq bikri mill-iskola (early school leaving — ESL) kien ta’ 12.0% fl-2013 meta s-sena ta' qabel kien ta' 12.7 %, bl-irġiel (13.6%) iktar affettwati min-nisa (10.2%). L-ESL għadha problema serja għax tikkonċerna madwar 5 miljun persuna, li aktar minn 40% minnhom huma qiegħda. Fl-2013, fi 18-il Stat Membru, ir-rata kienet inqas mill-mira tal-Ewropa 2020 ta' 10 %. L-ESL kienet l-ogħla fi Spanja u Malta b'rati ta' aktar minn 20%.

L-Ewropa qed tagħmel progress kbir lejn il-mira li tikseb rata ta' edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti ta' mill-inqas 40% sal-2020. Fl-2013 inkisbet edukazzjoni terzjarja ta’ 36.9 %, 1.2 punti perċentwali ogħla minn dik tas-sena preċedenti. L-ogħla rati ('il fuq minn 50%) jinsabu fl-Irlanda, il-Litwanja u l-Lussemburgu. Madwar l-UE, aktar nisa (39.9%) milli rġiel (31.5%) jispiċċaw l-edukazzjoni terzjarja.

Figura 3: Ir-rati NEET għall-UE-28 u l-Istati Membri fit-tieni trimestru tal-2014 u l-ogħla u l-iktar valuri baxxi mill-2008 Sors: Eurostat (LFS; dejta aġġustata mhux skont l-istaġun, medja ta’ 4 trimestri sa 2014K2, kalkoli tad-DĠ EMPL)

Ir-rati ta’ attività wrew reżistenza tajba għas-snin tal-kriżi f’bosta Stati Membri, l-aktar minħabba ż-żieda fir-rati ta’ attività fost il-ħaddiema akbar fl-età (bejn 55 u 64) u n-nisa. Bejn l-2008 (T1) u l-2014 (T1) ir-rata ta' attività tal-UE-28 għall-popolazzjoni ta' età bejn 15 u 64 żdiedet minn 70.3% għal 72.0%, għalkemm kien hemm varjazzjoni konsiderevoli bejn il-pajjiżi. Ir-rati ta' attività żdiedu l-aktar fir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta u l-Portugall, filwaqt li l-akbar tnaqqis seħħ fid-Danimarka (iżda minn livell għoli ħafna) u fl-Irlanda. Għalkemm ir-rati ta' attività tan-nisa tjiebu maż-żmien għad hemm diskrepanza konsiderevoli meta mqabbla ma' dik tal-irġiel: 11.7 punti perċentwali fl-ewwel trimestru tal-2014 (ir-rati korrispondenti għall-irġiel u għan-nisa kienu ta' 77.9 % u 66,2 % rispettivament). Id-disparitajiet bejn is-sessi fir-rati ta’ attività huma partikolarment għoljin fil-Greċja u l-Italja. Xi pajjiżi oħra bħalma huma l-Awstrija, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi għandhom rati ta’ attività għoljin għan-nisa iżda huma karatterizzati minn ħafna impjiegi part-time għan-nisa.

Ir-rata tal-impjiegi tkompli turi xejra negattiva u jeħtieġ li x-xejra tinqaleb b'mod drastiku biex tintlaħaq il-mira ewlenija tal-Ewropa 2020 ta' 75% għall-irġiel u n-nisa ta' età bejn 20 u 64.  Minn meta faqqet il-kriżi, ir-rata tal-impjieg fl-UE-28 niżlet bi kważi 1.5 punti perċentwali, minn quċċata fl-2008 għal 68.4 % fl-ewwel trimestru tal-2014. L-iżviluppi fost l-Istati Membri kienu pjuttost differenti (Figura 4). Bejn l-ewwel trimestru tal-2008 u dak tal-2013, it-tkabbir fl-impjiegi kien partikolarment negattiv f’diversi pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, l-Istati Baltiċi, il-Bulgarija u l-Irlanda. Ġew reġistrati żidiet qawwija fil-Lussemburgu u Malta u f'livell inqas fil-Ġermanja. Matul l-aħħar sena l-iżviluppi kienu aktar moderati, bl-impjieg jiżdied ukoll f'bosta pajjiżi li kellhom prestazzjoni ħażina fis-snin ta' qabel.

Żviluppi fl-impjieg ma ġewx distribwiti b’mod ugwali. Filwaqt li r-rati tal-impjiegi għall-irġiel (20-64) naqsu b'aktar minn tliet (3) punti perċentwali bejn l-ewwel trimestru tal-2008 u dak tal-2014 (minn 77.4% sa 74,0%), l-impjiegi għan-nisa naqsu b'mod marġinali biss u saħansitra żdiedu ftit matul l-aħħar sena (b'0.8%). Iż-żidiet kienu sostanzjali għall-ħaddiema akbar fl-età (6.2 punti perċentwali mill-ewwel trimestru tal-2008 biex jilħqu 50.9% fil-bidu tal-2014, b'żidiet imdaqqsa fil-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall), b'mod partikolari n-nisa akbar fl-età (8.4 punti perċentwali). Rigward il-livelli ta' edukazzjoni, it-tnaqqis fl-impjiegi kien l-akbar għal dawk mingħajr kwalifiki u bejn wieħed u ieħor l-istess għal individwi bi kwalifiki għolja jew ta' natura medja. Ir-rata tal-impjiegi taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi (20-64) fl-UE-28 naqset minn 62.4% għal 55.4% bejn l-ewwel trimestru tal-2008 u dak tal-2014. Fir-rigward tax-xejriet tal-impjiegi skont is-settur, il-proporzjon tas-settur tas-servizzi qed ikompli jiżdied, għad-detriment ta’ impjiegi kemm fl-industrija u kif ukoll fl-agrikoltura. Attwalment il-proporzjonijiet huma bejn wieħed u ieħor 72.5%, 22.5% u 5%. Għalkemm is-snin tal-kriżi kienu ta' ħsara għall-impjiegi permanenti, l-akbar piż ta' aġġustament waqa' l-aktar fuq l-impjiegi temporanji (li ma jiġġeddux). Fl-aħħar nett, l-impjiegi full-time naqsu b’bejn wieħed u ieħor 8.1 miljuni bejn l-ewwel trimestru tal-2008 u dak tal-2014. Bil-kontra, kien hemm tkabbir stabbli fl-impjiegi part-time fis-snin reċenti, bi 4 miljuni aktar mill-ewwel trimestru tal-2008.

Figura 4: It-tkabbir tal-impjiegi (għadd ta' persuni impjegati, ta' età 20-64) mill-2008t1, għal kull Stat Membru Sors: Eurostat, kalkoli tad-DĠ EMPL

L-impjiegi x'aktarx jitjiebu ftit fil-ġejjieni, l-aktar minħabba t-tkabbir proġettat fil-PDG. F'terminu medju, bosta xejriet se jwasslu għal aktar tkabbir fl-impjiegi, b'mod partikolari f'ċerti oqsma[4]. Il-progress teknoloġiku se joħloq impjiegi fis-settur tal-ICT (900,000 post tax-xogħol battal għal prattikanti fl-informatika huma mistennija sal-2015), filwaqt li t-tixjiħ, minkejja r-restrizzjonijiet attwali u futuri fuq il-baġits tal-kura tas-saħħa pubblika, x’aktarx iżid id-domanda għall-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u s-servizzi marbuta mas-saħħa f’terminu medju. Barra minn hekk, l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija tista’ twassal għal żieda f’impjiegi ekoloġiċi[5]. Setturi oħra li jiddependu fuq it-teknoloġija avvanzata bħal pereżempju l-industrija tat-trasport se jeħtieġu wkoll li jimpjegaw b'mod sostanzjali ħaddiema bi kwalifiki medji sa għoljin, biex ikun akkomodat it-tkabbir irreġistrat fl-avjazzjoni u t-trasport tal-passiġġieri u l-perċentwali għolja ta’ persunal ta' età kbira mistennija li jitilqu mis-settur tat-trasport sal-2020.

L-Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju huma tradizzjonalment meqjusa bħala l-mutur tat-tkabbir fl-impjiegi, b’xi riċerka li turi li bejn l- 2002 u l-2010, 85% tal-impjiegi l-ġodda fl-UE nħolqu mill-SMEs. B'kuntrast, bejn l-2010 u l-2013, l-impjieg fl-SMEs fl-UE naqas b’ 0.5%. Meta wieħed jeskludi s-settur tal-kostruzzjoni, li impjega wieħed minn kull seba’ ħaddiema tal-SMEs fl-2008, dan jinbidel f’żieda żgħira ta’ 0.3%, iżda dan jiġi żminwit b’żieda ta’ 2% fost l-impriżi l-kbar.

Sal-lum u f’ħafna Stati Membri, id-disponibilità tal-kreditu fis-settur mhux finanzjarju għadha dgħajfa, minħabba fatturi ta' provvista kif ukoll ta' domanda, inkluż l-istrutturar u d-diżingranaġġ tas-settur li seħħu wara l-kriżi finanzjarja. Barra minn hekk, ir-rati tal-imgħax tas-self bankarju fl-Istati Membri vulnerabbli għadhom għoljin minkejja l-azzjonijiet reċenti tal-BĊE, prinċipalment li jaffettwaw lill-SMEs. L-aċċess limitat għall-finanzi wkoll aktarx inaqqas l-għadd ta’ negozji ġodda li huwa ta’ tħassib minħabba l-evidenza li, fost l-SMEs, il-kumpaniji żgħar jammontaw għal sehem kbir tat-tkabbir nett tal-impjiegi. In-nuqqas ta’ dinamiżmu fl-istorja tal-impjiegi tal-SMEs mill-2010 juri l-impatt tal-impjieg potenzjali ta’ soluzzjonijiet adatti fuq il-problemi tas-settur finanzjarju. Il-politiki ta’ appoġġ għal negozji ġodda wkoll jiġu b’impatt sinifikanti ta’ impjiegi.

Is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol tkompli tkun konsiderevoli f’diversi Stati Membri. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa karatterizzat minn proporzjonijiet għoljin ta’ impjiegi temporanji u part-time, bi 42.4% u 31.9% (tal-impjiegi totali) rispettivament fl-ewwel trimestru tal-2014. Bi tqabbil, fil-popolazzjoni totali li qed taħdem, il-proporzjon tal-impjiegi temporanji u part-time kien ħafna aktar baxx, kważi 13% u 19% rispettivament. In-nisa huma rrappreżentati żżejjed fix-xogħol part-time. Fl-ewwel trimestru tal-2014 l-inċidenza tax-xogħol part-time għan-nisa kienet 32%, meta mqabbla ma’ 8.3% għall-irġiel, u l-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit kollha għandhom sehem ta’ aktar minn 40% tan-nisa li jaħdmu part-time. Fil-kuntest makroekonomiku attwali l-impjiegi temporanji u part-time, b'mod involontarju sa ċertu punt[6], jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien tax-xogħol u fuq perjodu medju sa wieħed fit-tul jistgħu jaġixxu bħala pass intermedju għal kuntratti permanenti u/jew full-time (pereżempju għaż-żgħażagħ). Is-segmentazzjoni tidher ukoll mid-distakki persistenti fil-pagi bejn is-sessi u r-rati ta’ tranżizzjoni baxxi minn forom ta’ xogħol kuntrattwali inqas protetti għal dawk aktar protetti.

It-tlaqqigħ tad-domanda mal-offerta tax-xogħol mar għall-agħar f’bosta Stati Membri. Filwaqt li l-għadd ta’ postijiet vakanti baqa’ relattivament stabbli matul l-aħħar ftit snin fil-medja, il-qgħad żdied, u dan jindika li t-tlaqqigħ tad-domanda mal-offerta tax-xogħol qed imur għall-agħar. Il-kurva ta’ Beveridge (Figura 5) turi li l-qgħad strutturali ilu jiżdied minn nofs l-2011[7]. Meta wieħed iħares lejn l-iżviluppi madwar l-Istati Membri, it-tlaqqigħ tad-domanda mal-offerta tax-xogħol mar għall-agħar fil-maġġoranza tal-Stati Membri, bl-eċċezzjoni notevoli tal-Ġermanja b’mod partikolari. L-iżvilupp globali negattiv huwa xprunat prinċipalment minn xokkijiet negattivi fid-domanda għall-ħaddiema kif ukoll minn żieda fin-nuqqas tat-tlaqqigħ tal-kwalifiki mad-domanda[8], u dan jindika li n-nuqqas ta’ opportunitajiet fis-suq tax-xogħol assoċjati mal-kriżi ekonomika qed jipproduċi effetti ta’ istereżi li jeħtieġu li jiġu kontrobilanċjati permezz ta’ investimenti fil-kapital uman u tlaqqigħ aktar effettiv.

Figura 5: Kurva Beveridge, EU-28, 2008t1-2014t1 Sors: Eurostat; Nota: INX (assi vertikali) tfisser "Indikatur tan-Nuqqas ta’ Xogħol", miksub mir-riżultati tal-istħarriġ dwar in-negozju tal-UE (% tad-ditti tal-manifattura li jindikaw li n-nuqqas tax-xogħol huwa fattur li jillimita l-produzzjoni); RQ tfisser “rata tal-qgħad”.

L-għadd dejjem jiżdied ta’ persuni qiegħda matul il-kriżi, is-sehem dejjem jikber ta’ persuni qiegħda għal żmien twil u t-tnaqqis li jirriżulta fl-effiċjenza tat-tlaqqigħ huma sfidi serji għall-politiki attivi tas-suq tax-xogħol (PASX) u tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg (SPI).

Il-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE għadha limitata, speċjalment fi proporzjon mad-daqs totali tas-suq tax-xogħol tal-UE. Filwaqt li wieħed minn kull erba’ ċittadini tal-UE qal li jikkunsidra jaħdem f’pajjiż ieħor tal-UE fl-għaxar snin li ġejjin, sal-2013, 3.3% biss tal-popolazzjoni attiva ekonomikament tal-UE għexu fi Stat Membru ieħor. Id-differenzi bejn il-pajjiżi huma pjuttost imdaqqsa però (Figura 6). Minħabba d-differenzi sostanzjali fir-rati tal-qgħad bejn l-Istati Membri tal-UE, l-għadd dejjem jiżdied ta’ persuni li jixtiequ jiċċaqalqu parzjalment mmaterjalizza f’aktar mobilità mill-2011 iżda sa ċertu punt biss u mhux daqs kemm huwa meħtieġ biex ikollhom rwol ekwilibranti reali kontra l-iżbilanċi kbar madwar is-swieq tax-xogħol tal-UE.[9]

Figura 6: Rata ta' mobilità skont l-Istat Membru skont is-snin ta' residenza, 2013          Sors: "Key Features", DĠ EMPL; Noti: Ir-rata ta’ mobilità huwa l-għadd ta' ċittadini fl-età tax-xogħol li għixu fi Stat Membru ieħor fl-2013, bħala perċentwali tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol tal-pajjiż taċ-ċittadinanza. Iċ-ċifri għal Malta u s-Slovenja huma żgħar wisq biex ikunu ta’ min joqgħod fuqhom. Iċ-ċifri għal Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Lussemburgu u l-Isvezja mhumiex affidabbli minħabba d-daqs żgħir tal-kampjun.

Il-provvista tal-ħiliet jeħtieġ li tkun imtejba aktar. Bosta xejriet, b’mod partikolari l-globalizzazzjoni u l-bidla teknoloġika (ibbażata fuq il-ħiliet), wasslu għal bidliet gradwali fid-domanda relattiva għal livelli ta’ ħiliet differenti.  Barra minn hekk, kien hemm bidla fl-importanza relattiva tat-tipi differenti ta’ ħiliet u l-ħiliet marbuta mal-ICT u l-"ħiliet soċjali" bħalma huma l-ħiliet ta’ komunikazzjoni qed isiru aktar importanti għal għadd kbir ta’ postijiet tax-xogħol.

Minkejja li matul iż-żmien il-livelli medji tal-edukazzjoni żdiedu, il-ħiliet li għandhom il-ħaddiema ma żammewx il-pass mad-domanda għall-ħiliet. Bħala riżultat ta’ dawn il-bidliet fid-domanda relattiva għall-ħiliet u l-provvista tagħhom, l-opportunitajiet tal-impjiegi għall-persuni b’ħiliet għoljin huma aħjar milli għal dawk b’ħiliet medji u baxxi. It-tbassir tas-suq tax-xogħol jikkonferma din ix-xejra għas-snin li ġejjin[10].

Il-potenzjal ta’ tkabbir tal-Ewropa huwa mhedded mid-dgħufijiet strutturali fil-bażi tal-ħiliet tagħha. Dejta reċenti[11] turi li madwar 20% tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol għandhom biss ħiliet baxxi u f’xi pajjiżi (Spanja, l-Italja) dan il-proporzjon huwa wkoll ogħla. Ftit pajjiżi biss (l-Estonja, il-Finlandja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja) għandhom proporzjon għoli ta’ nies b’ħiliet tajbin ħafna u l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej ma jikkompetux bl-ebda mod mal-pajjiżi bl-aqwa prestazzjoni barra mill-Ewropea (bħal pereżempju l-Ġappun jew l-Awstralja). Id-dejta dwar l-infiq tal-gvern tikkonferma riskju dejjem jiżdied ta’ nuqqasijiet ta’ investiment fil-kapital uman. L-Ewropa mhijiex qed tinvesti b’mod effettiv fl-edukazzjoni u l-ħiliet, u dan jhedded il-pożizzjoni kompetittiva tagħha f’terminu medju u l-impjegabbiltà tal-forza tax-xogħol tagħha. Dsatax-il Stat Membru naqqsu l-infiq fl-edukazzjoni f’termini reali u 14-il Stat Membru naqqsu s-sehem relattiv tal-PDG li huma jinvestu fl-edukazzjoni.

L-iżviluppi fil-pagi bdew jakkomodaw il-ħtiġijiet ta’ bilanċ mill-ġdid. Fiż-żmien ta’ qabel il-kriżi diversi Stati Membri raw żidiet kbar fl-ispejjeż nominali tax-xogħol ta' unità produttiva tagħhom, notevolment il-Latvja, ir-Rumanija u sa ċertu punt l-Estonja, il-Litwanja, il-Bulgarija u l-Irlanda (Figura 7).  B’reazzjoni għall-kriżi l-iżviluppi fil-kost nominali tax-xogħol ta' unità produttiva f’dawn il-pajjiżi kienu ħafna iktar moderati sa mill-2009, bl-eċċezzjoni tal-Bulgarija, u fil-fatt saru negattivi fl-Irlanda, il-Litwanja u l-Latvja, u ftit aktar minn żero fir-Rumanija. Ukoll fil-Greċja u Spanja l-ispejjeż nominali tax-xogħol ta' unità produttiva naqsu wara l-kriżi, wara ż-żidiet fis-snin ta’ qabel. Il-Ġermanja turi xejra differenti peress li huwa l-uniku Stat Membru fejn l-ispejjeż nominali tax-xogħol ta' unità produttiva naqsu (għalkemm bi ftit) qabel il-kriżi u żdiedu fi snin aktar reċenti. Żviluppi moderati fl-ispejjeż nominali tax-xogħol ta’ unità produttiva (b’aktar qawwa qabel il-kriżi) seħħu wkoll fil-Belġju, l-Isvezja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Finlandja b’mod partikolari. It-treġġigħ lura tax-xejra fl-Istati Membri "f'diffikultajiet" min-naħa waħda u l-“pajjiżi b'bilanċ favorevoli” min-naħa l-oħra kienu ta' appoġġ għall-ibbilanċjar mill-ġdid estern, li kien meħtieġ b’mod partikolari fiż-Żona tal-Euro. Huwa importanti li l-iżviluppi fil-pagi jkomplu jkunu konsistenti mal-ħtieġa li jiġu aġġustati l-iżbilanċi esterni u jitnaqqas il-qgħad u jaqblu fuq medda ta' żmien twil maż-żieda fil-produttività. Jekk jibqgħu għal żmien twil, iż-żidiet reċenti fil-pagi fil-pajjiżi b’bilanċ favorevoli jistgħu jsaħħu d-domanda aggregata defiċjenti globali.[12]

Figura 7: L-iżviluppi fil-kost nominali tax-xogħol ta' unità produttiva fl-UE-28, tibdil medju minn sena għal sena, 2003-2008 u 2009-2013       Sors: Eurostat, kalkoli tad-DĠ EMPL

It-tnaqqis fil-kost tax-xogħol ta' unità produttiva u l-moderazzjoni tal-pagi wasslu biss bil-mod u b’mod mhux komplut għal prezzijiet aktar baxxi. Parzjalment, dan it-trasferiment mhux komplut jista’ jiġi spjegat minn żidiet simultanji ta’ taxxi indiretti u prezzijiet amministrati minħabba l-konsolidazzjoni fiskali.[13] It-tnaqqis fil-kost tax-xogħol ta' unità produttiva fid-dawl tal-prezzijiet li ma nbidlux wassal għal tnaqqis fl-ishma tal-introjtu mix-xogħol f'bosta Stati Membri, b'mod partikolari fil-Greċja, Spanja, l-Irlanda u l-Portugall. Iż-żieda li rriżultat fil-marġini ta' profitt (għada) ma ġietx kompletament akkompanjata minn żieda fl-investimenti.

Il-feles ta' taxxa għadu għoli f’bosta Stati Membri Livell għoli ta’ feles ta' taxxa u f’xi każijiet li dejjem jogħla, speċjalment għal dawk b’paga baxxa u dawk li jaqilgħu t-tieni introjtu, jibqa’ kwistjoni importanti f’għadd konsiderevoli ta’ Stati Membri. Bħala eżempju, fil-każ ta’ dawk li jaqilgħu paga baxxa (67 % tal-paga medja), tnaqqis fil-feles ta' taxxa bejn l-2008 u l-2010 fil-maġġoranza tal-pajjiżi ġie segwit minn żieda fit-tliet snin sussegwenti fi kważi l-Istati Membri kollha. Il-livelli tal-2013 varjaw minn 20% jew inqas f’Malta (2012) u l-Irlanda sa aktar minn 45% fil-Belġju, il-Ġermanja, Franza u l-Ungerija.

Il-bidliet fil-feles ta' taxxa totali kienu prinċipalment xprunati mit-taxxa fuq l-introjtu personali (TIP), fejn jidhru żidiet fi 15-il Stat Membru minn 21 (Figura 8). Żidiet fit-TIP (tal-inqas għal dan it-tip partikolari ta' unità domestika u b'67% tal-paga medja) kienu partikolarment kbar fil-Portugall u l-Ungerija, filwaqt li naqset b'mod sostanzjali fir-Renju Unit u l-Greċja. Bil-kontribuzzjonijiet tat-TIP u tas-sigurtà soċjali tal-impjegati kkalkulati flimkien, il-piż fuq l-impjegati żdied f'għaxar (10) Stati Membri, u dan huwa inqas minnu għal min iħaddem (tliet (3) pajjiżi b'żidiet fil-piż fiskali). Globalment il-livell tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta' min iħaddem baqa' xi ftit jew wisq stabbli fil-maġġoranza tal-Istati Membri, bi ftit eċċezzjonijiet; kien hemm żidiet relattivament qawwija fil-Portugall u s-Slovakkja, filwaqt li fl-istess ħin il-livell naqas b’mod pjuttost konsiderevoli fi Franza.

Figura 8: Bidla bejn l-2011 u l-2013 tal-feles ta' taxxa totali għal kull komponent (67% tal-paga medja, persuna waħedha, bla tfal) Sors: Dejtabejż dwar it-taxxi u l-benefiċċji tal-KE-OECD; Nota: Dejta għal pajjiżi li mhumiex fl-OECD (il-Bulgarija, Ċipru, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta u r-Rumanija) mhix disponibbli.

Il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat hija sfida f’xi Stati Membri. Xogħol mhux iddikjarat tkopri medda ta’ attivitajiet li jvarjaw minn xogħol mhux iddikjarat f’intrapriża formali għal xogħol klandestin minn ħaddiema li jaħdmu għal rashom, iżda teskludi dawk li jinvolvu prodotti jew servizzi illegali.  Xogħol mhux iddikjarat għandu diversi implikazzjonijiet negattivi. Minn perspettiva makroekonomika, dan inaqqas id-dħul tat-taxxa (it-taxxa fuq l-introjtu u l-VAT) u jnawwar il-finanzjament tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali. Minn perspettiva mikroekonomika, ix-xogħol mhux iddikjarat u forom atipiċi oħrajn ta’ impjieg bħal pereżempju l-impjieg indipendenti fittizju għandhom it-tendenza li jfixklu l-kompetizzjoni ġusta bejn il-kumpaniji, u jwittu t-triq għad-dumping soċjali li jtellef il-ħolqien ta’ impjiegi regolari bi protezzjoni soċjali sħiħa. Joħloq ukoll ineffiċjenzi produttivi, minħabba li n-negozji informali tipikament jevitaw l-aċċess għas-servizzi u l-inputs tal-ekonomija formali (pereżempju l-kreditu) u ma jikbrux. Għalkemm mhumiex disponibbli faċilment ċifri kredibbli dwar il-firxa tal-ekonomija klandestina u x-xogħol mhux iddikjarat, dejta mhux preċiża turi li din il-kwistjoni hija sfida f’xi Stati Membri[14]. Barra minn hekk, l-ambitu tax-xogħol mhux iddikjarat jista’ jkun qiegħed jikber minħabba diversi xejriet soċjoekonomiċi bħar-riallokazzjoni settorjali u l-internazzjonalizzazzjoni tal-ekonomija, it-tnaqqis f’forom standard ta’ xogħol, u d-diffikultajiet soċjali f’xi Stati Membri.

Filwaqt li l-iżviluppi ekonomiċi ġeneralment jaffettwaw taqsimiet differenti tal-popolazzjoni b’modi differenti, il-livelli ta’ inugwaljanza żdiedu f’ħafna Stati Membri. Filwaqt li, il-proporzjon S80/S20 baqa’[15] stabbli bejn l-2008 u l-2013 fl-UE bħala medja, hemm dispersjoni wiesgħa u diverġenza li dejjem qed tiżdied fl-inugwaljanza bejn l-Istati Membri (Figura 9). L-inugwaljanza kibret fil-maġġoranza tal-Istati Membri tan-naħa t’Isfel (Spanja, il-Greċja, l-Italja, Ċipru) kif ukoll fil-Kroazja, l-Estonja, id-Danimarka, l-Ungerija u ftit fl-Irlanda u l-Awstrija. Minkejja t-titjib reċenti, l-inugwaljanza tibqa’ wkoll ta’ tħassib partikolari fil-Bulgarija, il-Greċja, il-Latvja, ir-Rumanija, Spanja u l-Litwanja (ara wkoll il-Figura V fil-Kapitolu 3).

Figura 9: Distribuzzjoni tal-inugwaljanza tal-introjtu (S80/S20; proporzjon tal-kwintil tal-introjtu), 2008-2012                Sors: Eurostat, UE-SILC 2013; referenza għas-sena ta’ introjtu 2012. Nota: * - dejta tal-2011 (id-dejta għall-2012 ghada mhux disponibbli għall-Belġju, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, Franza, il-Kroazja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Isvezja, ir-Renju Unit).

Ir-rata ta' riskju ta' esklużjoni soċjali u tal-faqar (AROPE) żdiedet b’mod sinifikanti, b'diverġenzi dejjem jikbru bejn l-Istati Membri. Bejn il-bidu tal-kriżi fl-2008 u l-2012, l-għadd ta’ Ewropej fir-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali żdied bl-ammont inkwetanti ta’ 8.7 miljuni (bl-esklużjoni tal-Kroazja), għal 25.1 % tal-popolazzjoni tal-UE-28 fl-2012 (Figura10)).

Figura 10: Żviluppi fir-rati ta' esklużjoni soċjali u tal-faqar (AROPE), 2008-2012               Sors: Eurostat, UE-SILC 2013; referenza għas-sena ta’ introjtu 2012. Nota: * - dejta tal-2011 (id-dejta għall-2012 mhix disponibbli għall-Belġju, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, Franza, il-Kroazja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Isvezja u r-Renju Unit).

L-iżviluppi fil-livelli ta’ faqar ivarjaw b’mod sostanzjali bejn il-koorti tal-età. B’mod ġenerali, il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol intlaqtet l-aktar mill-kriżi (Figura 11; il-Figura IV ukoll fil-Kapitolu 3), l-aktar minħabba livelli dejjem ogħla ta’ qgħad jew unitajiet domestiċi b’intensità baxxa ta’ xogħol u l-faqar fost dawk li jaħdmu. Fl-2012, madwar 50 miljun persuna ta’ età li jaħdmu kienu jgħixu b’inqas minn 60% tal-introjtu medjan nazzjonali ekwivalizzat fl-UE-28, u 31.8 miljun (31,5 miljun fl-2013) batew minn tiċħid materjali serju. 10.9% tal-popolazzjoni ta’ bejn 18 u 59 sena għexu f’unità domestika fejn ħadd ma jaħdem fl-2012.

Figura 11: L-iżvilupp tar-rati ta’ dawk fir-riskju ta’ faqar jew ta' esklużjoni soċjali (AROPE) mill-2005 fl-UE-28, total, tfal, popolazzjoni fl-età li jaħdmu u anzjani                Sors: Eurostat, UE-SILC. Nota: Medja tal-UE-27 għall-2005-2009; Medja tal-UE-27 għall-2010-2012. Dejta SILC 2103 għada mhix disponibbli.

Il-persuni aktar anzjani (65+) ġew affettwati relativament anqas billi r-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali tagħhom naqas fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, bin-nisa għadhom aktar affettwati mill-faqar tal-anzjanità mill-irġiel. Madankollu dan it-titjib relattiv mhux bilfors jirrifletti tibdil fis-sitwazzjoni reali tal-introjtu tal-anzjani, iżda huwa primarjament riżultat tal-fatt li l-pensjonijiet baqgħu fil-biċċa l-kbira l-istess filwaqt li l-livelli tal-introjtu għall-popolazzjoni li taħdem staġnaw jew naqsu.

It-tfal ilhom f'riskju dejjem jikber ta’ faqar jew esklużjoni soċjali mill-2008 minħabba li s-sitwazzjoni tal-ġenituri tagħhom (l-aktar ta’ età li jaħdmu) marret għall-agħar. Dan kien il-każ f’aktar minn 20 Stat Membru meta mqabbel mal-2008, b’unitajiet domestiċi b’ġenitur wieħed jiffaċċjaw riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali (UE- 28: 47.8 % fl-2012) li huwa aktar mid-doppju minn dak ta' familji b’żewġ adulti (24.4%). Ir-riskju sostanzjalment ogħla ta’ faqar fl-unitajiet domestiċi b’ġenitur wieħed jinsab fl-Istati Membri kollha u jvarja minn 35% fis-Slovenja, il-Finlandja u d-Danimarka sa 78% fil-Bulgarija. B’mod simili, il-familji bi tlitt itfal jew aktar jiffaċċjaw riskji konsiderevolment ogħla ta’ faqar jew esklużjoni soċjali (UE- 28: 30.9 %) milli għall-popolazzjoni kollha kemm hi. L-irġiel fl-età li jaħdmu kienu aktar milquta direttament mid-deterjorament tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol fil-kriżi. Madankollu xorta waħda n-nisa jiffaċċjaw riskju akbar ta’ faqar jew esklużjoni (persistenti) mill-iirġiel minħabba perjodi ta’ inattività marbuta mal-kura (volontarja jew involontarja) u xogħol part-time.

Ir-riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali fl-2012 kien ħafna ogħla (48.9 %) għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi (ta’ età bejn 18 u 64) milli għaċ-ċittadini nazzjonali (24.3 %); żieda ta’ aktar minn 3 punti perċentwali bejn l-2012 u l-2013.

Bħala medja fl-UE, it-tkabbir fl-introjtu disponibbli gross tal-unitajiet domestiċi (GDHI) tjieb f’termini reali sa tmiem l-2013, wara kważi erba’ snin ta’ tnaqqis kontinwu (ara wkoll il-Kapitolu 3 għal aktar diskussjoni dwar l-iżviluppi fl-introjtu disponibbli gross tal-unitajiet domestiċi). Dan kien dovut għal żieda fl-introjti tas-suq (il-kumpens tal-impjegati, kumpens ta' min jaħdem għal rasu u introjtu mill-proprjetà), appoġġjata minn żieda fil-benefiċċji soċjali ttrasferiti lill-unitajiet domestiċi[16]. Wieħed għad irid jara jekk it-titjib tal-2013 hux se jiġi sostnut, peress li l-ħolqien tal-impjiegi għadu limitat, l-impatt tas-sistemi ta’ benefiċċji tat-taxxa għadu dgħajjef u l-aktar dejta reċenti mill-2014 turi aktar tnaqqis (Figura 12).

Figura 12: Il-kontribuzzjonijiet tal-komponenti għat-tkabbir tal-introjtu disponibbli gross tal-unitajiet domestiċi (GHDI)

Sors: Eurostat — Kontijiet settorjali

L-impatti distributtivi ta’ bidliet fis-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji matul l-aħħar snin varjaw sostanzjalment bejn il-pajjiżi[17] Skont id-disinn tagħhom, il-bidliet fis-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji affettwaw b’mod differenti l-unitajiet domestiċi b’introjtu għoli u baxx. Fi ftit pajjiżi l-impatti rigressivi poġġew piż addizzjonali fuq l-istandards ta’ għajxien tal-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx b’mod partikolari. Stati Membri oħra, permezz ta’ aktar attenzjoni partikolari lill-profil distributtiv tagħhom tal-bidliet fis-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji, irnexxielhom jevitaw effett sproporzjonat fuq l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx. Dawn id-differenzi fl-impatti distributtivi seħħew indipendentement mid-differenzi fid-daqs kumplessiv tal-aġġustamenti.

B’mod ġenerali, wara li laħqu l-ogħla punt fl-2009, ir-rati ta’ tkabbir fin-nefqa soċjali ilhom negattivi mill- 2011. Fil-fażi bikrija tal-kriżi (sal-2009), iż-żieda fin-nefqa soċjali kienet xprunata l-aktar min-nefqa għall-qgħad, iżda wkoll, sa ċertu punt, minn funzjonijiet oħra (notevolment il-pensjonijiet u s-saħħa). It-tkabbir fin-nefqa soċjali naqas fl-2010, u dan jirrifletti taħlita ta' miżuri ta’ stimolu fiskali li skadew u l-perkors standard tat-tneħħija gradwali tal-istabbilizzazzjoni awtomatika fil-pajjiżi li kellhom irkupru. Mill-2011, in-nefqa soċjali b’mod partikolari dwar il-benefiċċji mhux finanzjarji u s-servizzi naqset, minkejja aktar deterjorament tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali (Figura 13).[18].

Figura 13: Kontribuzzjonijiet għat-tkabbir fin-nefqa soċjali pubblika reali fl-UE ta’ flus kontanti u benefiċċji in natura (2001-2012)                 Sors: Kontijiet nazzjonali, kalkoli tad-DĠ EMPL;

L-istruttura tal-infiq għall-protezzjoni soċjali nbidlet ukoll minħabba l-kriżi. Bejn l-2007 u l-2011, l-infiq għall-protezzjoni soċjali (reali) għal kull abitant żdied bi 8 fil-mija fl-UE-27 (Figura 14). Il-kontribuzzjonijiet l-aktar b’saħħithom għaż-żidiet seħħew fl-oqsma tal-pensjonijiet (benefiċċji dejjem jiżdiedu tax-xjuħija u għas-superstiti ammontaw għal 44% taż-żieda totali) u tas-saħħa u tad-diżabbiltà (32%). Id-differenzi bejn l-Istati Membri huma b’hekk sostanzjali, billi bejn l-2007-2011 iż-żieda fin-nefqa tal-protezzjoni soċjali totali għal kull abitant kienet inqas minn 5% f’erba’ Stati Membri, filwaqt li ż-żidiet ammontaw għal aktar minn 15% f’seba’ Stati Membri.

Figura 14: Tibdil fl-infiq għall-protezzjoni soċjali għal kull abitant bejn 2007-2011; skont il-funzjoni tal-protezzjoni soċjali                Nota: kontribuzzjonijiet skont il-funzjoni għat-tkabbir globali tan-nefqa soċjali (għal kull abitant bi prezzijiet kostanti tal-2005); Sors: ESSPROS

F’xi Stati Membri, persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli u bi dħul baxx komplew isibu diffikultajiet fl-aċċess għall-kura tas-saħħa. Filwaqt li mill-2008 sal 2012 għall-UE-27 kollha l-proporzjon ta' persuni fl-ifqar grupp ta' introjtu li rrapportaw ħtiġijiet mhux sodisfatti għall-kura tas-saħħa, żdied biss moderatament, żidiet sinifikanti ġew reġistrati f’pajjiżi bħall-Finlandja, il-Portugall u l-Greċja (ara l-Figura 15). L-ogħla livell ta’ ħtieġijiet mhux issodisfatti għall-kura tas-saħħa fl-2012 ġie rrappurtat fil-Latvja, il-Bulgarija u r-Rumanija. Filwaqt li l-ogħla tnaqqis kien fil-Bulgarija (minn - 11.4 pp bejn l-2008 u l-2012), il-proporzjon ta' persuni bi ħtieġa mhux issodisfatta għall-kura tas-saħħa fl-2012 baqa’ sinifikanti (16.9 %). 

Figura 15: Ħtieġa mhux issodisfata għall-kura tas-saħħa, il-kwintil tal-introjtu l-aktar baxx, 2008-2012              

Sors: Eurostat, UE-SILC 2012. Nota:  Ħtieġa mhux issodisfata għall-kura tas-saħħa: għali wisq, il bogħod wisq jew lista ta’ stennija. * - dejta tal-2011 (id-dejta għall-2012 mhix disponibbli għall-Belġju, l-Irlanda, il-Lussemburgu u l-Awstrija; dejta għall-2008 mhix disponibbli għall-Kroazja u l-UE-28). 

2.            L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-LINJI GWIDA DWAR L-IMPJIEGI: RIFORMI DWAR L-IMPJIEGI U L-POLITIKI SOĊJALI

Din it-taqsima[19] tagħti ħarsa ġenerali lejn ir-riformi u l-miżuri introdotti mill-Istati Membri f’dawn l-aħħar 12-il xahar. Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi[20] joffru gwida stabbli dwar il-politika lill-Istati Membri dwar kif għandhom jirreaġixxu għall-isfidi soċjali u tal-impjiegi fil-kuntest tax-xejriet kurrenti u bil-ħsieb li jiksbu l-għanijiet tal-Ewropa 2020 (kif ippreżentat fit-Taqsima 1). L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2014 jistabbilixxi l-prijoritajiet u l-gwida dwar il-politika għall-Istati Membri li qed jissottomettu l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom fil-qafas tas-Semestru Ewropew tal-2014. Il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma ġew analizzati mill-ġdid skont dan u l-Kunsill, fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni, ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont il-pajjiż. Il-Kumitati għall-Impjiegi u l-Protezzjoni Soċjali janalizzaw il-prestazzjoni u l-progress tal-Istati Membri fir-reazzjoni tagħhom għall-isfidi rilevanti permezz tal-applikazzjoni tal-Monitoraġġ tal-Prestazzjoni tal-Impjiegi (MPI) u l-Monitoraġġ tal-Prestazzjoni tal-Protezzjoni Soċjali (MPPS). Ir-riformi tal-politika sussegwenti se jiġu vvalutati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2015.

Il-Fond Soċjali Ewropew jappoġġa l-isforzi biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020 permezz ta’ azzjonijiet għall-ġlieda kontra l-qgħad, b’attenzjoni speċjali fuq iż-żgħażagħ, bl-offerta ta’ skemi ta’ taħriġ u apprendistati għall-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda u t-titjib tal-ħiliet eżistenti u bl-appoġġ ta' azzjonijiet edukattivi għall-ġlieda kontra l-faqar u l-inklużjoni soċjali kif ukoll il-promozzjoni tal-bini tal-kapaċità amministrattiva. Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-20 l-allinjament mill-qrib tal-FSE u Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment oħra mal-prijoritajiet ta’ politika tal-Istrateġija Ewropa 2020 flimkien maċ-ċentru tal-attenzjoni immirat lejn ir-riżultati tal-Fond se jsaħħu r-rwol tagħhom bħala pilastri finanzjarji tal-Istrateġija.

Saru riformi fl-oqsma kollha deskritti fit-taqsimiet li ġejjin. Madankollu, il-grad ta’ progress ivarja bħala oqsma ta' politika u bejn Stat Membru u ieħor. Għalhekk jinħtieġu sforzi ulterjuri, anki jekk f’ħafna każijiet l-effetti sħaħ tar-riformi għadhom mhumiex viżibbli billi dawn tipikament jieħdu ż-żmien biex jimmaterjalizzaw. Barra minn dan, il-“valur” tar-riformi ma jistax normalment jiġi ġġudikat waħdu minħabba li bosta riformi jistgħu jsiru fl-istess ħin. L-Istati Membri għandhom għalhekk jagħmlu l-kompromessi rilevanti fit-tfassil tal-politiki u r-riformi.

Il-kaxxa ta’ hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali lejn id-diskrepanzi prevalenti bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol u riformi li jistgħu jappoġġaw il-progress lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi u li huma spjegati b'mod ulterjuri taħt kull linja gwida rispettiva. 

Ugwaljanza bejn is-sessi: Is-suq tax-xogħol għadu kkaratterizzat minn inugwaljanzi sinifikanti[21]

Għalkemm sar progress, id-differenzi bejn in-nisa u l-irġiel għadhom jippredominaw b'mod wiesa'. Ir-rata tal-impjiegi tan-nisa għadha inqas sew minn dik tal-irġiel (62.8 % meta mqabbla ma’ 74 % fil-bidu tal-2014). Id-differenza hija saħansitra usa’ fl-impjieg ekwivalenti għal full-time (18.3 pp fl-2013). Barra minn hekk, in-nisa huma mħallsa 16% inqas għal kull siegħa ta’ xogħol. Id-disparitajiet bejn is-sessi fl-impjieg, fin-numru ta’ sigħat maħduma u fil-ħlas jammontaw u jwasslu għal diskrepanza wiesgħa fil-pagi totali bejn is-sessi (37% madwar l-UE). Peress li l-pensjonijiet jirriflettu l-introjti tul il-ħajja, id-differenza bejn is-sessi fil-pensjonijiet hija wkoll wiesgħa (39% bħala medja). Ir-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali għal dawk li għandhom aktar minn 55 huwa ogħla għan-nisa fl-Istati Membri kollha

L-aċċess għal servizzi ta’ kura tat-tfal ta’ kwalità u bi prezz raġonevoli, servizzi ta’ kura fit-tul u kura barra mill-iskola, arranġamenti flessibbli tax-xogħol kif ukoll politiki adegwati ta’ liv għad għandhom rwol kruċjali fl-appoġġ tal-impjieg tan-nisa u jgħinu lill-irġiel u lin-nisa jirrikonċiljaw ix-xogħol u l-ħajja tal-familja. Filwaqt li maġġoranza ta’ Stati Membri għamlu progress lejn il-miri ta’ Barċellona dwar is-servizzi ta' għajnuna għat-tfal mill-2005, disa’ Stati Membri biss laħqu l-objettiv ta’ rata ta’ kopertura ta’ 33% għal tfal taħt l-età ta’ tliet snin fl-2012[22] u ħdax laħqu l-objettiv ta' rata ta’ kopertura ta' 90% fir-rigward ta’ tfal bejn it-tliet snin u l-età mandatorja tal-iskola. Is-sistemi ta’ benefiċċji fiskali f’xi pajjiżi qed ikomplu jiskoraġġixxu lin-nisa biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol jew biex jaħdmu iktar, b’mod partikolari billi jipprovdu diżinċentivi għal dawk li għandhom it-tieni paga biex jaħdmu full-time. 

Is-segregazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-isterjotipi tas-sessi jistgħu jimpedixxu l-irġiel u n-nisa milli  jirrealizzaw il-potenzjal sħiħ tagħhom u jwasslu biex ma jsirx l-aħjar tlaqqigħ tal-ħiliet mal-postijiet tax-xogħol. Issa hemm iktar nisa minn irġiel fl-edukazzjoni u t-taħriġ iżda jibqgħu rappreżentati ż-żejjed f’oqsma ta’ studju li huma marbuta ma’ rwoli tradizzjonali, bħalma huma s-saħħa u l-benessri, l-istudji umanistiċi u t-tagħlim, filwaqt li oqsma bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) għadhom iddominati mill-irġiel.

Jittieħdu miżuri biex irawmu r-rati ta’ impjieg fost in-nisa u biex tiġi rrikonċiljata l-ħajja tax-xogħol ma' dik tal-familja, huma kemm huma differenti fl-ambitu u fl-ambizzjoni tagħhom madwar l-UE. Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri għandhom l-għan pereżempju li (tkompli) tiżdied id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet ta’ kura tat-tfal, u/jew li jemendaw ir-regolamenti dwar il-liv tal-ġenituri jew l-arranġamenti ta’ ħinijiet ta’ xogħol flessibbli. Ġew irreġistrati inqas inizjattivi mmirati biex inaqqsu d-differenza fil-pagi bejn is-sessi jew inaqqsu d-diżinċentivi fiskali għan-nisa sabiex jibqgħu/jidħlu fis-suq tax-xogħol. Xi Stati Membri ħadu miżuri biex jiġi miġġieled il-faqar tat-tfal jew biex jadattaw is-sistema tal-benefiċċji bil-għan li jiġu appoġġati l-familji/ġenituri (bi dħul baxx). Filwaqt li f’ħafna pajjiżi hija prevista ugwalizzazzjoni (gradwali) fl-etajiet tal-pensjoni bejn l-irġiel u n-nisa, f’xi każijiet, ittieħdu wkoll passi biex titrawwem iktar il-parteċipazzjoni tan-nisa ta' età anzjana fis-suq tax-xogħol jew biex tiġi adattata l-akkumulazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni.

2.1 Linja gwida 7 għall-Impjieg: Iż-żieda tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u t-tnaqqis tal-qgħad strutturali

Il-proċess ta’ modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-impjiegi kompla b’għadd ta’ modi differenti fl-Istati Membri biex jippromwovu d-dinamiżmu tal-impjieg u biex jikkumbattu s-segmentazzjoni. Il-Kroazja adottat it-tieni stadju ta’ riforma tal-liġi tax-xogħol tagħha permezz ta’ Att tax-Xogħol ġdid li jiffaċilita l-użu ta’ tipi kuntratti ta’ xogħol flessibbli, inkluż xogħol staġjonali, part-time u xogħol temporanju bl-aġenzija, illaxka l-leġiżlazzjoni dwar il-ħin tax-xogħol u issimplifika l-proċeduri ta’ liċenzjament. Wara l-ftehim komprensiv mal-imsieħba soċjali, il-Pajjiżi l-Baxxi jinsabu fil-proċess li jimplimentaw is-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ liċenzjament, jiffissaw il-limiti massimi tal-idennità ta' liċenzjament b’rabta mal-anzjanità pjuttost milli mal-età, filwaqt li jissikkaw il-liġijiet dwar ix-xogħol temporanju għall-prevenzjoni tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u jirriformaw is-sistema ta’ benefiċċji tal-qgħad. Spanja issimplifikat il-mudelli kuntrattwali għad-ditti, iċċarat il-proċeduri ta’ tkeċċija kollettiva u ġabet 'il quddiem ix-xogħol part-time permezz ta’ inċentivi kontributorji u żiedet il-flessibbiltà bl-użu tas-sigħat komplementari. L-Italja illaxkat il-kundizzjonijiet għall-kumpaniji biex jużaw il-kuntratti ta' perjodu fiss u ta' apprendistat, filwaqt li riforma komprensiva oħra dwar il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-impjieg u l-ALMP tinsab fl-istadju leġiżlattiv fil-parlament. Is-Slovakkja llimitat it-tul ta' żmien ta' xogħol barra minn relazzjoni ta' impjieg prinċipali għal sena, l-hekk imsejħa ftehimiet tax-xogħol.

L-abbiltà tal-Istati Membri li jżidu b’mod sinifikanti r-rata ta’ impjieg tan-nisa tiddependi ħafna fuq id-disponibbiltà tal-kura tat-tfal ta’ kwalità għolja u affordabbli. L-evidenza tal-OECD tikkonferma li l-kura tat-tfal hi mutur ewlieni għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Diversi pajjiżi komplew bil-miżuri implimentati fis-snin preċedenti u/jew ipprovdew finanzjament addizzjonali għall-kura tat-tfal (l-Awstrija, il-Ġermanja, l-Irlanda, Malta, il-Polonja), filwaqt li oħrajn ippreparaw reċentement passi biex tinħoloq leġislazzjoni jew proġetti ġodda (ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja). Malta minn April 2014 tat bidu għall-kura tat-tfal bla ħlas u universali offruta lill-familji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu. Il-kura tat-tfal hija disponibbli matul is-sigħat tax-xogħol tal-ġenitur/i kif ukoll siegħa kuljum żejda minħabba l-ivvjaġġar. Barra minn hekk, il-Baġit tal-2014 ħabbar servizz responsabbli bla ħlas għat-tfal fil-kindergarten u fl-iskejjel primarji tal-istat li se jiġi offrut matul il-jiem tal-iskola għal ġenituri impjegati li jixtiequ jieħdu lill-uliedhom l-iskola siegħa qabel ma tibda l-iskola. Fir-Repubblika Ċeka, il-liġi dwar il-gruppi tat-tfal, li dwarha kien hemm dewmien għal bosta snin u għandha l-għan li tiffaċilita l-ħolqien ta’ ċentri tal-kura tat-tfal barra min-netwerk pubbliku tal-kindergarten, ġiet approvata mill-parlament.

F’għadd ta’ pajjiżi, ittieħdu miżuri biex l-arranġamenti tax-xogħol isiru aktar flessibbli jew jiġu emendati r-regolamenti dwar il-liv tal-ġenituri (ir-Renju Unit, Spanja, il-Polonja, il-Ġermanja, il-Finlandja). Fir-Renju Unit ġie estiż għall-ħaddiema kollha d-dritt li jintalab ix-xogħol flessibbli sa mill-2014. Bħala parti mill-emenda tal-att dwar il-promozzjoni tal-impjiegi u l-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, mit-2 ta’ Mejju 2014 fi PL ġie introdott il-permess għat-telexogħol - għall-impjieg ta’ ġenituri qiegħda li jidħlu lura fis-suq tax-xogħol (li jrabbu mill-inqas wild wieħed taħt is-6 snin) jew dawk li rriżenjaw mix-xogħol għal kura ta’ dipendenti oħra. Fl-Italja, bħala parti minn “Att dwar l-Impjieg” ġew proposti miżuri dwar l-emendar tal-liv tal-maternità. Fil-Ġermanja, ir-riforma dwar il-benefiċċju tat-trobbija tat-tfal li ser tidħol fis-seħħ f’Jannar 2015 tagħti inċentivi liż-żewġ ġenituri biex jaqsmu bejnithom il-kura tat-tfal u l-karriera tax-xogħol.

F'għadd inqas ta’ każijiet l-inizjattivi indirizzaw it-tnaqqas tad-differenzi fil-pagi tal-irġiel u n-nisa. Fl-Awstrija r-rapporti dwar il-pagi ugwali ilhom obbligatorji għall-kumpaniji li jħaddmu aktar minn 250 impjegat mill-2013 u b’aktar minn 150 impjegat mill-2014.

Ġew proposti miżuri fil-qasam tat-tassazzjoni fil-qafas tal-"Att dwar l-Impjieg" fl-Italja, u f'Malta ġiet introdotta estensjoni tal-kreditu tat-taxxa għal ġenituri li jibgħatu t-tfal tagħhom f'ċentri privati tal-kura tat-tfal (minn EUR 1,300 sa EUR 2,000). Fir-Renju Unit, skema għall-kura tat-tfal ħielsa mit-taxxa għal familji b’ġenituri li jaħdmu ser tkun fis-seħħ mill-2015, li tissostitwixxi s-sistema attwali ta’ vawċers u kura tat-tfal b'kuntratt dirett. Il-familji eliġibbli se jirċievu 20% tal-ispejjeż annwali tagħhom għall-ħlasijiet tal-kura tat-tfal sa GBP 10,000 għal kull wild.

Għadd ta’ Stati Membri indirizzaw il-mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi biex jippromwovu l-allinjament tal-iżviluppi tal-pagi mal-produttività. Stati Membri oħrajn fittxew li jagħtu appoġġ lid-dħul disponibbli tal-unitajiet domestiċi b’enfasi partikolari fuq il-pagi minimi. Fil-Ġermanja, paga minima fis-siegħa ta’ EUR 8.50 se tiġi introdotta mill-1 ta’ Jannar 2015 b’perjodu tranżitorju li jippermetti xi eċċezzjonijiet sa tmiem l-2016. L-Estonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja żiedu l-livell ta’ paga minima tal-bażi nazzjonali tagħhom għall-ġlieda kontra l-faqar fost dawk li jaħdmu, filwaqt li r-Renju Unit issikka iktar is-sanzjonijiet għal dawk li jħaddmu li ma japplikawx ir-rekwiżiti tal-Paga Minima Nazzjonali. L-Awstrija estendiet l-obbligu li tiġi indikata l-paga minima miftiehma b’mod kollettiv f’avviżi dwar l-impjieg għal kull min iħaddem fl-industriji li għalihom m’hemm l-ebda ftehim kollettiv. Min-naħa tiegħu, il-Portugall - fi ħdan riformi b’firxa wiesgħa - implimenta tnaqqis fir-remunerazzjoni ta’ dawk li jaqilgħu ħafna fost il-ħaddiema fis-servizzi pubbliċi.

Ittieħdu xi miżuri biex jitnaqqas il-feles ta' taxxa fuq ix-xogħol, speċjalment għal individwi żvantaġġati u biex tiġi stimolata d-domanda għax-xogħol u l-konsum. Il-Belġju intervjena biex jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni soċjali mħallsin minn ħaddiema b’paga baxxa, eżenta lil min iħaddem milli jħallas il-kontribuzzjonijiet soċjali dwar ħlas għal sigħat ta’ sahra f’setturi magħżula, u estenda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa diretta għall-impjegati. L-Italja naqqset it-taxxa fuq l-introjtu personali ta’ persuni bi dħul baxx għas-sena 2014 u applikat tnaqqis permanenti ta’ 10% fl-attivitajiet ekonomiċi b'taxxa reġjonali dovuta għal min iħaddem. Il-Gvern ta' Spanja approva proposta għal riforma tat-taxxa inkluż tnaqqis minn seba’ sa ħames rati tat-taxxa, tnaqqis żgħir tar-rati marġinali u żieda tal-ammont eżentat li se jintroduċi bejn l-2015 u l-2016. Is-Slovakkja żiedet il-limitu minimu ta' qligħ għall-istudenti biex jiġu eżentati mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, filwaqt li l-Estonja se żżid l-allowance tat-taxxa tad-dħul mill-1 ta’ Jannar 2015. Fil-kuntest ta’ pakkett baġitarju b’firxa wiesgħa, il-Latvja taffiet il-piż tat-taxxa b’mod speċjali fuq il-familji li għandhom persuni dipendenti permezz ta’ żieda mmirata tal-limiti minimi mhux taxxabbli għat-taxxa fuq l-introjtu personali u l-kontribuzzjonijiet soċjali. Franza implimentat għall-ewwel sena kreditu ta' taxxa bbażat fuq il-pagi għall-kumpaniji li trid titlesta fl-2015 bi tnaqqis fuq il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ min iħaddem u ġew deċiżi wkoll miżuri biex titnaqqas it-taxxa fuq id-dħul fuq dawk li jaqilgħu pagi baxxi jew medji.

Xi Stati Membri intensifikaw l-isforzi kontra x-xogħol mhux iddikjarat. Fis-Slovenja, saru emendi fl-Att għall-Prevenzjoni tax-Xogħol Mhux Iddikjarat u ġiet introdotta sistema ta’ vawċers għal xogħol supplementari personali, ġew involuti s-servizz doganali fil-kontroll ta’ prattiki tax-xogħol illegali, u żdiedu s-sanzjonijiet, speċjalment għat-tbagħbis. F’Awwissu 2014, il-Kroazja stabbilixxiet Kummissjoni għall-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat bil-kompitu li tevalwa miżuri eżistenti, tikkontrolla l-implimentazzjoni tagħhom u tipproponi miżuri ġodda jew emendi meħtieġa. 

L-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-Istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ tat impetu għall-implimentazzjoni ta’ riforma strutturali qawwija li tinvolvi ħafna aspetti tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri. Fl-2014, l-Istati Membri kollha ppreżentaw il-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u ddiskutewhom mal-Kummissjoni. L-implimentazzjoni ser tkun importanti, iżda diġà ttieħdu passi inizjali promettenti.

Xi Stati Membri għamlu sforzi biex jittejjeb l-appoġġ għas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi għaż-żgħażagħ. Fil-Belġju, is-servizz pubbliku tal-impjieg fir-reġjun ta' Brussell, Actiris, waqqaf servizz apposta għaż-żgħażagħ li għandu r-rwol li jipprovdi appoġġ speċifiku fit-tfittxija ta' impjiegi u apprendistati għal żgħażagħ uffiċjalment reġistrati bħala li qed ifittxu x-xogħol.  Ir-Rumanija nidiet żewġ skemi pilota ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ li jwasslu għall-ħolqien ta’ 27 ċentru ta’ garanzija għaż-żgħażagħ (attwalment sostnuti mill-Fond Soċjali Ewropew) li jimmiraw lejn l-identifikazzjoni tan-NEET taż-żgħażagħ u joffrilhom pakketti integrati ta’ servizzi personalizzati. Fi Spanja strateġija ta' attivazzjoni u tal-impjieg 2014-2016 ġiet adottata bħala strument ta' politika ewlieni ta’ koordinazzjoni biex issir bidla lejn approċċ ibbażat fuq ir-riżultati għall-ALMPs. Fl-Italja, it-twaqqif ta’ e-Portals integrati jippermetti lin-nies biex jirreġistraw direttament onlajn u jkun konnessi ma’ reġistru nazzjonali biex jiġu ffaċilitati l-verifika awtomatika li ntlaħqu r-rekwiżiti u t-trasmissjoni tal-offerti.

Inċentivi għar-reklutaġġ immirati u sussidji ta’ stabiliment ta' negozju kienu mezz biex jippromwovu l-attivazzjoni ta’ dawk iż-żgħażagħ li qed ifittxu impjieg f’xi Stati Membri. Il-Pajjiżi l-Baxxi adottaw rifużjoni ta’ taxxa għal min iħaddem sabiex jimpjegaw żgħażagħ li jirċievu benefiċċji tal-qgħad jew għajnuna soċjali għal perjodu sa sentejn, waqt li l-Polonja introduċiet eżenzjonijiet mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal dawk li għandhom inqas minn 30 sena. Stati Membri oħrajn adottaw inċentivi ta' ingaġġar ġdid biex jiġi stimulat il-ħolqien ta’ impjiegi għal gruppi oħra fost dawk li huma qiegħda fit-tul. Inċentivi ta' ingaġġar ġenerali ġew introdotti jew imsaħħa fil-Portugall, Malta, il-Greċja, Spanja u Ċipru. Pereżempju, Malta toffri sussidju tal-paga lil min iħaddem għal ingaġġar ġdid sa nofs is-salarju bażiku u tal-kontribuzzjonijiet soċjali għal perjodu ta' mhux aktar minn sena, filwaqt li Spanja approvat rata ta' kontribuzzjoni fissa tas-sigurtà soċjali għall-impriżi li jħaddmu ħaddiema ġodda li għandhom kuntratti indefiniti, inklużi kuntratti part-time, għal perjodu ta' mhux aktar minn sentejn (tlieta għal kumpaniji żgħar) kif ukoll allokazzjonijiet speċjali għall-benefiċjarji mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ impjegati fuq kuntratti għal żmien indeterminat. Min-naħa l-oħra, Malta mmirat għal sussidju speċifiku fuq ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien, inkluż tnaqqis ta' taxxa li jkopri l-ispejjeż ta’ taħriġ. 

F'rabta mal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ hemm ukoll ir-riforma tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg li kompliet f’għadd ta’ Stati Membri biex jitjiebu l-istandards tas-servizzi u l-koordinazzjoni fil-livelli reġjonali kollha. Fi ħdan il-qafas ta’ Strateġija ta’ Attivazzjoni komprensiva għall-perjodu 2014-2016, Spanja fasslet katalgu komuni tas-servizzi ta’ impjieg, li jikkonsisti f’batterija omoġenja ta’ miżuri biex jiġu implimentati minn kull reġjun Spanjol bit-tir ta’ garanzija ta’ dritt ugwali ta’ aċċess għal dawk li qed ifittxu x-xogħol, trattament individwalizzat, effiċjenza, trasparenza, orjentament lejn ir-riżultati u integrazzjoni bejn il-livelli amministrattivi.  Il-Finlandja se ttejjeb ir-rekwiżit li jiġu aċċettati offerti ta’ xogħol mogħtija minn Ċentri ta’ Servizzi tas-Suq tax-Xogħol fil-livell muniċipali, fi żmien vjaġġ ta' tliet sigħat kull jum, u se ttejjeb il-pjanijiet tal-impjiegi għal dawk li ilhom qiegħda billi toffri miżuri attivi fi żmien 3 xhur ta’ qgħad.

Skemi ta’ inċentivi għat-twaqqif ta’ negozji żviluppaw b’mod wiesa’ madwar l-Ewropa, peress li mhux inqas minn tmien Stati Membri (Malta, il-Kroazja, Spanja, il-Litwanja, il-Greċja, il-Polonja, Franza, il-Portugall u l-Irlanda) adottaw inċentivi biex jappoġġjaw lill-persuni qiegħda biex jidħlu għal attività intraprenditorjali. Fil-Pjan ta’ Azzjoni komprensiv tagħha għall-Impjiegi, l-Irlanda pprevediet it-twaqqif ta’ uffiċċji ta' intrapriżi lokali f’koordinazzjoni maċ-Ċentru ta’ Eċċellenza fl-Intrapriża, fond ta’ intraprenditorija għaż-żgħażagħ ġdid biex jappoġġja l-attività intraprenditorjali u l-espansjoni; u simplifikazzjoni ta’ appoġġ ta' taxxa għall-intraprendituri. Fil-Portugall, Investe Jovem huwa programm ġdid li joffri appoġġ finanzjarju biex iż-żgħażagħ jibdew jaħdmu għal rashom jew joħolqu l-mikrointrapriża tagħhom.

2.2 Linja gwida 8 għall-Impjieg: L-iżvilupp ta' forza tax-xogħol bil-ħiliet li tirreaġixxi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u ġġib 'il quddiem it-tagħlim tul il-ħajja.

Il-ħtieġa li titjieb il-provvista tal-ħiliet u jinġieb 'il quddiem it-tagħlim għall-adulti rriżultaw f’azzjoni ta’ politika f’diversi Stati Membri[23]. L-Istati Membri introduċew miżuri mmirati biex itejbu l-provvista tal-ħiliet u jġibu 'l quddiem it-tagħlim tal-adulti, ta' spiss b'mod konġunt mar-riforma tat-taħriġ vokazzjonali.

Fid-Danimarka, bħala parti minn ftehim politiku wiesa’ dwar pakkett tat-"tkabbir”, inizjattivi li rriżulta minn ftehim tripartitiku bejn il-gvern u l-imsieħba soċjali se jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ħiliet ta’ dawk li m’humiex ikkwalifikati u jippermettu aktar ħaddiema tas-sengħa li jieħdu taħriġ fuq livell terzjarju. Il-ftehim biex jissaħħu l-opportunitajiet ta’ ħaddiema bla kwalifiki u ħaddiema tas-sengħa li jieħdu sehem f’taħriġ vokazzjonali se jilħaq żieda ta’ 160,000 ruħ matul il-perjodu 2014-2020. Fil-Greċja pjan direzzjonali dwar l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ, li huwa parti mill-Memorandum ta' Ftehim skont il-programm ta' aġġustament ekonomiku, huwa maħsub biex iżid l-għadd u l-kwalità tal-apprendistati u l-forniment ta' taħriġ vokazzjonali. Fil-Litwanja l-liġi dwar l-edukazzjoni mhux formali u t-taħriġ kontinwu ġiet emendata u l-verżjoni l-ġdida (adottata fl-10 ta' Lulju 2014) tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2015. Il-liġi tipprovdi (fost oħrajn) għat-titjib tal-koordinazzjoni ta’ edukazzjoni tal-adulti fuq livelli nazzjonali u lokali, għal mudelli ġodda ta’ finanzjament għall-edukazzjoni tal-adulti li għandhom jiġu implimentati u għall-għoti ta’ liv lill-impjegati għal edukazzjoni mhux formali. Matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-gvern iffirma wkoll ftehimiet ma’ organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem li jirrappreżentaw setturi differenti bil-għan li jittejjeb il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda tax-xogħol kwalifikata. F’Ċipru, l-universitajiet pubbliċi laħqu ftehim li jitwessa’ l-ambitu u l-firxa ta’ programmi offruti permezz ta’ edukazzjoni mill-bogħod. Il-Programm ta’ Apprendistat Modern u Ġdid ġie introdott u jinkludi żewġ livelli: ta' tħejjija (għaż-żgħażagħ li ma lestewx l-edukazzjoni sekondarja) u dak ewlieni (li permezz tiegħu tingħata kwalifika ta' “persuna tas-sengħa”). F’Malta, il-gvern nieda strateġija għall- 2014-2019 biex jindirizza l-problema tal-illitteriżmu.

Fil-Polonja liġi ġdida li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2014 tipprevedi għall-istudji interkolleġġjali, studji dupliċi mwettqa ma’ min iħaddem u apprendistat ta’ tliet xhur f’kulleġġi bi profil applikat u tirregola l-monitoraġġ tal-perkorsi tal-gradwati; hija tappoġġja wkoll il-kwalità fl-edukazzjoni ogħla. L-universitajiet se jkunu jistgħu jirrikonoxxu l-għarfien u l-ħiliet miksuba f’taħriġ u jew xogħol professjonali u jżommu kont tagħhom fil-proċess tal-gradwazzjoni. Għalhekk il-qafas leġiżlattiv il-ġdid jiftaħ it-triq għall-istudju għal dawk li jaħdmu, li jridu jbiddlu l-karriera jew jissupplementaw l-edukazzjoni. Fi Franza, liġi li tirriforma s-sistema ta’ taħriġ vokazzjonali ġiet ippromulgata, bl-introduzzjoni ta’ akkont ta' taħriġ personali u bit-tibdil tal-finanzjament tas-sistema ta’ taħriġ vokazzjonali li jippermetti aktar adegwatezza u aċċess tal-ħaddiema u ta’ dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol għat-taħriġ vokazzjonali.

Għadd kbir ta’ Stati Membri introduċew miżuri li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-iskola għad-dinja tax-xogħol u dan se jikkontribwixxi b’mod ugwali għal Garanzija għaż-Żgħażagħ komprensiva.

Fi Franza ġie deċiż programm għat-tnedija mill-ġdid tas-sistema ta’ apprendistat. Is-sistema għandha ssir aktar orjentata lejn in-nuqqas ta’ ħiliet u tinkludi inċentivi għal min iħaddem fir-reklutaġġ tal-apprendisti, u għaż-żgħażagħ il-possibbiltà ta’ kuntratti għal żmien indeterminat wara perjodu ta’ apprendistat. Ir-riforma ddekretata mistennija li ssir operattiva mill-2015.  Fl-Irlanda, kampanja “Ħiliet biex issib ix-Xogħol” toffri lil dawk li qed ifittxu x-xogħol informazzjoni onlajn dwar liema alternattivi ta' edukazzjoni, taħriġ mill-ġdid jew esperjenza ta’ xogħol huma disponibbli għalihom f’oqsma ta’ opportunitajiet ta’ impjieg ġodda u emerġenti.  Fil-Latvja programm ta’ impjieg tas-sajf għall-istudenti ta’ xahar xogħol imħallas f’negozji u stabbilimenti ta' awtoritajiet lokali għal studenti minn skejjel sekondarji jipprovdi esperjenza ta' xogħol inizjali u introduzzjoni għal varjetà ta’ ħiliet meħtieġa għall-impjiegi.

Issa hemm iktar nisa minn irġiel fl-edukazzjoni u t-taħriġ iżda jibqgħu rappreżentati ż-żejjed f’oqsma ta’ studju li huma marbuta ma’ rwoli tradizzjonali, bħalma huma s-saħħa u l-benessri, l-istudji umanistiċi u t-tagħlim, filwaqt li oqsma bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) għadhom iddominati mill-irġiel. Fil-Ġermanja pereżempju, programm kofinanzjat mill-ESF għandu l-għan li jħeġġeġ aktar persuni, fil-biċċa l-kbira rġiel, jaħdmu f'faċilitajiet ta’ kura tat-tfal.

2.3 Linja gwida 9 għall-Impjieg: Titjib fil-kwalità tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ fil-livelli kollha u żieda fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja

L-Istati Membri kollha ppreżentaw Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni ta’ Garanziji għaż-Żgħażagħ, komprensivi, f’konformità mal-iskadenzi ddeterminati mill-Kunsill Ewropew.

Bosta Stati Membri ħadu miżuri biex itejbu s-sistemi tagħhom ta' edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ (EVT) biex jirriflettu aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, Spanja, Franza, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, l-Isvezjau r-Renju Unit), ġeneralment marbut mal-Iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ tagħhom u l-impenji meħuda skont l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati. Bosta pajjiżi introduċew reviżjonijiet leġiżlattivi tas-sistemi EVT tagħhom (id-Danimarka, il-Greċja, l-Estonja, Franza, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Portugall, is-Slovakkja, u reġjuni fil-Belġju).

Reġjuni fil-Belġju intensifikaw il-kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-politiki u l-atturi tal-impjieg sabiex it-taħriġ EVT isir aktar rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq. Spanja nidiet riforma biex tintroduċi sistema tal-EVT doppja u tadattatha għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Fi Franza, il-liġi l-ġdida dwar it-tagħlim tul il-ħajja u l-EVT iżżid l-appoġġ għall-apprentistati għal dawk b’inqas kwalifiki. Ir-Rumanija nidiet leġiżlazzjoni ġdida biex tipprovdi stadji professjonali ssussidjati għall-gradwati ta' edukazzjoni ogħla. L-Isvezja adottat miżuri li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol permezz ta’ apprendistati, u jgħinu liż-żgħażagħ jiksbu esperjenza ta’ xogħol. Fl-Estonja ġie allokat finanzjament addizzjonali għal korsijiet EVT għall-adulti. Fil-Portugall, il-mudell kurrikulari ta' edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ ġie adattat u l-Portugall ħoloq netwerk ta’ ċentri vokazzjonali u korsijiet vokazzjonali ġodda ta' edukazzjoni bażika (età ta’ 14) u sekondarja (15 sa 17 sena). Fid-Danimarka r-riforma tal-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ ġiet adottata f’Ġunju 2014 u għandha tidħol fis-seħħ mis-sena skolastika 2015/16. Ir-riforma se tikkontribwixxi sabiex tiżgura li aktar żgħażagħ ilestu l-programm tal-EVT, u jikkontribwixxu biex tiġi żgurata l-edukazzjoni fid-Danimarka ta’ garanzija għaż-żgħażagħ kollha li jixtiequ edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ bażiku. 

L-Istati Membri jqiegħdu inqas enfasi fuq l-implimentazzjoni ta’ oqfsa ta’ kwalifiki. L-Awstrija waqqfet punt ta’ kuntatt għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki barranin u tejbet l-opportunitajiet għall-migranti filwaqt li evitat id-diskrepanza okkupazzjonali. Il-Kroazja waqqfet il-qafas ta’ kwalifiki Kroati li jirregolaw is-sistema ta’ kwalifiki, kif ukoll ittejbu programmi edukattivi permezz tal-armonizzazzjoni tagħhom mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

Xi Stati Membri introduċew riformi fis-sistemi ta’ edukazzjoni terzjarja. Ġew introdotti riformi tas-sistema ta' edukazzjoni ogħla fl-Awstrija, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja u r-Renju Unit. Għadd ta’ riformi li spiss jinkludu appoġġ finanzjarju miżjud għal gruppi bi bżonnijiet speċjali (l-Awstrija, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Lussemburgu, ir-Renju Unit).

L-Awstrija ser iżżid l-assistenza finanzjarja lill-studenti li għandhom it-tfal huma stess, studenti impjegati jew studenti miżżewġin. Il-Ġermanja se żżid il-limiti tas-sollijiet u se tipprovdi appoġġ finanzjarju addizzjonali, speċjalment għaż-żgħażagħ li l-ġenituri tagħhom għandhom dħul baxx (mill-2016 ’il quddiem). Il-Lussemburgu mmodifika l-kriterji ta’ eliġibilità għall-appoġġ finanzjarju biex iqis l-aspetti soċjali. Fir-Renju Unit hemm disponibbli finanzjament speċjali biex tiżdied il-provvista ta’ inġiniera u biex iħeġġu iktar nisa jidħlu f’dan is-settur.

Għadd ta’ Stati Membri ħadu miżuri biex itejbu s-sistema edukattiva primarja u sekondarja tagħhom (l-Awstrija, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, l-Ungerija, l-Irlanda, Malta, is-Slovakkja, ir-Renju Unit), filwaqt li oħrajn indirizzaw l-istrateġija ġenerali għall-edukazzjoni (il-Kroazja, il-Litwanja).

Xi Stati Membri (l-Awstrija, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Estonja, l-Irlanda, l-Isvezja) tejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-salarji tal-għalliema jew żiedu l-għadd ta' għalliema disponibbli. L-Estonja żidet il-paga minima għall-għalliema biex tiġbed aktar persunal lejn il-professjoni tat-tagħlim, u qed timplimenta riforma ġenerali tal-iskola sekondarja ogħla u l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ. L-Irlanda lestiet baġit għal 1400 għalliem addizzjonali filwaqt li żammet il-livelli eżistenti ta' għalliema għal tfal bi ħtiġijiet speċjali. Spanja antiċipat l-għażla tal-perkorsi edukattivi għat-tielet (3) u r-raba' (4) grad tal-edukazzjoni sekondarja (15 u 16-il sena) u introduċiet evalwazzjonijiet ġodda fit-tielet (3) u s-sitt (6) livell tal-iskola primarja (9 u 12-il sena). Il-gvern tad-Danimarka laħaq ftehim dwar riforma tal-edukazzjoni obbligatorja pprovduta mill-Istat (skejjel primarji u inferjuri), li se jidħol fis-seħħ fis-sena skolastika 2014-15.

Il-gvern tal-Portugall qed jimplimenta programm ta' taħriġ għall-għalliema u l-iskejjel bi ftehimiet ta' awtonomija issa jistgħu jgawdu iktar flessibilità kurrikulari.

2.4 Linja gwida 10 għall-Impjieg: Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar

Bosta riformi politiċi f’dan il-qasam iffukaw fl-iżgurar li s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jistgħu:

jattivaw b’mod effettiv u jagħtu potenzjal lil dawk li jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol, jipproteġu dawk esklużi (temporanjament) mis-swieq tax-xogħol u/jew li ma jistgħux jipparteċipaw fih, jippreparaw lill-individwi minn riskji potenzjali fiċ-ċiklu ta' ħajjithom billi jinvestu fil-kapital uman.

A. L-Istati Membri qed iżidu l-isforzi biex jissaħħu l-ALMPs, bir-riforma tal-assistenza soċjali u/jew sistemi kontra il-qgħad, filwaqt li jintroduċu miżuri mmirati għal dawk f’riskju akbar ta’ faqar. Għadd ta’ Stati Membri qegħdin jintroduċu jew isaħħu l-miżuri ta’ attivazzjoni bħala parti mill-politika tagħhom sabiex jindirizzaw aħjar il-faqar fost l-adulti (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, Spanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi u s-Slovakkja). Ir-riformi ta’ assistenza soċjali u/jew sistemi kontra il-qgħad jinsabu għaddejjin f’għadd ta’ Stati Membri (il-Belġju, il-Greċja, Ċipru, l-Irlanda, il-Kroazja, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u r-Renju Unit). Fil-Belġju riforma tas-sistema tal-benefiċċju tal-qgħad għandha l-għan li tiżgura bilanċ xieraq bejn il-benefiċċju u l-għajnuna effettiva ta' tiftix ta’ impjiegi u opportunitajiet ta’ taħriġ bħala parti mir-riforma tiegħu tas-sistema ta’ protezzjoni soċjali, Ċipru introduċa skema ta’ dħul minimu ggarantit (DMG) (li tissostitwixxi l-iskema antika ta’ għajnuna pubblika). Xi Stati Membri (il-Belġju, l-Estonja, Spanja, Malta, r-Renju Unit) ħadu miżuri speċifiċi mmirati lejn il-popolazzjoni b’riskju ogħla ta’ faqar b’mod partikolari ż-żgħażagħ, il-familji bit-tfal jew il-persuni b’diżabbiltà (l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Latvja, l-Isvezja, ir-Renju Unit). Xi Stati Membri (Franza, l-Isvezja) rrapportaw wkoll dwar miżuri li jiżguraw opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel.

B. B’mod parallel, l-Istati Membri introduċew riformi mmirati lejn il-protezzjoni ta’ dawk temporanjament mhumiex jipparteċipaw jew li ma jistgħux jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol. Għal dak il-għan xi Stati Membri saħħew il-politiki soċjali tagħhom bil-għan li jkunu ssalvagwardjati l-benessri tat-tfal u l-anzjani, titjib fil-benefiċċji, filwaqt li oħrajn introduċew politiki speċifiċi biex jindirizzaw il-faqar tat-tfal. B’reazzjoni għal tħassib dejjem jikber dwar l-effetti ta’ għadd dejjem jikber ta’ tfal milquta mill-faqar, il-miżuri biex jindirizzaw il-faqar tat-tfal ġew intensifikati f’xi Stati Membri (il-Bulgarija, l-Estonja, Spanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Latvja, ir-Rumanija). Fil-Bulgarija, l-aktar miżuri sinifikanti rrappurtati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali għat-tnaqqis tal-faqar u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali 2020 jinkludu: iż-żieda ta’ benefiċċji ta' kull xahar għat-tieni wild u tewmin, għal tfal b’diżabilitajiet permanenti kif ukoll appoġġ finanzjarju biex ikopri l-ispejjeż għat-tisħin għall-anzjani u t-tfal. L-Irlanda nidiet programm ġdid ibbażat fuq l-evidenza u skont iż-żona għall-benefiċċju tat-tfal maħsub biex jindirizza l-faqar tat-tfal permezz tal-espansjoni ta’ servizzi ta' prevenzjoni u intervent bikri li ġew ivvalutati li huma ta’ suċċess matul fażi pilota. L-Italja introduċiet skema ta’ appoġġ għall-familji bit-tfal, li tipprovdi miżuri passivi flimkien ma’ miżuri ta’ attivazzjoni u servizzi. Fil-Latvja kien hemm progress sinifikanti fl-indirizzar tal-faqar fost it-tfal, bħaż-żidiet f’benefiċċji marbuta mat-tfal u fl-appoġġ għal nukleji familjari b’ġenitur wieħed, mill-1 ta’ Jannar 2014. Barra minn hekk, il-gvern tal-Latvja għolla wkoll is-soll tat-Taxxa fuq l-Introjtu Personali mhux taxxabbli għall-persuni dipendenti. Fl-Estonja l-gvern iddeċieda (f’Ġunju 2014) li jżid sostanzjalment l-allowance universali għat-tfal kif ukoll il-benefiċċju tat-tfal ibbażat fuq il-ħtiġijiet tat-tfal u l-livell ta’ sussistenza tat-tfal mix-xahar ta’ Jannar 2015.

Xi Stati Membri ħadu approċċ ta' investiment fir-rigward tas-servizzi soċjali billi tejbu l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura minn kmieni fit-tfulija. Xi Stati Membri (l-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Estonja, Franza, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Renju Unit) ħadu inizjattivi mmirati lejn l-estensjoni tar-reġistrazzjoni tat-tfal fl-ECEC bħala parti mill-istrateġiji tagħhom li jtejbu l-opportunitajiet għat-tfal. Il-Ġermanja għamlet xi progress biex tkompli żżid id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet fulltime għall-indukrar tat-tfal iżda biss progress limitat biex iżżid id-disponibilità ta’ skejjel ta' ġurnata sħiħa. Fi Franza, il-pjan pluriennali kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali jinkludi wkoll miżuri mmirati lejn familji bi tfal dipendenti, bħal titjib fl-aċċess għall-kantins tal-iskola u l-provvista ta' aktar postijiet għall-indukrar tat-tfal (b’10 % riżervati għal tfal minn familji bi dħul baxx). L-Irlanda introduċiet postijiet għall-indukrar tat-tfal sussidjati biex tappoġġja persuni b’introjtu baxx u mingħajr xogħol biex jirritornaw fid-dinja tax-xogħol, u ħolqot postijiet għall-indukrar tat-tfal għal persuni qiegħda li jipparteċipaw fi skemi tal-komunità dwar l-impjieg li jipprovdu taħriġ u esperjenza biex jappoġġjaw l-attivazzjoni lejn l-impjieg. F’Malta, skema ġdida toffri edukazzjoni bikrija tat-tfal mingħajr ħlas u indukrar f'faċilitajiet pubbliċi u privati lil familji fejn il-ġenituri huma f’impjieg u/jew fl-edukazzjoni.

Tema ewlenija fl-inizjattivi dwar il-pensjonijiet hija l-ibbilanċjar mill-ġdid bejn ix-xogħol u l-irtirar minħabba li kullimkien l-età tal-pensjoni qed togħla u d-differenza bejn is-sessi qed tonqos. B’reazzjoni għall-isfidi demografiċi għall-provvediment tal-pensjoni, l-Istati Membri qegħdin dejjem aktar jirrikonoxxu l-ħtieġa li jiżguraw ħajja ta' xogħol itwal biex jibbilanċjaw l-impatt taż-żieda fil-lonġevità u biex ikun hemm kumpens għat-tnaqqis fir-rati ta’ sostituzzjoni permezz ta’ karrieri kontributorji itwal. Tul l-aħħar snin bosta Stati Membri adottaw (pereżempju Ċipru, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Ungerija, il-Latvja) jew diġà implimentaw (pereżempju id-Danimarka, ir-Renju Unit) żieda tal-età pensjonabbli għan-nisa u/jew l-irġiel. Bħala total, 25 minn 28 Stat Membru issa lleġiżlaw żidiet attwali jew futuri tal-eta tal-pensjoni. F’ħafna każijiet, iż-żieda hija akkumpanjata minn ugwalizzazzjoni (gradwali) fl-etajiet tal-pensjoni għall-irġiel u għan-nisa (Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja, il-Kroazja, l-Italja, il-Latvja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, ir-Renju Unit). Bl-estensjoni tagħha tal-intitolament tal-pensjoni ("mutterrente") għall-ġenituri li kellhom it-tfal qabel l-1992 il-Ġermanja mmirat li tindirizza xi ftit mill-impatt tal-interruzzjonijiet tal-karriera u x-xogħol part-time. Madankollu f'ħafna Stati Membri aktar sforzi huma ggarantiti biex jindirizzaw dawn il-muturi l-oħra ewlenin tad-diskrepanza tas-sessi fl-intitolamenti tal-pensjoni.

Aktar pajjiżi qed jorbtu l-età tal-pensjoni maż-żieda fil-lonġevità Ir-Renju Unit u l-Portugall issa qed isegwu għadd kbir ta' pajjiżi (Ċipru, id-Danimarka, il-Greċja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovakkja), li wara li żiedu l-età tal-irtirar biex ikopru żidiet ta' aktar qabel fil-lonġevità għażlu li jintroduċu rabta espliċita bejn l-età tal-pensjoni u żidiet oħra fl-istennija tat-tul tal-ħajja. Iżda xi Stati Membri għad għandhom riżervi serji dwar din l-idea.

Sabiex jgħollu l-età effettiva tal-irtirar, aktar Stati Membri ħadu passi biex jirrestrinġu l-aċċess għall-irtirar kmieni. Il-miżuri ta’ riforma ewlenin jinvolvu kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà aktar stretti għal pensjoni bikrija (età minima ogħla, rekord ta' kontribuzzjonijiet itwal u tnaqqis fil-livell tal-benefiċċji) u attenzjoni akbar fuq miżuri ta’ attivazzjoni (il-Belġju, Ċipru, Spanja, il-Kroazja, il-Portugall, is-Slovenja). Xi pajjiżi qed jirrestrinġu wkoll l-aċċess għal perkorsi alternattivi utilizzati b’mod estensiv għall-irtirar kmieni bħal benefiċċji tal-qgħad fit-tul (pereż. Spanja) jew benefiċċji tal-invalidità (pereż. l-Awstrija, id-Danimarka). Iżda f’diversi pajjiżi (pereż. l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Lussemburgu, Malta, ir-Rumanija) inklużi xi wħud minn dawk involuti f’riformi riċenti, l-alternattivi ta’ irtirar bikri għad għandhom it-tendenza li jdgħajfu l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet. Pajjiżi oħra ffaċilitaw l-aċċess għall-alternattivi ta' irtirar kmieni għal individwi li għandhom karrieri twal ta' kontribuzzjonijiet u piż ta' xogħol b'ħinijiet twal. Fil-Latvja u l-Portugall dan ġara bħala reazzjoni għaż-żieda fil-problemi ta’ impjieg għal ċerti gruppi ta’ ħaddiema akbar fl-età. Fid-Danimarka l-iskop kien li jiġu kkumpensati l-iżbilanċi fir-riformi preċedenti li naqqsu l-alternattivi tal-irtirar kmieni. Fil-Ġermanja l-għan kien li tiżdied l-ekwità għal persuni li bdew jaħdmu f’età bikrija, filwaqt li fil-Bulgarija t-taffija kienet primarjament mmirata lejn il-persuni li jkunu wettqu xogħol ta' strapazz.

Aktar Stati Membri qed jiftħu rotot biex dak li jkun itawwal il-ħajja tax-xogħol tiegħu u jtejjeb id-drittijiet tal-pensjoni billi jiddiferixxi l-irtirar. Fi Franza, l-età li fiha min iħaddem fis-settur privat jista' jibagħat ħaddiem bil-pensjoni mingħajr il-kunsens tiegħu/tagħha żdiedet minn 65 għal 70. Bosta sistemi tal-pensjoni jinkludu inċentivi għal min irid ikompli jaħdem wara li jaqbeż l-età tal-pensjoni, bħal rati ta’ akkumulu ogħla tal-pensjoni jew bonus tal-pensjoni fil-każ ta’ rtirar ritardat (eż. id-Danimarka, il-Finlandja, Franza). Aktar pajjiżi qed jillaxkaw ir-regoli biex jippermettu li l-benefiċċji tal-pensjoni jiġu kkombinati mad-dħul marbut max-xogħol (il-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi u s-Slovenja). Huwa importanti li xi pajjiżi qegħdin dejjem aktar jirfdu r-riformi tal-pensjonijiet b’miżuri ta’ anzjanità attiva fil-postijiet tax-xogħol u fis-swieq tax-xogħol (eż. il-Belġju, Franza, is-Slovenja). Iżda l-isforzi f’dan il-qasam f’ħafna Stati Membri għadhom wisq limitati u mhux koordinati.

Bħala parti minn sforzi ta’ konsolidazzjoni fiskali l-indiċjar tal-pensjonijiet fi ħlas ġie mibdul jew iffriżat temporanjament f’għadd ta’ Stati Membri. Dan pereżempju huwa l-każ f'Ċipru, Franza, l-Italja u l-Portugall. F'oħrajn l-indiċjar, anki f'forma riveduta, qed jerġa jiġi stabbilit wara perjodu li fih ma kienx ġie applikat (eż. ir-Repubblika Ċeka;  il-Bulgarija u l-Latvja).

C. B’rispons għall-pressjonijiet fiskali, il-pajjiżi qed jeżaminaw mill-ġdid l-ispiża tal-kura tas-saħħa u jfittxu metodi biex itejbu l-kwalità bi tqabbil mal-prezz u eżiti effettivi filwaqt li jintroduċu strumenti aħjar għall-kontroll tal-ispejjeż. Diversi Stati Membri daħlu għall-impenn jew varaw riformi strutturali tas-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom (l-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, il-Greċja, Spanja, il-Finlandja, il-Kroazja, l-Irlanda, ir-Rumanija, is-Slovakkja u r-Renju Unit). Il-Finlandja għamlet ftehim ta' riforma soċjali u tas-servizzi tal-kura tas-saħħa fejn ir-responsabbiltà għat-twassil tas-servizzi se tiġi allokata f'ħames reġjuni soċjali u tal-benesseri u tal-kura tas-saħħa. L-Att dwar il-Kura ġdid se jġib tibdil importanti fl-iskema nazzjonali tas-saħħa (NHS) fir-Renju Unit (l-Ingilterra) u se joħloq il-qafas legali għal Fond ta' Kura Aħjar li se tipprovdi inċentiv finanzjarju importanti għall-awtoritajiet lokali biex jintegraw is-servizzi tas-saħħa u l-kura soċjali. Għadd ta' Stati Membri introduċew miżuri biex jillimitaw l-ispejjeż li dejjem qed jiżdiedu tan-nefqa tas-saħħa (l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Belġju, Ċipru, il-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, is-Slovenja u r-Renju Unit). L-Awstrija, il-Belġju u Franza ffukaw fuq li jillimitaw il-livell ġenerali tat-tkabbir tal-infiq fil-kura tas-saħħa. Franza introduċiet miżuri ġodda biex trażżan in-nefqa farmaċewtika permezz tal-iffissar ta’ prezzijiet aħjar u l-inkoraġġiment tal-użu ta’ prodotti ġeneriċi. Ittieħdu għadd ta’ miżuri biex jitjieb il-mod li bih jingħata s-servizz tas-saħħa, ħafna minnhom jiżviluppaw aktar is-Saħħa elettronika (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, Spanja, Franza, il-Litwanja, il-Latvja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, l-Isvezja, is-Slovenja, is-Slovakkja u r-Renju Unit). Ċipru qed jintroduċi riformi ewlenin marbuta mal-implimentazzjoni tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa l-ġdid u l-infrastruttura tal-IT tiegħu kif ukoll riformi dwar l-isptarijiet pubbliċi u faċilitajiet oħra tas-saħħa u l-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-Ministeru tas-Saħħa. Il-Belġju vvota għal Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika bil-għan li jiġġeneralizza l-iskambju elettroniku ta’ informazzjoni tal-pazjenti u fajls tal-pazjenti sal-2018.

Jeħtieġ ukoll jinstabu modi ġodda kif jista’ jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ persunal filwaqt li l-iżgurar tal-aċċess għal kulħadd għall-kura tas-saħħa jitlob għal miżuri ulterjuri. Xi Stati Membri qed jinvestu sostanzjalment fil-forza tax-xogħol għall-kura tas-saħħa (il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Latvja, Malta, is-Slovakkja). Il-Latvja ddeċidiet li żżid il-ħlas minimu għal professjonisti tal-kura tas-saħħa b’10-12.5%. It-titjib tal-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa baqa’ prijorità għal bosta Stati Membri (il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Greċja, il-Finlandja, Franza, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Latvja u l-Portugall). Fil-Greċja l-persuni kollha mhux assigurati issa huma formalment intitolati għall-aċċess għal mediċini u kura fl-isptar, soġġett għal ħtieġa medika. 

Fl-isfond tal-popolazzjonijiet li qed jixjieħu ħafna Stati Membri jieħdu passi biex jissodisfaw id-domanda li qed jikber b’rata mgħaġġla għal kura fit-tul effettiva, risponsiva u ta' kwalità tajba. Il-Bulgarija adottat strateġija nazzjonali bbażata fuq approċċ integrat u li jtejjeb il-forniment ta’ servizzi soċjali ta’ kwalità, inkluża l-kura fit-tul. Il-Pajjiżi l-Baxxi se jimplimentaw minn Jannar 2015 riforma strutturali prinċipali tas-sistema tas-servizzi ta’ kura għal perjodu twil (LTC) li tikkonsisti fit-trasferiment ta’ xi responsabbiltajiet mis-sistema attwali lill-muniċipalitajiet u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni tas-saħħa. F’diversi Stati Membri n-nuqqas ta’ servizzi formali ta’ kura għal perjodu twil (LTC) għadhom l-ostakolu ewlieni għall-protezzjoni adegwata kontra r-riskji finanzjarji marbuta mal-ħtiġijiet ta’ kura fit-tul u għall-impjieg tan-nisa. 

L-Istati Membri introduċew programmi ta’ inklużjoni speċjali għal persuni f’sitwazzjonijiet ta’ żvantaġġi partikulari u għal persuni li jinsabu mingħajr saqaf fuq rashom jew huma esklużi mill-akkomodazzjoni soċjali. Fil-Bulgarija hemm eżempji pożittivi ta’ miżuri ta’ appoġġ immirati li jiffaċilitaw l-aċċess tar-Roma għall-impjiegi. Madankollu, b’mod ġenerali għad hemm ftit miżuri sistematiċi li ġew stabbiliti fil-livell nazzjonali. Sentejn preprimarja obbligatorji introdotti fil-Bulgarija u preprimarja obbligatorja mill-età ta’ tliet snin introdotti mill-Ungerija huma promettenti għal edukazzjoni primarja tat-tfal Roma. Xi pajjiżi (l-Irlanda, il-Finlandja u l-Latvja) adottaw miżuri ta' politika dwar benefiċċji marbuta mal-akkomodazzjoni soċjali u l-persuni mingħajr saqaf fuq rashom, filwaqt li ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u s-Slovenja qed jintroduċu politiki jew leġiżlazzjoni dwar l-akkomodazzjoni soċjali. Xi Stati Membri (Spanja, il-Latvja) adottaw miżuri marbuta mas-suq tad-djar biex tonqos il-pressjoni fuq djun tal-unitajiet domestiċi. Fil-Belġju, ħames awtoritajiet lokali nedew proġett pilota “Akkomodazzjoni Soċjali l-Ewwel” fejn il-prinċipju ta' gwida huwa l-għoti ta’ dar għal min ma għandux.

3.            TABELLA TA' VALUTAZZJONI TAL-INDIKATURI EWLENIN DWAR L-IMPJIEGI U L-QASAM SOĊJALI 

Twaqqif istituzzjonali tat-tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi ewlenin dwar l-impjiegi u l-qasam soċjali

L-għan tat-tabella ta' valutazzjoni, propost fil-Komunikazzjoni dwar it-Tisħiħ tad-Dimensjoni Soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM)[24] u ppreżentati fl-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2014[25], kien li jkun hemm aktar antiċipazzjoni permezz tal-identifikazzjoni ta’ problemi jew żviluppi soċjali u tal-impjiegi kbar fi stadju bikri. It-tabella ta' valutazzjoni, bħala strument analitiku, tikkonċentra fuq ix-xejriet tal-impjieg u dawk soċjali li jistgħu jheddu l-istabbiltà u l-funzjonament tajjeb tal-UEM u tal-UE billi jdgħajfu l-impjieg, il-koeżjoni soċjali u l-kapital uman, u għalhekk il-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli u l-għan tagħha huwa li tippermetti fehim aħjar tal-iżviluppi soċjali[26]. It-tabella ta' valutazzjoni ġiet approvata f’Diċembru 2013 u adottata f’Marzu 2014 (bħala parti mir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi) mill-Kunsill EPSCO[27]. Wara l-mandat tal-Kunsill Ewropew[28], it-tabella ta' valutazzjoni ġiet użata għall-ewwel darba fis-Semestru Ewropew tal-2014. Sussegwentement, il-Kummissjoni rrikorriet għar-riżultati tat-tabella ta' valutazzjoni waqt l-abbozzar tad-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-2014 u l-ikkunsidrar tal-abbozz tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi bil-għan ta' rfid aħjar tal-isfidi u tal-pariri ta’ politika. L-indikazzjonijiet tat-tabella ta' valutazzjoni ġew issupplementati bl-informazzjoni addizzjonali meħuda mill-Monitoraġġ tal-Prestazzjoni tal-Impjiegi (MPI) u l-Monitoraġġ tal-Prestazzjoni tal-Protezzjoni Soċjali (MPPS) u l-valutazzjoni tal-miżuri tal-politika meħuda mill-Istati Membri. It-tabella ta' valutazzjoni rnexxilha tenfasizza l-isfidi ewlenin tal-impjiegi u dawk soċjali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u talimenta d-dibattiti fuq livell istituzzjonali.

B’mod parallel, il-Kumitat tal-Impjiegi (KUMP) u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (KPS) bdew diskussjoni dwar l-operazzjonalizzazzjoni tat-tabella ta' valutazzjoni lil hinn mis-Semestru Ewropew tal-2014[29]. Il-Kumitati elaboraw b’mod partikolari fuq l-għażla tal-indikaturi, fuq l-indikazzjonijiet tat-tabella ta' valutazzjoni flimkien mal-MPI u l-MPPS u l-metodoloġija sabiex jiġi ddefinit dak li jikkostitwixxi l-iżviluppi l-aktar problematiċi soċjali u tal-impjieg. L-edizzjoni attwali tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tinkludi diversi proposti mressqa, fost l-oħrajn, it-tisħiħ tad-dimensjonijiet tas-sess u tal-età fl-analiżi tad-dejta u l-konsiderazzjoni ta’ bidliet fil-livelli ta’ indikatur lil hinn mill-perjodu l-aktar riċenti.

3.1 Sejbiet mill-indikazzjonijiet komprensivi tat-tabella ta’ valutazzjoni dwar il-livell tal-UE u ż-Żonaeuro

Dan li ġej huwa ħarsa ġenerali lejn ix-xejriet soċjoekonomiċi diverġenti reċenti li tidentifika l-aktar żviluppi sinifikanti f’pajjiżi individwali u fl-UE u b’mod ġenerali tat-tabella ta’ valutazzjoni u għal kull kull wieħed mill-ħames indikaturi. Fl-aħħar nett, fl-Anness wieħed isib tabelli b’ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni għal kull indikatur fl-Istati Membri kollha tal-UE kif ukoll ħarsa ġenerali tal-isfidi ewlenin fil-qasam tal-impjiegi kif identifikati fl-MPI u x-xejriet soċjali li wieħed għandu josserva mill-MPPS.

Matul it-tliet dimensjonijiet wieħed jista’ jindividwa żviluppi u livelli ewlenin fl-impjiegi u fil-qasam soċjali li huma potenzjalment ta’ tħassib li jwasslu għal diverġenzi madwar l-UE u li jesiġu analiżi ulterjuri u possibbilment rispons ta’ linja politika aktar qawwi[30]:

· Għal kull Stat Membru, il-bidla fl-indikatur f’sena partikolari meta mqabbla ma’ perjodi ta’ żmien preċedenti (xejra storika);

· Għal kull Stat Membru, id-differenza mir-rati medji tal-UE u ż-żona tal-euro fl-istess sena (li jipprovdu stampa tad-disparitajiet attwali fl-impjiegi u l-qasam soċjali);

· Il-bidla fl-indikatur bejn sentejn konsekuttivi f’kull Stat Membru meta mqabbla mal-bidla fil-livelli tal-UE u taż-żona tal-Euro (indikattiva tad-dinamika fil-konverġenza/diverġenza soċjo-ekonomika).

B’mod ġenerali, l-indikazzjonijiet tat-tabella ta' valutazzjoni, meta jitqiesu kollha flimkien, jindikaw diverġenzi soċjoekonomiċi persistenti, iżda mhux li qed jiżdiedu sal-punt bħal tas-sena l-oħra. Id-diverġenzi jibqgħu viżibbli fir-rati tal-qgħad, tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u ta’ żgħażagħ li la huma f’impjieg u lanqas f’edukazzjoni jew taħriġ; tnaqqis fid-dħul tal-unitajiet familjari u żidiet fl-inugwaljanzi u r-rati ta’ faqar ogħla huma evidenti f’ħafna Stati Membri Ewropej tan-Nofsinhar taż-Żona tal-euro. F’dan l-istadju, b’mod partikolari għall-indikaturi marbuta mal-qgħad, id-diverġenzi mhumiex isiru aktar wiesgħin, iżda l-iskala ta’ treġġigħ lura tax-xejriet preċedenti għadha mhix evidenti biżżejjed.

Id-dejta derivata mit-tabella ta' valutazzjoni tiġi analizzata wkoll b'konsiderazzjoni tat-tqassim skont is-sessi (għall-indikaturi kollha fejn huwa possibbli).  F’diversi Stati Membri, il-piż ta’ żidiet fil-qgħad kemm għall-popolazzjoni fl-età tax-xogħol kif ukoll fost iż-żgħażagħ kien sproporzjonalment tqil għan-nisa filwaqt li f’pajjiżi oħra, kienu l-ħaddiema rġiel li ġew milquta aktar mill-effetti tal-kriżi.

Meta jiġu analizzati fuq livell ta’ pajjiż, it-tabella ta’ valutazzjoni tiġbed l-attenzjoni għal għadd ta’ Stati Membri li qed jgħaddu minn sfidi soċjali u tal-impjieg filwaqt li ssib żviluppi u distanzi storiċi mill-medja tal-UE.  L-aktar sitwazzjoni problematika kemm bħala indikaturi tal-impjieg kif ukoll fil-qasam soċjali tidher fl-Italja u r-Rumanija. Dawn huma l-Istati Membri li għaddew minn żviluppi negattivi universalment minn punti ta’ tluq diġà problematiċi. L-indikaturi dwar l-impjiegi fil-Greċja, Spanja, u l-Portugall juru jew titjib jew sitwazzjoni stabbli filwaqt li l-indikaturi soċjali għadhom jindikaw rati dejjem jiżdiedu u diġà għolja ta’ faqar u inugwaljanzi kif ukoll tnaqqis fl-introjtu tal-familji f’termini reali. F’Ċipru u l-Kroazja, ir-rati ta’ qgħad (żgħażagħ) juru xi titjib jew l-ebda deterjorazzjoni ulterjuri filwaqt li tkompli tiżdied ir-rata tan-NEETs minn livelli diġà għoljin. Fl-Istat Membru tal-ewwel, l-iżviluppi negattivi tas-suq tax-xogħol wasslu għal aktar tiħżin fil-kundizzjonijiet soċjali. Filwaqt li l-Litwanja kompliet ittejjeb is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol tagħha (diġà għaż-żewġ perjodi ta’ rapportar konsekuttivi), l-indikaturi soċjali jindikaw aktar tħassib rigward żieda fil-faqar u l-inugwaljanza minn livelli diġà iktar’ il fuq mill-medja tal-UE. Fl-aħħar nett, hemm żewġ Stati Membri li s’issa rnexxielhom jipproteġu s-soċjetà tagħhom mill-effetti tal-kriżi iżda xi sinjali inkwetanti huma evidenti fit-tabella ta’ valutazzjoni: Il-Pajjiżi l-Baxxi ġarrbu żidiet fir-rati tal-qgħad (żgħażagħ) u tan-NEETs u l-indikatur tal-faqar filwaqt li l-Finlandja kellha xi żviluppi ta’ tħassib rigward ir-rati tan-NEETs u tal-qgħad.  

Livelli || Bidliet || Indikaturi dwar l-impjiegi || Indikaturi soċjali

Rata ta' qgħad || Rata ta' qgħad żgħażagħ || Mhux fl-Impjieg Edukazzjoni Taħriġ || Introjtu disponibbli gross ta' unità domestika || Riskju ta' faqar || Inugwaljanza

L   || L || l-Italja || il-Belġju, l-Italja, ir-Rumanija || il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, l-Ungerija, ir-Rumanija || L-ogħla tnaqqis: il-Greċja, Spanja, l-Italja, Ċipru, l-Ungerija, is-Slovenja || il-Greċja, Spanja, il-Litwanja, il-Portugall, ir-Rumanija || il-Greċja, Spanja, il-Bulgarija, l-Italja, il-Litwanja, ir-Rumanija, il-Portugall

- || il-Greċja, il-Kroazja, Ċipru || - || il-Bulgarija, il-Greċja, Spanja || l-Italja ||

J || Spanja,il-Portugall, is-Slovakkja || Spanja, il-Greċja, il-Kroazja, Ċipru, il-Portugall, is-Slovakkja || - || il-Latvja || il-Latvja

J || L || il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Finlandja || il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija || il-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Finlandja || id-Danimarka, il-Lussemburgu, Ċipru, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja, l-Isvezja || Ċipru, il-Ġermanja, l-Ungerija, Malta, is-Slovenja

Tabella: Sommarju tal-indikazzjonijiet tat-tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi ewlenin dwar l-impjiegi u l-qasam soċjali[31]

L-isfidi identifikati permezz tat-tabella ta’ valutazzjoni tal-indikaturi ewlenin soċjali u tal-impjieg jeħtieġ li jiġu kkunsidrati fil-kuntest tas-semestru Ewropew, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ħidma tal-Kummissjoni fuq id-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal li fuqhom huwa bbażat l-abbozz tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż u s-sorveljanza multilaterali mwettqa fil-KUMP u l-KPS. Il-batterija ta’ indikaturi inklużi fl-MPI u l-MPPS se jiġu integrati b’mod sħiħ biex jikkomplementaw l-analiżi speċifika għall-pajjiż.

3.2 Sejbiet mit-tabella ta' valutazzjoni għal kull indikatur

3.2.1 Rata ta' qgħad - bidla u livell

B’mod ġenerali madwar l-Unjoni Ewropea, iż-żidiet drammatiċi fir-rata tal-qgħad kif irrappurtat fl-aħħar edizzjoni tat-tabella ta’ valutazzjoni ġew ikkontrollati u waqfu. Ir-rata fost l-UE28 naqset minn 0,5 pp b’indikazzjonijiet ta’ rkupru żgħir fis-suq tax-xogħol. It-titjib fiż-Żona tal-euro kien aktar marġinali (tnaqqis ta’ 0,3 punti perċentwali). Madankollu d-diverġenzi bejn il-pajjiżi li żdiedu matul is-snin tal-kriżi għadhom għoljin u ma juru l-ebda sinjal ta’ titjib. Id-distakk bejn l-aħjar tnejn u l-agħar tnejn jibqa’ aktar minn 20 pps. Ir-rata tal-qgħad għan-nisa baqgħet ogħla minn dik tal-irġiel (rispettivament ta’ 0,2 pp fl-UE28 u 0,4 pp fiż-Żona tal-euro fl-ewwel nofs tal-2014) 

Figura I: Rati tal-qgħad - 1 semestru 2014 u bidliet 1 semestri 2012-2013 u 1 semestri 2013-14 skont il-pajjiż (grupp ta' età 15-74) Sors: Eurostat (LFS), kalkoli tad-DĠ EMPL; imqassma skont il-livell fl-ewwel nofs tal-2014

Kif jidher mill-figuri fit-tabella ta’ valutazzjoni, hemm sitt Stati Membri (il-Greċja, Spanja, il-Kroazja, Ċipru, il-Portugall, is-Slovakkja, l-Italja) fejn ir-rati tal-qgħad għadhom għolja b’mod allarmanti (meta mqabbla mal-medja tal-UE).  Filwaqt li tlieta minn dawn l-Istati (Spanja, il-Portugall, is-Slovakkja) raw xi bidliet pożittivi, is-sitwazzjoni qed isir aktar inkwetanti minħabba li r-rata tal-qgħad iddeterjorat saħansitra aktar (jiġifieri żieda ta’ 0,5 pp fuq perjodu ta’ sena). Barra mill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, qed jitfaċċa grupp ġdid ta’ stati li qed jiffaċċjaw qgħad li qed jiżdied. Il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Finlandja għad għandhom kollha livelli ta’ qgħad pjuttost baxxi, madankollu t-tabella ta’ valutazzjoni turi xi żviluppi problematiċi tar-rata tal-qgħad għall-pajjiżi li s’issa rnexxielhom relattivament tajjeb jipproteġu l-forza tax-xogħol tagħhom matul il-kriżi. It-tqabbil mal-ewwel edizzjoni tat-tabella ta’ valutazzjoni juri li dan mhux fenomenu kompletament ġdid u dan jindika li dawn l-iżviluppi jistgħu jinbidlu f’xejriet għall-perjodu aktar fit-tul li jistgħu jeħtieġu attenzjoni. Rigward id-dimensjoni tal-ġeneri tal-fenomenu tal-qgħad fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa (Spanja, il-Greċja, l-Italja), ir-rata tal-qgħad fost in-nisa tibqa' ogħla minn dik tal-irġiel; is-sitwazzjoni hija bil-maqlub fl-Isvezja, fil-Finlandja, fl-Irlanda jew fl-Istati Baltiċi 

3.2.2 Rata ta' qgħad taż-żgħażagħ u rata NEETs

Fil-perjodu ta' rappurtaġġ attwali, kien hemm xi żviluppi pożittivi rigward ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ bil-medji jonqsu kemm fl-UE (tnaqqis ta’ 1,2 pp) kif ukoll fiż-Żona tal-euro (0,5 pp). Filwaqt li s-sitwazzjoni fil-pajjiżi bl-agħar prestazzjoni tjiebet, id-differenzi fir-rendiment tal-Istati Membri xorta għadhom kbar. Rigward ir-rata tan-NEETs, il-medji tal-UE u taż-Żona tal-euro naqsu biss bi ftit u għaldaqstant l-Unjoni Ewropea baqgħet diverġenti bil-livelli għoljin tar-rati tan-NEETs (l-aktar fir-reġjuni tan-nofsinhar tal-Ewropa) li akkumulaw matul is-snin tal-kriżi.

Figura IIa: Rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ - 1 semestru 2014, 1 semestri 2012-13 u 1 semestri 2013-14 skont il-pajjiż (grupp ta' età 15-24)   Sors: Eurostat (LFS), kalkoli tad-DĠ EMPL imqassma skont il-livell fl-ewwel nofs tal-2014

Figura IIb: Il-livell tar-rati NEET tal-2011 u l-bidliet 2011-2012 u 2012-2013 (grupp ta’ età 15-24) Sors: Eurostat (LFS), kalkoli tad-DĠ EMPL; imqassma skont il-livell fl-ewwel nofs tal-2014 Nota: FR 2013 waqfa fis-serje, għalhekk l-ebda bidla disponibbli

Is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol tibqa’ drammatika f’ħafna Stati Membri; f’mhux inqas minn seba’ pajjiżi (il-Greċja, Spanja, il-Kroazja, l-Italja, il-Portugall, Ċipru, is-Slovakkja), ir-rata tal-qgħad għadha 9 pps ogħla mill-medja tal-UE. Fuq nota aktar pożittiva, il-maġġoranza ta’ dawn il-pajjiżi rnexxielhom itejbu s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ b’eċċezzjoni notevoli tal-Italja fejn ir-rata kompliet tiżdied (jiġifieri 4,1 pps). Barra minn hekk, il-Belġju u r-Rumanija raw żidiet fir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ b’livelli relattivament diġà għolja.  B’mod simili għall-analiżi tal-żviluppi li jirrigwardaw ir-rata tal-qgħad, anki fil-każ ta’ dan l-indikatur, hemm grupp ta’ pajjiżi (il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Finlandja) li juru sinjali ta’ tiħżin minn punt ta' bidu li relattivament għadu tajjeb.     

Filwaqt li l-livelli tar-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ma żdidux b’mod drastiku globalment, il-proporzjon ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) żdied b’mod sinifikanti fi kważi nofs l-Istati Membri. Minn livelli diġà għoljin, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, l-Ungerija u r-Rumanija għaddew minn żieda fir-rata tan-NEETs ta' bejn 2,7 pps u 0,4 pp. Għal darb’ oħra, is-sitwazzjoni tan-NEETs fl-Italja hija l-aktar drammatika, billi l-pajjiż bl-ogħla livelli ta’ NEETs kellu t-tielet l-ogħla żieda fir-rati tan-NEETs. Fuq nota aktar pożittiva, ix-xejriet negattivi fil-Greċja sabu waqfin (tal-anqas f’dan il-perjodu ta’ rappurtar): għalkemm il-livelli tar-rata tan-NEETs għadhom għoljin ma baqgħux jiżdiedu. Bi tqabbil ma’ indikaturi oħra marbuta mal-impjiegi, bosta Stati Membri taż-Żona tal-euro (il-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Finlandja) kienu għaddejjin minn riċessjoni tas-swieq tax-xogħol tagħhom b’żidiet reċenti fir-rati tan-NEETs xorta taħt il-medja tal-UE. Ir-rati tan-NEETs fost in-nisa żgħażagħ huma l-aktar drammatiċi fir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, Ċipru, il-Litwanja u l-Ungerija filwaqt li NEETs fost l-irġiel huma evidenti fil-Greċja, fil-Kroazja, fl-Italja, f'Ċipru u fil-Finlandja. 

3.2.3 Bidliet reali fl-introjtu disponibbli gross tal-unitajiet domestiċi

Id-dħul tal-unitajiet domestiċi kompla jistaġna f’termini reali jew jonqos ħafna wara l-2011 fil-pajjiżi l-aktar milquta mit-tiħżin ulterjuri tal-kundizzjonijiet ekonomiċi. L-introjti domestiċi ġew l-aktar affettwati mit-tnaqqis tal-introjti tas-suq u t-tnaqqis tal-impatt tat-trasferimenti soċjali matul iż-żmien. B’żieda ma’ dan, l-issikkar fiskali f’xi Stati Membri affettwa l-impjieg u l-bidliet fis-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji u t-tnaqqis fil-pagi tas-settur pubbliku wasslu għal tnaqqis sinifikanti fil-livell tal-introjti domestiċi reali. Dan għandu mnejn ikkontribwixxa għat-twessigħ tad-diverġenza fiż-żona tal-euro.

Figura III: Bidla reali fl-introjtu disponibbli gross tal-unitajiet domestiċi (IDGU) tkabbir fl-2012 u 2011

Sors: Eurostat, Kontijiet nazzjonali, kalkoli tad-DĠ EMPL; imqassma skont it-tkabbir totali 2012

Hemm kemm dispersjoni wiesa kif ukoll diverġenza li dejjem qed tiżdied bejn l-Istati Membri fl-evoluzzjoni tal-introjtu disponibbli gross tal-unitajiet domestiċi f’termini reali. Meta wieħed iħares lejn is-sitwazzjoni fid-dejta tal-2012 mhux inqas minn 16-il Stat Membru għaddew minn żviluppi negattivi sinifikanti fl-introjtu disponibbli gross tal-unitajiet domestiċi: il-Greċja rat tnaqqis sena wara sena ta’ kważi 10% u Ċipru tnaqqis ta’ 9%. It-tnaqqis fl-ewwel pajjiż kif ukoll fi Spanja u l-Italja ġie flimkien mat-tiħżin li diġà kien jinħass fil-perjodu preċedenti ta’ rappurtar. Min-naħa l-oħra, issa hemm grupp ta’ pajjiżi emerġenti li fihom sal-2011 il-pagi komplew bit-tkabbir u kienet l-2012 li ġabet magħha xi żviluppi negaitivi: Ċipru, l-Ungerija, is-Slovenja, l-Estonja, il-Bulgarija.   

3.2.4 Rata ta' riskju ta' faqar tal-popolazzjoni f'età tax-xogħol - bidla u livell

Ir-rati ta’ riskju ta’ faqar għall-popolazzjoni fl-età tax-xogħol qed jiżdiedu f’ħafna Stati Membri (ara l-Figura IV). F’ħafna pajjiżi, iż-żieda tiġi fuq livelli ta’ riskju tal-faqar diġà għoljin li ħafna drabi jsiru agħar minħabba tnaqqis qawwi fil-livell tas-soll tal-faqar matul il-perjodu.

Figura IV: Ir-rati ta' riskju ta' faqar fl-età tax-xogħol, tal-2013 livell u bidliet 2011-2012 u 2012-2013 (grupp ta’ età 18-64) Sors: Sors: Eurostat, EU-SILC (kalkoli ta' DĠ EMPL); jirreferu għas-sena ta’ introjtu 2012. Nota: ES 2013 waqfa fis-serje, l-ebda bidla disponibbli; AT UK waqfa fis-serje fl-2012, l-ebda bidla 2011-2012 disponibbli, 2012 (bidla 2011-2012 u 2010-2011) għal IE

L-Istati Membri bl-ogħla żieda fir-rata ta' riskju ta' faqar tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol bejn l-2012 u l-2013 jinkludu l-Greċja, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta u l-Portugall, filwaqt li l-ogħla żidiet bejn l-2011 u l-2012 ġew osservati fil-Greċja, il-Portugall, il-Kroazja, Spanja u l-Kroazja. Fil-biċċa l-kbira ta' dawn il-pajjiżi l-perjodu estiż ta' tkabbir tal-PDG negattiv jew qrib iż-żero, il-qgħad fit-tul dejjem jiżdied u t-tnaqqis maż-żmien tal-impatt tat-trasferimenti soċjali wasslu għal riskji ta' faqar.

3.2.5 Inugwaljanzi (proporzjon S80/20[32]) - bidla u livell

L-inugwaljanza fl-introjtu qed tikber madwar u fi ħdan l-Istati Membri, partikolarment fl-Istati Membri li raw l-akbar żidiet fil-qgħad (ara Figura V). F’ħafna pajjiżi, il-kriżi intensifikat ix-xejriet fit-tul ta’ polarizzazzjoni tal-pagi u s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, li flimkien ma’ sistemi ta’ taxxa u tal-benefiċċji anqas ridistributtivi komplew ikabbru l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu. Iż-żidiet sinifikanti fl-inugwaljanzi jistgħu jkunu marbuta ma’ livelli għolja ta’ qgħad (bl-akbar żidiet fil-qiegħ tas-suq tax-xogħol). F’xi każijiet l-impatt tal-konsolidazzjoni fiskali kien ukoll fattur[33].

Figura V: Inugwaljanzi (miżura S80/S20) fil-livell 2013 (*2012) u l-bidliet 2011-2012 u 2012-2013 Sors: Eurostat, UE-SILC (kalkoli ta' DĠ EMPL); Nota: ES 2013 waqfa fis-serje, l-ebda bidla disponibbli; AT UK waqfa fis-serje fl-2012, l-ebda bidla 2011-2012 disponibbli, 2012 (bidla 2011-2012 u 2010-2011) għal IE.

Hemm dispersjoni wiesgħa u diverġenza li dejjem qed tiżdied fl-inugwaljanza (proporzjon S80/S20) bejn l-Istati Membri. Id-dejta reċenti għas-sena ta’ introjtu 2012 (li hija disponibbli għal għadd ta’ Stati Membri) turi żidiet fl-introjtu (kif imkejla mill-indikatur S80/S20) ta' 0.5 jew aktar bejn l-2012 u l-2013 fil-Litwanja, il-Greċja u l-Bulgarija. L-inugwaljanza fid-dħul baqgħet partikolarment għolja fil-Bulgarija, il-Greċja, Spanja, il-Litwanja, il-Latvja, il-Portugall u r-Rumanija fl-2013, fejn is-sehem tal-introjtu tal-ogħla 20% huwa mill-inqas sitt darbiet ogħla minn dik tal-anqas 20%

[1]         Il-Ġurnal Uffiċjali L308/46, 24.11.2010, "Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (2010/707/UE)"

[2]        Dan huwa minnu għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni b'diżabbiltà. Ir-rata ta' qgħad għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kienet 21.7% fl-2013 (14.3% fl-2008), filwaqt li għall-persuni b'diżabbiltà r-rata ta' qgħad hija kważi d-doppju tar-rata għall-persuni mingħajr diżabbiltà.

[3] Ara “Key Features” mid-DĠ EMPL għal analiżi ulterjuri (li jmiss).

[4] Ara d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni: L-isfruttament tal-potenzjal tax-xogħol tal-ICTs, 18.4.2012, SWD(2012) 96; Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar pjan ta’ azzjoni għall-forza tax-xogħol tal-kura tas-saħħa tal-UE, 18.4.2012, SWD(2012) 93 u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni: L-isfruttament tal-potenzjal tal-impjieg tat-tkabbir ekoloġiku, 18.4.2012, SWD(2012) 92

[5] Ara wkoll il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Inizjattiva dwar l-Impjieg Ekoloġiku: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi, 2.7.2014, COM(2014) 446.

[6] Pereżempju, l-impjieg part-time involontarju (bħala perċentwali tal-impjieg totali part-time) fl-UE-28 kien 29.6% fl-2013 'l fuq mill-25.3% tal-2008.

[7]           Kurva ta' Beveridge, jew kurva UV, hija rappreżentazzjoni grafika tar-relazzjoni bejn il-qgħad u r-rata ta' vakanzi ta' impjiegi (l-għadd ta' impjiegi battala espress bħala proporzjon tal-forza tax-xogħol). Tinklina 'l isfel peress li rata aktar għolja ta' qgħad normalment isseħħ flimkien ma' rata iktar baxxa ta' postijiet battala. Jekk tersaq 'il barra biż-żmien, ifisser li ċertu livell ta' postijiet battala jiġu assoċjati ma' livelli dejjem ogħla ta' qgħad, u dan jimplika li l-effiċjenza tat-tlaqqigħ tkun qed tonqos fis-suq tax-xogħol.

[8]         “Żviluppi fis-suq tax-xogħol fl-Ewropa, 2013”, il-Kummissjoni Ewropea.

[9]         Għal aktar analiżi, ara “Key Features”, DĠ EMPL.

[10]        Pereżempju “Future skills supply and demand in Europe”, Cedefop.

[11]        F’Ottubru 2013, l-OECD u l-Kummissjoni ħarġu l-eżitu ta’ “Survey on Adult Skills (PIAAC)  - Stħarriġ ġdid dwar il-Ħiliet tal-Adulti - (PIAAC)", il-Kummissjoni Ewropea, OECD.

[12]        Ara eż. "Is Aggregate Demand Wage-Led or Profit-Led? National and Global Effects", Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol, Kundizzjonijiet tax-Xogħol u tal-Impjiegi, Serje Nru 40, Ġinevra, 2012.

[13]        Ara “Quarterly Report on the Euro Area - Rapport ta’ kull tliet xhur dwar iż-Żona tal-Euro”, Kummissjoni Ewropea, Volum 12, Nru 3, 2013.

[14]          Ara pereżempju, Eurofound (2013), “Tackling Undeclared Work in 27 European Union Member States and Norway: Approaches and Measures Since 2008", Eurofound, Dublin; Hazans, M. (2011), "Informal Workers Across Europe", Dokument ta' Riċerka 5912, Bank Dinji, Washington DC. 

[15]        Il-proporzjon tad-distribuzzjoni kwintili tal-introjtu jew il-proporzjon S80/S20 huwa miżura tal-inugwaljanza tad-distribuzzjoni tal-introjtu. Huwa kkalkulat bħala l-proporzjon tal-introjtu totali li jirċievu 20% tal-popolazzjoni bl-ogħla introjtu (il-kwintil ta’ fuq) ma’ dak li jirċievu 20% tal-popolazzjoni bl-inqas introjtu (il-kwintil t’isfel). L-introjti kollha huma kkompilati bħala introjti disponibbli ekwivalizzati.

[16] Ara aktar dettalji f’EU Employment and Social Situation, Quarterly Review, Ġunju 2014.

[17]        EU Employment and Social Situation - Sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi fl-UE, Analiżi trimestrali -  Marzu 2014 - Suppliment dwar ix-xejriet fl-infiq soċjali (2014)

[18]       Ara aktar dettalji f’EU Employment and Social Situation, Quarterly Review, Marzu 2013. L-analiżi turi li l-aġġustament ‘l isfel tan-nefqa soċjali osservat mill-2011 jidher aktar qawwi meta mqabbel ma’ episodji simili ta’ riċessjoni matul l-aħħar tliet deċenni.

[19]        Din it-taqsima tagħti aġġornament tas-sitwazzjoni kif ippreżentata fl-aħħar Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi u minħabba l-limitazzjonijiet tal-ispazju, mhijiex eżawrjenti u ma għandhiex l-għan li tirrapporta dwar ir-riformi u l-miżuri politiċi kollha. Bħala prinċipju, il-miżuri li ġew biss imħabbra iżda ma tressqux fil-parlament għall-adozzjoni jew għal negozjar kollettiv mal-imsieħba soċjali mhumiex koperti fir-Rapport. 

[20]        Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta’ Ottubru 2012 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi.

[21] Ta' min jinnota li r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel jipprovdi analiżi dettaljata

[22] L-aħħar dejta disponibbli; ippubblikata fir-rebbiegħa tal-2014

[23] Għal ħarsa ġenerali aktar kompleta tal-iżviluppi li jkopru l-linji gwida 8 u 9, ara r-Rapport dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2014.

[24]  COM(2013) 690, 2.10.2013. Ara b’mod partikolari pp. 6-7 "Il-Kummissjoni tipproponi li tinħoloq tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi ewlenin li jridu jintużaw fl-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi li jsegwi l-iżviluppi tal-impjiegi u tal-qasam soċjali. Din għandha isservi ta’ għodda analitika li biha jkunu jistgħu jiġu identifikati aħjar u aktar kmieni, il-problemi kbar tal-impjiegi u dawk soċjali, l-aktar dawk fir-riskju li joħolqu effetti lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. (...) Din tkun inkorporata fl-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi sabiex tipprovdi bażi aktar iffukata għal sorveljanza multilaterali msaħħa tal-politiki tal-impjiegi u dawk soċjali, billi tgħin biex tidentifika żviluppi li jiġġustifikaw risponsi politiċi soċjali u tal-impjiegi aktar b’saħħithom. (...) L-indikaturi tal-impjiegi u tal-qasam soċjali għat-tabella ta' valutazzjoni għandhom isibu l-fenomeni ewlenin għal kull pajjiż u jidentifikaw l-aktar problemi serji u l-iżviluppi minn kmieni u qabel mal-pajjiż jiżvija ż-żejjed mill-prestazzjoni tiegħu tal-imgħoddi jew mill-bqija tal-UE.”

[25] COM(2013) 801 finali, 13.11.2013

[26] Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 19/20 ta' Diċembru 2013, par. 39

[27] 7476/14, Brussell, 12 ta’ Marzu 2014

[28] Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 19/20 ta’ Diċembru 2013 "38. Il-Kunsill Ewropew itenni l-importanza tal-iżviluppi fl-impjiegi u fil-qasam soċjali fi ħdan is-Semestru Ewropew. Abbażi tal-ħidma mwettqa mill-Kunsill, il-Kunsill Ewropew jikkonferma r-rilevanza tal-użu ta’ tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi ewlenin dwar l-impjiegi u l-qasam soċjali kif deskritt fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi”

[29] Opinjoni konġunta tal-KPS/KUMP it-tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi ewlenin dwar l-impjiegi u l-qasam soċjali għall-Kunsill EPSCO ta’ Ġunju. Barra minn hekk, il-KPS ippreżenta d-dokument dwar "It-tabella ta' valutazzjoni ta' Indikaturi ewlenin tal-impjiegi u l-qasam soċjali: l-operazzjonalizzazzjoni — Rapport mis-Sottogrupp tal-Kumitat għall-Indikaturi tal-Protezzjoni Soċjali”

[30] Din l-analiżi ta' dimensjoni tripla ssegwi r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2014 kif miftiehem bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill.  Kif mistqarr fil-Messaġġi Ewlenin tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2014: "L-impatt tal-kriżi wassal għal diverġenza dejjem tikber bejn is-sitwazzjonijiet soċjali u tal-impjieg tal-Istati Membri, b'mod partikolari fiż-żonaeuro, kif juru dan ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi u t-tabella ta' valutazzjoni tiegħu dwar l-indikaturi ewlenin tal-impjiegi u l-qasam soċjali. Din id-diverġenza tidher ukoll tul il-ħames indikaturi ewlenin kollha f'din it-tabella ta' valutazzjoni." 7476/14, Brussell, 12 ta’ Marzu 2014, p. 3 Barra minn hekk, kif ġie miftiehem fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2014, it-tabella ta’ valutazzjoni tkopri l-Istati Membri kollha tal-UE u għaldaqstant isiru paraguni mal-medja tal-UE. F’xi każijiet, id-devjazzjonijiet statistiċi mill-medja taż-żona tal-euro jistgħu wkoll ikunu rilevanti. 7476/14, Brussell, 12 ta’ Marzu 2014, p. 49

[31] It-tabella tagħti ħarsa ġenerali tal-iżviluppi tal-impjieg u l-qasam soċjali fl-Istati Membri fejn il-livelli jew ix-xejriet fl-indikaturi ewlenin jistgħu jitqiesu problematiċi.

[32] Il-proporzjon bejn l-introjti tal-20% tal-popolazzjoni bl-ogħla introjti u l-introjti tal-20% bl-inqas introjti.

[33]Ara d-Dokument ta’ Ħidma EUROMOD 2/13.

Anness 1 Tabella ta’ valutazzjoni ta’ indikaturi ewlenin tal-impjiegi u l-qasam soċjali bil-medji tal-UE u taż-Żona tal-Euro bħala punti ta’ referenza*

* għal kull indikatur (ħlief għat-tkabbir reali fl-Introjtu Disponibbli Gross għall-Unitajiet Domestiċi  peress li huwa rrappreżentat bħala valur monetarju) it-tliet kolonni jirreferu għal i) bidla sena b’sena f’termini assoluti; ii) id-differenza mir-rati medji fl-istess sena tal-UE (jew taż-Żona tal-Euro) iii) il-bidla sena b’sena għall-pajjiż b'rabta mal-bidla sena b’sena fil-livelli tal-UE jew ŻE (li jindika jekk is-sitwazzjoni tal-pajjiż hix qed tiddeterjora/titjib b'pass iktar mgħaġġel mill-bqija tal-UE/ŻE li jirrifletti d-dinamika tad-diverġenza/konverġenza soċjoekonomika). S1 tindika l-ewwel semestru u hija bbażata fuq dejta trimestrali. Sors: Eurostat, UE LFS, Kontijiet nazzjonali, u UE-SILC (kalkoli DĠ EMPL). NEET: bidla 2011-2012 għal FR (waqfa fis-serje fl- 2013); F’riskju ta’ faqar u S80S20: 2012 inst. 2013 (bidla 2011-2012) għal IE, bidla 2011-2012 għal ES (waqfa fis-serje fl-2013)."

Anness 2 Taqsira ġenerali tal-Isfidi Ewlenin fil-qasam tal-Impjiegi u l-eżiti tas-suq tax-xogħol partikolarment pożittivi skont il-Monitoraġġ tal-Prestazzjoni fil-qasam tal-Impjiegi (C = sfida (challenge); G = eżitu tajjeb tas-suq tax-xogħol (good labour market outcome) — adottat f’Ġunju 2014[1]

Anness 3 Taqsira ġenerali tax- “xejriet soċjali li wieħed għandu jsegwi” u l-Istati Membri b’deterjorament statistikament sinifikanti u t-titjib għall-perjodu 2011-2012 kif identifikati mill-Monitoraġġ tal-Prestazzjoni ta’ Protezzjoni Soċjali — adottati fit- 19 ta’ Frar 2014

Sors: Ewropa Soċjali: Bosta modi, għan wieħed. Rapport Annwali tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali dwar is-sitwazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea (2013).

Nota: Ix-xejriet soċjali li wieħed għandu jsegwi għall- 2011-2012, kif adottati mill-KPS fid-19 ta’ Frar 2014 fuq il-bażi tad-dejta disponibbli f’dak il-mument, jidentifikaw deterjorament f’aktar minn 1/3 tal-Istati Membri u huma enfasizzati bil-kulur aħmar fit-tabella ta’ hawn fuq (Sors: Ewropa Soċjali: Bosta modi, għan wieħed. Rapport Annwali tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali dwar is-sitwazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea (2013).

[1] http://register.consilium.europa.eu/doc/srv?l=EN&f=ST%2010763%202014%20INIT

Top