EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0642

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

/* COM/2014/0642 final */

52014DC0642

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) /* COM/2014/0642 final */


Werrej

1............ Introduzzjoni 3

1.1......... Id-Direttiva 2010/40/UE.. 3

1.2......... Traspożizzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE.. 4

2............ Analiżi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE.. 4

2.1......... Programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni 4

2.2......... Atti delegati dwar l-ispeċifikazzjonijiet 4

2.2.1...... Metodoloġija. 4

2.2.2...... Azzjonijiet ta’ prijorità. 4

2.2.3...... Azzjonijiet oħra fl-oqsma ta’ prijorità u lil hinn. 6

2.3......... Proposti dwar it-tnedija. 6

2.3.1...... L-eCall interoperabbli fl-UE kollha (azzjoni ta’ prijorità d) 6

2.3.2...... Azzjonijiet oħra ta’ prijorità (c u e) 6

2.4......... Standards. 6

2.5......... Miżuri mhux vinkolanti 7

2.5.1...... Linji gwida għar-rapportar mill-Istati Membri 7

2.5.2...... Linji gwida dwar is-sistemi STI. 7

2.6......... Regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali 7

2.7......... Responsabbiltà. 7

2.8......... Rapportar mill-Istati Membri 7

2.8.1...... Rapport dwar l-attivitajiet u l-proġetti nazzjonali rigward l-oqsma ta’ prijorità. 7

2.8.2...... Informazzjoni dwar l-azzjonijiet nazzjonali għas-sistemi STI previsti tul il-ħames snin segwenti 7

2.9......... Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-sistemi STI. 8

3............ Effiċjenza u adegwatezza tad-Direttiva 2010/40/UE u d-delega tas-setgħa. 8

3.1......... Diversi konfigurazzjonijiet 8

3.2......... Eżerċizzju tad-delega. 8

3.3......... Segwitu tal-ispeċifikazzjonijiet 9

4............ Riżorsi finanzjarji użati u meħtieġa. 9

5............ Konklużjoni 10

1.           Introduzzjoni

1.1.        Id-Direttiva 2010/40/UE

Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport[1] (minn hawn ’il quddiem id-‘Direttiva dwar is-sistemi STI’ jew id-‘Direttiva 2010/40/UE’). Din id-Direttiva daħlet fis-seħħ f’Awwissu 2010, wara proċess leġiżlattiv mgħaġġel li wera r-rieda tal-koleġiżlaturi li jagħmlu progress rapidu f’dan il-qasam ġdid ta’ politika.

Id-Direttiva dwar is-sistemi STI għandha l-għan li taċċellera t-tnedija u l-użu kkoordinat ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti fit-trasport bit-triq (u interkonnessjonijiet ma’ modi oħra) madwar l-Ewropa. Hija tidentifika lista ta’ sitt azzjonijiet ta’ prijorità li jinkludu:

a) il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha;

b) il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha;

c) dejta u proċeduri għall-forniment, fejn ikun possibbli, ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq mingħajr ħlas għall-utenti;

d) il-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha[2];

e) il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali; u

f) il-forniment ta’ servizzi ta’ rriżervar għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali.

Hija telenka wkoll oqsma ta’ prijorità li fihom trid issir aktar ħidma: użu ottimali tad-dejta dwar it-toroq, it-traffiku u l-ivvjaġġar (qasam ta’ prijorità I); kontinwità tas-sistemi STI ta’ ġestjoni tat-traffiku u tal-merkanzija (qasam ta’ prijorità II), sistemi STI għas-sikurezza u s-sigurtà fit-toroq (qasam ta’ prijorità III), kollegament tal-vettura mal-infrastruttura tat-trasport (qasam ta’ prijorità IV). Dawn l-oqsma ta’ prijorità jikkorrispondu għall-ewwel erba’ oqsma ta’ prijorità tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-STI[3].

Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar is-sistemi STI, l-ewwel iridu jiġu adottati speċifikazzjonijiet għas-sitt oqsma ta’ prijorità qabel ma jiġu adottati speċifikazzjonijiet għal azzjonijiet oħra fl-oqsma ta’ prijorità. Billi s-sitt azzjonijiet ta’ prijorità huma parti mill-oqsma ta’ prijorità I u III, il-ħidma fuq l-ispeċifikazzjonijiet iffukat prinċipalment fuq dawn iż-żewġ oqsma ta’ prijorità.

Id-Direttiva 2010/40/UE hija bbażata fuq approċċ f’żewġ passi:

§ il-Kummissjoni għandha s-setgħa sabiex l-ewwel tadotta, permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji — inklużi d-dispożizzjonijiet funzjonali, tekniċi, organizzattivi jew ta’ servizz — biex tassigura l-kompatibbiltà, l-interoperabilità u l-kontinwità għat-tnedija u l-użu operattiv tas-sistemi STI[4];

§ fit-tieni stadju, mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet neċessarji għal azzjoni ta’ prijorità, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta, fejn ikun xieraq, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 294 tat-TFUE, dwar il-varar ta’ dik l-azzjoni ta’ prijorità. Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-impatt li tinkludi analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji għal kwalunkwe proposta bħal din[5].

Għal dak il-għan, il-Kummissjoni adottat programm ta’ ħidma[6] li jispeċifika u jipprijoritizza aktar il-ħidma li għandha titwettaq skont id-Direttiva dwar l-STI (ara 2.1).

Sabiex tinvolvi ‘l-awtoritajiet pubbliċi u atturi privati fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE, il-Kummissjoni hija megħjuna mill-Kumitat Ewropew tas-sistemi STI, li jiġbor rappreżentanti mill-Istati Membri u mill-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-sistemi STI kompost minn rappreżentanti ta’ livell għoli tal-partijiet interessati fis-sistemi STI.

Il-kompiti tal-Kummissjoni kienu jinkludu wkoll l-adozzjoni ta’ linji gwida għar-rappurtar mill-Istati Membri[7] u r-rappurtar f’intervalli regolari dwar il-progress miksub.

Minbarra l-obbligi speċifiċi relatati mal-privatezza, is-sigurtà u r-responsabbiltà[8], l-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li l-ispeċifikazzjonijiet adottati jiġu applikati għall-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi STI meta dawn jiġu varati fit-territorju tagħhom. Huma jridu jagħmlu sforzi wkoll sabiex jikkooperaw fir-rigward tal-oqsma ta’ prijorità, safejn ma kinux adottati speċifikazzjonijiet. L-obbligi ta’ rapportar għall-Istati Membri joħorġu mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2010/40/UE. L-għan tagħhom huwa li jinkiseb għarfien aħjar tal-attivitajiet u l-intenzjonijiet differenti tal-Istati Membri u biex dawn l-attivitajiet jiġu stimulati permezz ta’ rikonoxximent aħjar tal-valur miżjud tas-sistemi STI għall-politiki dwar it-trasport fl-ambjenti nazzjonali.

Skont l-Artikolu 17(4) tad-Direttiva dwar is-sistemi STI, il-Kummissjoni trid tippreżenta rapport kull tliet xhur lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress magħmul fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Dan irid ikun akkumpanjat minn analiżi tal-funzjonament u l-implimentazzjoni tal-Artikoli 5 sa 11 u l-Artikolu 16, inklużi r-riżorsi finanzjarji użati u meħtieġa. Ir-rapport irid jivvaluta wkoll il-ħtieġa li tiġi emendata d-Direttiva, fejn ikun xieraq. Barra minn hekk, l-Artikolu 12(1) ta’ din id-Direttiva jitlob li l-Kummissjoni ‘tagħmel rapport fir-rigward tas-setgħat delegati mhux aktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem ta’ perijodu ta’ ħames snin wara s-27 ta’ Awwissu 2010.’

Dan ir-Rapport jissodisfa ż-żewġ obbligi hawn fuq imsemmija. Huwa akkumpanjat ukoll minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar ir-rapport ta’ progress u eżami tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI u minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tar-rapporti tal-Istati Membri tal-2011 (dwar attivitajiet u proġetti nazzjonali fir-rigward tal-oqsma ta’ prijorità) u tal-2012 (dwar l-azzjonijiet nazzjonali tal-STI previsti matul il-perjodu ta’ ħames snin li jmiss) ippreżentati skont l-Artikolu 17 (1) u 17(2) tad-Direttiva dwar is-sistemi STI.

1.2.        Traspożizzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE

Skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva, l-Istati Membri kellhom sas-27 ta’ Frar 2012 sabiex idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u sabiex jinnotifikawhom lill-Kummissjoni.

Sa dik id-data, seba’ Stati Membri biss kienu nnotifikaw il-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni. Diversi Stati Membri ħadu aktar minn sena addizzjonali u l-aħħar Stat Membru li nnotifika l-aħħar miżura ta’ traspożizzjoni tiegħu għamel dan fit-2 ta’ Jannar 2014. Waqt il-laqgħat tal-Kumitat tas-sistemi STI, diversi Stati Membri sostnew li dan wera d-diffikultà tat-traspożizzjoni tad-Direttiva; din tal-aħħar fiha ammont żgħir ħafna ta’ miżuri immedjati tassew speċifiċi li għandhom jiġu trasposti, billi tikkostitwixxi qafas, li jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri regolatorji sussegwenti.

2.           Analiżi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE

2.1.        Programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni

Kif previst mill-Artikolu 17(5) tad-Direttiva dwar is-sistemi STI u bi qbil mal-iskeda ta’ żmien stabbilita mid-Direttiva, il-Kummissjoni adottat programm ta’ ħidma, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ewropew tas-sistemi STI.

Il-programm ta’ ħidma jkopri l-perjodu 2011-15, u jipprovdi ħarsa ġenerali annwali fil-qosor tal-kompiti u l-attivitajiet ġenerali li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni matul dan il-perjodu fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-sistemi STI. Huwa jiffoka fuq il-preparazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet relatati mas-sitt azzjonijiet ta’ prijorità u d-dati stmati għall-adozzjoni tagħhom.

2.2.        Atti delegati dwar l-ispeċifikazzjonijiet

2.2.1.     Metodoloġija

L-elaborazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet twettqet skont il-Ftehim ta’ Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea[9] u l-Fehim Komuni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-atti delegati[10].

L-azzjonijiet u l-kompiti mwettqa bi preparazzjoni għall-ispeċifikazzjonijiet jikkonsistu minn dan li ġej:

-         Ġbir ta’ inputs u riżultati eżistenti minn studji Ewropej, proġetti ta’ riċerka, proġetti ta’ implimentazzjoni nazzjonali, konsultazzjonijiet pubbliċi, attivitajiet eżistenti f’assoċjazzjonijiet, inputs mill-partijiet interessati, eċċ.

-         Analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji.

-         Analiżi tan-nuqqasijiet u analiżi tar-rekwiżiti u l-approċċi possibbli, b’mod partikolari permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi online mwettqa mill-Kummissjoni sabiex jiġu determinati l-veduti u l-pożizzjonijiet taċ-ċittadini, il-partijiet interessati u l-Istati Membri.

-         Konsultazzjonijiet ma’ esperti mill-Istati Membri u mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar l-abbozz ta’ speċifikazzjonijiet. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill irċieva d-dokumenti rilevanti kollha matul il-preparazzjoni tal-atti delegati u l-esperti tal-Parlament kienu mistiedna għal-laqgħat tal-esperti.

-         Opinjoni tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-sistemi STI.

Din il-ħidma preparatorja bbenefikat ukoll bil-kbir minn diversi azzjonijiet, studji, workshops, eċċ. relatati mal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI (ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport ta’ Progress u l-eżami tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI).

2.2.2.     Azzjonijiet ta’ prijorità

Is-sitt azzjonijiet ta’ prijorità għall-iżvilupp u l-użu tal-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards huma definiti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar is-sistemi STI u l-Anness I tagħha.

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar is-sistemi STI, il-Kummissjoni kellha tadotta speċifikazzjonijiet għal waħda jew aktar mill-azzjonijiet ta’ prijorità sas-27 ta’ Frar 2013. Barra minn hekk, il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni stabbilixxa d-dati li ġejjin għall-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet għall-ewwel sitt azzjonijiet ta’ prijorità:

(a) il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha: Q4 2014;

(b) il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha: Q4 2013;

(c) dejta u proċeduri għall-forniment, fejn ikun possibbli, ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq mingħajr ħlas għall-utenti: Q4 2012;

(d) il-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha: Q4 2012;

(e) il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali: Q4 2012;

(f) il-forniment ta’ servizzi ta’ rriżervar għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali : Q4 2013.

Speċifikazzjonijiet adottati

Il-Kummissjoni laħqet l-iskadenza tas-27 ta’ Frar 2013 billi fis-26 ta’ Novembru 2012, adottat l-ewwel sett ta’ speċifikazzjonijiet għall-azzjoni ta’ prijorità (d), permezz tar-Regolament Delegat (UE) Nru 305/2013 dwar il-forniment armonizzat għal eCall interoperabbli fl-UE kollha[11]. Dan ir-Regolament Delegat jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet, ibbażati fuq standards, għat-titjib tal-infrastruttura taċ-Ċentri li Jwieġbu għas-Sejħiet marbutin mas-Sikurezza Pubblika (PSAP) meħtieġa għar-riċeviment u t-trattament xieraq tal-eCalls sabiex tkun assigurata l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità tas-servizz armonizzat ta’ eCall fl-UE kollha.

Rigward l-azzjoni ta’ prijorità (c), fil-15 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) Nru 886/2013 fir-rigward tad-dejta u l-proċeduri għall-forniment, fejn possibbli, ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza b’xejn lill-utenti[12]. Huwa jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji sabiex tkun assigurata l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità għat-tnedija u l-użu operattiv tad-dejta u l-proċeduri rilevanti għal sett definit ta’ inċidenti relatati mas-sigurtà fit-toroq. Ir-Regolament Delegat jindirizza l-partijiet interessati kemm pubbliċi kif ukoll privati u jipprovdi għall-kondiviżjoni ta’ dejta relatata mas-sigurtà mingħajr kostijiet addizzjonali għall-utent finali permezz ta’ punt ta’ aċċess nazzjonali f’format standardizzat komuni (DATEX[13]), u b’hekk jikkontribwixxi għall-interoperabbiltà u l-previdibbiltà għal kwalunkwe utent potenzjali ta’ din id-dejta. Madankollu, ma kienx possibbli li jiġu speċifikati rekwiżiti dettaljati tal-kwalità fil-qafas taż-żmien tal-elaborazzjoni ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet: għalhekk ġiet stabbilita task force, bl-involviment ta’ partijiet interessati pubbliċi u privati, sabiex teżamina l-kriterji tal-kwalità, u l-metodi ta’ monitoraġġ u valutazzjoni.

Rigward l-azzjoni ta’ prijorità (e), fil-15 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) Nru 885/2013 fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali[14]. Huwa jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji sabiex tkun assigurata l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità għat-tnedija u l-użu operattiv tas-servizzi ta’ informazzjoni. Ir-Regolament Delegat jindirizza partijiet interessati kemm pubbliċi kif ukoll privati u jiddefinixxi l-elementi neċessarji sabiex is-servizzi ta’ informazzjoni jiġu pprovduti b’mod armonizzat, inkluż xi elementi avvanzati dwar l-informazzjoni dinamika. L-istess bħall-azzjoni ta’ prijorità (c), ir-rekwiżiti tal-kwalità huma minimi.

Dawn it-tliet settijiet ta’ speċifikazzjonijiet ġew ippreparati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri f’laqgħat iddedikati tal-esperti[15] li għalihom kienu mistiedna l-Parlament Ewropew u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, u wara konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, b’mod partikolari permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi online u workshops.

Ħidma li għaddejja fuq l-azzjonijiet ta’ prijorità li fadal

Bi preparazzjoni għall-ħidma dwar l-ispeċifikazzjonijiet għall-azzjoni ta’ prijorità (a) dwar servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha, diġà tnedew diversi inizjattivi (l-Ewwel Sfida dwar il-Mobilità Intelliġenti[16], studji, workshops u konsultazzjonijiet pubbliċi[17]). L-għan huwa li dawn l-ispeċifikazzjonijiet jiġu adottati fl-2015. B’mod parallel, il-Kummissjoni bdiet diskussjoni[18] dwar inizjattiva possibbli dwar l-aċċess għad-dejta tat-trasport multimodali bil-għan li tiġi indirizzata l-isfida li ssir aċċessibbli dejta dwar it-trasport, li tkopri l-modi tat-trasport u s-servizzi kollha ta’ mobilità. Din ir-riflessjoni fl-ewwel stadju wasslet għad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ‘Pjan direzzjonali lejn it-twassil ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali, l-ippjanar u t-tikkettar fl-UE kollha’ f’Ġunju 2014[19]. Dan possibbilment se jwassal għal proposta legali dwar l-aċċess għal dejta dwar l-ivvjaġġar multimodali u t-traffiku, skont l-eżitu ta’ valutazzjoni tal-impatt li għandha tiġi finalizzata matul l-2014.

Għall-azzjoni ta’ prijorità (b) dwar servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha, il-Kummissjoni diġà organizzat diversi sessjonijiet ta' ħidma u laqgħat tal-esperti bi preparazzjoni għall-ispeċifikazzjonijiet. L-għan huwa li dawn l-ispeċifikazzjonijiet jiġu adottati sal-aħħar tal-2014. Dan id-dewmien meta mqabbel mal-iskeda ta’ żmien stmata fil-bidu huwa parzjalment spjegat mill-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet kif speċifikat fl-Anness I tad-Direttiva dwar is-sistemi STI, u mill-ħtieġa li jinbena fehim kondiviż mal-Istati Membri dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet. Huma se jiffukaw fuq l-abilitazzjoni tal-kundizzjonijiet għal servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha u għalhekk huma aktar relatati mal-ħidma purament amministrattiva milli mas-servizzi nfushom.

Rigward l-ispeċifikazzjonijiet għall-azzjoni ta’ prijorità (f) dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ rriżervar għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali, il-Kummissjoni wettqet diversi konsultazzjonijiet ma’ esperti mill-Istati Membri u l-partijiet interessati prinċipali. Id-diskussjonijiet issottolinjaw li hemm numru baxx ta’ żoni ta’ parkeġġ li jistgħu joffru servizzi ta’ rriżervar fl-2014 (li jirrappreżentaw 2% tal-postijiet ta’ parkeġġ) u li, għalhekk, attwalment ma kien hemm l-ebda ħtieġa għal speċifikazzjonijiet u standards dwar l-irriżervar taż-żoni ta’ parkeġġ. Madankollu, żviluppi ulterjuri se jiġu mmonitorjati u, jekk ikun xieraq, il-kwistjoni se terġa’ tiġi kkunsidrata f’din il-perspettiva. Jekk ikunu meħtieġa attivitajiet ta’ standardizzazzjoni, dawn jistgħu jiġu kkunsidrati fil-kuntest aktar wiesa’ tal-inizjattiva li jmiss dwar il-merkanzija elettronika (e-Freight).

2.2.3.     Azzjonijiet oħra fl-oqsma ta’ prijorità u lil hinn

Kif meħtieġ skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar is-sistemi STI, il-Kummissjoni trid tadotta speċifikazzjonijiet għal azzjonijiet oħra f’oqsma ta’ prijorità, elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar is-sistemi STI, ladarba jkunu ġew adottati l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji għall-azzjonijiet ta’ prijorità. Kif spjegat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport ta’ Progress u l-eżami tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI, bdiet ħidma fuq sistemi kooperattivi, ibbażata fuq proġetti ta’ riċerka u bosta konsultazzjonijiet ma’ partijiet interessati li jinkludu l-Kumitat Ewropew tas-sistemi STI u l-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-sistemi STI. L-għan huwa li jiġu evalwati l-ostakoli u l-kundizzjonijiet abilitattivi u jiġi identifikat kif il-Kummissjoni tista’ tippromwovi t-tnedija ta’ dawn is-sistemi fl-Unjoni. Barra minn hekk, twettqu studji preparatorji bil-għan li jiġi promoss aċċess miftuħ għas-servizzi tas-sistemi STI (pjattaforma miftuħa fil-vettura). Barra dan, hemm indikazzjonijiet li jistgħu jiġu esplorati ulterjorment oqsma ġodda possibbli għall-ispeċifikazzjonijiet (eż. crowd-sourcing għad-dejta dwar it-trasport, sewqan awtomatizzat) bil-għan li jiżdied aktar l-użu prattiku tas-sistemi tat-trasport intelliġenti.

2.3.        Proposti dwar it-tnedija

2.3.1.     L-eCall interoperabbli fl-UE kollha (azzjoni ta’ prijorità d)

Minbarra r-rakkomandazzjoni lill-Istati Membri mmirata lejn l-operaturi tan-netwerks mobbli sabiex tappoġġa t-trażmissjoni tal-eCalls[20] u l-ispeċifikazzjonijiet[21] li fihom ir-rekwiżiti għat-titjib tal-infrastruttura taċ-ċentri li jwieġbu għas-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika, il-Kummissjoni fit-13 ta’ Mejju 2013 adottat żewġ proposti leġiżlattivi: waħda għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-varar ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha[22]; it-tieni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċerna r-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għat-tnedija tas-sistema eCall immuntata fil-vettura[23].

Il-proposta għal Deċiżjoni kienet adottata mill-koleġiżlaturi fil-25 ta’ Mejju 2014 u suċċessivament ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali[24]. Skont id-dispożizzjonijiet tagħha, iċ-ċentri li jwieġbu għas-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika għandhom isiru operattivi madwar l-Unjoni mhux aktar tard minn 6 xhur qabel id-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għas-sistema ta’ eCall immuntata fil-vettura u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2017. Din id-Deċiżjoni tagħmel espliċitu d-dritt ta’ kull Stat Membru li jorganizza s-servizzi tal-emerġenza tiegħu bl-aktar mod kost-effettiv u xieraq għall-ħtiġijiet tiegħu.

Il-proċess leġiżlattiv fir-rigward tal-proposta għall-approvazzjoni tat-tip rigward is-sistema ta’ eCall immuntata fil-vettura għadu għaddej.

2.3.2.     Azzjonijiet oħra ta’ prijorità (c u e)

Xi Stati Membri kienu attivi ħafna dan l-aħħar fil-varar ta’ servizzi relatati mal-azzjonijiet ta’ prijorità (c) dwar l-informazzjoni minima relatata mas-sikurezza fit-toroq u (e) dwar servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għat-trakkijiet. Madankollu, fi żminijiet ta’ riżorsi finanzjarji skarsi, deher aktar raġonevoli, qabel ma jiġi stabbilit kwalunkwe obbligu ġenerali ta’ varar, li l-ewwel jiġu appoġġati l-iżviluppi li segwew l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet, permezz ta’ monitoraġġ u skambju tal-aħjar prattiċi ta’ implimentazzjoni bejn l-Istati Membri, kif ukoll permezz tal-aħħar sejħa għall-proposti dwar in-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u s-sejħiet li jmiss dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Wara tagħlimiet minn dawn l-ewwel sforzi u bini fuq l-aħjar prattiċi, il-ħtieġa għal proposti ta’ atti leġiżlattivi dwar varar obbligatorju mbagħad se tiġi valutata fi stadju aktar tard.

2.4.        Standards

Mill-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-sistemi STI kienu għaddejjin jew tlestew diversi attivitajiet ta’ standardizzazzjoni relatati mal-oqsma ta’ prijorità.

Kienu adottati l-istandards ta’ eCall imsemmija fir-Regolament Delegat (UE) Nru 305/2013. Skont il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni, CEN/TS 16454 dwar l-ittestjar tal-konformità minn tarf sa ieħor tal-eCall huwa mistenni li jsir standard CEN sħiħ qabel l-aħħar tal-2014. Se tiġi finalizzata wkoll reviżjoni żgħira ta’ dawn l-istandards sabiex jiġi integrat l-eżitu tal-proġetti pilota HeERO[25], wisq probabbli qabel l-aħħar tal-2014.

L-implimentazzjoni tal-mandat ta’ standardizzazzjoni M/453 dwar sistemi kooperattivi hija avvanzata sewwa. Kemm is-CEN (TC 278 WG16) kif ukoll l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni ETSI (TC ITS), iżda anki organizzazzjonijiet oħra tal-istandardizzazzjoni, ipprovdew standards rilevanti għal STI kooperattivi, li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat M/453. L-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-istandards eżistenti hija attività kontinwa fil-proċess tal-istandardizzazzjoni fil-kumitati tekniċi u l-gruppi ta’ ħidma rilevanti tas-CEN, ISO, SAE, IEEE u ETSI[26]. Il-ħidma għall-istandardizzazzjoni tas-sistemi STI qiegħda tibbenefika wkoll mill-kooperazzjoni internazzjonali tal-Unjoni Ewropea mal-Istati Uniti tal-Amerika u msieħba oħra li qegħdin jaħdmu fuq l-armonizzazzjoni globali tal-istandards tas-sistemi STI. Din il-kooperazzjoni taċċellera d-definizzjoni tal-istandards u twassal għal varar aktar veloċi tas-sistemi STI.

Ġew identifikati ħtiġijiet addizzjonali ta’ standardizzazzjoni li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-sistemi STI. Dawn jinkludu l-implimentazzjoni tal-eCall f’vetturi ta’ kategoriji għajr M1 u N1; linji gwida dwar iċ-ċertifikazzjoni tas-sistemi ta’ eCall (is-suq ta’ wara l-bejgħ); it-tlestija tal-mandat M/453; l-arkitettura tal-pjattaforma miftuħa fil-vettura; l-integrazzjoni ta’ dejta (pubblika) preċiża dwar it-toroq fil-mapep diġitali; l-integrazzjoni u l-operazzjoni sigura ta’ strumenti nomadiċi; u STI urbani. Dawn kollha ġew miżjuda mal-Pjan kontinwu tal-Kummissjoni tal-2013 għall-istandardizzazzjoni tal-ICT[27] fid-dawl ta’ mandati futuri possibbli dwar l-istandardizzazzjoni.

2.5.        Miżuri mhux vinkolanti

2.5.1.     Linji gwida għar-rapportar mill-Istati Membri

Kif meħtieġ skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar is-sistemi STI, il-Kummissjoni fit-13 ta’ Lulju 2011 adottat linji gwida għar-rapportar mill-Istati Membri skont id-Direttiva 2010/40/UE[28].

2.5.2.     Linji gwida dwar is-sistemi STI

Dawn il-Linji gwida ġew ippreparati skont il-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI (ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni u l-eżami tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI). Huma qajmu koxjenza dwar il-karatteristiċi tas-sistemi STI urbani u pprovdew input għad-Dokument ta’ Ħidma dwar il-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Mobilizzazzjoni tas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti għall-bliet tal-UE[29] li kien parti mill-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana adottat fis-17 ta’ Diċembru 2013[30].

2.6.        Regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali

Id-dispożizzjonijiet rilevanti relatati mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, is-sigurtà u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni ġew inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet kollha adottati. Dawn jibnu fuq studju preparatorju[31] kkummissjonat fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI[32] u huma skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar is-sistemi STI. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta ġie sistematikament mistieden għal-laqgħat tal-esperti tal-Istati Membri bi preparazzjoni għall-ispeċifikazzjonijiet u ġew ikkunsidrati l-opinjonijiet tiegħu dwar l-abbozzi finali tal-ispeċifikazzjonijiet. Dan se jkun il-każ ukoll għall-ispeċifikazzjonijiet u l-proposti futuri kollha.

2.7.        Responsabbiltà

Id-dispożizzjonijiet rilevanti relatati mar-regoli dwar ir-responsabbiltà ġew inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet kollha adottati. Għal dawn, inkiseb input minn studju preparatorju[33] fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI, u huma skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar is-sistemi STI. Dan se jkun il-każ ukoll għall-ispeċifikazzjonijiet u l-proposti futuri kollha.

2.8.        Rapportar mill-Istati Membri

2.8.1.     Rapport dwar l-attivitajiet u l-proġetti nazzjonali rigward l-oqsma ta’ prijorità

Skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar is-sistemi STI, l-Istati Membri kienu meħtieġa li sas-27 ta’ Awwissu 2011 jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar l-attivitajiet u l-proġetti nazzjonali tagħhom dwar l-oqsma ta’ prijorità elenkati fl-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva.

Dawn ir-rapporti pprovdew l-ewwel ħarsa ġenerali, għall-erba’ oqsma ta’ prijorità tad-Direttiva dwar is-sistemi STI, dwar l-implimentazzjoni tas-sistemi STI madwar l-Unjoni kollha.

Dawn ir-rapporti tal-2011 huma analizzati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ‘Analiżi tar-rapporti tal-Istati Membri’ li qiegħed jakkumpanja dan ir-Rapport.

Skont l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva dwar is-sistemi STI, sas-27 ta’ Awwissu 2014 l-Istati Membri jridu jirrappurtaw dwar il-progress magħmul mir-rapport tal-2011.

2.8.2.     Informazzjoni dwar l-azzjonijiet nazzjonali għas-sistemi STI previsti tul il-ħames snin segwenti

Skont l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva dwar is-sistemi STI, l-Istati Membri kienu meħtieġa li sas-27 ta’ Awwissu 2012 jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-azzjonijiet nazzjonali għas-sistemi STI previsti tul il-ħames snin segwenti.

Dawn ir-rapporti tal-2012 huma analizzati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ‘Analiżi tar-rapporti tal-Istati Membri’ li qiegħed jakkumpanja dan ir-Rapport.

Għall-ewwel darba mill-adozzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE, dawn ir-rapporti jiddeskrivu l-intenzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-varar tas-sistemi STI fit-territorju tagħhom fil-ħames snin li ġejjin. Huma juru interess u rieda qawwija min-naħa tal-Istati Membri sabiex jippromwovu s-sistemi STI madwar l-Ewropa sabiex jappoġġaw il-kontinwità tas-servizz u mobilità aktar intelliġenti, u b’mod partikolari tendenza ċara lejn involviment akbar fis-servizzi tal-informazzjoni.

Kif diġà ntwera fir-rapporti nazzjonali tal-2011, l-Istati Membri investew u infurmaw li se jkomplu jinvestu fl-oqsma ta’ prijorità I ‘Użu ottimali tad-dejta dwar it-toroq, it-traffiku u l-ivvjaġġar’ u l-qasam ta’ prijorità II ‘Kontinwità tas-sistemi STI ta’ ġestjoni tat-traffiku u tal-merkanzija’ (aktar informazzjoni fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ‘Analiżi tar-rapporti tal-Istati Membri’)[34]. Għalhekk, l-ispeċifikazzjonijiet f’dawn l-oqsma ċertament jgħinu biex tkun assigurata l-interoperabbiltà u l-kontinwità tas-servizzi diġà skjerati u dawk futuri, u għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-kompatibbiltà mal-applikazzjonijiet eżistenti.

L-attivitajiet relatati mal-qasam ta’ prijorità III ‘Applikazzjonijiet tas-sistemi STI għas-sikurezza u s-sigurtà fit-toroq’ jidhru li huma aktar limitati u b’mod partikolari ffukati fuq xi azzjonijiet speċifiċi (eż. eCall, servizzi ta’ informazzjoni għal parkeġġ bla periklu u sigur għat-trakkijiet) li issa jibbenefikaw mill-ispeċifikazzjonijiet adottati.

Għalkemm il-potenzjal tal-qasam ta’ prijorità IV ‘Kollegament tal-vettura mal-infrastruttura tat-trasport’ sabiex jikkontribwixxi ħalli tiżdied is-sigurtà fit-toroq u titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku huwa rikonoxxut mill-Istati Membri, l-attivitajiet għadhom fil-fażi ta’ riċerka/ittestjar/pilotaġġ. Diversi Stati Membri għandhom pjanijiet speċifiċi għal proġetti pilota, iżda bosta partijiet interessati donnhom għadhom f’modalità ta’ stennija, u għad hemm bżonn it-tfaċċar ta’ mudelli ta’ negozju ċari għat-tnedija fuq skala kbira ta’ servizzi ta’ STI kooperattivi u rata ta’ penetrazzjoni minima meħtieġa ta’ kopertura tal-vetturi mgħammra jew tal-infrastruttura. Jidher li sabiex tingħeleb din is-sitwazzjoni hija meħtieġa koordinazzjoni tal-partijiet interessati involuti kollha li tmur lil hinn mis-sempliċi adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet jew l-appoġġ finanzjarju tal-proġetti pilota.

2.9.        Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-sistemi STI

Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-sistemi STI sabiex jagħtiha parir dwar aspetti kummerċjali u tekniċi tal-varar u l-użu tas-sistemi STI fl-Unjoni. Il-grupp għandu jkun kompost minn rappreżentanti ta’ livell għoli mill-fornituri ta’ servizzi ta’ STI, assoċjazzjonijiet tal-utenti, operaturi tat-trasport u tal-faċilitajiet, l-industrija tal-manifattura, sħab soċjali, assoċjazzjonijiet professjonali, awtoritajiet lokali u fora oħra rilevanti.

Il-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-sistemi STI ġie stabbilit b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-4 ta’ Mejju 2011[35] u l-membri tiegħu nħatru fis-27 ta’ Jannar 2012, wara sejħa miftuħa għall-applikazzjonijiet[36].

L-ewwel laqgħa saret fit-23 ta’ Marzu 2012, u t-tieni laqgħa saret fis-26 ta’ Frar 2013. Dawn il-laqgħat kienu l-okkażjonijiet għal diskussjonijiet mal-partijiet interessati dwar kwistjonijiet kurrenti relatati mas-sistemi STI, b’mod partikolari dwar strateġiji li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet abilitattivi għas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali, l-aċċess għad-dejta dwar it-trasport u t-tnedija ta’ sistemi kooperattivi. Huma għenu wkoll sabiex tiġi kondiviża mal-partijiet interessati viżjoni komuni dwar it-tnedija ta’ sistemi kooperattivi, b’mod partikolari bi pjattaforma proposta sabiex jiġu involuti l-partijiet interessati kollha u jiġu federati l-inizjattivi kollha, sabiex jiġi evitat traqqigħ frammentat u sabiex tiġi assigurata l-interoperabilità tas-servizzi, is-sistemi u t-teknoloġiji.

Il-Kummissjoni talbet b’mod sistematiku lill-membri tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-sistemi STI għall-opinjonijiet bil-miktub tagħhom dwar l-aspetti kummerċjali u tekniċi tal-abbozz ta’ speċifikazzjonijiet, u huma pprovdew kummenti siewja għall-finalizzazzjoni tagħhom.

L-eżitu prinċipali ta’ dawn il-laqgħat saru disponibbli għall-Kumitat Ewropew tas-sistemi STI, kif meħtieġ mid-Direttiva dwar is-sistemi STI.

3.           Effiċjenza u adegwatezza tad-Direttiva 2010/40/UE u d-delega tas-setgħa

3.1.        Diversi konfigurazzjonijiet

Id-Direttiva dwar is-sistemi STI tipprovdi qafas għall-adozzjoni rapida ta’ speċifikazzjonijiet, permezz ta’ atti delegati adottati mill-Kummissjoni. Dan l-approċċ iffaċilita adozzjoni pjuttost sempliċi tal-ispeċifikazzjonijiet għall-ewwel tliet azzjonijiet ta’ prijorità dwar is-servizzi ta’ informazzjoni relatati mas-sikurezza fit-toroq (c), dwar l-eCall (d) u dwar is-servizzi ta’ informazzjoni dwar il-postijiet ta’ parkeġġ għat-trakkijiet (e).

Madankollu, il-kuntest li fih kienu adottati dawn l-ispeċifikazzjonijiet ivarja b’mod qawwi minn azzjoni għall-oħra, b’mod partikolari skont il-progress tal-azzjonijiet tal-UE u nazzjonali u l-inizjattivi pubbliċi jew privati f’dawn l-oqsma.

Għall-eCall, il-prinċipji tal-inizjattiva diġà kienu definiti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘eCall: Wasal il-waqt għall-Mobilizzazzjoni’,[37] u diġà nħarġet Rakkomandazzjoni[38] lill-Istati Membri mmirata lejn l-operaturi tan-netwerks mobbli. Barra minn hekk, diġà kienu jeżistu standards fil-mument li l-ewwel abbozz ta’ speċifikazzjonijiet ġie propost għad-diskussjoni mal-esperti mill-Istati Membri. Tnedew ukoll proġetti pilota ta’ qabel it-tnedija, ibbażati fuq dawn l-istandards. Id-Direttiva dwar is-sistemi STI għalhekk serviet sabiex tikkumplimenta l-approċċ u l-inizjattivi li għaddejjin, billi mliet il-vojt fir-rigward taċ-ċentri telefoniċi tal-emerġenza — magħrufin mod ieħor bħala ċentri li jwieġbu għas-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika.

Is-sitwazzjoni kienet differenti ħafna għall-informazzjoni minima relatata mas-sikurezza fit-toroq u s-servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet ta’ parkeġġ għat-trakkijiet. Ma kienx hemm standards iddedikati li fuqhom jiġu bbażati l-ispeċifikazzjonijiet, għalkemm l-istandards DATEX II, TPEG u RDS TMC[39] servew bħala referenza għal xi aspetti. Barra minn hekk, diġà qegħdin joperaw varjetà ta’ servizzi fl-Istati Membri. Din is-sitwazzjoni ġenerali qajmet mistoqsijiet addizzjonali rigward il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet futuri għas-servizzi diġà eżistenti. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni relattivament dejjaq ta’ dawn iż-żewġ azzjonijiet, xorta waħda kien possibbli li jiġu adottati speċifikazzjonijiet fi żmien relattivament qasir, inkluża l-konsultazzjoni mmirata neċessarja mal-partijiet interessati.

Din l-isfida qiegħda tirriżulta li hija akbar għaż-żewġ azzjonijiet ta’ prijorità li fadal: għall-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha (a); u għall-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha (b). Dan huwa b’mod partikolari minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni akbar tagħhom u n-numru ta’ partijiet interessati involuti. L-istess japplika għal azzjonijiet oħra li għalihom jista’ jkun meħtieġ approċċ aktar komprensiv, lil hinn mis-sempliċi adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet.

3.2.        Eżerċizzju tad-delega

Approvazzjoni politika mill-Istati Membri

Il-każ tal-eCall ipprovda xi lezzjonijiet dwar id-differenzi li jistgħu jeżistu bejn il-ħidma żviluppata fil-kuntest tal-ispeċifikazzjonijiet mal-esperti nazzjonali u l-kontroll politiku mill-Kunsill ladarba l-ispeċifikazzjonijiet ikunu ġew adottati mill-Kummissjoni. Għalkemm kien hemm appoġġ kważi unanimu għall-kontenut tal-ispeċifikazzjonijiet tal-eCall f’livell ta’ esperti, fil-Kunsill seba’ Stati Membri vvutaw favur oġġezzjoni, madankollu, fin-nuqqas ta’ maġġoranza kwalifikata, il-Kunsill ma oġġezzjonax. Ir-raġunijiet ippreżentati minn xi wħud minn dawn is-seba’ Stati Membri mhux neċessarjament kienu relatati mal-ispeċifikazzjonijiet fl-aktar sens strett, iżda mal-inizjattiva tal-eCall b’mod ġenerali, speċjalment il-finanzjament marbut mal-varar futur obbligatorju tas-servizz, jew kwistjonijiet relatati mal-parti tal-inizjattiva tal-eCall ta’ ġol-vettura.

Mistoqsijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-delega tas-setgħa

Bi qbil mal-artikolu 290 tat-TFUE, id-Direttiva dwar is-sistemi STI tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv.

Żewġ Stati Membri għamlu mistoqsijiet bil-miktub dwar il-validità tad-delega tas-setgħa biex l-Istati Membri jkunu obbligati jtejbu s-servizzi eżistenti sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet adottati skont id-Direttiva dwar is-sistemi STI. Huma ħassew li tali obbligu jmur kontra d-dritt ta’ kull Stat Membru li jiddeċiedi dwar it-tnedija proprju tiegħu kif iddikjarat fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar is-sistemi STI. Fit-18 ta’ Diċembru 2013, Stat Membru wieħed irrefera ż-żewġ Regolamenti delegati (UE) Nru 885/2013 (servizzi ta’ informazzjoni dwar postijiet ta’ parkeġġ għat-trakkijiet) u (UE) Nru 886/2013 (servizzi ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq) lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Huwa talab għat-tħassir ta’ dawn iż-żewġ regolamenti delegati b’argument li dawn jaqbżu l-limiti tad-delega ta’ setgħat skont id-Direttiva 2010/40/UE u għalhekk jiksru l-Artikolu 290 tat-TFUE.

Insuffiċjenza tal-approċċ vertikali

Id-Direttiva dwar is-sistemi STI tidentifika sitt azzjonijiet ta’ prijorità li għalihom għandhom jiġu adottati speċifikazzjonijiet. Filwaqt li l-ewwel tliet speċifikazzjonijiet adottati jirrigwardaw oqsma relattivament differenti u distinti, l-azzjonijiet ta’ prijorità l-oħra jinkludu kwistjonijiet komuni, eż. it-tipi komuni ta’ dejta li trid tiġi speċifikata, kwistjonijiet komuni li jirrigwardaw l-aċċess għad-dejta u d-disponibilità tagħha; u l-protezzjoni tad-dejta u r-responsabbiltà. L-approċċ vertikali li joħroġ mid-Direttiva dwar is-sistemi STI mbagħad jista’ jiġi kumplimentat b’approċċi iżjed orizzontali dwar xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet trasversali. Dan jista’ jkun il-każ fir-rigward tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali u t-traffiku f’ħin reali jew għal miżuri orizzontali dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta.

Kif diġà ssemma aktar ’il fuq, għal xi wħud mill-azzjonijiet l-oħra (eż. sistemi kooperattivi), jista’ jkun meħtieġ approċċ aktar komprensiv sabiex jiġu indirizzati d-diversi kwistjonijiet (finanzjament, standardizzazzjoni, koordinazzjoni akbar tal-partijiet interessati, governanza marbuta mal-varar, eċċ.) li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet possibbli.

Data ta’ skadenza tad-delega

Is-setgħa li tadotta atti delegati ġiet mogħtija lill-Kummissjoni sas-27 ta’ Awwissu 2017. Filwaqt li dan kien u għadu strument effiċjenti u flessibbli għall-finalizzazzjoni tal-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet għas-sitt oqsma ta’ prijorità kollha, il-ħtieġa li jiġu adottati speċifikazzjonijiet għall-azzjonijiet l-oħra elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar is-sistemi STI titlob estensjoni ta’ din l-iskadenza.

3.3.        Segwitu tal-ispeċifikazzjonijiet

Għall-eCall, il-proġetti pilota HeERO[40] u l-Pjattaforma Ewropea għall-Implimentazzjoni tal-eCall[41] ipprovdew oqfsa għall-iskambji dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament Delegat dwar l-eCall. Għall-ispeċifikazzjonijiet l-oħra li ġew adottati, inqalgħet il-ħtieġa biex fl-Istati Membri jiġi strutturat aħjar is-segwitu tal-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet għas-servizzi ta’ informazzjoni relatati mas-sikurezza fit-toroq (c) u l-informazzjoni dwar il-postijiet ta’ parkeġġ għat-trakkijiet (e).

Għalhekk, il-Kummissjoni organizzat laqgħat ma’ esperti mill-Istati Membri f’Ottubru 2013 u f’Jannar 2014. Hija beħsiebha tkompli u tiżviluppa dan id-djalogu, b’mod partikolari permezz ta’ pjattaforma ta’ kollaborazzjoni speċifika (wik-ITS) sabiex tappoġġa interpretazzjoni komuni tal-ispeċifikazzjonijiet u l-iskambju tal-aħjar prattiċi, u biex taqsam mistoqsijiet frekwenti.

L-assistenza għall-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet se tiġi pprovduta wkoll permezz ta’ finanzjament taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u Orizzont 2020 u b’inizjattivi/pjattaformi li għaddejjin tal-partijiet interessati bħall-Pjattaforma Ewropea għall-Implimentazzjoni tal-eCall, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Forum dwar il-Mobilità intelliġenti dwar l-Applikazzjonijiet Siguri, il-linji gwida tat-TISA dwar l-immappjar ta’ avvenimenti relatati mas-sigurtà fi standards tad-DATEX/TPEG/RDS, il-Pjattaforma Ewropea dwar is-sistemi STI (proġett iffinanzjat taħt is-Sejħa għat-TEN-T 2012) dwar in-nodu/punt ta’ aċċess nazzjonali tad-DATEX u l-kwalità tal-SRTI, eċċ[42].

Dawn il-miżuri ta’ segwitu se jgħinu wkoll biex tiġi valutata l-ħtieġa li jiġu varati proposti possibbli għat-tnedija fil-futur qrib.

4.           Riżorsi finanzjarji użati u meħtieġa

L-ispeċifikazzjonijiet adottati għadhom pjuttost riċenti, għalhekk ir-riżorsi finanzjarji użati u meħtieġa huma bbażati fuq stima tat-titjib meħtieġ fis-servizzi eżistenti u tal-varar probabbli tagħhom fl-Istati Membri.

Il-proġetti pilota ta’ qabel it-tnedija, HeERO I u II, għall-eCall irċevew investimenti li laħħqu €9.4m u €4.3m (li €4.7m u €2.1m minnhom huma finanzjament mill-Unjoni Ewropea) taħt il-Programm dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP), li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kien aktar wiesa’ mis-sempliċi implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet. Se jkun meħtieġ finanzjament addizzjonali sabiex jiġu mtejba l-infrastrutturi taċ-ċentri li jwieġbu għas-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika fl-Istati Membri kollha, kif stmat fl-Anness XIV tal-valutazzjoni tal-impatt tal-eCall[43].

Rigward l-azzjoni ta’ prijorità (c), il-ġbir ta’ dejta addizzjonali meħtieġ għall-forniment tas-servizz ta’ informazzjoni dwar it-traffiku relatat mas-sikurezza fit-toroq jeħtieġ investimenti inizjali (eż. għas-sensers, CCTV, stazzjonijiet tat-temp, rapporti tal-112 jew rapporti tal-utenti, fornituri privati / floating car data) u se jiġġenera kostijiet addizzjonali għall-manutenzjoni, it-tħaddim u s-sostituzzjoni. Jiddependi minn diversi parametri (eż. it-tul tan-netwerk mgħammar, id-densità u t-tip ta’ tagħmir, il-metodu u t-teknoloġija għall-ġbir tad-dejta, it-tagħmir u d-dejta diġà eżistenti), il-kostijiet tal-ġbir tad-dejta addizzjonali jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri, anki b’fattur ta’ 10 bejn l-istimi tal-kostijiet għolja u baxxi. Huwa stmat li t-tħaddim tas-sistema ta’ informazzjoni se jiswa medja ta’ €1.4m fis-sena għal Stat Membru li llum ma għandu l-ebda servizz.[44]

Rigward l-azzjoni ta’ prijorità (e), € 4 m fis-sena huma l-kostijiet stmati għall-UE kollha li jkunu mġarrba mill-operaturi taż-żoni ta’ parkeġġ għat-trakkijiet u l-awtoritajiet pubbliċi għall-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet komuni fl-UE kollha (forniment ta’ dejta statika, implimentazzjoni, ġestjoni ta’ bażi tad-dejta statika u kostijiet għat-trasportaturi). Informazzjoni dinamika wisq probabbli se tiġi skjerata f’numru limitat ta’ żoni ta’ prijorità (kull żona tinkludi medja ta’ 10 żoni ta’ parkeġġ), il-kostijiet għal kull żona ta’ prijorità huma stmati għal madwar €2m għall-investiment inizjali u €0.2m ta’ kostijiet annwali għat-tħaddim, manutenzjoni u deprezzament.[45]

L-aħħar sejħa għall-proposti tat-TEN-T li tnediet f’Diċembru 2013 offriet l-opportunità li jkunu appoġġati proġetti li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-sistemi STI. Ta’ interess partikolari huma l-proġetti ta’ varar ta’ servizzi ċentrali tas-sistemi STI tul kurituri Ewropej, u studji li jinkludu provi mill-ħajja reali u tħejjijiet ta’ qabel it-tnedija, eż. għas-sistemi kooperattivi u t-titjib taċ-ċentri li jwieġbu għas-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika. L-istess opportunità se tinħoloq mis-sejħiet li jmiss tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa mill-2014.

L-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni ġew appoġġati taħt il-baġit tal-UE, li sal-lum kien jirrappreżenta ammont ta’ €165 000 għall-eCall u €1.338m għas-sistemi kooperattivi taħt il-mandat tal-istandardizzazzjoni M/453. Il-preparazzjoni u l-manutenzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DATEX ibbenefikaw minn diversi sorsi ta’ finanzjament (studju, għotja, proġetti taħt il-programmi tat-TEN-T) għal ammont totali stmat ta’ €1.4m.

Se jkunu meħtieġa riżorsi finanzjarji addizzjonali, li għad iridu jkunu stmati, għall-elementi l-oħra ta’ standardizzazzjoni elenkati fil-pjan rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT.

5.           Konklużjoni

Sa issa, id-Direttiva dwar is-sistemi STI kienet għodda effiċjenti għall-adozzjoni rapida ta’ speċifikazzjonijiet komuni għall-ewwel tliet azzjonijiet ta’ prijorità.

Il-ħidma fuq l-ispeċifikazzjonijiet għaż-żewġ azzjonijiet ta’ prijorità li fadal (servizzi ta’ informazzjoni f’ħin reali fl-UE kollha u servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha) se tiġi ttrattata qabel it-tmiem tal-programm ta’ ħidma fl-2015. Rigward is-servizzi ta’ rriżervar għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali, ma hija meħtieġa l-ebda azzjoni ulterjuri fil-futur qrib.

Fid-dawl tat-tfaċċar ta’ xejriet ġodda fit-tul imsemmija wkoll fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar ir-rapport ta’ progress u l-eżami tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI (eż. użu ta’ crowd-sourcing għad-dejta dwar it-trasport, sewqan parzjalment awtomatizzat, varar ta’ sistemi kooperattivi) u l-ħtieġa possibbli li jiġu stabbiliti prijoritajiet ġodda lil hinn mis-sitt azzjonijiet ta’ prijorità u l-erba’ oqsma ta’ prijorità attwalment definiti, minbarra l-elementi importanti elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar is-sistemi STI, bħala l-ewwel pass jidher neċessarju li jiġu prijoritizzati l-azzjonijiet li fadal biex jiġu indirizzati fil-kamp ta’ applikazzjoni kurrenti tad-Direttiva dwar is-sistemi STI u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI. F’fażi sekondarja, se jkun meħtieġ li ssir riflessjoni dwar, u tibda l-ħidma ta’ preparazzjoni għal reviżjoni possibbli tad-Direttiva dwar is-sistemi STI u tal-appoġġ għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI, b’kont meħud tal-evoluzzjoni teknika kostanti tas-sistemi STI u billi wieħed jibni wkoll fuq il-konklużjonijiet tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar ir-rapport ta’ progress u l-eżami tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sistemi STI.

[1] ĠU L 207 of 6.8.2010, p. 1.

[2] http://ec.europa.eu/transport/themes/its/road/action_plan/ecall_en.htm

[3] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52008DC0886:EN:NOT

[4]               L-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-STI

[5]               L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar l-STI

[6]               Il-programm ta’ ħidma dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE ġie adottat mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Frar 2011 (C(2011) 289 final) http://ec.europa.eu/transport/themes/its/road/action_plan/doc/c_2011_0289_en.pdf

[7]               Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2011 li tadotta linji gwida għar-rappurtar mill-Istati Membri skont id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 193, 23.7.2011, p. 48

[8]               Ara l-artikoli 10 u 11 tad-Direttiva dwar l-STI

[9]               ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

[10]             http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/sefcovic/documents/common_understating_on_delegated_acts.pdf

[11]             ĠU L 91, 3.4.2013, p. 1

[12]             ĠU L 247, 18.9.2013, p. 6

[13]             DATEX: Speċifikazzjoni Teknika Ewropea għall-immudellar u l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mas-sistemi STI

[14]             ĠU L 247, 18.9.2013, p. 1

[15]             http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=1941

[16]             L-Ewwel Sfida dwar il-Mobilità Intelliġenti: http://ec.europa.eu/transport/its/multimodal-planners/index_en.htm

[17]             http://ec.europa.eu/transport/themes/its/road/action_plan/promotion_multimodal_planners_en.htm

[18]             http://ec.europa.eu/transport/themes/its/events/2013-11-15-towards-eu-wide-multimodal-travel-planning_en.htm

[19]             SWD(2014) 194 final

[20]             C(2011) 6269 final

[21]             Regolament Delegat (UE) Nru 305/2013

[22]             COM(2013)315 final

[23]             COM(2013)316 final

[24]             ĠU L 164, 3.6.2014, p. 6

[25]             Għal aktar informazzjoni dwar il-proġetti HeERO www.heero-pilot.eu

[26]             CEN: Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni; ISO: Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni SAE: Soċjetà tal-Inġiniera tal-Karozzi; IEEE: Istitut tal-Inġiniera Elettriċi u Elettroniċi; ETSI: Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni

[27]             http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/ict/standards/work-programme/index_en.htm

[28]             ĠU L 193, 23.7.2011, p. 48

[29]             http://ec.europa.eu/transport/themes/urban/doc/ump/swd(2013)527-communication.pdf

[30]             http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-1255_en.htm

[31]             http://ec.europa.eu/transport/themes/its/studies/its_en.htm

[32]             http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52008DC0886:EN:NOT

[33]             http://ec.europa.eu/transport/themes/its/studies/its_en.htm

[34]             SWD(2014) 319

[35]             http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32011D0505(01):EN:NOT

[36]             http://ec.europa.eu/transport/themes/its/road/action_plan/call_application_eiag_en.htm

                List of members and summary records of the meetings are available on the Register of Commission Expert Groups. http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=2736

[37]             KUMM(2009) 434 finali

[38]             Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/750/UE tat-8 ta’ Settembru 2011 dwar appoġġ għal servizz ta’ sejħiet elettroniċi madwar l-UE kollha fin-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika għat-trażmissjoni ta’ sejħiet tal-emerġenza bbażati fuq in-numru 112 minn sistemi mmuntati fil-vetturi (‘Sejħiet elettroniċi’) - ĠU L 303, 22.11.2011, p. 46.

[39]             TPEG: l-ispeċifikazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Protokolli tat-Trasport li joffru metodu għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar multimodali; RDS: Radio Data System; TMC: Stazzjon ta’ Messaġġi dwar it-Traffiku

[40]             http://www.heero-pilot.eu

[41]             http://www.imobilitysupport.eu/imobility-forum/governance-structure/european-ecall-implementation-platform-eeip

[42]             TISA: Assoċjazzjoni tas-Servizzi ta’ Informazzjoni għall-Vjaġġaturi; SRTI: informazzjoni minima universali dwar it-traffiku marbuta mas-sikurezza fit-toroq.

[43]             http://ec.europa.eu/smart-regulation/impact/ia_carried_out/docs/ia_2011/sec_2011_1019_en.pdf

[44]             Aktar informazzjoni dwar il-kostijiet fl-istudju dwar l-Azzjoni ta’ Prijorità C - Informazzjoni b’Xejn dwar it-Traffiku relatata mas-Sikurezza fit-Toroq - Rapport Finali http://ec.europa.eu/transport/themes/its/studies/its_en.htm

[45]             Aktar informazzjoni dwar il-kostijiet fl-istudju dwar l-Azzjonijiet ta’ Prijorità E u F - Servizzi ta’ Informazzjoni u Rriżervar għal Postijiet ta’ Parkeġġ Bla Periklu u Sikuri għal Trakkijiet u Vetturi Kummerċjali - Rapport Finali http://ec.europa.eu/transport/themes/its/studies/its_en.htm

Top