EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0439

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar il-funzjonament tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004, dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament CPC )

/* COM/2014/0439 final */

52014DC0439

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar il-funzjonament tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004, dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament CPC ) /* COM/2014/0439 final */


Rapport dwar il-funzjonament tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumatur

1.        Introduzzjoni

L-infiq tal-konsumaturi attwalment jirrappreżenta aktar minn 56% tal-PDG tal-UE u huwa mutur b'saħħtu tal-ekonomija Ewropea[1]. Il-politika tal-UE dwar il-konsumatur, billi ttejjeb il-kundizzjonijiet u l-fiduċja tal-konsumatur fis-Suq Uniku, tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għal rati ogħla ta' tkabbir fl-UE. Kif identifikat fl-Aġenda Ewropea dwar il-Konsumatur tal-2012, it-tisħiħ fl-infurzar tal-liġijiet dwar il-konsumatur huwa waħda mill-prijoritajiet tal-politika dwar il-konsumatur. L-infurzar ugwali u effiċjenti huwa mmirat sabiex iżid il-konsum privat u sabiex jipprovdi kundizzjonijiet ekwi għan-negozji. Dan min-naħa tiegħu jistimula l-kompetizzjoni u l-innovazzjoni ċċentrata fuq il-konsumatur[2].

L-infurzar tal-leġislazzjoni tal-UE dwar l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi ġiet imsaħħa fl-2004 bl-adozzjoni tar-Regolament dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumatur (Regolament dwar is-CPC)[3]. Dan il-qafas uniku jlaqqa' flimkien awtoritajiet nazzjonali mill-Istati Membri kollha tal-UE[4]. L-għan primarju tiegħu huwa li jindirizza ksur transfruntiera billi jistabbilixxi proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni, talbiet għall-infurzar transfruntiera u azzjonijiet immirati, sabiex in-negozjanti ħatja ta' ksur ma jitħallewx jiċċaqilqu bejn l-Istati Membri biex jisfruttaw lakuni fil-konfini ġurisdizzjonali. Huwa jippermetti wkoll il-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni internazzjonali.

F'żewġ rapporti ta' kull sentejn[5] fl-2009 u fl-2012, il-Kummissjoni vvalutat il-funzjonament tar-Regolament dwar is-CPC u identifikat modi biex tagħmel il-kooperazzjoni fl-infurzar aktar effiċjenti, skont il-qafas leġislattiv eżistenti. L-Artikolu 21a, introduċa klawsola ta' eżami fir-Regolament dwar is-CPC, li titlob li l-Kummissjoni tivvaluta l-effikaċja u l-mekkaniżmi operattivi tar-Regolament.

Evalwazzjoni esterna ("l-Evalwazzjoni")[6] fl-2012 ikkonkludiet li r-Regolament dwar is-CPC kien ta' benefiċċju għall-awtoritajiet kompetenti u għall-konsumaturi, u kkonfermat l-adegwatezza u r-rilevanza tal-objettivi tas-CPC, fejn innotat li kienu għadhom ma ntlaħqux b'mod sħiħ.

Il-konklużjonijiet tas-Summit tal-UE dwar il-Konsumatur tal-2013[7] enfasizzaw li kien meħtieġ approċċ aktar integrat għall-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur f'livell tal-UE speċjalment biex jindirizza ksur mifrux[8]. Sadanittant, l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur ħadu azzjonijiet kontra dan il-ksur mifrux, pereżempju f'każijiet li jirrigwardaw prattiċi qarrieqa marbuta mad-drittijiet tal-garanzija legali[9]. Azzjonijiet bħal dawn mhux biss juru li n-negozjanti l-kbar huma probabbli li japplikaw l-istess prattiċi f'numru ta' Stati Membri fl-istess ħin iżda jipprovdu wkoll elementi siewja għar-riflessjoni dwar kif l-aħjar li jiġi indirizzat tali ksur mifrux fuq livell tal-UE.

Bħala pass li jmiss fil-proċess ta' eżami, il-Kummissjoni ppubblikat Pjan Direzzjonali[10] li jipprovdi ħarsa ġenerali tal-oqsma prinċipali possibbli għal titjib u poġġiethom għat-test permezz ta' konsultazzjoni pubblika[11] li saret mill-11 ta’ Ottubru 2013 sat-13 ta’ Frar 2014. Dawn l-oqsma jirrigwardaw il-fehim uniformi tal-qafas tas-CPS fost l-atturi kollha, nuqqasijiet potenzjali fil-mekkaniżmi ta' notifika, ostakoli proċedurali u legali fl-immaniġġjar ta' talbiet għall-assistenza reċiproka, is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti, ir-rwol tal-Kummissjoni u l-ħtieġa li jiġu żviluppati għodod komuni sabiex jiġi indirizzat ksur mifrux li jaffettwa diversi Stati Membri fl-istess ħin (ksur rilevanti fuq livell tal-UE).

 

Il-proċess ta' eżami sa issa kkonferma li l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar is-CPC fl-2007 wasslet għall-iżvilupp ta' mezzi effettivi biex jiġu mħarsa l-interessi kollettivi tal-konsumaturi madwar l-UE. Ir-Regolament dwar is-CPC stabbilixxa kapaċitajiet minimi komuni ta' infurzar għall-awtoritajiet nazzjonali u jippermettilhom li jwettqu azzjonijiet konġunti ta' infurzar ikkoordinati mill-Kummissjoni Ewropea. Pereżempju, aktar minn 3,000 sit elettroniku ta' kummerċ elettroniku f'diversi setturi ekonomiċi kienu eżaminati għal ksur tal-liġi tal-UE li wassal għal żieda fil-konformità. Fl-aħħar sentejn, sar pass ieħor sabiex l-industrija tkun meħtieġa twaqqaf prattiċi kummerċjali żleali f'oqsma ta' interess komuni madwar l-UE - l-approċċi komuni għall-infurzar tas-CPC. Azzjoni riċenti tas-CPC dwar ix-xirjiet in-app[12], li rat lill-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali madwar l-UE jippreżentaw lill-kumpaniji il-kbar tat-teknoloġija fehim komuni dwar kif għandhom japplikaw ir-regoli rilevanti dwar il-konsumatur f'dan il-qasam, hija eżempju konkret ta' kif l-infurzar immexxi mis-CPC jista' jindirizza l-problemi moderni għall-konsumatur li qegħdin iseħħu f'numru ta' Stati Membri.

B'mod parallel, il-Kummissjoni għamlet sforzi biex tiżviluppa linji gwida interpretattivi sabiex tiżviluppa aktar l-infurzar u l-konformità[13] hekk kif twessgħet il-protezzjoni u l-politika tal-UE dwar il-konsumatur. Il-linji gwida li ġejjin dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar Drittijiet tal-Konsumatur[14] u dwar id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali[15] għandhom jippromwovu fehim komuni fil-valutazzjoni tal-każijiet u b'hekk itejbu l-infurzar tal-liġi dwar il-konsumatur.

B'ħarsa 'l quddiem, il-proċess ta' eżami wera b'mod ċar li sabiex jirrispondu għall-isfidi l-ġodda tal-ekonomija diġitali, l-infurzar tal-liġijiet dwar il-konsumatur irid jindirizza kemm l-ispeċifiċitajiet tal-kummerċ dematerjalizzat kif ukoll il-veloċità li biha l-ksur tal-liġijiet dwar il-konsumatur jista' jinfirex madwar l-UE. Id-dejta tat-tabella ta' valutazzjoni tal-konsumatur u r-rapporti taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur ukoll jindikaw il-persistenza ta' kundizzjonijiet mhux indaqs għall-konsumaturi madwar il-pajjiżi u numru kbir ta' ksur transfruntiera tal-liġi dwar il-konsumatur. Il-konsultazzjoni pubblika wriet sejħa ċara mill-partijiet interessati biex dawk li jsawru l-politika jżidu l-isforzi tagħhom lejn infurzar effettiv tal-liġijiet dwar il-konsumatur.

Ir-Rapport preżenti huwa pass ieħor fil-proċess ta' eżami. Huwa jintegra, id-dokumenti kollha msemmija, ir-rapporti ġodda ta' kull sentejn ippreżentati mill-Istati Membri fl-2013[16] u r-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika. Bi qbil mal-prinċipji ta' regolamentazzjoni intelliġenti[17], dan ir-rapport se jkun segwit minn valutazzjoni komprensiva tal-impatt tat-titjib possibbli fir-Regolament dwar is-CPC biex tippermetti lill-Kummissjoni tlesti l-eżami mitlub fl-Artikolu 21a tar-Regolament dwar is-CPC fil-bidu tal-2015 u biex tipprepara l-bażi għal deċiżjoni dwar jekk hijiex meħtieġa proposta leġislattiva għall-emenda tar-Regolament dwar is-CPC.

2.        Mill-2007, il-kooperazzjoni fl-infurzar żiedet il-benefiċċji tal-leġislazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur għall-konsumaturi

Mill-2007 'l hawn, ir-Regolament dwar is-CPC ġab benefiċċji sostanzjali għall-konsumaturi tal-UE bis-saħħa tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-infurzar madwar l-Ewropa. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet għall-infurzar tal-protezzjoni tal-konsumatur assigurat applikazzjoni aktar uniformi tal-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, li kkontribwiet għall-funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għaċ-ċittadini u n-negozji. B'mod partikolari:

· Il-mekkaniżmu ta' assistenza reċiproka tas-CPC ipprovda qafas legali ċar u komprensiv għal skambji reċiproċi ta' informazzjoni u azzjonijiet ta' infurzar bejn il-fruntieri. L-aktar innovazzjoni importanti hija l-possibbiltà ta' infurzar tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur bejn il-fruntieri (l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar is-CPC). Din mhux biss tnaqqas il-kost tal-infurzar iżda tippermetti wkoll l-użu tal-mezzi amministrattivi ta' pajjiż għall-benefiċċju ta' konsumaturi minn pajjiżi oħra u tipprevjeni l-movimenti ta' negozjanti ħatja ta' ksur.

Talbiet għall-assistenza reċiproka

Ir-Regolament dwar is-CPC jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jiskambjaw informazzjoni investigattiva fuq talba (l-Artikolu 6) u li jitolbu lil awtorità kompetenti oħra biex twaqqaf ksur intra-Komunitarju (l-Artikolu 8). Dawn l-għodod jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li jiksbu evidenza biex iwaqqfu ksur imwettaq minn negozjanti minn Stati Membri oħra li jagħmel ħsara lill-konsumaturi fil-ġurisdizzjoni tagħhom.

Sal-aħħar tal-2013, l-Istati Membri għamlu b'kollox 1,454 talba għall-assistenza reċiproka, li kienu jinkludu 699 talba għall-informazzjoni u 755 talba ta' infurzar. L-Evalwazzjoni tagħmel referenza għal diversi benefiċċji li nkisbu mill-mekkaniżmu ta' assistenza reċiproka, bħaż-żieda fl-effikaċja tal-azzjonijiet ta' infurzar bejn il-fruntieri, l-iskambju tal-aħjar prattiċi, iż-żieda fl-għarfien tal-awtoritajiet dwar ksur emerġenti u ż-żieda fil-kapaċità amministrattiva[18].

· Il-"kinsiet" u l-approċċi komuni għall-infurzar ibbażati fuq l-Artikolu 9 tar-Regolament dwar is-CPC ippermettew lill-Istati Membri li jikkoordinaw l-approċċi tagħhom għall-infurzar fuq skala akbar. Huma pprovdew għodod effettivi mal-UE kollha għas-sejbien u l-ġlieda kontra ksur serju u mifrux, b'effett ta' deterrent ċar fuq negozjanti oħra. Il-miżuri korrettivi li ttieħdu, pereżempju, fl-oqsma tal-prodotti elettroniċi, is-servizzi tal-ivvjaġġar u l-kontenut diġitali wasslu b'mod ċar għal żieda miżurabbli fil-konformità u l-għarfien dwar id-drittijiet tal-konsumatur fost in-negozji.

"Kinsiet”

Il-Kummissjoni, flimkien mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, żviluppat format speċifiku għall-UE għall-kontrolli tas-siti elettroniċi (magħruf bħala "kinsa"). "Kinsa" hija eżami tas-siti elettroniċi madwar l-UE kollha biex jidentifika ksur tal-liġi dwar il-konsumatur f'suq on-line partikolari u suċċessivament biex tiġi assigurata l-konformità permezz ta' attivitajiet ta' infurzar. Mill-2007 'l hawn, saru kinsiet fuq bażi ta' kull sena, ikkoordinati mill-Kummissjoni Ewropea u mmexxija fl-istess ħin mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar fil-pajjiżi parteċipanti. Għalkemm volontarji, kważi l-Istati Membri kollha pparteċipaw kull sena. Fil-perjodu 2007-2013, ġew iċċekkjati aktar minn 3,000 sit elettroniku:

Suq on-line || Stati Membri involuti || Siti elettroniċi investigati || Siti elettroniċi b'irregolaritajiet || Rata ta' infurzar*

Biljetti tal-ajru (2007) || 15 + 1 ŻEE || 447 || 32% || 81%

Kontenut tat-telefons mobbli (2008) || 27 + 2 ŻEE || 554 || 54% || 71%

Prodotti elettroniċi (2009) || 26 + 2 ŻEE || 369 || 55% || 71%

Bejgħ ta' biljetti online (2010) || 27 + 2 ŻEE || 414 || 59% || 79%

Kreditu għall-Konsumatur (2011) || 27 + 2 ŻEE || 565 || 69% || 75%

Kontenut diġitali (2012) || 27+ 2 ŻEE || 330 || 52% || 80%

Servizzi tal-ivvjaġġar (2013) || 27+ 2 ŻEE || 552 || 69% || 62%**

* Ir-rata ta' infurzar tindika l-grad ta' konformità wara l-kinsa: proporzjon ta' siti elettroniċi konformi min-numru totali ta' siti elettroniċi li ġew eżaminati. ** Riżultati wara 6 xhur. Ġeneralment huwa meħtieġ minimu ta' 12-il xahar wara l-investigazzjoni inizjali biex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jirrappurtaw dwar ir-riżultati finali tal-attivitajiet tagħhom tal-infurzar.

L-Evalwazzjoni ssemmi l-benefiċċji tal-kinsiet, kemm għall-ksur fi ħdan l-Unjoni kif ukoll għall-każijiet domestiċi. Il-kinsiet jipprovdu indikazzjoni tajba tal-konformità tas-settur/suq mar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u jagħtu viżibilità lin-netwerk tas-CPC. Huma jikkontribwixxu għall-fehim komuni ta' kwistjonijiet legali u kwistjonijiet oħra fost l-awtoritajiet tas-CPC.

Approċċi komuni għall-infurzar

L-approċċ komuni għall-infurzar huwa format ġdid ta' azzjoni konġunta ta' infurzar żviluppata mill-2013 fuq il-bażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament dwar is-CPC. Huwa jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, bil-faċilitazzjoni tal-Kummissjoni, li jikkoordinaw l-approċċ tagħhom għall-applikazzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur għal kwistjoni speċifika. L-ewwel azzjoni bħal din tirrigwarda x-xiri in app f'logħbiet online. Eżempju ieħor jirrigwarda s-settur tal-kiri tal-karozzi. Fiż-żewġ każijiet għaddejjin diskussjonijiet mal-industrija kkonċernata sabiex tiġi assigurata l-konformità mal-liġi dwar il-konsumatur.

· Il-mekkaniżmu ta' notifika tas-CPC ipprovda għall-ewwel darba qafas lill-Istati Membri sabiex jiskambjaw informazzjoni dwar ksur emerġenti u sabiex jiddeterminaw ksur li jista' jkun jeħtieġ approċċ ikkoordinat.

· L-attivitajiet u l-proġetti komuni, il-workshops u avvenimenti oħra saħħew il-kapaċità amministrattiva u tal-infurzar tal-Istati Membri fil-protezzjoni tal-konsumatur u wasslu għal żieda fil-fiduċja u l-fehim reċiproku fost l-awtoritajiet tal-Istati Membri involuti fin-netwerk tas-CPC.

· Il-kooperazzjoni internazzjonali ppermettiet l-iskambju ta' prattiċi tajba mal-imsieħba kummerċjali prinċipali tal-UE.

Dawn il-kisbiet twettqu minkejja l-limitazzjonijiet fuq ir-riżorsi amministrattivi kkawżati mill-kriżi. Fil-fatt huma juru li l-mekkaniżmu tas-CPC jista' jipprovdi mezz li juża r-riżorsi b'mod aktar effiċjenti sabiex jiġi indirizzat il-ksur madwar l-UE. L-implimentazzjoni tar-Regolament dwar is-CPC b'mod ġenerali pproduċiet riżultati pożittivi u ħolqot mekkaniżmu ta' kooperazzjoni bbażat fuq netwerk li huwa ta' eżempju għal oqsma oħra tas-Suq Uniku.

3.        Kooperazzjoni fl-infurzar: mod aktar intelliġenti sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ġodda introdotti mill-ekonomija diġitali

Ir-Regolament dwar is-CPC jibqa' rilevanti ħafna u assi għall-futur tal-politika tal-UE dwar il-konsumatur. L-Evalwazzjoni, ir-rapporti ta' kull sentejn tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, kif ukoll ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika, jindikaw b'mod ċar il-ħtieġa ta' gwida komprensiva għan-netwerk tas-CPC. Jista' jkun meħtieġ aktar żvilupp tal-qafas tas-CPC, inkluża reviżjoni possibbli tar-Regolament dwar is-CPC, fl-oqsma li ġejjin:

· Il-mekkaniżmi ta' assistenza reċiproka, li jinkludu kwistjonijiet legali u proċedurali u dispożizzjonijiet li jassiguraw il-kooperazzjoni ġenerali (l-Artikolu 9 tar-Regolament dwar is-CPC), jista' jkollhom bżonn kjarifika u tisħiħ[19].

· L-attivitajiet komuni ta' infurzar bħall-kinsiet jew l-azzjonijiet komuni ta' infurzar li tnedew dan l-aħħar huma effettivi u għandhom jiġu estiżi għal setturi oħra[20]. Kif uriet l-esperjenza f'ċerti każijiet ta' CPC, huwa meħtieġ aktar progress biex jiġu miġġielda prattiki kummerċjali frodulenti u aggressivi, li jista' jkollhom bżonn mezzi ta' infurzar speċifiċi[21].

· Il-monitoraġġ tas-suq u l-mekkaniżmu ta' notifika tas-CPC jista' jkun jeħtieġ li jiġi żviluppat biex jassigura identifikazzjoni malajr ta' theddidiet għall-konsumaturi li jkunu jeħtieġu azzjoni tas-CPC[22]. B'mod partikolari, għandha tiġi studjata l-possibbiltà li jiġu assoċjati atturi oħra, bħall-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u ċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur[23].

· Id-diffikultajiet li jirriżultaw minn regoli proċedurali u standards nazzjonali differenti fil-proċedimenti tal-infurzar jidhru bħala ostakolu għall-kooperazzjoni effettiva u effiċjenti[24]. Dawn id-differenzi jistgħu jkunu qegħdin ixekklu l-assistenza u l-kooperazzjoni reċiproka u jittardjaw l-indirizzar effettiv tal-ksur. Jista' jkun meħtieġ li jiġu ċċarati wkoll is-sett ta' għodod tal-awtoritajiet kompetenti, jiġifieri s-setgħat minimi komuni tagħhom[25].

· Ir-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika huma ġeneralment favur li l-Kummissjoni jkollha rwol aktar attiv fin-netwerk tas-CPC[26]. Fil-perjodu 2013-2014 diġà ttieħdu passi f'din id-direzzjoni bit-tnedija ta' attivitajiet ikkoordinati ġodda ta' infurzar li rriżultaw f'approċċ komuni għall-infurzar dwar il-kwistjoni tax-xirjiet in-app. Jeħtieġ li jsir aktar fil-ġejjieni kontra ksur rilevanti mifrux fuq livell tal-UE li jikkawża dannu sinifikanti lill-ekonomija tal-UE[27].

· Minħabba ż-żieda fl-isfidi kkawżati minn prattiċi kummerċjali li joriġinaw minn pajjiżi terzi f'ekonomija diġitali globalizzata, tista' tkun meħtieġa aktar kooperazzjoni ma' msieħba internazzjonali[28].

4.        Supplimentar tal-assistenza bilaterali b'aktar azzjonijiet konġunti madwar l-UE kollha

L-Evalwazzjoni u r-rapporti ta' kull sentejn juru li wara perjodu ta' ttestjar inizjali fis-snin 2007-2009, l-awtoritajiet nazzjonali użaw il-mekkaniżmu ta' assistenza reċiproka tas-CPC għall-każijiet li setgħu jiġu indirizzati b'mod aktar effiċjenti permezz tan-netwerk tas-CPC, meta mqabbel ma' mezzi oħra disponibbli fuq livell nazzjonali[29]. B'mod parallel, internazzjonalizzazzjoni akbar tal-kummerċ bl-imnut fl-UE, wasslet biex negozjanti kbar jistabbilixxu sussidjarji lokali fis-swieq prinċipali tagħhom u japplikaw l-istess prattiki f'dawk is-swieq. L-awtoritajiet nazzjonali huma ffaċċjati bl-istess ksur fis-swieq tagħhom. Madankollu, il-limitazzjonijiet baġitarji jwasslu lill-Istati Membri sabiex jiffukaw ir-riżorsi skarsi tagħhom fuq każijiet domestiċi pjuttost milli jiffukaw fuq kwistjonijiet transkonfinali[30].

L-internazzjonalizzazzjoni tal-kummerċ bl-imnut għalhekk tikkontribwixxi għat-tixrid tal-istess ksur bejn il-fruntieri tal-UE. Dan kien indirizzat fin-netwerk tas-CPC permezz tat-tisħiħ ta' attivitajiet konġunti bħall-kinsiet u, mill-2013, l-iżvilupp ta' għodda ġdida, l-approċċ komuni għall-infurzar. L-immirar ta' kwistjonijiet ta' interess komuni fuq livell tal-UE ppermetta azzjoni ta' infurzar effettiva.

L-użu mhux konsistenti tal-mekkaniżmu ta' assistenza reċiproka fost l-Istati Membri, li diġà kien identifikat fl-ewwel Rapport ta' Kull Sentejn tal-Kummissjoni, kien ikkonfermat mill-Evalwazzjoni[31] u osservat fl-2012-2013[32], jindika l-bżonn li jiżdiedu l-għarfien u l-fehim komuni tar-Regolament dwar is-CPC fost l-awtoritajiet nazzjonali. Dan huwa appoġġat b'mod ċar ukoll mir-risposti għall-konsultazzjoni pubblika[33]. Dan jirrigwarda b'mod partikolari r-regoli għat-talbiet ta' infurzar (bħal-limiti ta' żmien massimi u l-passi suċċessivi li jridu jittieħdu meta l-infurzar ma jkunx possibbli), u l-proċeduri sabiex jiġu mmaniġġjati t-talbiet. Barra minn hekk, jidher xieraq li wieħed jirrifletti dwar il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u n-netwerk tas-CPC, b'mod partikolari fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni dwar prattiki emerġenti li jistgħu jkunu qegħdin jiksru l-liġi tal-UE dwar il-konsumatur.

L-Evalwazzjoni tirrakkomanda wkoll li jissaħħu l-kinsiet permezz ta' attivitajiet li jżidu l-għarfien tal-pubbliku u permezz ta' azzjonijiet ta' segwitu li jassiguraw livell konsistenti ta' konformità mal-liġi dwar il-konsumatur f'settur partikolari. Hija ssuġġeriet ukoll l-istabbiliment ta' "osservatorju", li sistematikament jiġbor informazzjoni[34]. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika jindikaw ukoll il-ħtieġa ġenerali li jissaħħu l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ tas-suq għas-sejbien bikri tal-ksur.

Apparti mill-kinsiet, u l-iżvilupp ta' approċċi komuni għall-infurzar, il-potenzjal sħiħ tal-Artikolu 9 ma ġiex realizzat fil-perjodu 2007-2013. Pereżempju, l-Artikolu 9 ma ntużax direttament mill-Istati Membri sabiex jikkoordinaw azzjonijiet paralleli simultanji ta' infurzar. Waħda mir-raġunijiet imsemmija mill-Evalwazzjoni kienet il-ħtieġa li tingħata aktar gwida lin-netwerk tas-CPC dwar kif juża u jikkoordina tali azzjonijiet[35], inkluża l-kjarifika tar-rwol tal-Kummissjoni[36].

L-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika jirreferi għall-konsegwenzi dejjem jiżdiedu ta' ksur serju mifrux tal-liġi dwar il-konsumatur (ksur rilevanti f'livell tal-UE)[37] u għall-interess li jissaħħu l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni tal-Artikolu 9 għall-indirizzar b'mod effettiv ta' tali ksur fil-ġejjieni.

5.        Regolament dwar is-CPC li jindirizza b'mod effiċjenti ksur rilevanti emerġenti fuq livell tal-UE

L-Evalwazzjoni tirrimarka li ksur li jseħħ b'mod simultanju f'diversi Stati Membri jew jitwettaq mill-istess negozjant jista' ma jiġix indirizzat b'mod sħiħ bir-Regolament preżenti dwar is-CPC[38]. Tali ksur jista' jikkawża dannu sinifikanti lill-konsumaturi tal-UE billi n-negozjanti transnazzjonali li joperaw minn diversi postijiet jistgħu jheddu l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi kollha tal-UE. L-Evalwazzjoni ssuġġeriet li sabiex tali ksur jitwaqqaf huwa meħtieġ approċċ ikkoordinat ħafna jew azzjoni unika fuq livell tal-UE.

L-indirizzar b'mod effettiv ta' "ksur rilevanti fuq livell tal-UE" jeħtieġ bażi legali ċara, li tinkludi definizzjoni tal-ksur rilevanti fuq livell tal-UE, u koordinazzjoni soda tal-azzjonijiet ta' infurzar, possibbilment b'involviment aktar b'saħħtu tal-Kummissjoni[39]. Kif issemma aktar 'il fuq, l-Artikolu 9 tar-Regolament dwar is-CPC diġà jipprovdi għall-possibbiltà ta' koordinazzjoni tal-infurzar. Għalkemm kienu żviluppati żewġ strumenti effettivi ta' infurzar ibbażati fuq l-Artikolu 9 (kinsiet u approċċi komuni għall-infurzar), l-esperjenza wriet li l-qafas ta' koordinazzjoni eżistenti għadu vag wisq, billi huwa nieqes b'mod partikolari minn proċedura ta' koordinazzjoni definita sewwa u trasparenti, ċarezza dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-atturi u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta' azzjoni. Ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-koordinatur mhumiex definiti b'mod suffiċjenti. Għalkemm tista' tiġi esplorata gwida u kjarifika addizzjonali bħala mod sabiex jikkontribwixxi għal użu aktar frekwenti tal-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni tal-Artikolu 9, ma jidhirx probabbli li se jsolvi kompletament il-problemi kollha identifikati, b'mod partikolari sabiex il-ksur rilevanti mifrux fuq livell tal-UE jiġi indirizzat bl-aktar mod effiċjenti.

Minħabba l-ħsara mifruxa possibbli li ksur rilevanti fuq livell tal-UE jista' jikkawża lill-konsumaturi f'diversi Stati Membri, il-Pjan Direzzjonali 2013 ippreżenta, bħala opzjoni għal eżami, il-possibbiltà li jiddaħħal mekkaniżmu/proċedura ta' infurzar aktar effiċjenti sabiex jiġu indirizzati każijiet ta' rilevanza fuq livell tal-UE[40]. Maġġoranza ċara ta' partijiet interessati fil-konsultazzjoni pubblika ħassew li tali ksur huwa sinifikanti u li hija meħtieġa proċedura speċifika fuq livell tal-UE sabiex tindirizzah[41].

Il-partijiet interessati ħassew li l-approċċi li ġejjin sabiex jitwaqqaf ksur rilevanti fuq livell tal-UE jkunu l-aktar effettivi: (i) obbligu biex l-Istati Membri javżaw Stati Membri oħra dwar kwalunkwe azzjoni ta' infurzar li jieħdu; (ii) obbligu biex l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet li jikkorrispondu għall-kriterji definiti ta' rilevanza fuq livell tal-UE; (iii) azzjonijiet ta' infurzar konġunt obbligatorji; u (iv) rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta' infurzar. Barra minn hekk, aktar minn 75% tal-partijiet interessati kollha, b'mod partikolari min-naħa tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur u ċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur, kienu konvinti li proċedura unika fuq livell tal-UE fejn il-Kummissjoni jew Stat Membru jistgħu jġibu evidenza ta' ksur rilevanti fuq livell tal-UE, tkun effettiva ħafna biex twaqqaf jew tiskoraġġixxi ksur rilevanti fuq livell tal-UE. L-awtoritajiet pubbliċi u l-gvernijiet esprimew opinjonijiet daqsxejn aktar moderati[42].

Taħt ir-Regolament dwar is-CPC, l-awtoritajiet kompetenti jiskambjaw informazzjoni dwar ksur suspettat fi ħdan l-Unjoni u dwar il-miżuri tagħhom ta' infurzar. Tali mekkaniżmu ta' twissija bikrija u notifika reċiproka jgħin lill-awtoritajiet tas-CPC biex jindunaw bi ksur fi ħdan l-Unjoni fi stadju bikri u jippermettilhom li jikkoordinaw aħjar l-attivitajiet tal-infurzar tagħhom u jużaw azzjonijiet komuni ta' infurzar skont l-Artikolu 9 tar-Regolament dwar is-CPC.

Fl-ewwel sentejn tan-netwerk tas-CPC, il-mekkaniżmu ta' notifika ntuża aktar ta' spiss milli fil-perjodu sussegwenti[43]. Dan jista' jkun attribwit ukoll għal perjodu ta' prova inizjali u għal żieda gradwali fil-fehim tar-rwol ta' dan l-istrument fost għodod oħra tas-CPC. Fis-snin ta' wara (jiġifieri 2009-2013) in-numru ta' notifiki kull sena baqa' relattivament stabbli[44].

Bħala kawżi possibbli għat-tnaqqis globali fin-notifiki, l-Evalwazzjoni tidentifika n-nuqqas ta' ċarezza rigward l-għan, l-użu u s-segwitu tal-informazzjoni pprovduta permezz tan-notifiki, u l-konfużjoni tagħhom mat-talbiet għall-informazzjoni[45]. Filwaqt li linji gwida jew miżuri ta' implimentazzjoni setgħu offrew aktar ċarezza dwar dawn il-kwistjonijiet, mhuwiex probabbli li tali miżuri kienu jsolvu l-problemi aktar wesgħin ta' kif jiġu segwiti n-notifiki jew l-involviment ta' atturi oħra fil-mekkaniżmu ta' notifika.

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika jikkorrispondu b'mod ġenerali mas-sejbiet tal-Evalwazzjoni. Il-maġġoranza tal-partijiet interessati sabu li s-sistema ta' notifika preżenti kienet teħtieġ titjib fosthom pereżempju l-possibbiltà li l-Kummissjoni u organizzazzjonijiet oħra jibagħtu notifiki (organizzazzjonijiet tal-konsumatur u ċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur) u klassifikazzjoni tal-azzjonijiet tan-notifiki abbażi tas-segwitu mistenni (eż. għal azzjoni/għall-informazzjoni biss)[46]. Il-partijiet interessati appoġġaw ukoll miżuri addizzjonali bħal azzjonijiet ta' sorveljanza kkoordinati obbligatorji mill-Istati Membri u mekkaniżmu biex jiġbor u janalizza l-intelliġenza tal-infurzar.    

6.        Kjarifika tal-komponenti prinċipali tar-Regolament dwar is-CPC

In-netwerk tas-CPC

Ir-Regolament dwar is-CPC jitlob li l-Istati Membri jaħtru awtoritajiet pubbliċi tal-infurzar ("awtoritajiet kompetenti") responsabbli mill-infurzar tal-liġijiet tal-UE dwar il-konsumatur elenkati fl-Anness għar-Regolament dwar is-CPC kif ukoll uffiċċju uniku ta' kollegament, responsabbli sabiex jikkoordina kwistjonijiet relatati mas-CPC f'kull Stat Membru. Huma jiffurmaw in-netwerk tas-CPC. L-Istati Membri jridu jassiguraw li jiġu allokati riżorsi adegwati lil dawn l-awtoritajiet sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom tas-CPC.

In-netwerk ta' awtoritajiet kompetenti kien estiż b'mod konsiderevoli matul il-perjodu 2007-2013. Ir-raġuni prinċipali għal dan kienet l-estensjoni gradwali tal-kamp ta' applikazzjoni materjali tar-Regolament dwar is-CPC, billi żdiedet leġislazzjoni ġdida tal-UE mal-Anness tiegħu.

Jeżistu approċċi differenti madwar l-Istati Membri fir-rigward tal-arranġament istituzzjonali nazzjonali għar-Regolament dwar is-CPC: dan jista' jkun ikkonċentrat f'awtorità waħda jew f'numru żgħir ta' awtoritajiet jew imqassam bejn ħafna awtoritajiet b'responsabbiltajiet speċifiċi għas-settur u/jew awtoritajiet reġjonali fi Stati federali. L-Evalwazzjoni semmiet diffikultajiet possibbilment ikkawżati minn oqfsa istituzzjonali kumplessi u diverġenti bħal-linji twal tal-komunikazzjoni li jikkawżaw dewmien fl-immaniġġjar tat-talbiet. Hija enfasizzat l-importanza tar-rwol tal-uffiċċju uniku ta' kollegament, b'mod partikolari f'arranġament istituzzjonali kumpless[47]. Din kienet appoġġata wkoll mit-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika[48].

L-Evalwazzjoni, kif ukoll ir-rapporti ta' kull sentejn tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, juru li mhux l-Istati Membri kollha jużaw is-CPC b'mod attiv u frekwenti[49]. Għalkemm il-kawżi x'aktarx li huma multipli, l-Evalwazzjoni tissuġġerixxi li n-nuqqas ta' riżorsi adegwati jista' jkun li qiegħed jimpedixxi lil xi Stati Membri milli jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni tas-CPC[50]. L-Evalwazzjoni identifikat differenzi konsiderevoli fil-kapaċità tar-riżorsi u tal-infurzar madwar l-Istati Membri[51].

            Diversità tas-sistemi tal-infurzar nazzjonali u l-ostakoli għall-kooperazzjoni

Ir-Regolament dwar is-CPC jirrikonoxxi r-rwol li jista' jkollhom l-awtoritajiet ġudizzjarji fis-sistemi tal-infurzar nazzjonali: l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżerċitaw is-setgħat tagħhom jew bl-awtorità proprja tagħhom jew taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji jew permezz ta' applikazzjoni lill-qrati. Hemm varjazzjoni kbira madwar l-Istati Membri rigward l-involviment tal-awtoritajiet ġudizzjarji fi proċedimenti pubbliċi tal-infurzar[52].

L-Evalwazzjoni ssemmi ostakoli kkawżati mid-diskrepanza fin-natura tal-proċedimenti u fis-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti fost l-Istati Membri[53]. Ostakoli bħal dawn mhux biss jistgħu jikkawżaw dewmien fil-kooperazzjoni u fl-immaniġġjar tal-każijiet, iżda jaffettwaw ukoll l-effikaċja tal-infurzar tal-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-fiduċja fis-sistema. L-Evalwazzjoni tirrakkomanda li dawn il-problemi jiġu indirizzati permezz ta' koordinazzjoni mmirata ta' kwistjonijiet proċedurali rilevanti għas-CPC[54].

Maġġoranza kbira ta' partijiet interessati fil-konsultazzjoni pubblika qablu li l-introduzzjoni ta' standards komuni għall-immaniġġjar ta' ksur rilevanti għas-CPC tkun utli u kienu tal-fehma li tali standards ikunu prijorità ewlenija fl-oqsma tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' infurzar, it-tismija tan-negozjanti ħatja ta' ksur, l-aċċess għad-dokumenti, il-ġbir tal-evidenza u l-investigazzjoni ta' siti elettroniċi[55].

Is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament dwar is-CPC

             

L-awtoritajiet kompetenti jridu jiġu vestiti bis-setgħat neċessarji sabiex iwettqu l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament dwar is-CPC. Ir-Regolament jistabbilixxi l-lista tas-setgħat minimi li huma neċessarji sabiex ikun assigurat il-funzjonament mingħajr problemi tan-netwerk tas-CPC. Dawn is-setgħat jinkludu l-abilità li tinkiseb l-informazzjoni u l-evidenza neċessarja sabiex jiġi indirizzat ksur fi ħdan l-Unjoni, sabiex jitwettqu spezzjonijiet fuq il-post, sabiex jintalab il-waqfien jew il-projbizzjoni ta' ksur fi ħdan l-Unjoni, sabiex jinkisbu mingħand in-negozjanti impenji u pagamenti fit-teżor nazzjonali. Jidher li l-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet qegħdin jużaw is-sett ta' setgħat minimi stabbiliti mir-Regolament dwar is-CPC jew direttament jew abbażi ta' leġislazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal setgħat simili[56].

L-awtoritajiet għandhom il-mandat ukoll li jużaw, fejn ikun xieraq, setgħat oħra mogħtija lilhom fuq livell nazzjonali sabiex iwaqqfu l-ksur. Madankollu, in-nuqqas ta' uniformità fid-disponibbiltà ta' xi wħud minn dawn is-setgħat addizzjonali madwar il-pajjiżi kollha kien ostakolu għal kooperazzjoni aktar effettiva[57]. Id-differenzi li joħorġu minn tradizzjonijiet legali u sistemi tal-infurzar nazzjonali differenti jistgħu sa ċertu punt jingħelbu bi gwida u kjarifika, li ttejjeb il-fehim reċiproku tal-possibbiltajiet u l-limitazzjonijiet tal-għodod u s-sistemi nazzjonali differenti. Madankollu, anki gwida estensiva ma tistax tissostitwixxi s-setgħat neqsin fuq livell nazzjonali f'xi Stati Membri, li jistgħu qegħdin inaqqsu l-effiċjenza globali tal-azzjoni ta' infurzar tas-CPC.

F'dan l-isfond, il-maġġoranza l-kbira tal-partijiet interessati fil-konsultazzjoni pubblika appoġġaw l-introduzzjoni ta' għodod addizzjonali għall-awtoritajiet kompetenti fir-Regolament dwar is-CPC, jiġifieri s-setgħa li jitwettqu xirjiet test għal skopijiet investigattivi, li jissemmew in-negozjanti ħatja ta' ksur, li jintalbu l-ħlasijiet ta' penali sabiex jiġu rkuprati l-profitti miksuba b'mod illeċitu u li jkunu meħtieġa miżuri interim[58]. Maġġoranza ċara ta' partijiet interessati appoġġaw ukoll miżuri li jagħmluha aktar faċli għall-konsumaturi sabiex jitolbu kumpens[59].

Interazzjoni mal-prosekuzzjoni kriminali

Skont ir-Regolament dwar is-CPC, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw ukoll setgħat jew miżuri oħra mogħtija lilhom fuq livell nazzjonali sabiex iwaqqfu ksur fi ħdan l-Unjoni, fosthom referenza għall-prosekuzzjoni kriminali. L-esperjenza sa issa tindika ħtieġa ta' skambju aktar faċli ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni kriminali u l-awtoritajiet kompetenti, b'mod partikolari fejn ikunu involuti prattiċi aggressivi jew frodulenti.

Involviment tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u atturi oħra fil-kooperazzjoni fis-CPC

Ir-Regolament dwar is-CPC jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fil-protezzjoni tal-interessi tal-konsumatur. Huwa jippermetti, b'mod partikolari, lill-Istati Membri li jaħtru, apparti mill-awtoritajiet pubbliċi, korpi oħra li għandhom interess pubbliku li jwaqqfu l-ksur fi ħdan l-Unjoni. Dawn il-korpi jistgħu jingħataw struzzjonijiet mill-awtoritajiet tas-CPC biex jieħdu l-miżuri ta' infurzar neċessarji disponibbli għalihom skont il-liġi nazzjonali sabiex iwaqqfu l-ksur fi ħdan l-Unjoni.

Fil-perjodu 2007-2013, diversi Stati Membri ħatru tali korpi. Dawn jinkludu prinċipalment assoċjazzjonijiet tal-konsumatur u assoċjazzjonijiet tal-interess tal-grupp li jaġixxu f'isimhom stess. Barra minn hekk, minn diversi snin 'l hawn, l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumatur qegħdin jikkooperaw aktar mill-qrib u jikkoordinaw attivitajiet ta' infurzar taħt il-proġett tal-Forum dwar l-Infurzar tal-Ġustizzja mal-Konsumatur (COJEF)[60]. Bosta Stati Membri żviluppaw kooperazzjoni ma' assoċjazzjonijiet tal-konsumatur u Ċentri Ewropej tal-Konsumatur biex jiksbu informazzjoni dwar żviluppi u ksur fis-suq.

L-Evalwazzjoni tissottolinja li l-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur li jaġixxu fl-interess kollettiv tal-konsumatur għandhom rwol importanti fl-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur [61] (huma għandhom rwol taħt id-Direttiva dwar l-Inġunzjonijiet[62]). Il-partijiet interessati fil-konsultazzjoni pubblika ssottolinjaw ukoll li l-kooperazzjoni regolari bejn l-awtoritajiet tas-CPC u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur hija essenzjali għas-sejbien u l-immaniġġjar effettiv tal-ksur. Il-partijiet interessati ssuġġerew ukoll li skambju ta' informazzjoni regolari mal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u ċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur, l-involviment tagħhom fil-mekkaniżmu ta' notifika tas-CPC u fl-identifikazzjoni tal-oqsma ta' prijorità tal-infurzar, iżidu l-effikaċja u l-effiċjenza tal-infurzar tal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

L-ippjanar tas-CPC u ċ-ċiklu ta' prijoritizzazzjoni

Mill-2009, l-attivitajiet tan-netwerk tas-CPC ġew inkwadrati mill-pjanijiet ta' Azzjoni Annwali għall-Infurzar[63]. Fil-bidu, il-pjanijiet identifikaw oqsma ta' interess komuni, bħas-suġġetti tal-kinsiet u t-temi tal-workshops. Ir-Rapport ta' Kull Sentejn tal-2012 indika b'mod ċar il-ħtieġa li jinġabru flimkien ir-riżorsi u li jiġu prijoritizzati l-azzjonijiet ta' infurzar. Kien meħtieġ approċċ komuni għall-prijoritajiet[64]. F'Diċembru 2011, ġie eżaminat il-proċess tal-ippjanar u l-prijoritizzazzjoni tas-CPC. Fl-2013 kienu identifikati ħames oqsma ta' prijorità li ġew approvati mill-Kumitat tas-CPC[65], u b'hekk kien assigurat qafas multi-annwali għall-azzjonijiet konġunti għall-perjodu 2014-2016. Fuq din il-bażi, kien approvat pjan ta' azzjoni annwali għall-infurzar mill-Kumitat tas-CPC.

Dan il-proċess żied l-effiċjenza tan-netwerk tas-CPC u wassal għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi limitati. Il-partijiet interessati fil-konsultazzjoni pubblika madankollu nnotaw il-ħtieġa ta' aktar miżuri sabiex jappoġġaw il-bażi tal-għarfien għall-prijoritizzazzjoni tal-infurzar[66]. Il-biċċa l-kbira tar-rispondenti appoġġaw azzjonijiet ta' sorveljanza kkoordinati, pjattaforma tal-IT sabiex tiġi kondiviża l-kompetenza tal-infurzar u l-involviment tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur fl-identifikazzjoni tax-xejriet tas-suq u l-ksur tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur[67].

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-leġislazzjoni tar-Regolament dwar is-CPC

Il-kooperazzjoni fis-CPC tkopri d-Direttivi kif trasposti fl-ordni legali tal-Istati Membri u r-Regolamenti li huma elenkati fl-Anness għar-Regolament dwar is-CPC. Mill-2007, il-kamp ta' applikazzjoni tal-Anness ġie gradwalment estiż u sat-tmiem tal-2013 kien ikopri 18-il biċċa leġislazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

L-Evalwazzjoni kkonkludiet li l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament eżistenti dwar is-CPC huwa ġeneralment xieraq[68]. Xi oqsma jistgħu jkunu anqas prominenti fil-kooperazzjoni minħabba li huma koperti b'leġislazzjoni tal-UE speċifika għas-settur u mekkaniżmi u/jew korpi speċifiċi oħra eżistenti għall-kooperazzjoni fuq livell tal-UE[69]. Fejn ikun applikabbli, għandhom jiġu eżaminati modi sabiex tkun assigurata l-koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn dawn in-netwerks u s-CPC sabiex tkun assigurata l-konsistenza fl-oqsma differenti tal-politika.

L-iżvilupp ta' metodi u prattiċi tal-bejgħ futuri u l-adozzjoni jew ir-reviżjonijiet tal-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari sabiex jiġu indirizzati l-isfidi diġitali, speċjalment it-trasparenza fil-prezzijiet, għandhom ikunu riflessi kieku kellu jerġa' jiġi kkunsidrat il-kamp ta' applikazzjoni tal-leġislazzjoni koperta.

Id-database tas-CPC

Ir-Regolament dwar is-CPC (l-Artikolu 10) jagħti mandat lill-Kummissjoni sabiex iżżomm database elettronika fejn tiġi maħżuna u pproċessata l-informazzjoni relatata mat-talbiet għall-assistenza reċiproka u n-notifiki. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ is-sistema tas-CPC (CPCS). Mill-2007, is-CPCS ġiet imtejba sabiex tippermetti lill-awtoritajiet tas-CPC jiskambjaw informazzjoni u dokumenti relatati mat-talbiet għall-assistenza reċiproka. Ir-rapporti ta' kull sentejn, l-Evalwazzjoni u r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika jindikaw nuqqas ta' sodisfazzjon bis-CPCS[70]. Huma jirrimarkaw li n-nuqqas ta' għodda tal-IT li tiffunzjona tajjeb huwa ostakolu għall-kooperazzjoni effettiva fis-CPC.

7.        Tisħiħ tal-attivitajiet komuni u internazzjonali tas-CPC

Attivitajiet komuni u skambju ta' uffiċjali ssussidjati mill-Programm tal-UE dwar il-Konsumatur

Mill-2007, l-awtoritajiet tas-CPC wettqu firxa wiesgħa ta' attivitajiet komuni li kienu jinkludu webinars, workshops, miżuri ta' sensibilizzazzjoni, proġetti li jiżviluppaw standards, metodoloġiji u tekniki tal-infurzar komuni u l-iskambju ta' uffiċjali li rċevew sussidji mill-Programm tal-UE dwar il-Konsumatur.

Eżempji ta' attivitajiet komuni ssussidjati mill-Programm dwar il-Konsumatur mill-2007 'l hawn

· Proġett komuni mmexxi minn Franza u l-Portugall fil-perjodu 2010-2011 kellu l-għan li jżid il-viżibilità tan-netwerk tas-CPC, bil-parteċipazzjoni ta' għaxar Stati Membri. Huwa wassal għall-istabbiliment ta' ċellola ta' komunikazzjoni, abbozz ta' protokoll ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u r-rappreżentanti taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur[71] u l-pubblikazzjoni tal-bullettin tan-netwerk tas-CPC.

· Fl-2012, disa' Stati Membri pparteċipaw fil-proġett komuni kkoordinat mil-Latvja li ffoka fuq kwistjonijiet ta' infurzar relatati mad-Direttiva 2008/48/KE dwar ftehim ta' kreditu għall-konsumatur.

· "Bini ta' Kapaċità Ewropea għall-Infurzar fuq l-Internet", proġett fil-perjodu 2010-2011 u azzjoni ta' segwitu (2012-2013) immexxija mir-Renju Unit, involva ħdax-il Stat Membru ieħor. Huwa kellu l-għan li jtejjeb il-kapaċità tan-netwerk tas-CPC sabiex iwettaq attivitajiet ta' investigazzjoni u infurzar online u jaqsam għarfien fost l-infurzaturi dwar l-iżviluppi legali riċenti u l-isfidi tat-teknoloġiji tas-siti elettroniċi. Is-segwitu inkluda ħmistax-il Stat Membru u stabbilixxa taħriġ dwar l-investigazzjonijiet online bħala riżorsa fit-tul għall-investigaturi tal-internet. Huwa ħoloq ukoll database komuni tal-każistika dwar il-kummerċ elettroniku.

L-aħħar żewġ azzjonijiet komuni wasslu għall-istabbiliment ta' grupp permanenti għall-infurzar elettroniku f'April 2014 li żied il-kapaċitajiet ta' infurzar elettroniku tan-netwerk tas-CPC. Il-grupp se jiġbor flimkien kompetenza esperta biex jgħin lin-netwerk tas-CPC jidentifika t-theddidiet online emerġenti għall-konsumaturi, u sabiex jimmira aħjar l-azzjonijiet tal-infurzar online tiegħu. Huwa se jassisti lill-awtoritajiet nazzjonali b'taħriġ u għodod avvanzati fl-investigazzjonijiet online. Fl-2014 il-grupp huwa mmexxi mir-Renju Unit u s-Slovakkja u jipparteċipaw fih 12-il Stat Membru. Proġett komuni ġdid tas-CPC dwar l-investigazzjonijiet fuq l-internet, immexxi minn Spanja bejn l-2014 u l-2015, se jikkontribwixxi għall-materjal ta' taħriġ u Spanja se tospita workshops li jistimulaw azzjonijiet ta' mini-kinsiet ta' erbatax-il imsieħeb fil-proġett.

Dawn l-attivitajiet ipprovdew qafas għall-iskambju kontinwu ta' prattiċi tajba bejn l-awtoritajiet tal-infurzar u żiedu l-fehim u l-fiduċja reċiproka fost id-diversi atturi. Huma jistgħu jiġu żviluppati aktar, filwaqt li l-proċeduri amministrattivi għall-finanzjament tagħhom, ħafna drabi msemmija mill-awtoritajiet nazzjonali bħala ostakolu għall-estensjoni ta' dawn l-attivitajiet, jista' jkollhom bżonn li jiġu simplifikati.

Kooperazzjoni internazzjonali tal-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur

L-iżviluppi fit-teknoloġija u l-mudelli tal-konsum domestiku lejn użu akbar tax-xiri internazzjonali online rrinforzaw il-ħtieġa ta' deterrent għal negozjanti diżonesti minn pajjiżi terzi u li tiġi infurzata l-protezzjoni tal-konsumatur lil hinn miż-ŻEE.

Ir-Regolament dwar is-CPC jipprovdi li l-Unjoni “għandha tikkopera ma' pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament sabiex ittejjeb il-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi”. Barra minn hekk l-Unjoni għandha l-possibbiltà li tfittex kooperazzjoni aktar strutturata fl-infurzar ma' pajjiżi terzi fuq il-bażi ta' ftehimiet internazzjonali.

L-awtoritajiet kompetenti fin-netwerk tas-CPC jikkooperaw ukoll fuq bażi regolari fl-ICPEN u fl-OECD jew fuq bażi bilaterali ma' pajjiżi terzi identifikati bħala msieħba ta' prijorità għall-kooperazzjoni fl-infurzar, bħall-USA. Din il-kooperazzjoni hija aspett importanti ħafna tal-politika dwar il-konsumatur u tista' tkun partikolarment utli pereżempju fil-qasam tal-protezzjoni tad-data.

Netwerk Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Infurzar (ICPEN)

L-ICPEN huwa netwerk internazzjonali informali kompost minn awtoritajiet għall-protezzjoni tal-konsumatur minn aktar minn 50 pajjiż, li għandu l-għan li jipprevjeni ksur transkonfinali tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur lil hinn mill-Ewropa u li joħloq swieq ġusti għall-konsumaturi. Konferenzi regolari, gruppi ta' ħidma u konferenzi bit-telefon jippermettu skambju intensiv tal-esperjenza bejn l-awtoritajiet parteċipanti.

Il-Kummissjoni hija kollegament bejn il-membri prinċipali tal-ICPEN u s-CPC. In-netwerk tas-CPC laqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tkun kollegament u li tinvolvi ruħha b'mod proattiv f'ċerti attivitajiet konġunti tal-ICPEN.

Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD)

Il-Kummissjoni Ewropea tipparteċipa fil-Kumitat tal-OECD dwar il-Politika tal-Konsumatur flimkien mal-Istati Membri tal-UE.

Kooperazzjoni mal-Kummissjoni għall-Kummerċ Federali tal-Istati Uniti

Fl-isfond ta' flussi ta' kummerċ intensivi ħafna u interess konverġenti sabiex jiġu miġġielda prattiċi illegali li jagħmlu ħsara lill-interessi tal-konsumaturi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, in-Netwerk tas-CPC identifika lill-USA bħala sieħeb internazzjonali ta' prijorità, u b'mod partikolari mal-Kummissjoni għall-Kummerċ Federali (FTC)[72]. Sakemm ikun disponibbli qafas ibbażat fuq ftehim internazzjonali, in-Netwerk tas-CPC u l-FTC tal-Istati Uniti bnew kooperazzjoni informali. Pereżempju, f'April 2013 kien organizzat seminar konġunt bejn l-infurzaturi tas-SPC u tal-FTC li wassal għal skambju siewi ta' informazzjoni u kompetenza dwar każijiet konkreti bħall-kwistjoni tal-prattiċi qarrieqa fix-xiri in-app.

8.        Konklużjonijiet u passi li jmiss

Għall-aħħar seba' snin, ir-Regolament dwar is-CPC ipprovda mezz effettiv sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi kollettivi tal-konsumaturi madwar l-UE. Huwa wassal għal konformità akbar mal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur f'bosta setturi koperti mill-kinsiet għall-benefiċċju tal-konsumaturi u n-negozji. L-approċċi konġunti għall-infurzar immexxija mis-CPC urew li l-problemi emerġenti għall-konsumatur li jseħħu fl-istess ħin f'numru ta' Stati Membri jistgħu jiġu indirizzati l-aħjar permezz ta' koordinazzjoni mill-qrib u azzjoni komuni tal-Istati Membri kollha.

Fid-dinja diġitali li qiegħda tiżviluppa b'pass mgħaġġel, kooperazzjoni flessibbli u moderna fis-CPC li kapaċi tirrispondi malajr għall-isfidi ġodda tal-infurzar hija neċessità biex tnaqqas it-telf imġarrab mill-konsumaturi u sabiex jinżammu kundizzjonijiet ekwi għan-negozji fis-Suq Uniku. Infurzar aħjar u aktar konsistenti tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur għandu jikkontribwixxi għal trasparenza akbar fis-suq u jnaqqas il-prezz tal-konformità għan-negozji li joperaw bejn il-fruntieri, iżid il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni u jagħmel kontribut importanti għat-tkabbir.

Mekkaniżmu aħjar ta' kooperazzjoni fuq livell tal-UE jista' jikseb risposta veloċi u kost-effiċjenti għal ksur tar-regoli tal-UE dwar il-konsumatur li jirrigwardaw diversi Stati Membri. Dan huwa partikolarment importanti fid-dawl tal-limitazzjonijiet futuri fir-riżorsi u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv. Jista' jkun mistenni titjib fil-governanza fl-Istati Membri kif ukoll fuq livell tal-UE minħabba t-titjib fil-kooperazzjoni amministrattiva, it-tnaqqis fid-dewmien tal-infurzar u, finalment, swieq li jiffunzjonaw aħjar.

Sabiex tiddetermina l-aħjar mod possibbli kif tintuża l-kooperazzjoni fis-CPC għall-benefiċċju tal-Istati Membri u sabiex tippermetti lill-partijiet interessati kollha li jkollhom ritorn pożittiv, il-Kummissjoni bħalissa qiegħda twettaq studji ta' valutazzjoni tal-impatt. Dawn se jeżaminaw il-firxa sħiħa tal-opzjonijiet disponibbli sabiex jiġu indirizzati l-isfidi għall-infurzar tal-ġejjieni – miż-żamma tal-qafas preżenti, għall-introduzzjoni ta' leġislazzjoni ġdida – u għandhom iwittu t-triq għall-Kummissjoni biex tiddeċiedi dwar l-aktar risposta ta' politika effettiva.

[1]     http://europa.eu/rapid/press-release_IP-12-491_en.htm 

[2]      http://ec.europa.eu/consumers/archive/strategy/docs/consumer_agenda_2012_en.pdf

[3]     Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004, dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1).

[4]     Huwa jkopri wkoll il-pajjiżi sħab taż-ŻEE: l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja

[5]     COM (2009) 336 u COM (2012) 100; http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/biennial_national_reports_en.htm#biennial

[6]        Evalwazzjoni tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur, Rapport Finali mill-Konsorzju għall-Evalwazzjoni tal-Politika dwar il-Konsumatur, 17 ta' Diċembru 2012 ("Evalwazzjoni"), http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/docs/cpc_regulation_inception_report_revised290212_en.pdf

[7]    http://ec.europa.eu/consumers/events/ecs_2013/report/Summitconclusions.pdf

[8]     Summit Ewropew dwar il-Konsumatur, Dokument ta' Diskussjoni "Lejn infurzar aktar effiċjenti tad-Drittijiet tal-Konsumatur fl-UE", April 2013, http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/docs/07032013_consumer_summit_discussion_paper_en.pdf

[9]  http://www.cojef-project.eu/IMG/pdf/BEUC_PR_Apple.pdf

[10]    Pjan Direzzjonali "Eżami tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi", 09/2013. http://ec.europa.eu/smart-regulation/impact/planned_ia/docs/2014_sanco_001_consumer_protection_cooperation_review_en.pdf

[11]   Sommarju tat-tweġibiet tal-partijiet interessati għall-konsultazzjoni pubblika fuq ir-regolament dwar il-    Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi (CPC) (2006/2004/KE), disponibbli  f'http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/index_en.htm.

[12]   http://europa.eu/rapid/press-release_IP-14-187_en.htm

[13]             http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/rights-contracts/directive/index_en.htm             

[14]             Direttiva 2011/83/UE dwar id-drittijiet tal-konsumatur

[15]             Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali

[16]             http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/index_en.htm.

[17]             http://ec.europa.eu/smart-regulation/index_en.htm u b'mod partikolari l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil ta' Liġijiet Aħjar (2003/C 321/01)

[18]             p. 98 tar-Rapport tal-Evalwazzjoni Esterna 2012.

[19]             p. 14-20 tas-sommarju tal-Konsultazzjoni pubblika u http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/docs/cpc_regulation_inception_report_revised290212_en.pdf.

[20] http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/docs/cpc_regulation_inception_report_revised290212_en.pdf. 

[21]             Il-ġlieda kontra tali prattiċi effettivament tinvolvi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-konsumatur u l-awtoritajiet kriminali. Minħabba li tali prattiċi ħafna drabi jkunu għal perjodu qasir, l-awtoritajiet tal-infurzar jista' jkun li jkunu jridu jaġixxu anki meta l-prattika tkun waqfet.   

[22] http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/docs/cpc_regulation_inception_report_revised290212_en.pdf

[23]             p. 14-20 u 49 tas-sommarju tal-Konsultazzjoni pubblika

[24] http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/docs/cpc_regulation_inception_report_revised290212_en.pdf

[25]             p. 22-29 tas-sommarju tal-Konsultazzjoni pubblika. 

[26]             p. iii u 45-48 tas-sommarju tal-Konsultazzjoni pubblika.

[27]             Il-kwistjoni tal-ksur mifrux diġà kienet identifikata fil-Komunikazzjoni dwar l-infurzar tal-acquis tal-konsumatur, Lulju 2009 (http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52009DC0330&from=EN) u kkonfermata mill-Evalwazzjoni Esterna (http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/docs/cpc_regulation_inception_report_revised290212_en.pdf). Ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika jikkonferma wkoll li tali ksur huwa sinifikanti – p. 35 tas-Sommarju tal-Konsultazzjoni Pubblika.

[28]              Fir-rapporti ta' kull sentejn tagħhom, diversi Stati Membri jirrimarkaw dwar l-isfidi għall-infurzar li jirriżultaw mill-kummerċ ma' pajjiżi terzi. Ara wkoll http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/docs/cpc_regulation_inception_report_revised290212_en.pdf. 

[29]             In-numru ta' talbiet għall-assistenza reċiproka żdiedu fil-perjodu 2008-2009 għal medja ta' 306 fis-sena u mbagħad kien hemm tnaqqis fil-perjodu sussegwenti 2010-2013 għal medja ta' 162 fis-sena, http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/biennial_national_reports_en.htm#biennial u p. 76 tar-Rapport tal-Evalwazzjoni Esterna 2012.

[30]             p. 76 tar-Rapport tal-Evalwazzjoni Esterna 2012.

[31]             p. 98 tar-Rapport tal-Evalwazzjoni Esterna 2012.

[32]             Rapporti ta' kull sentejn tal-Istati Membri (2012-2013) fis-sit http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/biennial_national_reports_en.htm#biennial

[33]             p. 9-13 tas-Sommarju tal-Konsultazzjoni Pubblika.

[34]             p. 91-92 u 98 tar-Rapport tal-Evalwazzjoni Esterna 2012.

[35]             p. 99 tar-Rapport tal-Evalwazzjoni Esterna 2012.

[36]             p. 17 tar-Rapport tal-Evalwazzjoni Esterna 2012. Il-ħtieġa ta' appoġġ aħjar mill-Kummissjoni għall-ħidma ta' infurzar tal-Istati Membri b'mod partikolari f'każijiet ta' ksur parallel li jaffettwa konsumaturi f'diversi Stati Membri kienet identifikata wkoll fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Infurzar tal-Acquis tal-Konsumatur, 2009, p. 5 (punt 2.3).

[37]             p. 35-37 tas-Sommarju tal-Konsultazzjoni Pubblika. Aktar minn 80% tar-rispondenti qiesu li tali ksur huwa sinfikanti ħafna jew sinifikanti u 56% tar-rispondenti ħassew li l-provvediment għal proċedura speċifika ta' infurzar biex tindirizza tali ksur ikun importanti ħafna. 

[38]             p. 94-95 u 122 tar-Rapport tal-Evalwazzjoni Esterna.  

[39]             p. 94 tar-Rapport tal-Evalwazzjoni Esterna.

[40]             Pjan Direzzjonali 2013 għar-reviżjoni tar-Regolament dwar is-CPC, 09/2013.

[41]             p. 35-38 tas-Sommarju tal-Konsultazzjoni Pubblika.

[42]             p. 51-53 tas-Sommarju tal-Konsultazzjoni Pubblika.

[43]             In-numru ta' notifiki skambjati laħaq l-ogħla livell fl-2008, b'aktar minn 100 notifika fis-sena, fis-snin ta' wara n-numru ta' notifiki skambjati naqas għal inqas minn nofs din iċ-ċifra.

[44]             p. 85-88 tar-Rapport tal-Evalwazzjoni Esterna 2012.

[45]             p. 85-87 tar-Rapport tal-Evalwazzjoni Esterna 2012.

[46]             p. 15-21 tal-Konsultazzjoni Pubblika.

[47]             p. 76-77 tar-Rapport tal-Evalwazzjoni Esterna 2012.

[48]             p. 9-13 tas-Sommarju tal-Konsultazzjoni Pubblika.

[49]             p. 78 tar-Rapport tal-Evalwazzjoni Esterna 2012 u http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/biennial_national_reports_en.htm#biennial.

[50]             p. 78 tar-Rapport tal-Evalwazzjoni Esterna 2012 u http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/biennial_national_reports_en.htm#biennial. 

[51]             p. 76 tar-Rapport tal-Evalwazzjoni Esterna 2012.

[52]             F'xi Stati Membri l-qrati biss jistgħu joħorġu, iwaqqfu u ma jkomplux ordnijiet filwaqt li f'oħrajn il-qrati huma prinċipalment responsabbli mill-eżami ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti.

[53]             p. 60 tar-Rapport tal-Evalwazzjoni Esterna 2012.

[54]             p. 60-61 tar-Rapport tal-Evalwazzjoni Esterna 2012.

[55]             p. 27-33 tas-Sommarju tal-Konsultazzjoni Pubblika.

[56]             Rapporti ta' kull sentejn http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/biennial_national_reports_en.htm#biennial u r-Rapport tal-Evalwazzjoni Esterna.

[57]             Dan jirrigwarda pereżempju s-setgħa li jitwettqu xirjiet test, is-setgħa li jiġu msemmija pubblikament in-negozjanti ħatja ta' ksur jew li jiġu adottati miżuri interim. Filwaqt li f'xi Stati Membri x-xirjiet test huma parti normali mill-proċedura ta' ksur, f'oħrajn din l-għodda mhijiex disponibbli. Dan jista' joħloq problemi bl-ammissibbiltà u d-disponibbiltà tal-evidenza ta' ksur miksuba fi Stat Membru ieħor.

[58]             p. 22-26 tas-Sommarju tal-Konsultazzjoni Pubblika.

[59]             p. 26-27 tas-Sommarju tal-Konsultazzjoni Pubblika. L-għan tar-Regolament dwar is-CPC huwa l-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi. Ir-rimedju għal konsumaturi individwali huwa indirizzat bi strumenti oħra bħad-Direttiva 2013/11/UE dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi, ir-Regolament Nru 524/2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi jew ir-Regolament Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

[60]             www.cojef-project.eu.

[61]             p. 81-83 tar-Rapport tal-Evalwazzjoni Esterna 2012.

[62]             Direttiva 2009/22/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, ĠU, L 110, 1.5.2009, p. 30.

[63]             p. 8 tal-Komunikazzjoni "Dwar l-infurzar tal-acquis tal-konsumatur", KUMM(2009) 330 finali.

[64]             p. 10 u 13 tar-Rapport ta' Kull Sentejn.

[65]             Il-Kumitat għall-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumatur huwa stabbilit abbażi tal-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament dwar is-CPC.

[66]             p. 11-13 u 14-18 tas-Sommarju tal-Konsultazzjoni Pubblika.

[67]             p. 15-17 tas-Sommarju tal-Konsultazzjoni Pubblika.

[68]             p. 40 tal-Evalwazzjoni Esterna 2012.

[69]          Pereżempju, fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) stabbilit bir-Regolament Nru 1211/2009 jassigura qafas għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs), u bejn l-NRAs u l-Kummissjoni, bil-għan li tinkiseb applikazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju tal-UE għall-komunikazzjonijiet elettroniċi biex il-konsumaturi u n-negozji jieħdu l-benefiċċji tas-Suq Uniku. Aktar mekkaniżmi ta' infurzar jassiguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri. B'mod partikolari, ir-Regolament Nru 261/2004 jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għall-passiġġieri tal-ajru, ir-Regolament Nru 1177/2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u r-Regolament Nru 181/2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ jistabbilixxu mekkaniżmi ta' infurzar li jinvolvu korpi nazzjonali maħtura tal-infurzar u jkopru ksur kemm transkonfinali kif ukoll domestiku.

[70]             p. 89-90 tal-Evalwazzjoni Esterna 2012, p. iii u 51-52 tas-Sommarju tal-Konsultazzjoni Pubblika

[71]             http://ec.europa.eu/consumers/ecc/index_en.htm

[72]             In-negozjati għal ftehim internazzjonali għal dan il-għan twaqqfu permezz ta' ftehim reċiproku mill-2012 minħabba l-proċessi li għaddejjin li jista' jkollhom impatt fuq il-ħtiġijiet taż-żewġ naħat rilevanti għall-arranġamenti ta' kooperazzjoni.

Top