EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0429

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2014 tar-Renju Unit u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tar-Renju Unit tal-2014_x000b_

/* COM/2014/0429 final */

52014DC0429

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2014 tar-Renju Unit_x000b__x000b_u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tar-Renju Unit tal-2014_x000b_ /* COM/2014/0429 final - 2014/ () */


 

 

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2014 tar-Renju Unit u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tar-Renju Unit tal-2014

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2], u partikolarment l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[3],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[4],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1) Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tkun varata strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

(2) Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill, abbazi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi, li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-ekonomija u tal-impjiegi.

(3) Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew tal-Gvern iddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għall-azzjoni fuq il-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro bl-użu tal-għodod, strumenti u politiki kollha. Huma ddeċidew fuq azzjoni li għandha tittieħed fuq il-livell tal-Istati Membri, fejn b'mod partikolari esprimew l-impenn sħiħ tagħhom biex jiksbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

(4) Fid-9 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tar-Renju Unit għall-2013 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta’ Konverġenza aġġornat tar-Renju Unit għall-perjodu bejn l-2012-13 sal-2017-18.

(5) Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[5], li kien jirrappreżenta l-bidu tas-Semestru Ewropew 2014 tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fl-istess jum, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija[6], li fih hija identifikat lir-Renju Unit bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi dettaljata.

(6) Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet biex jiġu żgurati l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni biex jitrawwem it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li tkun segwita konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir, li jerġgħu jinġiebu l-kundizzjonijiet normali għas-self fl-ekonomija, li jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, li jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u li tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(7) Fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tar-rieżami fil-fond tagħha għar-Renju Unit[7], skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li r-Renju Unit ikompli jesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, li jeħtieġu monitoraġġ u azzjoni politika. Partikolarment, żviluppi fl-oqsma ta' dejn tal-unitajiet domestiki, marbuta mal-livelli għoljin ta' dejn fuq self ipotekarju u karatteristiċi strutturali tas-suq tal-akkomodazzjoni, kif ukoll żvilupp mhux favorevoli fl-ishma tas-suq tal-esportazzjoni, ikomplu jeħtieġu l-attenzjoni. Ir-riskji fis-settur tal-akkomodazzjoni huma relatati man-nuqqas strutturali ta' disponibbiltà ta' akkomodazzjoni; limitazzjonijiet intrinsiċi ta' provvista, partikolarment f'Londra, u r-reazzjoni relativvament kajmana mill-provvista għaż-żieda fid-domanda għadha qed tkompli tgħolli l-prezzijiet tal-akkomodazzjoni, partikolarment f'Londra u fix-xlokk, u anki twassal lix-xerrejja biex jieħdu self ipotekarju għoli. Waqt li s-suq li qed jonqos tal-esportazzjoni mhux probabbli li joħloq riskju fiż-żmien qasir, meta kkunsidrat mad-defiċit fil-kont kurrenti, xorta għadu jindika sfidi strutturali. Dawn huma relatati ma' skarsezza ta' ħiliet u defiċjenzi fl-infrastruttura. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, ir-Renju Unit ma ssodisfax il-miri tad-defiċit nominali tiegħu u l-miri ta' aġġustament strutturali tiegħu.

(8) Fit-30 ta' April 2014, ir-Renju Unit ippreżenta l-programm nazzjonali ta' riforma tiegħu għall-2014 u l-programm ta' konverġenza tiegħu għall-2014. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi kienu vvalutati fl-istess waqt.

(9) Skont il-paragrafu 4 tal-Protokoll (Nru 15) dwar ċerti dispożizzjonijiet relatati mar-Renju Unit tal-Gran Brittannja u l-Irlanda ta' Fuq, l-obbligu tal-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex ikunu evitati defiċits eċċessivi tal-amministrazzjoni pubblika ma japplikax għar-Renju Unit. Il-Paragrafu 5 tal-Protokoll jipprovdi li r-Renju Unit għandu jfittex li jevita defiċit tal-gvern eċċessiv. Fit-8 ta' Lulju 2008 il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea li jeżisti defiċit eċċessiv fir-Renju Unit.

(10) L-objettiv tal-istrateġija baġitarja spjegata fil-Programm ta' Konverġenza tal-2014 huwa li tibbilanċja l-baġit kurrenti li huwa ċiklikament aġġustat sa tmiem il-perjodu kontinwu ta' ħames snin, li fil-preżent jintemm fl-2018-19. Il-Programm ta' Konverġenza ma jinkludix objettiv fuq żmiem medju kif previst mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa stmat għal 5.0 % tal-PDG fl-2014-15, wara li niżel minn quċċata ta' 11,4 % tal-PDG fl-2009-10. Dan mhux konformi mal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv stabbilit mill-Kunsill. Skont il-programm, id-defiċit eċċessiv se jkun ikkoreġut fl-2016-17 għal 2,4 % tal-PDG, sentejn wara l-iskadenza stabbilita mill-Kunsill. Il-programm jimplika li d-defiċit strutturali tal-amministrazzjoni pubblika (rikalkolat) se jitjieb b'0,3 pp għal 4,4 % tal-PDG matul is-sena 2014-15. Il-pjanijiet baġitarji mhumiex biżżejjed biex jiksbu l-isforz fiskali medju annwali rrakkomandat biex ikun ikkoreġut id-defiċit eċċessiv. Minn hemm 'l hemm, il-programm jipprevedi titjib annwali tal-bilanċ strutturali (rikalkolat) ta' 0,8 pp fl-2015-16 u 1,3 pp fl-2016-17. Kumplessivament, il-programm huwa biss parzjalment konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-konsolidament sa issa kien ixaqleb bi kbir lejn tnaqqis fin-nefqa, għalhekk il-kontributi potenzjali għad-dħul minn twessigħ tal-bażi tat-taxxa jista' jkun ikkunsidrat. Ir-Renju Unit għandu livell għoli ta' taxxi mitlufa, partikolarment fir-rigward tat-tassazzjoni indiretta. Skont il-Programm ta' Konverġenza, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG huwa projettat li jiżdied għal 93,1 % fl-2015-16, qabel jaqa' lura għal 86,6 % fl-2018-19. Ix-xenarju makroekonomiku tar-Renju Unit li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-programm huwa plawsibbli. Riskji potenzjali għall-projezzjonijiet baġitarji joħorġu minn tkabbir inqas minn dak mistenni minħabba pagi limitati li jnaqqsu l-konsum privat u l-inċertezza li qed tfixkel l-investiment. Madankollu, il-projezzjonijiet huma konsistenti mal-previżjonijiet tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni għall-2014, li wkoll ma jipprevedux li d-defiċit eċċċessiv se jkun ikkoreġut sal-iskadenza stabbilità mill-Kunsill. Barra minn hekk abbażi tal-previżjoni tal-Kummissjoni, il-bidla (kkoreġuta) fil-bilanċ strutturali matul l-2010-2014 hija inqas b'medja ta' 0,6 % tal-PDG kull sena meta mqabbla mar-rekwiżit u hija projettata li tkun inqas fl-2015 ukoll. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-programm u tal-previżjoni tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li huma meħtieġa miżuri addizzjonali biex jiżguraw konformità mar-rakkomandazzjoni fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

(11) Ir-Renju Unit ħa miżuri kemm fuq in-naħa tad-domanda kif ukoll tal-provvista fil-qasam tal-akkomodazzjoni. Minkejja li l-provvista ta' propjetajiet ġodda żdiedet, għadha baxxa u naqset milli tissodisfa d-domanda b'marġni konsiderevoli. Dan ingħaqad flimkien ma' rata tal-imgħax baxxi u patti iktar faċli għal self ipotekarju (bħal multipli għola bejn is-selfa u l-introjtu) biex jgħollu l-prezzijiet tad-djar f'ċerti partijiet tar-Renju Unit partikolarment Londra. Nuqqas ta' provvista ilu żmien fenomenu strutturali u x'aktarx li jestendi għaż-żmien medju. Hija meħtieġa azzjoni biex tixpruna ulterjorment il-provvista tad-djar - billi toħloq inċentivi xierqa biex tkabbar il-provvista fil-livell lokali. L-awtoritajiet għandhom ikomplu jimmonitorjaw il-prezzijiet tad-djar u d-dejn relatat mas-self ipotekarju u jkunu lesti li jniedu miżuri xierqa, inkluż l-aġġustament tal-iskema Help to Buy 2 (garanzija għas-self), jekk ikun ikkunsidrat neċessarju. Hemm ħtieġa li tiżdied it-trasparenza fl-użu u l-impatt tar-regolament makroprudenzjali tas-settur tal-akkomodazzjoni mill-Kumitat tal-Politika Finanzjarja li tista' tkun imnedija biex tindirizza żidiet eċċessivi fil-prezzijiet u żidiet fid-dejn fis-self ipotekarju. Riformi fit-tassazzjoni tal-art u tal-proprjetà għandhom ikunu kkunsidrati biex jallevjaw id-distorsjonijiet fis-suq tal-akkomodazzjoni. Bħalissa, iż-żidiet fil-valuri tal-proprjetà mhumiex tradotti f'taxxi ogħla fuq il-proprjetà minħabba li l-elenku tal-valuri ma ġiex aġġornat mill-1991 u t-taxxi fuq il-proprjetà b'valur ogħla huma inqas minn fuq proprjetà ta' valur iktar baxx f'termini relattivi minħabba r-rigressività tar-rati kurrenti u l-marġini fis-sistema fiskali tal-kunsilli.

(12) Ir-Renju Unit qed ikompli jindirizza l-isfidi tal-qgħad u n-nuqqas ta' impjieg kif ukoll il-kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-qgħad fost iż-żagħżagħ. Hemm sfidi importanti biex iż-żgħażagħ ikunu mgħammra bil-ħiliet u l-esperjenza ta' xogħol meħtieġa mis-suq tax-xogħol u biex jiżdied il-forniment tal-apprentistati. Dan jgħin biex jispjega l-fatt li l-użu ta' sussidji tal-pagi pprovdut mill-Kuntratt għaż-Żagħżagħ jibqa' inqas milli previst. Is-suq tax-xogħol isofri minn nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u l-awtoritajiet qed jipprovaw iġeddu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol biex jindirizzaw kemm il-qgħad u n-nuqqas ta' ħiliet vokazzjonali u tekniki ta' kwalità għolja. Waqt li kien hemm sforzi biex titjieb il-kwalità tal-programmi ta' apprentistat, huma meħtieġa sforzi ulterjuri. Barra minn hekk, is-sistemi tal-kwalifiki tibqa' kumplessa u teħtieġ li tkun simplifikata biex tiffaċilita r-rikonoxximent universali u livell għoli ta' ingaġġ mill-impjegaturi.

(13) L-awtoritajiet qed jindirizzaw il-problema ta' inċentivi għax-xogħol dgħajfa, speċjalment għar-riċevituri tal-benefiċċji soċjali bl-introduzzjoni tal-Kreditu Universali, li se jippermetti lill-individwi biex iżommu iktar mill-introjtu tagħhom mill-benefiċċji hekk kif jidħlu għax-xogħol. Waqt li l-Kreditu Universali jista' jkollu impatt pożittiv fuq l-imjiegi, ħafna se jiddependi fuq implimentazzjoni effettiva u servizzi ta' appoġġ, inkluż l-interazzjoni ma' benefiċċji oħra. L-iffukar fuq ir-ritorn għax-xogħol kien rifless ukoll fil-limitazzjoni tal-aġġustament annwali għal ħafna benefiċċji u krediti ta' taxxa relatati mal-età tax-xogħol għal 1 % fis-sena sal-2016.

(14) Ir-Renju Unit qed ikompli jindirizza l-isfidi biex iżid l-impjieg parentali billi jżid l-aċċess għal indukrar tat-tfal ta' kwalità għolja u affordabbli. Huwa jkompli jintroduċi skemi li jagħmlu l-indukrar affordabbli kemm għall-ġenituri impjegati part-time u wkoll għal dawk impjegati full-time, waqt li jikkunsidra livelli differenti ta' introjtu. Madankollu, il-kostijiet għall-indukrar tat-tfal, għadhom fost l-ogħla fl-UE u jibqgħu joħolqu problemi għat-tieni sors ta' dħul u għall-ġenituri weħedhom.

(15) F'termini ta' aċċess għal finanzjament, waqt li kundizzjonijiet fis-swieq tal-kreditu tjiebu fl-2013, it-tkabbir tal-kreditu jibqa' dgħajjef u politiki eżistenti jeħtieġu aktar żmien biex juru li kienu ta' suċċess. Sfidi partikolari rigward l-aċċess għall-kreditu jibqgħu għall-SMEs. Waqt li kumpaniji kbar jistgħu jiffinanzjaw lilhom nfushom direttament fis-swieq tal-ingrossa u jipprofittaw mill-offerta ta-servizzi finanzjarji żviluppati sew fir-Renju Unit, l-SMEs jiddependu bi kbir fuq il-banek biex jiksbu l-finanzjament estern tagħhom. Sar progress tajjeb biex tkun indirizzata r-rakkomandazzjoni tas-sena li għaddiet dwar il-kompetizzjoni fis-settur bankarju bil-ħolqien ta' banek ġodda, imsejħa banek li jipprovdu kompetizzjoni lill-banek tradizzjonali (eżempju ta' dan huwa TSB, li, madankollu, għadu mhux kompletament indipendenti).

(16) F'Diċembru 2013, ir-Renju Unit ippubblika pjan aġġornat tal-infrastruttura nazzjonali: approċċ fit-tul u strateġiku għall-ippjanar, il-finanzjament u l-provvediment tal-infrastruttura. Il-pjan jistipula "mezz" ta' investiment kapitali li jħares lejn l-2020 u aktar 'l hemm għal total ta' GBP 375 biljun (madwar EUR 460 biljun). Proporzjon kbir tal-"mezz" (GBP 340 biljun, jiġifieri madwar EUR 420 biljun) jirrigwarda investiment fis-setturi tal-enerġija u t-trasport. Madwar tliet kwarti tal-finanzjament huwa projettat li jkun minn sors privat, waqt li l-bqija hwa projettat li jkun iffinanzjat pubblikament. Minkejja li l-pjan huwa inizzjattiva xierqa, għad hemm tħassib dwar l-element tas-settur privat tal-finanzjament, iċ-ċertezza regolatora u l-permess f'waqtu tal-ippjanar. Ma hemm l-ebda bżonn ta' mekkaniżmi strinġenti biex itaffu ir-riskji tal-finanzjament u l-eżekuzzjoni waqt li tkun żgurata t-trasparenza fuq in-nefqa projettata u dik reali fuq l-infrastruttura.

(17) Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Renju Unit. Hija vvalutat il-programm ta' konverġenza u l-programm nazzjonali ta' riforma. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Renju Unit imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (6) hawn taħt.

(18) Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tar-Renju Unit u l-opinjoni tiegħu[8] hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt.

(19) Fid-dawl tar-reviżjoni bir-reqqa tal-Kummissjoni u din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Konverġenza. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (2), (3), (5) u (6) ta' hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li r-Renju Unit jieħu azzjoni fil-perjodu 2014-2015 biex:

1.           Isaħħaħ l-istrateġija baġitarja, bil-għan li jikkoreġi d-defiċit eċċessiv b'mod sostenibbli f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Ifittex li jikseb approċċ differenzjat, li jiffavorixxi t-tkabbir għall-issikkar fiskali billi jipprijoritizza n-nefqa kapitali. Jassisti fil-konsolidazzjoni fiskali, waqt li jikkunsidra li jżid id-dħul permezz tat-twessigħ tal-bażi tat-taxxa. Jindirizza l-effett lembut strutturali relatat mal-infrastruttura, in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u l-aċċess għal finanzjament għall-SMEs biss jixpruna tkabbir fl-esportazzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi.

2.           Iżid it-trasparenza dwar l-użu u l-impatt tar-regolamentazzjoni makroprudenzjali fir-rigward tas-settur tal-akkomodazzjoni mill-Kumitat tal-Politika Finanzjarja tal-Bank of England. Ivara miżuri xierqa b'reazzjoni għaż-żidiet rapidi fil-prezzijiet tal-proprjetà f'żoni li huma responsabbli għal sehem sostanzjali tat-tkabbir ekonomiku fir-Renju Unit partikolarment Londra, pereżempju billi jaġġusta l-iskema Help to Buy 2 u jtaffi r-riskji relatati mad-dejn għoli fuq self ipotekarju. Ineħħi distorsjonijiet fit-tassazzjoni fuq il-proprjetà billi jaġġorna regolarment il-valutazzjoni tal-proprjetà u jnaqqas ir-rigressività tal-marġini u r-rati fis-sistema fiskali tal-kunsilli. Ikompli bl-isforzi biex iżid il-provvista tal-akkomodazzjoni.

3.           Iżomm l-impenn għall-Kuntratt għaż-Żagħżagħ, speċjalment billi jtejjeb il-ħiliet li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-impjegatur. Jiżgura l-ingaġġ tal-impjegatur billi jitfa' enfasi fuq l-indirizzar tan-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet permezz ta' dispożizzjoni aktar avvanzata u ta' livell ogħla tal-ħiliet u jippromwovi offerti ta' apprentistat. Inaqqas l-għadd ta' żagħżagħ b'ħiliet bażiċi baxxi.

4.           Ikompli l-isforzi biex inaqqas il-faqar fost it-tfal f'unitajiet domestiċi bi dħul baxx, billi jiżgura li l-Kreditu Universali u riformi oħra tal-assistenza soċjali iwasslu għal benefiċċji adegwati b'inċentivi ċari għax-xogħol u servizzi ta' appoġġ. Itejjeb id-disponibbiltà ta' servizzi tal-indukrar tat-tfal ta' kwalità u affordabbli.

5.           Ikompli l-isforzi biex itejjeb id-disponibbiltà tal-finanzjament bankarju u mhux nbankarju lill-SMEs. Jiżgura l-funzjonament effettiv tal-Bank tan-Negozju u jappoġġa preżenza ikbar tal-banek li joffru kompetizzjoni lill-banek tradizzjonali.

6.           Ikompli fuq il-Pjan Nazzjonali ta-Infrastruttura billi jżid il-prevedibbiltà tal-proċessi tal-ippjanar kif ukoll billi jipprovdi ċarezza dwar l-impenji ta' finanzjament. Jiżgura trasparenza u obbligu ta' rendikont billi jipprovdi informazzjoni konsistenti u f'waqtha fuq l-implimentazzjoni tal-Pjan.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

[3]               COM(2014) 429 finali.

[4]               P7_TA(2014)0128 u P7_TA(2014)0129.

[5]               COM(2013) 800 finali.

[6]               COM(2013) 790 finali.

[7]               SWD(2014) 91 finali.

[8]               Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1466/97.

Top