Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0425

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2014 tas-Slovenja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2014 tas-Slovenja_x000b_

/* COM/2014/0425 final */

52014DC0425

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2014 tas-Slovenja_x000b__x000b_u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2014 tas-Slovenja_x000b_ /* COM/2014/0425 final - 2014/ () */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2014 tas-Slovenja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2014 tas-Slovenja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2], u partikolarment l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[3],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[4],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1) Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tkun varata strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

(2) Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi, li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-ekonomija u tal-impjiegi.

(3) Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern iddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għall-azzjoni fuq il-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-Żona tal-Euro bl-użu tal-għodod, strumenti u politiki kollha. Huma ddeċidew fuq azzjoni li għandha tittieħed fuq il-livell tal-Istati Membri, fejn b'mod partikolari esprimew l-impenn sħiħ tagħhom biex jiksbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

(4) Fid-9 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tas-Slovenja għall-2013 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta’ Stabbiltà aġġornat tas-Slovenja għall-perjodu bejn l-2012 u l-2016. Fil-15 ta' Novembru 2013, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 473/2013[5], il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tas-Slovenja għall-2014[6].

(5) Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[7], li kien jirrappreżenta l-bidu tas-Semestru Ewropew 2014 tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fl-istess jum, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija[8], li fih hija identifikat lis-Slovenja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi dettaljata.

(6) Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet biex jiġu żgurati l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni biex jitrawwem it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li tkun segwita konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir, li jerġgħu jinġiebu l-kundizzjonijiet normali għas-self fl-ekonomija, li jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, li jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u li tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(7) Fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tar-rieżami fil-fond tagħha għas-Slovenja[9], skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li s-Slovenja tkompli tesperjenza żbilanċ makroekonomiku eċċessiv, li jeħtieġu monitoraġġ u azzjoni politika b'saħħitha u kontinwa. Waqt li l-iżbilanċi kienu qed jevolvu matul l-2013 minħabba aġġustament makroekonomiku u xi azzjoni politika mis-Slovenja, id-daqs tal-korrezzjoni neċessarja jfisser li riskji sostanzjali għadhom preżenti. B'mod iktar speċifiku, ir-riskji li joħorġu minn struttura ekonomika karatterizzata minn governanza korporattiva dgħajfa, livell għoli ta' involviment mill-Istat fl-ekonomija, telf fil-kompetittività tal-kost, piz żejjed tad-dejn tal-kumpaniji u żieda konsiderevoli fid-dejn tal-gvern jeżiġu attenzjoni mill-qrib ħafna. Waqt li sar progress konsiderevoli fit-tiswija tal-karti bilanċjali, azzjoni determinata fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa ta' strateġija tas-settur bankarju komprensiva, inkluż ristrutturar, privatizzazzjoni u superviżjoni mtejba, għadha meħtieġa.

(8) Fil-15 ta' April 2014, is-Slovenja ppreżentat il-programm nazzjonali ta' riforma tagħha tal-2014 u fl-24 ta' April 2014 il-programm ta' stabbiltà tal-2014 tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi kienu vvalutati fl-istess waqt.

(9) L-objettiv tal-istrateġija baġitarja spjegat fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2014 huwa li d-defiċit eċċessiv ikun korrett dal-2015, u li l-objettiv tat-terminu medju jintlaħaq sal-2017. Il-programm jikkonferma l-objettiv preċedenti fuq terminu medju ta' baġit ibbilanċjat, li huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Madankollu, il-bilanċ strutturali (rikalkulat) mhux mistenni jilħaq l-objettiv fuq terminu medju sal-2017. Il-programm jippjana li jnaqqas id-defiċit għal taħt it-3 % tal-PDG fl-2015, f''konformità mal-mira stabbilita fir-rakkomandazzjoni tal-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Lil hinn mill-2015, il-programm jipprevedi tnaqqis kontinwu fid-defiċit qabel ma jaqleb għal surplus ta' 0,3 % tal-PDG fl-2018. Il-programm jipproġetta li d-dejn tal-gvern jilħaq l-ogħla punt tiegħu meta jilħaq il-81,1 % tal-PDG fl-2015 qabel ma jaqa' għal 76 % fl-2016. Kumplessivament, l-istrateġija baġitarja spjegata fil-programm hija konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-programm, li kien prodott minn korp indipendenti (l-Istitut għall-Analiżi Makroekonomika u l-Iżvilupp), huwa wieħed kawt. Fil-5 ta' Marzu 2014, Rakkomandazzjoni, Awtonoma tal-Kummissjoni kienet indirizzata lis-Slovenja. Il-programm ta' stabbiltà jidentifika xi miżuri addizzjonali li jassistu biex inaqqsu d-distakk bl-isforz fiskali meħtieġ. Abbażi ta' dan, huwa kkunsidrat li l-programm ta' stabbiltà rrisponda parzjalment għar-Rakkomandazzjoni, Awtonoma tal-Kummissjoni. Madankollu, għad hemm riskji negattivi minħabba li l-miżuri li jirfdu l-programm mhumiex iddettaljati biżżejjed, u ħafna minnhom għad iridu jkunu adottati. Kull ħtieġa ta' rikapitalizzazzjoni addizzjonali tal-bank, li tirriżulta mir-rieżami tal-kwalità tal-assi tal-2013 u mit-test tal-istress fis-Slovenja, iżżid il-proporzjonijiet tad-defiċit u tad-dejn waqt li r-rikavat mill-privatizzazzjoni b'suċċess tal-entitajiet jew banek proprjetà tal-istat li ma kienx inkorporat fil-proġettazzjonijiet tal-programm inaqqas il-piż tad-dejn. Abbażi tal-previżjoni tal-Kummissjoni, l-isforz fiskali matul il-perjodu 2013-2014 huwa 1,4 % inqas mill-PDG skont il-bidla (korretta) fil-bilanċ strutturali u b'0,5 % tal-PDG f'termini tal-ammont tal-miżuri meħtieġa stmati neċessarji meta saret ir-rakkomandazzjoni tal-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Għall-2015, waqt li l-programm jipproġetta defiċit skont ir-rakkomandazzjoni tal-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv, il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2014 tistima defiċit ta' 3,1 % tal-PDG. Barra minn hekk, abbażi tal-previżjoni, l-isforz fiskali mkejjel kemm mill-bidla (korretta) fil-bilanċ strutturali u kif ukoll mill-ammont sottostanti tal-miżuri diskrezzjonali li għandhom ikunu implimentati huwa mistenni li jkun inqas mill-livell rakkomandat mill-Kunsill għall-2015. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-programm u l-previżjoni tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-isforzi addizzjonali, fl-2014, u wara, huma meħtieġa sabiex tkun żgurata konformità sħiħa mar-rakkomandazzjoni tal-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv, inkluż l-isforz strutturali meħtieġ.

(10) Fir-rigward tar-regoli fiskali, fl-2013 il-parlament approva bażi kostituzzjonali għall-istabbiliment tar-regola ta' bilanċ baġitarju/surplus tal-amministrazzjoni pubblika f'termini strutturali. Madankollu, il-leġislazzjoni ta' implimentazzjoni, jiġifieri l-Att tar-Regoli Fiskali, li kellu jidħol fis-seħħ sa Novembru 2013, għad irid ikun adottat. B'mod partikolari, il-bażi ġuridika neċessarja jeħtieġ li tkun stabbilita sabiex ikun definit ir-rwol, il-mandat u l-indipendenza ta' Kunsill Fiskali li jiffunzjona. It-tlestija f'waqtha ta' rieżami komprensiv tan-nefqa tal-utenti baġitarji kollha fil-qasam ewlieni tas-saħħa jistgħu jidentifikaw miżuri biex jirfdu l-konsolidazzjoni fiskali u jidentifikaw opzjonijiet biex itejbu l-effiċjenza u l-kosteffikaċja.

(11) Fl-2013, kien rakkomandat lis-Slovenja biex issaħħaħ is-sostenibbiltà fuq medda twila ta' żmien tas-sistema tal-pensjonijiet u biex ittejjeb l-effiċjenza, il-kosteffettività u l-kwalità tas-settur tal-kura fit-tul. Is-Slovenja għamlet progress limitat fuq miżuri meħuda biex tkun indirizzata din ir-rakkomandazzjoni. Evalwazzjoni tar-riforma tal-pensjonijiet tal-2012 tlestiet f'April 2014 u l-ewwel sejbiet huma pożittivi. Waqt li kien irrealizzat ċertu ffrankar fiskali, il-livell tal-pensjonijiet baqa' ma nbidilx. Is-Slovenja tiffaċċa riskji għolja ta' sostenibilità fiskali fuq terminu twil u medju prinċipalment minħabba żieda fin-nefqa relatata mat-tixjiħ implikata mid-demografija tas-Slovenja. Għaldaqstant is-sistemi tal-pensjonijiet u tal-kura fit-tul se jeħtieġu li jkunu riformati fuq termini medji jekk in-nefqa kumplessiva għandha tkun stabbilizzata fuq it-termini medji u twal waqt li tkun żgurata l-adegwatezza tal-pensjonijiet u l-aċċess għas-servizzi tal-kura fit-tul.  L-awtoritajiet qed jippjanaw li jħejju White Paper għal riforma tal-pensjonijiet komprensiva. Pjan għar-riforma tal-kura fit-tul kien adottat fi tmiem l-2013 u l-leġiżlazzjoni relatata hija mistennija sa tmiem l-2014. Madankollu, hemm ir-riskju li r-riforma tibqa' lura minħabba li r-riorganizzazzjoni tal-assigurazzjoni tal-kura tas-saħħa li qed issir waqgħet lura.

(12) Is sitwazzjoni fuq is-suq tax-xogħol marret għall-agħar. Il-qgħad laħaq l-10,3 % fl-2013 u l-qgħad fiż-żagħżagħ tela' għal 21,6 % fl-2013 waqt li l-proporzjon ta' żagħżagħ li la għandhom impjieg, la edukazzjoni u lanqas taħriġ żdied bi 2,1 pps bejn l-2011 u l-2013. L-evalwazzjoni tar-riforma tas-suq tax-xogħol adottata fl-2013 tippunta lejn tnaqqis tas-segmentazzjoni bejn il-kuntratt permanenti u dawk b'terminu fiss, minkejja askapitu tal-użu akbar ta' forom oħra ta' kuntratti mhux permanenti, waqt li l-effett tal-inċentivi għall-impjieg ta' persuni ikbar u iżgħar għadu mhux ċar. Is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol qed tkun indirizzata wkoll permezz ta' regolamentazzjoni aħjar tal-ħidma tal-istudenti. Waqt li att ġdid qed jistenna l-approvazzjoni, għad hemm tħassib dwar jekk dan hux se jindirizza b'mod adgwat in-nuqqasijiet f'regoli preċedenti. Il-gvern għamel progress limitat fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tas-sena l-oħra dwar il-paga minima, li għadha qed tkun indiċjata biss mal-inflazzjoni, waqt li l-att dwar il-paga minima jippermetti indiċjar ma' kundizzjonijiet ekonomiċi oħra. Sar progress limitat fl-iżvilupp ta' miżuri ta' politika attiva fis-suq tax-xogħol effettiva u tal-qies u li tindirizza nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet.

(13) Il-gvern għamel progress sostanzjali fl-indirizzar ta' rakkomandazzjonijiet dwar l-istabbilità fis-settur bankarju, li jwassal Analiżi ta' Kwalità tal-Assi u Stress Test kredibbli, rikapitalizzazzjoni f'waqtha, u t-trasferiment ta' self improduttiv lill-Kumpanija Maniġerjali tal-Assi tal-Bank. Madankollu, ix-xogħol għadu 'l bogħod milli jitlesta u azzjoni determinata biex tiffinalizza u timplimenta strateġija bankarja komprensiva kif imħabbra f'Diċembru 2013, inkluż ir-ristrutturar, il-privatizzazzjoni u s-superviżjoni mtejba, hija meħtieġa. Il-livell ta' self improduttiv fis-sistema bankarja għadu għoli. Huwa għalhekk importanti li l-banek jibnu kapaċità interna biex iħaddmu self improduttiv inkluż it-tisħiħ tal-ġestjoni interna tal-assi u l-unitajiet ta' ristrutturar, biex jaċċelleraw l-ipproċessar ta' self improduttiv waqt li jimmassimizzaw l-valur ta' rkupru u jippreservaw in-negozji vijabbli. Kull trasferiment ulterjuri ta' self improduttiv lill-Kumpanija Maniġerjali tal-Assi tal-Bank jeħtieġ li jkun mfassal bir-reqqa sabiex jiffaċilità ristrutturar rapidu u effiċjenti ta' krediti korporattivi, partikolarment fil-każ ta' self ta' gruppi kumplessi u interkonnessi. Strateġija tal-ġestjoni u pjan ta' direzzjoni tan-negozju komprensiva li tissostanzja miri ta' ħlas lura għall-Kumpanija Maniġerjali tal-Assi tal-Bank hija mistennija. Waqt li jibnu fuq il-lezzjonijiet mir-rieżami tal-kwalità tal-assi u tat-test tal-istress, miżuri deċiżivi ulterjuri biex itejbu l-governanza u s-superviżjoni għall-banek kollha u partikolarment għal dawk li jibqgħu fi sjieda tal-Istat huma meħtieġa bit-tisħiħ tal-ġestjoni tar-riskju, it-titjib ta' proċessi għall-approvazzjoni tal-krediti u t-titjieb tal-kwalità tad-dejta u d-disponibbiltà, bl-objettiv biex jitnaqqsu l-livelli tas-self improduttiv u biex ikunu llimitati riskji futuri.

(14) Il-gvern għamel progress limitat fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni dwar il-governanza korporattiva ta' intrapriża tal-istat, li jkopru wieħed minn kull sitta tal-valur miżjud totali u jifformaw relazzjoni komplessa ta' banek domestiċi, grupp tal-assigurazzjoni u korporazzjonijiet mhux finanzjarji, b'parteċipazzjoni azzjonarja inkroċjata sinifikanti. Il-livell ta' influwenza mill-Istat toħloq riskji sinifikanti għall-finanzi pubbliċi kemm direttament kif ukoll indirettament permezz ta' obbligazzjonijiet mill-garanziji. Strateġija koerenti għall-ġestjoni tal-intrapriża tal-istat flimkien ma' governanza korporattiva mtejba joħolqu ambjent aktar favorevoli biex ikun attirat investiment dirett barrani. Minkejja li ttieħdu l-ewwel passi billi saret lista inizjali ta' 15-il kumpanija għall-privatizzazzjoni aċċelerata f'Mejju 2013, sal-lum il-progress kien wieħed imħallat u hemm riskju sinifikanti li l-iskadenzi ma jkunux sodisfatti. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida li tirfed l-Impriża Sovrana Slovena, mezz għall-konsolidazzjoni tal-ġestjoni tas-sjieda mill-Istat, kienet introdotta, minkejja tard, f'April 2014. Hija mistennija strateġija komprensiva u klassifikazzjoni preċiża tal-assi kapitali u dawk mhux kapitali inkluż dawk indikati għall-privatizzazzjoni. Ikunu identifikati u implimentati miżuri xierqa biex ikun żgurat il-proċess ta' ristrutturar u l-kisba tal-miri tiegħu inkluż inter alia l-massimizzazzjoni tal-valur ta' rkupru għal kredituri u jistabbilixxu lista tal-każijiet l-iktar urġenti għar-ristrutturar għal twettiq rapidu.

(15) Il-qafas ta' insolvenza kien emendat fl-2013 sabiex tkun iffaċilitata r-riżoluzzjoni f'waqtha tas-self improduttiv iżda l-qafas il-ġdid għadu fil-biċċa l-kbira tiegħu ma ġiex ittestjat. Livell għoli ta' dejn u diffikultà finanzjarja llimitaw il-kapaċità tas-settur korporattiv li jinvesti fi proġetti futuri. Ir-ristrutturar finanzjarju u operattiv urġentament meħtieġ tas-settur korporattiv għad irid jibda fuq skala kbira. Ħarsa konsolidata tal-iskoperturi ta' kreditu varji fis-sistema bankarja hija meħtieġa biex taċċelera t-tħaddin ta' self improduttiv u tiffaċilita n-negozjati ta' ristrutturar, partikolarment il-każ tas-self tal-gruppi kumpless u interkonness. Task force ċentralizzata b'rappreżentanti esperjenzati tal-partijiet interessati kollha jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jappoġġaw u jaċċelleraw dan il-proċess. Sadanittant, għeluq rapidu u effiċjenti ta' bosta każijiet urġenti li għadhom għaddejin bħalissa fil-Kumpanija Maniġerjali tal-Assi tal-Bank huwa kruċjali.

(16) Minkejja l-potenzjal tagħha, is-Slovenja għandha wieħed mill-iktar stokks baxxi ta' investiment dirett barrani fl-UE (34,1 % tal-PDG vs 47,1 % tal-PDG fuq medja fl-UE fl-2012). Waqt li l-privatizzazzjoni u r-ristrutturar korporattiv joffru bosta possibilitajiet ġodda gaħll-investituri privati, hemm evidenza li l-kultura u l-ambjent tan-negozju insuffiċjentament żviluppati jfixklu lis-Slovenja mill-tieħu vantaġġ sħiħ minnhom. Fl-2012 beda proċess ta' deregolamentazzjoni ta' professjonijiet irregolati u sa issa, l-għadd ta' professjonijiet irregolati naqas minn 323 għal 262. Deregulazzjoni ulterjuri ta' professjonijiet irregolati tikkontribwixxi għaż-żieda tal-għadd ta' provdituri ta' servizz domestiċi u barranin u għaldaqstant għall-kompetittività miżjuda. Hemm potenzjal li tiżdied il-koerenza tal-miżuri maħsuba biex itejbu l-ambjent tan-negozju u l-attivitajiet imprenditorjali. F'dan il-kuntest, l-Istrateġija ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti fil-Fondi ta' Investiment u dawk Strutturali Ewropej għall-2014-20 se jipprovdi opportunità biex jiffukaw fuq miżuri ewlenin bħall-ħolqien ta' prodotti kummerċjabbli u innovattivi.

(17) Is-Slovenja qiegħda fl-istadji bikrija li tipprepara proposti ta' riforma tas-settur pubbliku komprensivi (li għandhom ikunu adottati f'Jannar 2015). F'dan il-kuntest, is-Slovenja għandha tirrestawra l-kredibbilità u l-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika. Is-Slovenja għamlet xi progress fit-titjib tal-kwalità tas-sistema ġudizzjarja u naqqset l-għadd ta' każijiet pendenti. Riforma tal-ġestjoni tal-każ fil-ġustizzja kummerċjali u ċivili tejbet il-funzjonament tas-sistema tal-qorti. Bixriet pożittivi riċenti f'każijiet litiġużi ċivili u kummerċjali nżammu.

(18) Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tas-Slovenja. Hija vvalutat il-programm ta' stabbiltà u l-programm nazzjonali ta' riforma. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fis-Slovenja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (8) hawn taħt.

(19) Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tas-Slovenja, u l-opinjoni tiegħu[10] hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt.

(20) Fid-dawl tar-reviżjoni bir-reqqa tal-Kummissjoni u din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Stabbiltà għas-Slovenja. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (8) ta' hawn taħt.

(21) Fil-kuntest tas-semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika fiż-Żona tal-Euro bħala entità sħiħa. Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Is-Slovenja għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovenja tieħu azzjoni fil-perjodu bejn l-2014 u l-2015 biex:

1.           Tirrinforza l-istrateġija baġitarja b'miżuri suffiċjentament speċifikati, għas-sena 2014 u lil hinn biex tiżgura korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv b'manjiera sostenibbli sal-2015 permezz tal-kisba tal-isforz tal-aġġustament strutturali speċifikat fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill fil-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Korrezzjoni durabbli tal-iżbilanċi fiskali teħtieġ implimentazzjoni kredibbli ta' riformi strutturali ambizzjużi biex iżidu l-kapaċità ta' aġġustament u jixprunaw it-tkabbir u l-impjiegi. Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, tfittex li tikseb aġġustament strutturalita' mill-inqas 0,5 % tal-PDG kull sena, u iktar f'kundizzjonijiet ekonomiċi tajba jew li tiżgura li r-regola tad-dejn tkun sodisfatta sabiex id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika jitqiegħed fit-triq tan-niżla. Biex tittejjeb il-kredibbiltà tal-politika fiskali, tlesti l-adozzjoni ta' regola ta' bilanċ/surplus baġitarji tal-amministrazzjoni pubblika f'termini strutturali, tagħmel il-qafas baġtarju fuq terminu medju vinkolanti, kumplessiv u trasparenti, u tistabilixxi l-bażi ġuridika neċessarja għal kunsill fiskali li jiffunzjona billi tiddefinixxi l-mandat tiegħu fil-proċess baġitarju u tintroduċi arranġamenti proċedurali ċari għall-monitoraġġ tar-riżultati baġitarji mill-aktar fis possibbli. Tniedi rieżami komprensiv tan-nefqa li tkopri l-livelli tal-istat u tal-gvern lokali, l-utenti diretti u indiretti tal-baġit u fornituri ta' utilitajiet u servizzi proprjetà tal-muniċipalità fil-qasam tal-kura tas-saħħa sal-aħħar tal-2014 bil-għan li jkun realizzat iffrankar baġitarju fl-2015 u lil hinn.

2.           Abbażi tal-konsultazzjoni pubblika, taqbel ma' miżuri biex jiżguraw is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet wara l-2020, li tinkludi aġġustamenti ta' parametri ewlenin, bħall-irbit tal-età statutorja tal-irtirar maż-żieda fl-istennija tal-ħajja u tinkoraġġixxi kontribuzzjonijiet għat-tieni pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet. Tillimita n-nefqa relatata mal-età fuq il-kura fit-tul billi tindirizza l-benefiċċji lil dawk li l-aktar għandhom bżonn u tiffoka mill-ġdid il-provvediment tal-kura għall-kura fid-dar.

3.           Wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u skont il-prattiki nazzjonali, sa tmiem l-2014 hija għandha tiżvilupp Ftehim Soċjali komprensiv li jiżgura li l-iżviluppi fil-pagi, inkluża l-paga minima, jappoġġaw il-kompetittività, id-domanda domestika u l-ħolqien tax-xogħol. Tiddefinixxi mill-ġdid il-kompożizzjoni tal-paga minima u tirrieżamina s-sistema ta' indiċjar tagħha. Tieħu miżuri biex tnaqqas ulterjorment is-segmentazzjoni notevolment billi tindirizza l-efiċjenza tal-inċentivi għar-reklutaġġ ta' ħaddiema żagħżagħ u dawk iktar maturi u l-użu ta' kuntratti tad-dritt ċivili. Tadotta l-Atta fuq ix-Xogħol tal-Istudenti. Tipprijoritizza l-attivitajiet biex jintlaħqu żagħżagħ mhux irreġistrati billi tiżgura l-kapaċitajiet tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi. Iżżid l-impjieg ta' ħaddiema bi ftit ħiliet u dawk iktar maturi, tadatta l-ambjent tax-xogħol għal ħajja tax-xogħol itwal u tifffoka r-riżorsi fuq miżuri ta' politika attiva fis-suq tax-xogħol tal-qies, waqt li ttejjeb l-effikaċja. Tindirizza n-nuqqas ta’ tlaqqiegħ fil-ħiliet billi ttejjeb l-attrazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u billi tiżviluppa aktar il-kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

4.           Tlesti l-privatizzazzjoni ta' NKBM kif ippjanat fl-2014, tipprepara Abanka għall-privatizzazzjoni fl-2015, tkompli l-implimentazzjoni f'waqtha tal-pjanijiet ta' ristrutturar tal-banek li qed jirċievu għajnuna mill-Istat u l-konsolidazzjoni neċessarja tas-settur bankarju. Abbażi tal-lezzjonijiet li ħarġu mir-rieżami tal-kwalità tal-assi u mit-test tal-istress, tiffinalizza l-pjan ta' azzjoni komprensiv għall-banek f'Awwissu 2014, inklużi miżuri speċifiċi biex ittejjeb il-governanza, is-superviżjoni, il-ġestjoni tar-riskji, il-proċess ta' approvazzjoni tal-krediti u l-kwalità u d-disponibilità tad-dejta. Issaħħaħ il-kapaċità tal-banek li jsolvu self improduttiv billi jsaħħu l-unitajiet interni tal-ġestjoni tal-assi u r-ristrutturar. Tikkjarifika l-mandat tal-Kumpanija Maniġerjali tal-Assi tal-Bank billi tippubblika strateġija ta' ġestjoni komprensiva u pjan tan-negozju sa Settembru 2014, li tispjega fid-dettall r-rwol tagħha fir-ristrutturar tal-assi tagħha, il-miri ta' tifdija, baġits, pjanijiet ta' ġestjoni tal-assi u redditu mistennija, waqt li tiżgura riżorsi adegwati.

5.           Tkompli timplimenta l-privatizzazzjonijiet imħabbra fl-2013 bl-oqfsa taż-żmien stabbiliti. Tadotta strateġija Għas-Slovenian Sovereign Holding bi klassifikazzjoni ċara tal-assi f'konformità mal-iskeda u d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Att tas-Slovenian Holding Act tal-2014. Sa Novembru 2014 timpenja ruħha għal skeda ta' divestiment fuq żmien qasir għal għadd ta' assi mmirati sew bi skala ċara ta' żmien. Tagħmilha kompletament operattiva bħala vejikolu għall-ġestjoni tal-assi li jibqgħu sjieda tal-Istat u għad-divestiment tal-assi mmarkati skont l-atti ta' ġestjoni, fil-qafas ta' żmien stipulat bil-liġi. Sa Settembru 2014, tadotta u timplimenta kodiċi ta' governanza korporattiva għall-intrapriżi li huma proprjetà tal-Istat biex tiżgura ġestjoni professjonali, trasparenti u indipendenti.

6.           Tiffinalizza pjan regolatorju għar-ristrutturar korporattiv sa tmiem l-2014 bi prijoritajiet ċari u proċess ta' implimentazzjoni effettiva. Twaqqaf task force ċentrali u korporattiva għar-ristrutturar li timmonitorja u tikkoordina l-proċess kumplessiv ta' ristrutturar, waqt li tipprovdi l-kompetenza esperta, il-gwida u l-parir neċessarji u tiffaċilita l-proċess ta' negozjar bejn il-partijiet interessati kollha involuti. Tistabbilixxi lista tal-każijiet l-iktar urġenti ta' ristrutturar, waqt li timmassimizza l-valur ta' rkupru tal-kredituri. Tippromwovi l-użu tal-mekkaniżmi legali disponibbli u tal-aħjar prattiki internazzjonali lill-partijiet interessati kollha fil-proċess ta' ristrutturar. Tevalwa bidliet riċenti fil-leġiżlazzjoni dwar l-insolvenza sa Settembru 2014, waqt li tkun lesta li tintroduċi kull miżura addizzjonali neċessarja. Tnaqqas ulterjorment it-tul tal-proċedimenti ġudizzjarji fl-ewwel istanza f'kawżi litiġużi ċivili u kummerċjali inklużi kawżi skont il-leġiżlazzjoni dwar l-insolvenza, u l-għadd ta' kawżi pendenti, partikolarment kawżi ta' infurzar u insolvenza.

7.           Tnaqqas l-ostakoli għan-negozju fis-Slovenja f'oqsma ewlenin għall-iżvilupp ekonomiku biex b'hekk tagħmel il-pajjiż iktar attraenti għall-investiment dirett barrani partikolarment permezz ta' liberalizzazzjoni aċċellerata tal-professjonijiet irregolati, tnaqqis tal-piż amministrattiv inklużi skemi ta' awtorizzazzjoni inqas ingumbranti. Tiżgura awtonomija baġitarja suffiċjenti għall-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u żżid l-indipendenza istituzzjonali tagħha. Tissimplifika l-prijoritajiet u tiżgura konsistenza bejn l-Istrateġija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-2011 u dik tal-Politika Industrijali tal-2013, flimkien mal-istrateġiji li ġejjin dwar l-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti u t-Trasport u tiżgura l-implimentazzjoni f'waqtha u l-valutazzjoni tal-effikaċja tagħhom.

8.           Tieħu miżuri effettivi biex tiġġieled il-korruzzjoni, ittejjeb it-trasparenza u r-responsabbiltà, u tintroduċi evalwazzjoni esterna tal-prestazzjoni u proċeduri tal-kontroll ta' kwalità.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

[3]               COM(2014) 425 finali.

[4]               P7_TA(2014)0128 u P7_TA(2014)0129.

[5]               ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.

[6]               C(2013) 8010 finali.

[7]               COM(2013) 800 finali.

[8]               COM(2013) 790 finali.

[9]               SWD(2014) 88 finali.

[10]             Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1466/97.

Top