EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0417

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Lussemburgu għall-2014 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Lussemburgu għall-2014

/* COM/2014/0417 final */

52014DC0417

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Lussemburgu għall-2014_x000b__x000b_u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Lussemburgu għall-2014 /* COM/2014/0417 final - 2014/ () */


 

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Lussemburgu għall-2014 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Lussemburgu għall-2014

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[3],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1) Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki tal-ekonomija, li tiffoka fuq il-punti ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni sabiex jissaħħaħ il-potenzjal tal-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u kompetittività.

(2) Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi għall-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri, li flimkien jiffurmaw il-"linji gwida integrati". L-Istati Membri kienu mistiedna sabiex jikkunsidraw il-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tagħhom.

(3) Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew Gvern iddeċidew dwar Patt għal Tkabbir u Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni f'livell nazzjonali, dak tal-UE kif ukoll taż-Żona tal-Euro permezz tal-użu tal-għodod, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, b'mod partikolari li tesprimi impenn b'mod sħiħ sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Ewropa 2020 u jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

(4) Fid-9 ta' Lulju 2013, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Lussemburgu għall-2013 u wassal l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Lussemburgu aġġornat għall-2012-2016. Fil-15 ta' Novembru 2013, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 473/2013[4], il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-Lussemburgu għall-2014[5].

(5) Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[6], li jagħti bidu għas-Semestru Ewropew tal-2014 tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fl-istess ġurnata abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[7], li fih hija identifikat lill-Lussemburgu bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq eżami mill-ġdid fil-fond.

(6) Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw stabbiltà finanzjarja, konsolidament fiskali u azzjoni biex jissaħħaħ it-tkabbir. Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jissokta l-konsolidament fiskali differenzjat u favur it-tkabbir, sabiex il-kundizzjonijiet ta' self għall-ekonomija jerġgħu lura għan-normal, jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, jiġu trattati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex l-amministrazzjoni pubblika tiġi mmodernizzata.

(7) Fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tal-eżami mill-ġdid fil-fond tagħha għal-Lussemburgu[8], skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li l-Lussemburgu ma għandhiex żbilanċi makroekonomiċi fis-sens tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku. B'mod partikulari, l-analiżi tal-bilanċ pożittiv fil-kont kurrenti turi li dan mhuwiex ġej minn domanda domestika fjakka, iżda huwa riżultat tal-mudell ta' tkabbir partikulari tal-pajjiżi li huwa bbażat ħafna fuq is-servizzi finanzjarji. Ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja domestika li ġejjin mill-preżenza ta' settur finanzjarju kbir jeżistu iżda huma relattivament miżmuma hekk kif is-settur jiddiversifika u jispeċjalizza fl-istess ħin. Il-livell għoli ta' dejn fis-settur privat, b'mod partikulari fost il-korporazzjonijiet mhux finanzjarji jirrifletti b'mod prinċipali l-preżenza ta' għadd kbir ta' impriżi multinazzjonali li jużaw il-fergħat jew is-sussidjarji tagħhom fil-Lussemburgu għal operazzjonijiet ta' finanzjament intragrupp. Fl-aħħar nett, il-pożizzjoni favorevoli attwali tal-finanzi pubbliċi tiddependi ħafna fuq is-sostenibbiltà ta' mudell ta' tkabbir ibbażat fuq settur finanzjarju ta' suċċess u tippreżenta riskju għas-sostenibbiltà għolja fit-tul.

(8) Fit-28 ta' April 2014, il-Lussemburgu ppreżenta l-programm nazzjonali ta' riforma għall-2014 u fil-25 ta' April 2014 il-programm tiegħu ta' stabbiltà għall-2014. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(9) L-objettiv tal-istrateġija baġitarja tat-terminu medju li huwa enfasizzat fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2014 huwa li jirritorna għall-objettiv ta' terminu medju fl-2016, wara li ddevja minnu b'mod sinifikanti fl-2015. Il-programm jikkonferma l-objettiv ta' terminu medju preċedenti ta' bilanċ favorevoli ta' 0,5 % tal-PDG, li jirrifletti r-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-bilanċ pożittiv strutturali (ikkalkulat mill-ġdid) tal-gvern ġenerali huwa mbassar jonqos minn 1,4 % tal-PDG fl-2013 għal 1,1 % fl-2014, qabel jinbidel f'defiċit ta' 0,1 % tal-PDG fl-2015. Minn hemm 'il quddiem, huwa ppjanat li jinkisbu bilanċi favorevoli strutturali li jikbru gradwalment. Għaldaqstant, il-Lussemburgu huwa mistenni li jibqa' fl-objettiv ta' terminu medju tiegħu fl-2014, iżda li jiddevja b'mod sinifikanti minnu fl-2015. Skont il-programm, ir-rata ta' tkabbir tal-infiq pubbliku, mingħajr il-miżuri diskrezzjonali tal-introjtu, tkun ogħla mir-rata ta' terminu medju ta' referenza tat-tkabbir potenzjali tal-PDG fl-2015. B'mod ġenerali, l-objettivi tal-programm huma parzjalment konformi mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, b'devjazzjoni b'mod partikulari fl-2015. Il-proporzjon tad-dejn, li kien ta' 23,1 % tal-PDG fl-2013, li huwa ħafna taħt is-60 % tal-valur referenzjarju tal-PDG, huwa mbassar li jkompli jonqos matul il-perjodu tal-programm. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed it-tbassir baġitarju fil-programm, li ġie ppreparat minn korp indipendenti (STATEC), huwa kemxejn ottimist għall-2014 u l-2015. Il-gvern ibassar rata ta' tkabbir tal-PDG ta' 3,2 % kemm fl-2014 kif ukoll fl-2015, filwaqt li t-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2014 ibassar 2,6 % u 2,7 % rispettivament. Barra minn hekk, il-miżuri li jirfdu l-mixja fiskali għall-perjodu 2015-18 għadhom ma ġews kompletament speċifikati mill-awtoritajiet. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni, li ma jiħux inkonsiderazzjoni l-aktar miżuri mħabbra riċentement, il-bilanċ favorevoli strutturali huwa stmat li jonqos għal 0,6 % tal-PDG fl-2014 u jinbidel f'defiċit ta' 1,3 % tal-PDG fl-2015. Ir-rata ta' tkabbir tal-infiq pubbliku, mingħajr il-miżuri diskrezzjonali tal-introjtu, hija stmata li tkun ogħla mir-rata ta' terminu medju ta' referenza tal-PDG potenzjali fl-2015, meta tkun mistennija devjazzjoni sinifikanti. Abbażi tal-valutazzjoni tagħha tal-Programm ta' Stabbiltà tal-2014 u t-tbassir tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li hemm riskji għall-ksib tal-miri tal-programm, li huma biss parzjalment konformi mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, b'mod partikulari mill-2015.

(10) F'Lulju 2013 il-gvern ippreżenta abbozz ta' liġi lill-parlament dwar it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 85/2011 dwar oqfsa baġitarji u t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Filwaqt li l-abbozz ta' liġi huwa mistenni li jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014, l-adozzjoni tiegħu ġiet posposta minħabba r-riżenja tal-gvern f'Lulju. Skont l-abbozz ta' liġi, Liġi ta' Programm Finanzjarju Multiannwali tiġi introdotta li tkopri l-istess perjodu ta' żmien bħall-aġġornament li ġej tal-programm ta' Stabbiltà. Il-Liġi ta' Programm Finanzjarju Multiannwali tiġi aġġornata annwalment kontinwament, flimkien mal-baġit annwali. Hija tagħti dettalji dwar pjanijiet biex jinkiseb l-objettiv baġitarju ta' terminu medju fil-livell tal-gvern ġenerali. L-abbozz ta' liġi jintroduċi livelli massimi Multiannwali fil-Liġi ta' Programm Finanzjarju Multiannwali li jkopri s-settur tal-gvern ċentrali biss, iżda ma hemm l-ebda speċifikazzjoni dwar il-konsegwenzi f'każ li jinqabżu l-livelli massimi. L-abbozz ta' liġi ma jbassarx regola nazzjonali tal-infiq li tiggwida t-twaqqif ta' miri multiannwali tal-infiq. Madankollu, huwa għandu dispożizzjonijiet għall-pjan ta' aġġustament biex jiġi rispettat l-objettiv ta' terminu medju. F'Marzu 2014 ġie ppreżentat abbozz rivedut tal-liġi lill-Parlament, u fost affarijiet oħrajn jipprevedi l-allokazzjoni tal-kompitu għall-monitoraġġ indipendenti ta' regoli fiskali għal istituzzjoni ġdida, il-"Conseil National des Finances Publiques".

(11) Barra minn hekk, id-dħul mit-taxxa se jintlaqat mir-regoli l-ġodda dwar id-dħul mill-VAT iġġenerat minn attivitajiet tal-kummerċ elettroniku. Mill-2015, tali dħul se jiġi trasferit mill-pajjiż fejn jinsab il-fornitur lejn dak tar-residenza tal-klijent. Il-gvern ħabbar li r-rati tal-VAT se jiżdiedu b'2 pps, u dan għandu parzjalment jikkompensa għat-telf mid-dħul. Madankollu, minħabba l-użu mifrux ta' rati mnaqqsa u mnaqqsa ħafna, jista' jsir dħul addizzjonali billi tiġi estiża l-applikazzjoni tar-rata standard u b'hekk tikkumpensa aktar għat-telf imsemmi hawn fuq.

(12) In-nefqa pubblika tal-pensjonijiet bħala proporzjon tal-PDG fil-Lussemburgu għandha tiżdied, skont il-figuri tar-Rapport tal-2012 tal-Kummissjoni dwar it-Tixjiħ, minn 9,2 % tal-PDG għal 18,6 % fl-2060. Dan huwa l-aktar minħabba l-infiq relatat mat-tixjiħ u b'mod partikulari l-pensjonijiet. Ir-riforma tal-pensjonijiet tal-2012 kienet limitata fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha u ma indirizzatx b'mod sostanzjali t-theddida tas-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Il-finanzjament ta' terminu qasir tas-sistema tal-pensjonijiet bħalissa huwa garantit minn proporzjon baxx ta' dipendenza tal-età avvanzata u jserraħ fuq il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-popolazzjoni relattivament żagħżugħa tal-ħaddiema transfruntiera. Fil-futur, din it-tendenza hija mistennija li tinbidel u l-kostijiet tal-pensjonijiet, kif ukoll il-kostijiet tal-kura fit-tul, probabbilment se jiżdiedu b'mod sostanzjali. Sabiex tiġi garantita l-vijabbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet, teħtieġ żieda sostanzjali fir-rata tal-kontribuzzjonijiet wara l-2020, barra mill-moderazzjoni integrata tal-adattament tal-pensjonijiet għal-livell ta' għajxien. Dan ifisser żieda sinifikanti fil-piż fuq ix-xogħol appoġġat mill-popolazzjoni attiva futura u konsegwentement tnaqqis fil-kompetittività tal-kostijiet. Minħabba l-livell attwalment għoli tar-rata ta' sostituzzjoni, setgħu ttieħdu xi miżuri differenti sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni aktar ġusta tal-piż fost il-ġenerazzjonijiet. L-introduzzjoni ta' limitu massimu fuq l-aġġustamenti tal-pensjonijiet abbażi ta' żidiet reali fil-pagi jżid ir-riżervi tal-pensjonijiet. Barra minn hekk, iż-żieda fl-età ta' rtirar effettiv, li bħalissa hija l-età ta' 59 sena, billi tiġi allinjata mal-bidla fl-istennija tal-għomor, tgħin sabiex tiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet. Barra minn hekk, il-possibilitajiet għal irtirar bikri għandhom jitnaqqsu. L-inċentivi finanzjarji sabiex jittawlu l-karrieri tax-xogħol, kif previst fir-riforma tal-pensjonijiet, jistgħu jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet, iżda l-impjegabbiltà tal-ħaddiema akbar fl-età għandha tkompli tittejjeb billi tissaħħaħ l-edukazzjoni vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja. Jeħtieġ li l-Lussemburgu jrażżan il-ħtieġa futura għal kura fit-tul, u l-kostijiet relatati magħha, sabiex jiżgura s-sostenibbiltà tagħha. Is-servizzi tal-kura fit-tul jistgħu wkoll isiru aktar kosteffiċjenti billi tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn il-kura tas-saħħa u l-kura soċjali, jittejjeb it-twassil tas-servizzi u jiġu appoġġati aħjar dawk li jieħdu ħsieb il-familji.

(13) Il-bilanċ favorevoli tal-kont kurrenti tal-Lussemburgu huwa mmexxi mis-servizzi finanzjarji u jaħbi defiċit persistenti u li gradwalment jiżdied fil-bilanċ kummerċjali għall-oġġetti, li ġej minn tkabbir bil-mod fl-esportazzjoni. Filwaqt li din it-tendenza tirrifletti l-importanza li dejjem tiżdied tas-settur tas-servizzi fl-ekonomija, hija wkoll minħabba telf aktar strutturali tal-kompetittività fil-kostijiet. Iż-żieda stabbli riċenti fil-kost ta' unità lavorattiva dgħajfet il-kompetittività tan-nisġa industrijali tal-Lussemburgu. Il-modulazzjoni tal-mekkaniżmu ta' indiċjar tal-pagi adottata mill-gvern fl-2012 se tintemm sa tmiem l-2014. Filwaqt li jistgħu jiġu esplorati diversi mogħdijiet, huwa importanti li l-pagi jintrabtu aktar mill-qrib mal-produttività permezz ta' riforma tas-sistema tal-indiċjar tal-pagi, li tippermetti differenzazzjoni settorjali. Id-dipendenza kbira fuq is-settur finanzjarju tirrappreżenta riskju settorjali għall-ekonomija tal-Lussemburgu. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-Lussemburgu jiffoka fuq l-iżvilupp ta' impriżi speċjalizzati ħafna bħala xprun għat-tkabbir immexxi mill-innovazzjoni. Filwaqt li t-tkabbir tal-intensità tar-R&Ż fis-settur pubbliku b'erba' darbiet mill-2000 jirrifletti r-riżoluzzjoni li jinbnew il-kapaċitajiet tar-riċerka pubblika, il-Lussemburgu ma jinsabx fit-triq it-tajba biex jintlaħaq l-objettiv tal-intensità tar-R&Ż għall-2020 tiegħu ta' 2,3 - 2,6 % tal-PDG minħabba t-tnaqqis f'salt fl-intensità tan-negozju tar- tar-R&Ż (minn 1,53 % tal-PDG fis-sena 2000 għal 1 % fl-2012). Il-prestazzjoni tiegħu fuq l-indikaturi dwar il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta' riċerka pubblika u l-impriżi għandha tittejjeb aktar. Għandha tiġi segwita r-riforma mnedija fl-2013 dwar ir-rinfurzar tar-ragruppament tal-innovazzjoni.

(14) Għalkemm ġew adottati diversi miżuri, il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa għoli b'mod persistenti, u huwa 17,4 % tal-popolazzjoni attiva fl-2013, għalkemm niżel minn 18 % fl-2012. Huwa jiddependi ħafna fuq il-livell edukattiv u huwa aktar baxx fost dawk li laħqu livell edukattiv ogħla. Is-sistema edukattiva tal-Lussemburgu tħabbat wiċċha ma' għadd ta' sfidi speċifiċi, bħall-multilingwiżmu u l-ħiliet speċifiċi meħtieġa minn suq tax-xogħol speċjalizzat ħafna b'settur finanzjarju kbir. Ir-riżultati tal-istħarriġ dwar il-ħiliet tal-istudenti tal-OECD fl-2012 ikkonfermaw li jeħtieġu aktar miżuri biex jikkontrobattu l-prestazzjoni relattivament dgħajfa taż-żgħażagħ fil-ħiliet bażiċi, kif ġie osservat mill-2006. F'dan ir-rigward, għandhom jiġu segwiti r-riformi fl-iskejjel primarji u sekondarji. Barra minn hekk, il-kwalità u l-attrattività tat-taħriġ vokazzjonali u edukattiv għandhom jittejbu aktar sabiex jipprovdu s-suq tax-xogħol b'forza tax-xogħol ikkwalifikata, inkluż b'mod partikulari nies bi sfond ta' migrazzjoni. It-tfassil tas-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji jinsab fil-bidu ta' diffikultajiet kbar ħafna fis-suq tax-xogħol, fost l-ogħla fl-UE, għal-livelli kollha tal-pagi u l-kompożizzjonijiet tal-familji. Barra minn hekk, minkejja sforzi riċenti għar-riforma, il-politiki ta' attivazzjoni għadhom dgħajfa; il-parteċipazzjoni fil-politiki attivi fis-suq tax-xogħol ma hija obbligatorja fl-ebda punt matul il-perjodu tal-qgħad, u ma hemm l-ebda rekwiżit li wieħed ikompli jfittex impjieg filwaqt li jipparteċipa f'politiki attivi fis-suq tax-xogħol.

(15) Il-Lussemburgu huwa impenjat li jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gass serra fis-setturi mhux tal-ETS b'20 % fl-2020, iżda huwa mistenni li ma jilħaqx din il-mira bi 23 punt perċentwali. Barra minn hekk, l-emissjonijiet tal-2013 huma mistennija li jkunu 1 % ogħla mill-mira stabbilita għall-2013 fid-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforz. Madwar 70 % tal-emissjonijiet relatati mat-trasport huma relatati mal-esportazzjonijiet tal-fjuwil, fost l-oħrajn ta' dazji tas-sisa baxxi ħafna fuq il-fjuwil. Ir-rikonoxximent tal-esportazzjoni tal-fjuwil bħala sfida ewlenija fit-tieni Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar il-Klima ġie adottat f'Mejju 2013 bħala pass 'il quddiem. Madankollu, jeħtieġu miżuri aktar speċifiċi u fit-tul biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni. It-tassazzjoni ambjentali kienet responsabbli għal 2,4 % tal-PDG fl-2012, filwaqt li fl-2004 kienet responsabbli għal 3,1 %. Dan it-tnaqqis huwa riżultat b'mod partikulari għad-dħul fiskali tal-enerġija influwenzat min-nuqqas tal-indiċjar fuq it-taxxi tal-enerġija. It-taxxi tat-trasport, eskluż il-fjuwil, irrappreżenta 0,2 % tal-PDG fl-2012. It-taxxi tal-fjuwil użat għat-trasport huma għoljin bi 2,2 % tal-PDG, minkejja t-trattament preferenzjali tat-taxxa tad-diżil, l-aktar minħabba "t-turiżmu għall-pompa tal-fjuwil". Bit-tassazzjoni ambjentali li hija responsabbli għal-proporzjon anqas mill-medja tad-dħul totali mit-taxxa, it-tfassil tat-taxxi ambjentali tiegħu jistgħu jittejbu, b'mod partikulari billi tiżdied it-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija għat-trasport.

(16) Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Lussemburgu. Hija vvalutat il-programm ta' stabbiltà u l-programm tar-riforma nazzjonali. Hija ma qisitx biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Lussemburgu, iżda anki l-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (5) hawn taħt.

(17) Abbażi ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta’ stabbiltà tal-Lussemburgu, u l-opinjoni tiegħu[9] tidher b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt.

(18) Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għamlet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro kollha kemm hi. Abbażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-Lussemburgu għandu jiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Lussemburgu jieħu azzjoni fil-perjodu 2014-2015 biex:

1.           Jippreżerva pożizzjoni fiskali b'saħħitha fl-2014; isaħħaħ b'mod sinifikanti l-istrateġija baġitarja fl-2015 sabiex jiżgura li l-objettiv ta' terminu medju jintlaħaq u jibqa' fl-objettiv ta' terminu medju minn hemm 'il quddiem, sabiex jipproteġi s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, b'mod partikulari billi jqis l-obbligazzjonijiet impliċiti relatati mat-tixjiħ. Isaħħaħ il-governanza fiskali billi jħaffef l-adozzjoni ta' qafas baġitarju fuq perjodu medju li jkopri l-amministrazzjoni pubblika u jinkludi limiti massimi pluriennali ta' nfiq, u billi jistabbilixxi l-monitoraġġ indipendenti tar-regoli fiskali. Ikompli jwessa' l-bażi tat-taxxa, speċjalment fuq il-konsum.

2.           Fid-dawl tal-iżgurar tas-sostenibbiltà fiskali, irażżan in-nefqa relatata mal-età billi jagħmel il-kura fit-tul aktar kosteffettiva, isegwi r-riforma tal-pensjonijiet sabiex tiżdied l-età ta' rtirar effettiv, inkluż billi jillimita l-irtirar bikri u jorbot l-età statutorja tal-irtirar mal-istennija tal-għomor. Isaħħaħ l-isforzi sabiex iżid ir-rata tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema li huma akbar fl-età inkluż billi jtejjeb l-impjegabbiltà tagħhom permezz tat-tagħlim tul il-ħajja.

3.           Iħaffef l-adozzjoni tal-miżuri strutturali, f'konsultazzjoni mas-sieħba soċjali u skont il-prattiki nazzjonali, sabiex jirriforma s-sistema tal-indiċjar tal-pagi bil-ħsieb li jittejjeb ir-rispons tal-pagi għall-iżviluppi tal-produttività, speċjalment fil-livell settorjali. Isegwi d-diversifikazzjoni tal-istruttura tal-ekonomija, fosthom billi jinkoraġġixxi l-investiment privat fir-riċerka u jkompli jiżviluppa l-kooperazzjoni bejn ir-riċerka pubblika u l-impriżi.

4.           Isegwi l-isforzi biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ għal persuni li jfittxu impjieg b'ħiliet baxxi bi sfond ta' migrazzjoni, permezz ta' strateġija koerenti, fosthom billi jkompli jittejjeb it-tfassil u l-monitoraġġ ta' politiki attivi fis-suq tax-xogħol, li jindirizzaw in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet, u jnaqqsu d-diżinċentivi finanzjarji għax-xogħol. Għal dan il-għan, iħaffef l-implimentazzjoni tar-riforma tal-edukazzjoni u t-taħriġ ġenerali u vokazzjonali sabiex il-ħiliet taż-żgħażagħ jitqabblu aħjar mad-domanda għall-ħaddiema.

5.           Jiżviluppa l-qafas komprensiv u jieħu miżuri konkreti sabiex jilħaq l-għan tal-2020 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra minn attivitajiet mhux tal-ETS, speċjalment tat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija għat-trasport.

Done at Brussels,

                                                                       For the Council

                                                                       The President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               COM(2014) 417 finali.

[3]               P7_TA(2014)0128 u P7_TA(2014)0129.

[4]               ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.

[5]               C(2013) 8006 finali.

[6]               COM(2013) 800 finali.

[7]               COM(2013) 790 finali.

[8]               SWD(2014) 84 finali.

[9]               Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

Top