EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0408

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2014 tal-Irlanda u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Irlanda tal-2014

/* COM/2014/0408 final */

52014DC0408

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2014 tal-Irlanda u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Irlanda tal-2014 /* COM/2014/0408 final */


 

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2014 tal-Irlanda u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Irlanda tal-2014

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2], u partikolarment l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[3],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[4],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1) Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tkun varata strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

(2) Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi, li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-ekonomija u tal-impjiegi.

(3) Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern iddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għall-azzjoni fuq il-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-Żona tal-Euro bl-użu tal-għodod, strumenti u politiki kollha. Huma ddeċidew fuq azzjoni li għandha tittieħed fuq il-livell tal-Istati Membri, fejn b'mod partikolari esprimew l-impenn sħiħ tagħhom biex jiksbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

(4) L-Irlanda kienet suġġetta għal programm ta' aġġustament makroekonomiku sa Diċembru 2013. Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 hija kienet għalhekk eżenti mill-monitoraġġ u l-valutazzjoni tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għad-durata ta' dan il-programm. Fid-dawl tat-tlestija b'suċċess tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku, l-Irlanda għandha issa tkun integrata bis-sħiħ fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

(5) Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[5], fil-bidu tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-2014. Fl-istess jum abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[6].

(6) Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet biex jiġu żgurati l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni biex jitrawwem it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li tkun segwita konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir, li jerġgħu jinġiebu l-kundizzjonijiet normali għas-self fl-ekonomija, li jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, li jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u li tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(7) Fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni ppublikat ir-riżultati tal-analiżi fil-fond tagħha għall-Irlanda[7], skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 u li jqis it-tlestija b'suċċess tal-programm Irlandiż ta' aġġustament ekonomiku u għaldaqstant il-fatt li l-Irlanda għandha issa tkun kompletament integrata fil-qafas tas-Semestru Ewropew. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li l-programm Irlandiż ta' aġġustament makroekonomiku li tlesta riċentament kien strumentali għall-ġestjoni tar-riskji ekonomiċi u għat-tnaqqsi tal-iżbilanċi. Madankollu, l-iżbilanċi makroekomiċi li jifdal jeħtieġu monitoraġġ speċifiku u azzjoni politika deċisiva. B'mod partikolari, l-iżviluppi fis-settur finanzjarju, id-dejn tas-settur privat u dak pubbliku, u marbut ma' dan, l-obbligi esterni netti u s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol ifissru li għad hemm rsikji preżenti.

(8) Fis-17 ta' April 2014, l-Irlanda ppreżentat il-programm nazzjonali ta' riforma tagħha tal-2014 u fid-29 ta' April 2014 il-programm ta' stabbiltà tal-2014 tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi kienu vvalutati fl-istess waqt.

(9) L-objettivi prinċipali tal-istrateġija baġitarja spjegati fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2014 huma li d-defiċit eċċessiv ikun korrett dal-2015, u li l-objettiv tat-terminu medju jintlaħaq sal-2018. Il-programm jimmira għal defiċit taħt it-3 % tal-PDG sal-2015, f''konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Il-programm jikkonferma l-objettiv fuq terminu medju ta' pożizzjoni baġitarja bbilanċjata f'termini strutturali, li huwa konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Wara l-2015, il-programm jistabbilixxi tnaqqis fid-defiċit nominali fiskali ta' madawar 1 pp tal-PDG fis-sena fl-2016–2018. Huwa għandu l-għan li jnaqqas id-dejn minn kważi 124 % tal-PDG fl-2013 għal 107 % tal-PDG fl-2018. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-programm huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu konformi mal-previżjonijiet tal-Kummissjoni għall-2014 u l-2015, b'xi differenzi fil-kontribuzzjonijiet tal-komponenti tat-talba. Huwa kien endorsjat minn korp indipendneti (il-Kunsill Irlandiz ta' Konsulenza Fiskali). Madankollu, il-previżjonijiet tal-awtoritajiet għall-aħħar snin tal-programm huma ottimisti. Barra minn hekk, il-kisba tal-miri baġitarji mhiex appoġġata minn miżuri suffeċjentament dettaljati fl-2015. B'riżultat ta' dan il-previżjoni tad-defiċit tal-Kummissjoni għall-2015 huwa ogħla mill-mira rrakkomandata mill-Kunsill. Abbażi tal-valutazzjoni tal- programm u l-previżjoni tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-miri tal-programm huma konsistenti mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, iżda jeħtieġ li jkunu appoġġati minn miżuri speċifiċi mill-2015 'il quddiem. Saru passi sinifikanti 'l quddiem biex jittejbu aspetti importanti tal-qafas fiskali Irlandiż u l-kwalità d-dispożizzjoni f'waqtha tad-dejta. Madankollu, pjanijiet baġitarji fuq it-terminu medju mhumiex appoġġati minn miżuri ta' aġġustament speċifikati sew u huma suġġetti għal reviżjonijiet meta jsiru d-deċiżjonijiet baġitarji annwali. Il-limiti massimi tan-nefqa fuq żmien medju mhumiex suffiċjentament limitati minn aġġustamenti speċifċi legalment vinkolanti.

(10) Riformi tat-taxxa kkontribwixxew għall-aġġustament fiskali, iżda għad hemm lok fejn isir titjib fl-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa u biex din tiffavorixxi aktar it-tkabbir. It-tassazzjoni fuq il-proprjetà kient mibdula minn taxxa ta' tranżazzjoni għal waħda rikurrenti bbażata fuq il-valuri tal-proprjetà residenzjali, iżda l-bażi tat-taxxa għadu relativament limitat hekk kif ċerti proprjetajiet jibqgħu barra mix-xibka tat-taxxa. It-tassazzjoni fuq ix-xogħol hija frammentata u kumplessa; u l-bażijiet tat-taxxa fuq il-konsum u t-taxxi ambjentali huma limitati minħabba rati mnaqqsa u eżenzjonijiet, waqt li tali taxxi huma aktar favorevoli għat-tkabbir. Rati tal-VAT ta' żero jew imnaqqsa jirriżultaw f'effiċjenza tal-VAT taħt il-medja tal-UE. Rati mnaqqsa tal-VAT huwa użati ħafna biex jinkisbu objettivi ta' ridistribuzzjoni minkejja li mhumiex għodda ta' politika effiċjenti u mmirata kif xieraq biex ikunu protetti gruppi vulnerabbli. Hemm skop li tkun imtejba l-effikaċja tal-istrumenti tat-taxxa ambjentali u jitneħħew sussidji danneġġużi għal-ambjent.

(11) Minkejja li l-Irlanda għandha popolazzjoni relattivament żagħżugħa, in-nefqa pubblika fuq is-saħħa kienet fost l-ogħla fl-Ewropa fl-2012 bi 8,7 % tal-ING, ogħla b'mod sinifikanti mill-medja ta' 7,3 % tal-UE. Fid-dawl tad-diffikultajiet kurrenti fil-ġestjoni tal-baġit għas-saħħa, il-pressjonijiet demografijċi mistennija minħabba fit-tixjiħ tal-popolazzjoni fissru li l-livelli tas-servizzi kurrenti jistgħu jinżammu biss jekk jinkisbu gwadanni fil-valura għall-flus matul it-terminu medju u twil. Iż-żieda fin-nefqa relatata mas-saħħa sal-2060 minhħabba fi pressjonijiet demografiċi hija proġettata għal 1,2 punti perċentwali tal-PDG. L-isfidi għas-settur tas-saħħa għadhom bosta aspetti. Is-sistemi u l-proċessi tal-ġestjoni finanzjarja u dawk kontabilistiċi huma frammentati mal-fornituri tal-kura tas-saħħa. Dan jikkawża dewmien u ostakoli fil-ġbir u l-ipproċessar tal-informazzjoni. Dan ifixkel ukoll il-monitoraġġ tan-nefqa fuq is-saħħa u l-isforzi biex jinkiseb il-valur għall-flus u allokazzjoni xierqa tar-riżorsi. Il-livell għoli ta' nefqa farmaċewtika huwa sfida oħra, bin-nefqa fuq il-mediċina għall-pazjenti esterni li hi komparattivament ogħla.

(12) L-Irlanda tiffaċċa sfidi relatati mal-qgħad, partikolarment qgħad fit-tul u taż-żagħżagħ, u għad hemm popolazzjoni kbira fl-età tax-xogħol b'ħiliet baxxi, li tirriżulta f'inugwaljanza u nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet. Il-qgħad fit-tul waqa' gradwalment bl-irranġar tas-suq tax-xogħol, iżda għadu għoli u qed ikompli jiżdied bħala proprzjoni tal-qgħad kumplessiv, li jirrapreżenta iktar minn 61 % tat-total fi tmiem l-2013. Ir-rata ta' qgħad fost iż-żagħżagħ laħqet il-quċċata fuq it-30 % lejn l-aħħar tal-2012 u l-bidu tal-2013. Addizzjonalment, il-proporzjon ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ żdied bi tmin punti perċentwali bejn l-2007 u l-2012 għal 18,7 % qabel ma beda jbatti għal 16,1 % iżda għadu fost l-ogħla fl-UE. Hemm il-ħtieġa li ż-żgħażagħ kollha jkunu koperti f'perjodu ta' erba' xhur, f'konformità mal-objettivi tal-garanzija għaż-żgħażagħ. Nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet ħarġu bl-ibbilanċjar mill-ġdid tal-ekonomija, biex b'hekk il-bidla fil-ħiliet u t-titjib tal-ħiliet saru sfida għas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Addizzjonalment, il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja hija inqas mill-medja tal-UE (7,3 % meta mqabbla mal-10,7 % fl-2013).

(13) L-Irlanda għandha waħda mill-ogħla proporzjonijiet ta' nies li jgħixu f'unitajiet domestiċi b'intensità baxxa ta' xogħol fl-UE, li toħloq sfidi soċjali serji. Il-proprzjoni kien ogħla mill-medja tal-UE qabel il-kriżi u tela' minn 14,3 % fl-2007 għal 24,2 % fl-2011. Intensità tax-xogħol baxxa hija partikolarment gravi fost unitajiet domestiki b'ġenitur wieħed bit-tfal. Dan ikkontribwixxa għal riskju dejjem jikber ta' faqar jew esklużjoni soċjali tat-tfal fl-Irlanda u jiggrava l-kwistjoni tal-parteċipazzjoni inugwali tan-nisa fis-suq tax-xogħol li kienet ta' 67,2 % fl-2013, meta mqabbla ma' 83,4 % għall-irġiel. B'riżultat ta' dan, l-attenzjoni daret fuq l-aċċess għall-indukrar tat-tfal u l-affordabilità tiegħu, ostakolu sinifikanti għall-ġenituri li jsibu impjieg u jevitaw ir-riskju tal-faqar. Is-suq tax-xogħol huwa effettwat ukoll minn lakuni ta' nasses tal-qgħad. L-istruttura fissa tal-benefiċċji tal-qgħad fis-sistema tal-Benefiċċju għal min ifittex impjieg u dik ta' Allokazzjoni għal min ifittex impjiegi, id-durata bla limitu tal-allokazzjoni għal min ifittex impjieg u t-telf ta' ħlasijiet supplementari (partikolarment is-supliment tal-kera u l-karti mediċi) mar-ritorn għall-impjieg jissarrfu f'rati ta' sostituzzjoni relattivament għoljin għal dawk qiegħed fit-tul b'potenzjal ta' introjtu baxx u kategoriji oħra ta' ħaddiema skont iċ-ċirkostanzi familjari.

(14) Is-self lil SMEs għadu dgħajef, u jirrifletti taħlita ta' talba għall-kreditu mnaqqsa u limiti fuq il-forniment, minħabba li l-SMEs ikomplu jkunu affettwati minn ingranaġġ eċċessiv u domanda domestika dgħajfa waqt li l-banek jeħtieġ li jagħmlu progress ulterjuri fil-kisba ta' riżoluzzjonijiet sostenibbli fil-kotba tagħhom ta' self improduttiv lil SMEs. L-aħħar stħarriġ RED C jindika li, mill-40 % tal-SMEs li talbu kreditu mill-bank bejn Ottubru 2012 u Marzu 2013, 19 % kienu rrifjutatati self. L-Uffiċju tal-Analiżi tal-Kreditu kien stabbilit fi tmiem l-2009 biex jaġixxi ta' medjatur bejni l-mutwanti u l-SMEs mutwatarji prospettivi li kienu rrifjutati l-kreditu. Minkejja li pożittiv, l-impatt tal-Uffiċċju tal-Analiżi tal-Kreditu jidher li, sal-lum, kien pjuttost limitat, parzjalment minħabba li l-għadd ta' appelli kien pjuttost żgħir. L-SMEs joqogħdu ħafna fuq il-finanzjament bankarju għall-investiment, u sorsi mhux bankarji ta' finanzi huwa relattivament sottożviluppati, minkejja li xi alternattivi, inklużi fondi ta' self, qegħdin fil-preżent ikunu eżaminati. Madankollu, hekk kif l-irkupru qed jaqbad ritmu mgħaġġel u hekk kif id-domanda domestika tirkupra, limitazzjonijiet fil-forniment x'aktarx jiżdiedu sakemm il-kanali tal-kreditu ma jissewwewx b'mod adegwat, li huwa kruċjali għall-perspettiva ta' tkabbir. Skemi ddedikati u fondi ddaħlu fis-seħħ biex itejbu l-aċċess għal finanzjament għall-SMEs, bħall-Iskema ta' Garanzija għall-Kreditu, l-Iskema ta' Fond għas-Self lil Mikrointrapriċi, tliet fond għall-SMEs li twaqqfu, iżda sa issa l-użu tagħhom kien baxx.

(15) Minkejja r-riformi fis-settur bankarju li saru fil-programm ta' assistenza finanzjarja li tlesta riċentament, għad baqa' sfidi sinifikanti. dawn l-isfidi kienu analizzati fid-dettal fl-analiżi profonda tal-Irlanda mill-Kummissjoni għall-2014. Is-self improduttiv kien jirrappreżanta kważi 27 % tat-total sa minn Ġunju 2013 għat-tliet banek domestiċi prinċipali. Id-dejn fis-settur privat għadu fost l-ogħla fl-UE minkejja t-tnaqqis fl-ingranaġġ riċenti u dan għadu ta' riskju għall-istabbiltà finanzjarja u ta' piż fuq l-ekonomija. It-tnaqqis fl-ingranaġġ tal-unitajiet domestiċi u l-SMEs mhux lest, u t-tiswija tal-karta bilanċjali tal-banek u l-SMEs hija kritika għar-restawr tal-kanali tal-kreditu. Is-self bankarju kompla nieżel u s-settur bankarju qed ikollu diffikultà bil-profittabbiltà, parzjalment minħabba l-għadd għoli ta' self ipotekarju indiċizzat (assi legati b'rendiment baxx) fuq il-karta bilanċjali bankarji.

(16) Il-kost biex ikunu infurzati l-kuntratti huwa għoli. It-tariffi tal-avukati jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira ta' dawn il-kostijiet, bi 18,8 pp u kostijiet għolja għas-servizzi legali jaffettwaw l-istruttura tal-kost tan-negozji kollha, inklużi l-SMEs. Addizzjonalment, għall-kuntrarju ta' servizzi professjonali oħra, il-kostijiet tas-servizzi legali naqsu milli jaġġustaw 'l isfel minn meta bdiet il-kriżi, parzjalment minħabba kompetizzjoni insuffiċenti. L-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jintroduċu riformi fis-settur tas-sevizzi legali bħala parti mill-programm ta' aġġustament makroekonomiku. Huma ppubblikaw Abbozz ta' Liġi dwar Regolament għas-Servizzi Legali fl-2011, li għad irid jidħol fis-seħħ. Ir-riżorsi ġudizzjarji u dawk tal-amministrazzjoni tal-qorti biex tkun implimentata l-ġestjoni attiva tal-kawża qabel il-proċess huma limitati ħafna, li jista' jkun li qed tikkontribwixxi għal dewmien fit-twettiq tal-ġustizzja u żżid il-kostijiet. Addizzjonalment, hemm lakuni sinifikanti fl-abbiltà tal-Irlanda li tiġbor dejta dwar il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja.

(17) Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Irlanda. Hija vvalutat il-programm ta' stabbiltà u l-programm nazzjonali ta' riforma. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Irlanda imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (7) hawn taħt.

(18) Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-Irlanda u l-opinjoni tiegħu[8] hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2) ta' hawn taħt.

(19) Fid-dawl tar-reviżjoni bir-reqqa tal-Kummissjoni u din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Stabbiltà għas-Slovenja. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (3), (5) u (6) ta' hawn taħt,

(20) Fil-kuntest tas-semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika fiż-Żona tal-Euro bħala entità sħiħa. Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. L-Irlanda għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Irlanda tieħu azzjoni fil-perjodu 2014-2015 biex:

1.           Timplimenta bis-sħiħħ il-baġit tal-2014 u tiżgura l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv b'mod sostenibbli sal-2015 billi tirfed l-istrateġija baġitarja b'miżuri strutturali addizzjonali waqt li tikseb l-isforz tal-aġġustament strutturalo speċifikat fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill fil-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, tfittex li tikseb aġġustament strutturali lejn l-objettiv fuq żmien medju ta' mill-inqas 0,5 % tal-PDG kull sena, u iktar f'kundizzjonijiet ekonomiċi tajba jew jekk meħtieġ li tiżgura li r-regola tad-dejn tkun sodisfatta sabiex id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika jitqiegħed fit-triq tan-niżla. Ittejjeb il-kredibibiltà tal-istrateġija tal-aġġustament fiskali, timplimenta b'mod effettiv l-ippjanar baġitarji pluriennali u tiddefinixxi miżuri baġitarji wiesa' li huma sottostanti għall-miri fiskali fuq żmein medju. Tagħmel il-limitu massimu tan-nefqa tal-gvern iktar vinkolanti billi tillimita l-kamp ta' applikazzjoni statuorju tal-bidlliet diskrezzjonali. Tappoġġa l-konsolidazzjoni fiskali, waqt li tikkunsidra li żżid id-dħul permezz tat-twessigħ tal-bażi tat-taxxa. Ittejjb it-tkabbir tas-sistema fiskali waqt li tara li din tiffavorixxi iktar l-ambjent.

2.           Tavvanza r-riforma tas-settur tal-kura tas-saħħa li bdiet fil-qafas strateġiku tas-Saħħa Futura biex iżżid il-kosteffettività. Tfittex li ssegwi miżuri addizzjonali biex tnaqqas l-infiq farmaċewtiku, anki permezz ta' eżerċizzju aktar frekwenti ta' riallinjament tal-prezzijiet għall-mediċini brevettati, penetrazzjoni ikbar tal-mediċina ġenerika u prassi mtejba tal-preskrizzjonijiet. Tirriforma s-sistemi tal-ġestjoni finanzjarja tal-awtorità nazzjoanli tas-saħħa biex tissimplifika s-sistemi mal-fornituri kollha u tappoġġa ġestjoni aħjar tal-pretensjonijiet. Tvara identifikaturi individwali tas-saħħa minn Jannar 2015.

3.           Tfittex li tikseb titjib ulterjuri fil-politiki attivi fis-suq tax-xogħol, b'iffukar partikolari fuq il-qgħad fit-tul, dawk b'ħiliet baxxi u, skont l-objettivi tal-garanzija għaż-żgħażagħ, iż-żagħżagħ. Tavvanza r-riforma li tinsab għaddejja tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ avvanzata (FET - Further Education and Training), l-iskemi ta' appoġġ għall-impjiegi u l-programmi ta' apprendistat. Toffri aktar taħriġ fuq il-post tax-xogħol; ittejjeb u tiżgura r-relevanza tal-korsijiet FET u tal-apprentistati fir-rigward tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Iżżid il-livell u l-kwalità tas-servizzi ta' appoġġ ipprovduti mill-uffiċċji tax-xogħol ta' Intreo. Idaħħal fis-seħħ sistema ta' referenza għall-FET bejn l-uffiċċji Intreo u l-Bordijiet tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ.

4.           Tittratta l-intensità tax-xogħol baxxa tal-unitajiet domestiki u tindirizza r-riskju tal-faqar tat-tfal permezz ta' rtirar gradwali tal-benefiċċji u tal-pagamenti supplimentari mar-ritorn għall-impjieg. Tiffaċilita l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għan-nisa billi ttejjeb l-aċċess għall-indukrar tat-tfal affordabbli u full-time, partikolarment għall-familji b'introjtu baxx.

5.           Tiżviluppa inizjattivi ta' politika ulterjuri gaħs-settur tal-SMEs inkluż inizjattivi ta' politika biex jindirizzaw id-disponibbiltà ta' finanzjament bankarju u mhux bankarju u kwistjonijiet ta' ristrutturar tad-dejn. Tavvanza inizjattivi biex ittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-kreditu bankarju u għall-finanzjament mhux bankarju. Tintroduċi sistema ta' monitoraġġ għall-SMEs li jselfu fis-settur bankarju. B'mod parallel, taħdem biex tiżgura li faċilitajiet mhux bankarji ta' kreditu, inkluż it-tliet fondi tal-SMEs kofinanzjati mill-Fond ta' Riżerva Nazzjonali tal-Pensjonijiet, Microfinance Ireland u l-iskema temporarja ta' garanzija tas-self, ikunu utilizzati aħjar. Tippromwovi l-użu ta' dawn l-iskemi u ta' skemi mhux bankarji oħra mill-SMEs. Ittejjeb il-viżibbiltà tal-Uffiċċju għall-Analiżi tal-Kreditu u l-kapaċitajiet fil-medjazzjoni ta' tilwimiet bejn il-banek u l-SMEs mutwatarji potenzjali li kienu miċħuda l-kreditu.

6.           Timmonitorja l-prestazzjoni tal-banek kontra l-miri ta' ristrutturar tal-arretrati fuq self ipotekarju. Tħabbar miri ambizzjużi għat-tielet u r-raba' kwarti tal-2014, għall-banek prinċipali ta' self ipotekarju biex jipproponu u jikkonkludu soluzzjonijiet ta' ristrutturar għal selfiet ipotekarji arretrati b'aktar minn 90 jum, bil-għan li jsolvu sostanzjalment l-arretrati fuq self ipotekarju sa tmiem l-2014. Tkompli tivvaluta s-sostenibbiltà tal-arranġamenti ta' ristrutturar konklużi permezz ta' awditi u analiżi fuq il-post immirata. Tiżviluppa linji gwida għad-durabbiltà tas-soluzzjonijiet. Tippubblika dejta regolari dwar il-portafolli tas-self lill-SMEs tal-banek arretrati biex ittejjeb it-trasparenza. Tiżviluppa strateġija biex tindirizza skoperturi morużi fuq proprjetà immobbli kummerċjali. Tistabbilixxi reġistru ċentrali tal-kreditu.

7.           Tnaqqas il-kost tal-proċedimenti u s-servizzi legali u trawwem il-kompetizzjoni, anki billi ttejjeb l-Abbozz ta' Liġi dwr ir-Regolament dwar is-Servizz Legali sa tmiem l-2014, inkluz id-dispożizzjoni tiegħu li tippermetti l-istabbiliment ta' prattiki multidixxiplinarji, u billi tfittex li tneħħi r-rahan tal-konsulent legali (solicitor). Timmonitorja l-impatt tiegħu, inkluż il-kost tas-servizzi legali. Tieħu passi eżekuttivi biex tiżgura li l-Awtorità Regolatorja tas-Servizz Legali hija operazzjonali mingħajr dewmien u li tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-leġiżlazzjoni, inklużi t-termini għall-pubblikazzjoni tar-regolamenti jew il-linji gwida għall-prattiki multidixxiplilnarji u s-soluzzjoni tal-ilmenti. sIttejjeb is-sistemi tal-ġbir tad-dejta biex tippermetti l-kwalità u l-effiċjenza tal-proċedimenti ġudizzjarji.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

[3]               COM(2014) 408 finali.

[4]               P7_TA(2014)0128 u P7_TA(2014)0129.

[5]               COM(2013) 800 finali.

[6]               COM(2013) 790 finali.

[7]               SWD(2014) 79 finali.

[8]               Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1466/97.

Top