EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0406

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-2014 tal-Ġermanja u l-preżentazzjoni ta' opinjoni tal-Kunsill fuq il-programm ta' stabbiltà tal-2014 tal-Ġermanja

/* COM/2014/0406 final */

52014DC0406

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-2014 tal-Ġermanja u l-preżentazzjoni ta' opinjoni tal-Kunsill fuq il-programm ta' stabbiltà tal-2014 tal-Ġermanja /* COM/2014/0406 final */


 

 

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-2014 tal-Ġermanja u l-preżentazzjoni ta' opinjoni tal-Kunsill fuq il-programm ta' stabbiltà tal-2014 tal-Ġermanja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas- 7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[3],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonjijiet tal-Parlament Ewropew[4],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Politika Ekonomika,

Billi:

(1) Fis- 26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, bl-isem ta' Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li se tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2) Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil- 21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi, li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3) Fid- 29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern iddeċidew dwar Kumpatt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti ta' azzjoni fuq il-livelli nazzjonali, tal-UE u tal-euro bl-użu tal-għodod, strumenti u politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, u b'mod partikolari esprimew l-impenn sħiħ tagħhom sabiex jiksbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

(4) Fid-9 ta' Lulju 2013, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni  dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Ġermanja għall-2013 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta' stabbiltà aġġornat tal-Ġermanja għall-perjodu 2012-2017. Fil-15 ta' Novembru 2013, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 473/2013[5], il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha fuq l-abozz tal-pjan baġitarju tal-Ġermanja għall-2014[6].

(5) Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[7], li ta bidu għas-Semestru Ewropew ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2014. Fl-istess jum fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[8], li fih identifikat lill-Ġermanja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih ikun irid isir rieżami fil-fond.

(6) Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li tistimola t-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titwettaq konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa' jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(7) Fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tar-rieżami fil-fond tagħha tal-Ġermanja[9], skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li l-Ġermanja għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi, li jirrikjedu monitoraġġ u azzjoni politika. B'mod partikolari, il-kont kurrenti, persistentement, irreġistra surplus għoli ħafna, li jirrifletti l-effetti pożittivi tal-kompetittività qawwija, b'numru kbir ta' tfaddil li jiġi investit barra l-pajjiż. Huwa wkoll sinjal li t-tkabbir domestiku baqa' bati u li r-riżorsi ekonomiċi setgħu ma kinux allokati b'mod effiċjenti. Minkejja li s-surpluses tal-kont kurrenti ma jgħollux ir-riskji li huma simili għal defiċits kbar, id-daqs u l-persistenza tas-surplus tal-kont kurrenti tal-Ġermanja jeħtieġu attenzjoni mill-qrib. Il-bżonn ta' azzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija domestika u ż-żona tal-euro huwa partikolarment importanti minħabba d-daqs tal-ekonomija tal-Ġermanja.

(8) Fl-14 ta' April 2014, il-Ġermanja ppreżentat il-programm nazzjonali tagħha ta' riforma tal-2014 u fit-8 ta' April 2014 il-programm tagħha tal-2014 dwar l-istabbiltà. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(9) L-objettiv tal-istrateġija baġitarja deskritt fil-Programm ta' Stabbilità tal-2014 huwa li jiġi żgurat li jkompli jintlaħaq l-objettiv tat-terminu medju. Il-Programm ta' Stabbiltà jikkonferma l-objettiv tat-terminu medju ta' 0.5 % tal-PDG, li jirrifletti r-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, il-bilanċ strutturali (ikkalkulat mill-ġdid) se jibqa' pożittiv fl-2014 u minn hemm 'il quddiem u d-dejn gross hu ppjanat li jinżel għal 76% tal-PDG fl-2014 u jibqa' fit-triq tan-niżla b'mod suffiċjenti minn hemm 'il quddiem. Għalhekk, l-istrateġija baġitarja deskritta fil-programm hija konformi mar-rekwiżiti tal-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projjezzjonijiet baġitarji fil-programm, li ma kienx formalment endorsjat minn korp indipendenti, hu plawżibbli, peress li hu ġeneralment konformi mat-Tbassir tal-Kummissjoni tar-Rebbiegħa 2014. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta' Stabbiltà u t-Tbassir tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill hu tal-opinjoni li l-finanzi pubbliċi fil-Ġermanja jibqgħu ġeneralment sodi hekk kif l-objettiv tat-terminu medju hu mbassar li jibqa' kif inhu u r-regola tad-dejn tibqa' tiġi rrispettata.

(10) Sar biss progress limitat mill-Ġermanja fit-tisħiħ tal-kost-effettività tan-nefqa pubblika fil-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, għalkemm ġew imħabbra inizjattivi ġodda. Filwaqt li l-għan tagħhom hu li jtejbu l-kost-effettività tal-kura tas-saħħa, dawn il-pjanijiet jistgħu ma jkunux biżżejjed biex ikun fihom żidied mistennija tal-kost fil-futur. Ir-riforma tal-pensjonijiet li ġiet adottata reċentement għandha l-għan i ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-irtirar kmieni ("Rente mit 63") u l-livelli tal-pensjonijiet għal ċerti gruppi, tal-aħħar jinkludu wkoll suppliment tal-pensjoni għal dawk li rabbew it-tfal li twieldu qabel l-1992 ("Mütterrente"). Ir-riforma tpoġġi piż addizzjonali fuq is-sostenibbiltà tas-sistema pubblika tal-pensjonijet u hi ppjanata li tkun iffinanzjata minn rata ogħla ta’ kontribuzzjoni tal-pensjonijiet, b'implikazzjonijet negattivi għall-introjti disponibbli. Ir-riforma jista’ wkoll ikollha effett negattiv fuq kemm jaqbdu l-art il-pensjonijiet kumplimentari tat-tieni u t-tielet pilastru. Il-Ġermanja għamlet progress limitat biex iżżid l-infiq fuq l-edukazzjoni u għanlet ftit progress rigward iż-żieda fl-infiq fuq ir-riċerka. Jidher li hemm bżonn sforzi ulterjuri fil-livelli kollha tal-gvern biex tintlaħaq il-mira tan-nefqa totali pubblika u privata fuq l-edukazzjoni u r-riċerka ta' 10% tal-PGD sal-2015, u hemm bżonn li timmira lejn miri ta' segwitu saħansitra aktar ambizzjużi biex tlaħħaq mal-ekonomiji l-aktar innovattivi. L-investiment fl-infrastruttura żdied fil-Ġermanja fis-snin reċenti u jeżistu pjanijiet biex ikomplu jsaħħuh, imma jidher li hemm bżonn sforzi addizzjonali.

(11) Il-Ġermanja għamlet progress ġeneralment limitat biex ittejjeb l-effiċjenza u x-xejra favorevoli għat-tkabbir tas-sistema tat-taxxa u biex jitnaqqas il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol. Mhuma previsti l-ebda miżuri kbar biex ikun hemm xaqliba lejn sorsi ta' dħul li jiffavorixxu aktar it-tkabbir. L-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) (bħalissa ta' 7%) tista' tidjieq filwaqt li titwessa' l-bażi ġenerali tal-VAT. Dħul pjuttost baxx minn taxxi rikorrenti tal-proprjetà jissuġġerixxi li hemm spazju għal żidiet u d-distribuzzjoni tal-piż tat-taxxi tista' tkun aktar ġusta jekk tiġi rivalutata l-bażi tat-taxxa fuq il-proprjetà muniċipali (Grundsteuer). Il-kundizzjonijiet għall-investiment fil-Ġermanja jistgħu jitjiebu aktar billi tiġi rriformata t-taxxa tal-kummerċ lokali (Gewerbesteuer) u jintqata' l-piż amministrattiv marbut mal-ġbir tat-taxxa, u t-tnaqqis tal-iżbilanċ tat-taxxa korporattiva eżistenti favur l-iffinanzjar tad-dejn.

(12) Il-qafas fiskali ġie kkumplimentat mir-regola tal-baġit nazzjonali bbilanċjat u l-istabbiliment ta' bord konsultattiv indipendenti. Jidher li għad hemm bżonn regoli speċifiċi, għall-implimentazzjoni tar-regola kostituzzjonali tal-baġit nazzjonali bilanċjat ('trażżin tad-dejn') f'ħafna Länder sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tat-trażżin tad-dejn fiċ-ċiklu baġitarju annwali. Ir-rieżami ppjanat ta' relazzjonijiet fiskali bejn il-federazzjoni, il-Länder u l-muniċipalitajiet għandu jintuża biex isaħħaħ ir-responsabbiltà u l-akkontabilità fiskali.

(13) Fis-snin li għaddew żdiedu l-pagi wara perjodu mtawwal ta' moderazzjoni fil-pagi, imma fl-2013 it-tkabbir reali tal-pagi kien aktar moderat milli fl-2012. Il-Ġermanja qed tippjana li tintroduċi paga minima ġenerali ta' EUR 8.50/siegħa fl-2015, li se tidħol fis-seħħ bis-sħiħ mill-2017. L-introduzzjoni tal-paga minima ġenerali ippjnata, li hija mmirata biex tiżgura introjtu minimu adegwat għall-ħaddiema, tirrikjedi monitoraġġ mill-qrib tal-impatt tagħha partikolarment fuq l-impjiegi. Sar sforz limitat biex jitnaqqas il-prozjon għoli ta' taxxa, partikolarment għal dawk b'paga baxxa. Ir-riforma tal-pensjonijiet adottata u l-pjanijiet kurrenti tar-riforma fil-qasam tal-kura fit-tul, li jinvolvu żieda fir-rati ta' kontribuzzjoni tal-assigurazzjoni soċjali, jistgħu jerġgħu jżidu l-porzjon tat-taxxa. Il-Ġermanja għamlet xi progress biex ittella' l-kisbiet edukattivi tal-persuni żvantaġġjati, imma r-rabta bejn il-kisba edukattiva u l-isfond soċjoekonomiku tibqa' f'saħħitha u persistenti fuq il-ħajja lavorattiva tan-nies. Minkejja xi progress lejn miżuri ta' attivazzjoni xierqa u ta' integrazzjoni, il-qgħad fit-tul għadu problema, li jagħti s-sinjal ta' bżonn ta' miżuri addizzjonali. Sar biss progress limitat biex jittieħdu miżuri li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni minn impjiegi żgħar għal forom ta' impjiegi soġġetti għal kontribuzzjonijiet sħaħ mandatorji tas-sigurtà soċjali. Ma sar l-ebda progress biex jitnaqqsu d-diżinċentivi fiskali għax-xogħol għal min għandu t-tieni sors ta' dħul. Il-Ġermanja għamlet xi progress biex twessa' d-disponibbiltà tal-postijiet għall-edukazzjoni u l-kura tat-tfal f'età bikrija u full-time, filwaqt li l-progress fl-estensjoni tal-iskejjel għall-ġurnata sħiħa kien limitat. Fl-istess waqt, il-faċilitajiet tal-kura tat-tfal u l-iskejjel għall-ġurnata sħiħa għadhom soġġetti għal problemi ta' kwalità u differenzi reġjonali.

(14) Il-proposta tal-gvern għal reviżjoni tal-Att dwar l-Enerġija Rinnovabbli timmira biex tbatti ż-żidiet ġenerali tal-kost tal-enerġija, tiddistribwixxi l-kostijiet b'mod aktar ugwali fost il-konsumaturi, tikkontrolla l-espansjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u tippromwovi l-integrazzjoni tas-suq. L-implimentazzjoni tar-riforma hemm bżonn li tiġi mmonitorjata bir-reqqa fir-rigward tal-impatt tagħha fuq il-kosteffettività tas-sistema ta' appoġġ. Hemm bżonn ta' aktar sforzi fir-rigward tal-espansjoni tan-netwerks u l-koordinazzjoni mal-pajjiżi ġirien.

(15) Azzjoni ta' politika biex il-kompetizzjoni tiġi stimulata ulterjorment fis-setturi tas-servizzi kienet limitata, anke jekk daħlu fis-seħħ riformi iżolati fi professjonijiet u reġjuni speċifiċi, pereżempju fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet u l-komunikazzjoni kummerċjali fis-settur tal-kostruzzjoni. Filwaqt li t-tkabbir tal-produttività jista' jkun li hu strutturalment aktar baxx fis-settur tas-servizzi milli fl-industrija, hu partikolarment baxx f'xi setturi tas-servizzi, partikolarment is-servizzi professjonali. Għad hemm ostakli biex wieħed jidħol fis-suq u jeżerċita servizzi professjonali. Dawn jinkludu restrizzjonjijiet dwar il-formalegali u l-parteċipazzjoni azzjonarja, u r-rekwiżiti tal-kwalifiki professjonali. Id-diversità tal-arranġamenti regolatorji għas-servizzi professjonali madwar il-Länder tissuġġerixxi li hemm ambitu biex jiġu identifikati l-approċċi regolatorji l-anqas goffi biex jiġu estiżi madwar il-pajjiż. Il-valur tal-kuntratti ppubblikati mill-awtoritajiet Ġermaniżi skont il-leġiżlazzjoni tal-UE tal-akkwisti jibqa' wieħed mill-aktar baxxi fl-UE. It-tranżizzjoni komprensiva għal suq trasparenti tal-akkwisti elettroniċi jista' jżid il-kompetizzjoni. Fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, ir-regolamenti tal-ippjanar f'ċerti Länder ikomplu jirrestrinġu d-dħul ġdid fis-suq. Il-progress biex titjieb il-kompetizzjoni fis-swieq tal-ferroviji kien limitat.

(16) Il-Ġermanja għamlet progress limitat fuq miżuri li ttieħdu biex jiġi kkonsolidat is-settur bankarju, b'mod partikolari billi jitjieb il-qafas ta' governanza. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat ġeneralment saqu r-ristrutturar tal-Landesbanken fis-snin li għaddew u s-settur għadu mfarrak. Jidher li hemm bżonn sforzi ulterjuri biex jiġu indirizzati l-ostakli strutturali u ta' governanza li jfixklu l-konsolidazzjoni misjuqa mis-suq, li żżid ukoll l-effiċjenza globali tas-settur finanzjarju. Ir-rieżami tal-qafas legali tat-tieni pilastru tal-banek jista' jappoġġja ulterjorment il-konsolidazzjoni tas-settur tal-banek pubbliċi.

(17) Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Ġermanja. Ivvalutat il-programm ta' stabbiltà u l-programm nazzjonali ta' riforma. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Ġermanja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha fil-qafas tas-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (4) hawn taħt.

(18) Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà tal-Ġermanja, u l-opinjoni[10] tiegħu hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(19) Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm tar-riforma nazzjonali u l-programm ta' stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (4) hawn taħt.

(20) Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro. Il-Ġermanja għandha tiżgura wkolll-implimentazzjoni sħiħa u fil-ħin ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ġermanja tieħu azzjoni fil-perjodu bejn l-2014 u l-2015 sabiex:

1.           Issegwi politika fiskali favorevoli għat-tkabbir u tippreserva pożizzjoni fiskali soda, tiżgura li l-objettiv baġitarju fit-terminu medju jibqa' jiġi rispettat matul il-perjodu kopert mill-Programm ta' Stabbiltà u li l-proporzjon tad-dejn gross tal-gvern jibqa' nieżel b'mod sostnut. B'mod partikolari, tuża l-ambitu disponibbli għal iżjed investiment pubbliku u aktar effiċjenti fl-infrastruttura, l-edukazzjoni u r-riċerka. Iżżid l-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa, b'mod partikolari billi twessa' l-bażi tat-taxxa, partikolarment fuq il-konsum, billi tivvalutata mill-ġdid il-bażi tat-taxxa tal-proprjetà muniċipali, billi ttejjeb l-amministrazzjoni tat-taxxa, bil-ħsieb ukoll biex jiġi ndukrat l-investiment privat. Tagħmel sforzi addizzjonali biex iżżid il-kosteffettività tal-infiq pubbliku fuq il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul. Tiżgura s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet billi (i) tibdel il-finanzjament tal-benefiċċji ġodda li mhumiex tal-assigurazzjoni/estranei  ("Mütterrente") għal finanzjament minn dħul fiskali, ukoll sabiex tiġi evitata żieda ulterjuri ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, (ii) iż-żieda ta' inċentivi għal irtirar aktar tard, u (iii) iż-żieda tal-kopertura tal-iskemi tat-tieni u t-tielet pilastru. Tlesti l-implimentazzjoni tat-trażżin tad-dejn b'mod konsistenti madwar il-Länder kollha waqt li tiżgura li l-proċeduri ta' monitoraġġ u l-mekkaniżmi ta' korrezzjoni joperaw mingħajr dewmien u jkunu relevanti. Ittejjeb it-tfassil tar-relazzjonijiet fiskali bejn il-federazzjoni, il-Länder u l-muniċipalitajiet anke bil-ħsieb li jiġi żgurat investiment pubbliku adegwat fil-livelli kollha tal-gvern.

2.           Ittejjeb il-kundizzjonijiet li jappoġġjaw ulterjorment id-domanda domestika, fost l-oħrajn billi jitnaqqsu t-taxxa u l-kontribuzzjonijiet għoljin tas-sigurtà soċjali, speċjalment għal min jaqla' paga baxxa. Meta timplimenta l-paga minima ġenerali, timmonitorja l-impatt tagħha fuq l-impjiegi. Iżżid l-impjegabbiltà tal-ħaddiema billi tgħolli aktar il-kisba fl-edukazzjoni tal-persuni fi żvantaġġ u billi jiġu implimentati miżuri aktar ambizzjużi ta' attivazzjoni u integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, speċjalment għal dawk li ilhom qiegħda. Tieħu miżuri biex tnaqqas id-diżinċentivi fiskali għax-xogħol, b'mod ġenerali għal min għandu t-tieni sors ta' dħul, u tiffaċilita t-tranżizzjoni minn impjiegi żgħar għal forom ta' impjiegi soġġetti għal kontribuzzjonijiet sħaħ mandatorji tas-sigurtà soċjali. Tindirizza n-nuqqasijiet reġjonali fid-disponibbiltà ta' faċilitajiet full-time għall-kura tat-tfal u skejjel għall-ġurnata sħiħa filwaqt li ttejjeb il-kwalità ġenerali edukattiva tagħhom.

3.           Iżżomm il-kost ġenerali biex tittrasforma s-sistema tal-enerġija fl-aktar livell baxx possibbli. B'mod partikolari, timmonitorja l-impatt tar-riforma tal-Att dwar l-Enerġija Rinnovabbli dwar il-kost-effettività tas-sistema ta' appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli. Issaħħaħ l-isforzi biex tħaffef l-espansjoni tan-netwerks nazzjonali tal-elettriku u l-gass u dawk transfruntiera. Iżżid koordinazzjoni mill-qrib dwar il-politika tal-enerġija mal-pajjiżi ġirien.

4.           Tieħu miżuri iktar ambizzjużi biex tistimula ulterjorment il-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi, inklużi ċerti servizzi professjonali, ukoll bir-rieżami tal-approċċi regolatorji eżistenti u tikkonverġi lejn l-aħjar prassi skont il-Länder. Tidentifika r-raġunijiet wara l-valur tal-kuntratti pubbliċi miftuħa għall-akkwisti skont il-leġiżlazzjoni tal-UE. Iżżid l-isforzi biex tneħħi r-regolamenti eżistenti tal-ippjanar li jirrestrinġu lil min jidħol ġdid fis-settur tal-livell tal-konsumatur. Tieħu azzjoni sabiex telimina l-ostakli li baqa' għall-kompetizzjoni fis-swieq tal-ferroviji. Tkompli bl-isforzi ta' konsolidazzjoni tas-settur tal- Landesbanken, inkluż billi ttejjeb il-qafas tal-governanza.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

[3]               COM(2014) 406 final.

[4]               P7_TA(2014)0128 u P7_TA(2014)0129.

[5]               ĠU L 140, 27.5.2013, p.11.

[6]               C(2013) 8001 final

[7]               COM(2013) 800 final.

[8]               COM(2013) 790 final.

[9]               DĦP(2014) 78 final.

[10]             Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.

Top