Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0401

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida wiesgħa għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-Euro

    /* COM/2014/0401 final */

    52014DC0401

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida wiesgħa għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-Euro /* COM/2014/0401 final */


     

    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida wiesgħa għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-Euro

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 136 flimkien mal-Artikolu 121(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[3],

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)       L-ambjent ekonomiku attwali taż-Żona tal-Euro huwa kkaratterizzat minn irkupru ekonomikugradwali, iżda fraġli. Fl-2013 u fil-bidu tal-2014, l-inflazzjoni fiż-Żona tal-Euro naqset b'mod konsiderevoli, u mistennija tiżdied biss b'mod gradwali ħafna fuq il-limitu previst, u dan jirrifletti l-potenzjal mhux użat flimkien mal-aġġustamenti relattivi tal-prezzijiet li għaddejjin fl-ekonomiji vulnerabbli u l-apprezzament kontinwu tar-rata tal-kambju tal-Euro. Barra minn hekk, filwaqt li l-bażi tal-irkupru dejjem qed issir usa', id-diverġenzi bejn il-pajjiżi taż-Żona tal-Euro għadhom għoljin.

    (2)       Iż-Żona tal-Euro hija aktar minn sempliċiment it-totalità tal-membri tagħha. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja indikat b'mod ċar l-interrelazzjonijiet mill-qrib fiż-Żona tal-Euro u ssottolineat il-ħtieġa għal koordinazzjoni ta' politiki fiskali, finanzjarji u strutturali iktar b'saħħitha fost il-membri taż-Żona tal-Euro biex tiġi żgurata qagħda politika koerenti għaż-Żona tal-Euro inġenerali. L-Istati Membri taż-Żona tal-Euro impenjaw ruħhom għal sett ta' riformi ta' politika u koordinament politiku addizzjonali b'impatt wiesa' billi fit-2 ta' Marzu 2012 iffirmaw it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (TSKG) fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Id-dħul fis-seħħ tar- Regolamenti "Two Pack" fl-2013 kompla żied il-koordinazzjoni tal-politika baġitarja u ekonomika fiż-Żona tal-Euro. Il-membri taż-Żona tal-Euro għandhom responsabbiltà partikolari għal implimentazzjoni effettiva tal-qafas governattiv il-ġdid. Dan jitlob żieda fil-pressjoni mill-parti biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tar-riforma nazzjonali u l-prudenza fiskali, valutazzjoni akbar tar-riformi nazzjonali minn perspettiva taż-Żona tal-Euro, l-internalizzazzjoni ta' riperkussjonijiet potenzjali u l-istimolu ta' politiki ta' importanza partikolari għal UEM li tiffunzjona tajjeb.

    (3)       Minħabba l-interdipendenza għolja bejn l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro hemm riperkussjonijiet potenzjalment kbar marbuta mal-implimentazzjoni ta' riformi strutturali li jeħtieġ li jitqiesu sabiex ikun żgurat ippjanar ta' politika xieraq u implimentazzjoni għall-membri taż-Żona tal-Euro b'mod individwali u għaż-Żona tal-Euro inġenerali. Pereżempju, aktar azzjoni konċertata fl-implimentazzjoni tar-riformi tiffaċilita l-konverġenza meħtieġa bejn l-Istati Membri. Diskussjoni bikrija dwar il-pjanijiet ta' riforma tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro, il-bini ta' prattiki eżistenti, u l-implimentazzjoni effettiva tal-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi huma ta' importanza kbira f''dan ir-rigward

    (4)       Waħda mill-isfidi ta' politika ewlenin li qed tiffaċċja ż-Żona tal-Euro hija li d-dejn tal-gvern jitnaqqas billi jiġu segwiti politiki fiskali differenzjati li jagħmluha faċli għat-tkabbir filwaqt li tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir fiż-Żona tal-Euro. Grazzi għall-isforzi ta' konsolidazzjoni tas-snin preċedenti, is-sitwazzjoni fiskali taż-Żona tal-Euro tjiebet iżda xorta waħda se jkun meħtieġ li numru ta' membri taż-Żona tal-Euro jkomplu b'aġġustament fiskali biex ibaxxu livelli għolja ta' dejn. Il-membri kollha taż-Żona tal-Euro għandhom itejbu l-kwalità tal-finanzi pubbliċi bil-għan li jagħtu spinta lill-produttività u l-okkupazzjoni..

    (5)       L-investiment fiż-Żona tal-Euro naqas ħafna matul il-fażi inizjali tal-kriżi u għadu ma rkuprax għall-medja tiegħu fuq terminu twil. It-tendenzi ta' tnaqqis fl-investiment qed jitmexxew mill-impatt ikkombinat tad-diżingranaġġ tas-settur privat, il-frammentazzjoni finanzjarja, u l-isforzi ta' konsolidazzjoni fiskali meħtieġa. li wasslu għal tnaqqis fl-investiment pubbliku. Li jiżdied l-investiment fl-infrastruttura u l-ħiliet huwa essenzjali biex jinżamm l-irkupru u tingħata spinta lit-tkabbir potenzjali. Ħafna mill-investiment jrid jiġi mis-settur privat, iżda l-awtoritajiet pubbliċi jista' jkollhom rwol importanti fil-ħolqien ta' kundizzjonijiet ta' sostenn.

    (6)       Fiż-Żona tal-Euro, il-fluss tal-kreditu għall-ekonomija reali jibqa' mrażżan u l-frammentazjoni tas-suq finanzjarju għadha għolja minkejja inqas stress fuq id-dejn sovran. L-aċċess għall-finanzi, b'mod partikolari għall-SMEs, jibqa' ta' sfida f'ħafna Stati Membri , u hemm ir-riskju li jista' jimmina l-irkupru ekonomiku. Dan jitlob inizjattivi mmirati għall-irkupru tal-flussi ta' kreditu, l-approfondiment tas-swieq tal-kapital u t-titjib fil-finanzjament fuq terminu twil tal-ekonmija. Azzjonijet bħat-tlestija tat-t-tiswija ulterjuri tal-karti tal-bilanċ tal-banek, it-tkomplija fit-tisħiħ tal-bafers ta' ekwità, fejn meħtieġ, l-analiżi tal-kwalità tal-assi u t-testijiet tal-istressjgħinu fl-identifikazzjoni ta' spazji ta' vulnerabbiltà li jkun għad baqa' u jsaħħu l-kunfidenza fis-settur inġenerali. Sa issa sar progress sinifikanti fir-rigward tal-Unjoni Bankarja, partikolarment bl-istabbiliment tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l-qbil dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni.

    (7)       Il-kriżi finanzjarja kixfet lakuni fit-tfassil tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta' azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina bil-għan li tagħti bidu għal dibattitu Ewropew. Fil-5 ta' Diċembru 2012, il-President tal-Kunsill Ewropew, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-President tal-Eurogroup u l-President tal-Bank Ċentrali ppreżentaw rapport li jibni fuq numru ta' ideat mill-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni, u li jinkludi skeda ta' żmien u proċess imsejjes fuq stadji lejn it-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-Parlament Ewropew esprima l-fehmiet tiegħu fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012. Minn dak iż-żmien 'l hawn, ittieħdu passi sinifikanti. Aktar żvilupp fl-UEM jitlob approċċ pass pass li jgħaqqad id-dixxiplina mas-solidarjetà. Il-leġiżlazzjonijiet tas-Six Pack u tat-Two Pack jipprevedu l-ewwel analiżi tal-implimentazzjoni tagħhom sal-aħħar tal-2014.

    B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni, b'mod individwali u b'mod kollettiv, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Kunsill fir-rigward il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, iżda b'mod partikolari fil-kuntest tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fil-qafas tal-Eurogroup, fil-perjodu 2014-2015 biex:

    1.           Jippromwovu u jissorveljaw, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali f'dawk l-oqsma l-aktar rilevanti għall-funzjonament mingħajr skossi taż-Żona tal-Euro sabiex titrawwem il-konverġenza u l-aġġustament ta' żbilanċi interni u esterni. Jivvalutaw u jistimolaw il-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi fl-Istati Membri taż-Żona tal-Euro li qed jesperjenzaw żbilanċi eċċessivi u fl-Istati Membri taż-Żona tal-Euro bi żbilanċi li jitolbu azzjoni deċiżiva, biex jiġu limitati r-riperkussjonijiet negattivi fil-bqija taż-Żona tal-Euro, u biex jitrawmu politki xierqa f'pajjiżi b'bilanċi pożittivi kbar biex jiġu ottimizzati rikerkussjonijiet pożittivi. Jorganizzaw diskussjonijiet tematiċi regolarment dwar politiki strutturali b'riperkussjonijiet potenzjalment kbar, filwaqt li fil-perjodu li ġej jiffukaw fuq it-tnaqqis tal-porzjon ta' taxxa għoli fuq ix-xogħol u r-riforma tas-swieq tas-servizzi.

    2.           Jikkoordinaw il-politiki fiskali tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, b'mod partikolari meta jivvalutaw l-abbozz tal-pjanijiet baġitarji biex tiġi żgurata qagħda fiskali koerenti u li tagħmilha faċli għat-tkabbir u koerenti maż-Żona tal-Euro. Itejbu l-kwalità u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi billi jżidu l-investiment materjali u immaterjali fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE. Jiżguraw li l-oqfsa fiskali nazzjonali, inkluż il-kunsilli fiskali nazzjonali, jissaħħu.

    3.           Jiżguraw ir-reżiljenza tas-sistema bankarja, b'mod partikolari billi jieħdu l-azzjoni meħtieġa fis-segwitu tal-analiżi tal-kwalità tal-assi u t-testijiet tal-istress, u billi jimplimentaw ir-Regolamenti tal-Unjoni Bankarja, inkluż dwar il-ħidma ulterjuri prevista fil-perjodu ta' tranżizzjoni tal-SRM. Jistimulaw l-investiment tas-settur privat u jżidu l-fluss tal-kreditu għall-ekonomija permezz ta' azzjonijiet biex itejbu l-aċċess għall-kreditu mill-SMEs, l-approfondament tas-swieq tal-kapital, it-tnedija mill-ġdid tas-suq tat-titolizzazzjoni, f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iffinanzjar fuq terminu twil tal-Ekonomija Ewropea u l-kalendarju fiha.

    4.           Imexxu 'l quddiem il-ħidma fl-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u jikkontribwixxu għat-titjib fil-qafas tas-sorveljanza ekonomika fil-kuntest tal-analiżi prevista għal tmiem l-2014.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    [2]               ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

    [3]               COM(2014) 401 final.

    Top