This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0326
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL CONVERGENCE REPORT 2014 (prepared in accordance with Article 140(1) of the Treaty on the Functioning of the European Union)
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL RAPPORT TA' KONVERĠENZA 2014 (imħejji skont l-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL RAPPORT TA' KONVERĠENZA 2014 (imħejji skont l-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)
/* COM/2014/0326 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL RAPPORT TA' KONVERĠENZA 2014 (imħejji skont l-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) /* COM/2014/0326 final */
1.
L-ISKOP TAR-RAPPORT
L-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem it-TFUE) jitlob li
l-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew jirrapportaw lill-Kunsill,
mill-inqas darba kull sentejn, jew wara talba ta' xi wieħed mill-Istati
Membri b'deroga[1],
dwar il-progress miksub mill-Istati Membri fit-twettiq tal-obbligi tagħhom
dwar il-kisba ta' unjoni ekonomika u monetarja. L-aħħar Rapporti ta’
Konverġenza tal-Kummissjoni u tal-BĊE, rigward kull Stat Membru
b’deroga, ġew adottati f’Mejju 2012[2].
Ir-Rapport dwar il-Konverġenza tal-2014
ikopri it-tmien Stati Membri li ġejjin b'deroga: Il-Bulgarija,
ir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja,
ir-Rumanija, u l-Isvezja[3].
Valutazzjoni aktar dettaljata tal-qagħda tal-konverġenza f'dawn
l-Istati Membri hija pprovduta f'Anness Tekniku ma' dan ir-Rapport (SWD(2014)
177). Fi żmien ir-Rapport dwar il-Konverġenza fl-2012, l-Istati
Membri kienu urew progress irregolari fir-rigward tal-konverġenza, peress
li ħafna minnhom kienu għaddejjin minn aġġustamenti
sinifikattivi tal-iżbilanċi makroekonomiċi akkumulati qabel,
fl-isfond tal-kriżi ekonomika u finanzjarja. L-analiżi preżenti
qed issir f'ambjent estern li għadu diffiċli, għalkemm bi rkupru
ġeneralment aktar qawwi fi Stati Membri b'deroga u perċezzjoni ta'
anqas riskju mis-swieq finanzjarji. Il-kontenut tar-rapporti mħejjija
mill-Kummissjoni u l-BĊE huwa rregolat mill-Artikolu 140(1) tat-TFUE.
Dan l-Artikolu jesiġi li r-rapporti jinkludu eżami tal-kompatibbiltà
tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, inklużi l-istatuti tal-bank
ċentrali nazzjonali, mal-Artikoli 130 u 131 tat-TFUE u l-Istatut
tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew
(minn hawn ’il quddiem l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE). Ir-rapporti jridu
jeżaminaw ukoll jekk ikunx intlaħaq grad għoli ta'
konverġenza sostenibbli fl-Istat Membru kkonċernat, b'referenza
għall-issodisfar tal-kriterji tal-konverġenza (l-istabbiltà
tal-prezzijiet, il-finanzi pubbliċi, l-istabbiltà tar-rati tal-kambju,
ir-rati tal-imgħax għal żmien twil), u billi jitqiesu fatturi
oħrajn imsemmija fl-aħħar sottoparagrafu
tal-Artikolu 140(1) tat-TFUE. L-erba' kriterji ta' konverġenza huma
żviluppati fi Protokoll anness mat-Trattati (il-Protokoll Nru 13 dwar
il-kriterji ta' konverġenza). Il-kriżi ekonomika u finanzjarja, flimkien
mal-kriżi riċenti fiż-żona tal-euro tad-dejn sovran, kixfet
distakki fis-sistema ta' governanza ekonomika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja
(UEM) u deher li l-istrumenti eżistenti tagħha jeħtieġ li
jintużaw b'mod aktar komprensiv. Bil-għan li jiġi garantit
il-funzjonament sostenibbli tal-UEM, beda jsir tisħiħ ġenerali
tal-governanza ekonomika fl-Unjoni minn dak iż-żmien. Il-valutazzjoni
ta’ konverġenza għaldaqstant hija allinjata mal-approċċ
usa' tas-"Semestru Ewropew" li jikkunsidra b'mod integrat u upstream
l-isfidi tal-politika ekonomika li qed taffaċċja l-UEM biex
tiżgura sostenibbiltà fiskali, kompetittività, stabbiltà tas-suq
finanzjarju u tkabbir ekonomiku. L-innovazzjonijiet ewlenin fil-qasam
tar-riforma ta’ governanza, it-tisħiħ tal-valutazzjoni
tal-proċess ta' konverġenza ta’ kull Stat Membru u s-sostenibbiltà
tagħha, jinkludu, fost oħrajn it-tisħiħ tal-proċedura
tad-defiċit eċċessiv kif imsaħħa mir-riforma tal-2011
tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u strumenti ġodda fil-qasam
tas-sorveljanza tal-iżbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari,
dan ir-rapport iqis il-valutazzjoni tal-Programmi ta’ Konverġenza tal-2014
u r-riżultati mir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija
tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku[4]. Kriterji ta' konverġenza L-analiżi tal-kompatibilità
tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, inklużi l-istatuti tal-bank
ċentrali nazzjonali, mal-Artikolu 130 u mal-obbligu tal-konformità
skont l-Artikolu 131 tat-TFUE jinkludi valutazzjoni tal-osservanza tal-projbizzjoni
tal-finanzjament monetarju (l-Artikolu 123) u l-projbizzjoni
tal-aċċess privileġġat (l-Artikolu 124); konsistenza
mal-għanijiet (l-Artikolu 127(1)) u l-kompiti
(l-Artikolu 127(2)) tas-SEBĊ u aspetti oħra relatati
mal-integrazzjoni tal-bank ċentrali nazzjonali fis-SEBĊ
fiż-żmien tal-adozzjoni tal-euro. Il-kriterju dwar l-istabilità tal-prezzijiet huwa definit fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 140(1)
tat-TFUE: “il-ksib ta’ livell għoli ta’ stabbiltà fil-prezzijiet [...]
jirriżulta minn rata ta’ inflazzjoni li l-iżjed tkun tixbaħ lil
dik tat-tlett Stati Membri li jkunu qed imorru l-aħjar f'dik li hija
l-istabbiltà fil-prezzijiet”. L-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-kriterji
ta' konverġenza jistipula wkoll li “Il-kriterju dwar l-istabbilità
tal-prezzijiet [...] ifisser li l-Istat Membru jkollu grad ta' stabbilità
tal-prezzijiet li jkun sostenibbli u rata medja ta' inflazzjoni, osservat fuq
perjodu ta' sena qabel l-eżami, li ma teċċedix b’aktar minn
1,5 %, dik tal-aħjar tliet Stati Membri, f'dik li hija stabbiltà
fil-prezzijiet. L-inflazzjoni għandha tiġi mkejla permezz ta'
indiċi ta' prezzijiet tal-konsumatur fuq bażi komparabbli, meta
jiġu kkunsidrati d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali”[5].
Ir-rekwiżit ta’ sostenibilità jimplika li l-prestazzjoni tal-inflazzjoni
sodisfaċenti għandha tkun attribwita għall-andament
tal-kostijiet tad-dħul u fatturi oħra li jinfluwenzaw l-iżvilupp
tal-prezzijiet b’mod strutturali, aktar milli l-influwenza ta’ fatturi
temporanji. Għalhekk, l-eżami tal-konverġenza jinkludi
valutazzjoni tal-fatturi li għandhom impatt fuq il-prospettiva
tal-inflazzjoni u hija kkomplementata b'referenza għall-iktar tbassir
riċenti tas-servizzi tal-Kummissjoni rigward l-inflazzjoni[6].
Relatat ma’ dan, ir-rapport jevalwa wkoll jekk hux probabbli li l-pajjiż
jissodisfa l-valur referenzjarju fix-xhur li ġejjin. Il-valur referenzjarju tal-inflazzjoni kien
ikkalkolat li huwa ta' 1,7 % f'April 2014, bil-Latvja, il-Portugall u
l-Irlanda bħala "t-tliet Stati Membri bl-aħjar
riżultati"[7]. Huwa meħtieġ li jiġu esklużi
mil-lista tal-pajjiżi bl-aħjar riżultati dawk il-pajjiżi li
r-rati ta’ inflazzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu meqjusa
bħala valur referenzjarju sinifikanti għal Stati Membri oħra[8]. Tali
pajjiżi fil-passat kienu identifikati fir-Rapporti ta’ Konverġenza
tal-2004, l-2010 u l-2013[9].
Fil-mument preżenti, ikun xieraq li jiġu identifikati l-Greċja,
il-Bulgarija u Ċipru bħala pajjiżi f'din il-kategorija, peress
li r-rata ta' inflazzjoni tagħhom iddevjat b'marġini wiesa'
mill-medja taż-żona tal-euro u jekk jiġu inklużi dan
jaffettwa b'mod mhux dovut lill-valur referenzjarju u b'hekk il-ġustizzja
tal-kriterji[10].
Fil-każ tal-Greċja u ta' Ċipru, l-inflazzjoni negattiva kienet
tirrifletti l-aktar l-aġġustament sever li kien meħtieġ u
s-sitwazzjoni eċċezzjonali tal-ekonomija. Fil-każ tal-Bulgarija,
kienet dovuta għal taħlita aktar qawwija mis-soltu ta' fatturi
diżinflazzjonarji, fost oħrajn, ħsad tajjeb, tnaqqis
amministrattiv fil-prezz tal-enerġija u prezzijiet orħos
tal-importazzjoni. F'dan l-isfond, il-Latvja, il-Portugall u l-Irlanda,
l-Istati Membri bit-tieni l-aktar livell baxx ta' rati ta' inflazzjoni,
jintużaw għall-kalkolu tal-valur referenzjarju. Il-kriterju ta' konverġenza li jittratta l-pożizzjoni
tal-finanzi pubbliċi huwa definit fit-tieni inċiż
tal-Artikolu 140(1) tat-TFUE bħala “s-sostenibbiltà tas-sitwazzjoni
finanzjarja tal-Gvern: din tirriżulta minn sitwazzjoni baġitarja li
tkun mingħajr defiċit eċċessiv fis-sens
tal-Artikolu 126(6)". Barra minn hekk, l-Artikolu 2
tal-Protokoll dwar il-kriterji tal-konverġenza jiddikjara li dan
il-kriterju jfisser li “filwaqt tal-eżami l-Istat Membru ma jkunx
suġġett meta jiġi eżaminat għal deċiżjoni
tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(6) tat-Trattati li jkun hemm
defiċit eċċessiv". Bħala parti
mit-tisħiħ ġenerali tal-governanza ekonomika fl-UEM,
il-leġiżlazzjoni sekondarja relatata mal-finanzi pubbliċi
ġiet imsaħħa fl-2011, inklużi r-regolamenti l-ġodda li
jemendaw il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir[11].
It-TFUE jirreferi għall-kriterju tar-rata
tal-kambju fit-tielet inċiż tal-Artikolu 140(1) bħala “l-osservanza
tal-marġini ta' fluttwazzjoni normali li dwarhom hemm provdut
bil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea,
għal mill-inqas sentejn, mingħajr żvalutazzjoni fil-konfront
tal-euro”. L-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-kriterji
ta' konverġenza jistipula: "Il-kriterju dwar
il-parteċipazzjoni f'mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema
Monetarja Ewropea (...) jfisser li Stat Membru jkun irrispetta il-marġni
normali ta' fluttwazzjoni li hemm provdut dwarhom bil-Mekkaniżmu tar-Rata
tal-Kambju tas-Sistema Monetarju Ewropea mingħajr tensjonijiet qawwija
għal tal-anqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami.
Partikolarment, l-Istat Membru ma jridx ikun żvaluta r-rata bilaterali
ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-euro għall-istess perijodu”[12]. Il-perjodu rilevanti ta' sentejn
għall-evalwazzjoni tal-istabbiltà tar-rata tal-kambju f'dan ir-rapport
huwa bejn is-16 ta' Mejju 2012 u
l-15 ta' Mejju 2014. Fil-valutazzjoni tagħha tal-kriterju
tal-istabbilità tar-rati tal-kambju, il-Kummissjoni tieħu
inkonsiderazzjoni l-iżviluppi fl-indikaturi awżiljari
bħall-iżviluppi f’riżervi barranin, ir-rati tal-imgħax
għal perjodu ta’ żmien qasir, kif ukoll ir-rwol tal-miżuri
tal-politika, inklużi interventi fis-swieq tal-kambju, kif ukoll
l-assistenza finanzjarja internazzjonali, fejn ikun rilevanti, biex
tinżamm l-istabbiltà tar-rata tal-kambju. Ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 140(1)
tat-TFUE jirrikjedi li “id-durabbiltà tal-konverġenza miksuba
mill-Istat Membru b' deroga u l-parteċipazzjoni tiegħu
fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju" tkun tidher "fil-livelli
tar-rati ta’ mgħax f'perjodi fit-tul”. L-Artikolu 4
tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza jistipula wkoll li “il-kriterju
dwar il-konverġenza ta' rati ta' mgħax (...) ifisser li, Stat Membru,
osservat fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, kellu rata ta' mgħax
nominali medja għal żmien twil li ma taqbiżx b'aktar minn
żewġ punti perċentwali dik, fl-aħħar
mill-aħħar, tat-tliet Stati Membri li jmorru l-aħjar
fl-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rati ta' mgħax jitqiesu abbażi ta’
titoli tal-gvern għal żmien twil jew obbligazzjonijiet komparabbli,
meta jiġu kkunsidrati d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali”. Il-valur referenzjarju għar-rata
tal-imgħax ġie kkalkolat li kien 6,2 % f'April 2014[13]. L-Artikolu 140(1) tat-TFUE jirrikjedi wkoll
l-eżaminazzjoni ta’ fatturi oħra rilevanti għall-integrazzjoni u
l-konverġenza ekonomika. Dawn il-fatturi addizzjonali jinkludu
l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji u tal-prodotti, l-iżvilupp tal-bilanċi
tal-pagamenti fil-kont kurrenti u l-iżvilupp tal-kostijiet tal-unità
lavorattiva u indiċi oħra ta' prezzijiet. Dawn tal-aħħar
huma koperti fil-valutazzjoni tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Il-fatturi
addizzjonali huma indikaturi importanti li juru li l-integrazzjoni ta' Stat
Membru fiż-żona tal-euro, se tipproċedi mingħajr
diffikultajiet u twessa' l-opinjonijiet fuq is-sostenibbiltà
tal-konverġenza.
2.
IL-BULGARIJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha
tal-kompatibbiltà ġuridika u tas-sodisfar tal-kriterji ta’
konverġenza, u b’kunsiderazzjoni ta' fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni
tqis li l-Bulgarija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni
tal-euro. Il-leġiżlazzjoni fil-Bulgarija - b'mod partikolari l-Liġi dwar il-Bank Nazzjonali Bulgaru – mhix
kompatibbli b’mod sħiħ mal-obbligu tal-konformità skont
l-Artikolu 131 tat-TFUE. L-inkompatibbiltajiet u l-imperfezzjonijiet
jeżistu fl-oqsma tal-indipendenza tal-bank ċentrali, il-projbizzjoni
tal-finanzjament monetarju u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ
fi żmien l-adozzjoni tal-euro fir-rigward tal-kompiti stabbiliti
fl-Artikolu 127(2) tat-TFUE u l-Artikolu 3 tal-Istatut
tas-SEBĊ/BĊE. Il-Bulgarija tissodisfa l-kriterju dwar
l-istabbiltà tal-prezzijiet. Fil-Bulgarija,
l-inflazzjoni medja fuq 12-il xahar kienet ogħla mill-valur referenzjarju
fiż-żmien tal-aħħar valutazzjoni ta’ konverġenza
fl-2012. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fil-Bulgarija matul it-12-il xahar sa
April 2014 kienet ta' -0,8 %, sew taħt il-valur referenzjarju
ta' 1,7 %. Huwa pprojettat li fix-xhur li ġejjin se tibqa' taħt
il-valur referenzjarju. L-inflazzjoni tal-HICP annwali naqset
mill-quċċata li kienet laħqet f'Settembru 2012, u saret
negattiva fit-tieni nofs tal-2013, u l-ewwel xhur tal-2014. It-tnaqqis
fl-inflazzjoni kien fuq bażi mifruxa, iżda kien imbuttat l-aktar minn
prezzijiet neżlin tal-importazzjoni, tnaqqis fil-prezzijiet
tal-enerġija stabbiliti b'mod amministrattiv kif ukoll minn ħsad
agrikolu tajjeb. F’April 2014, l-inflazzjoni annwali tal-HICP kienet
madwar -1,3 %. L-inflazzjoni hija mistennija li togħla
bil-mod fit-tieni nofs tal-2014, hekk kif jgħibu l-effetti ta' bażi
tal-iżviluppi favorevoli fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel.
Għaldaqstant, it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi
tal-Kummissjoni jipprojetta inflazzjoni medja annwali ta’ ‑0,8 %
fl-2014 u 1,2 % fl-2015. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet
fil-Bulgarija (47% tal-medja taż-żona tal-euro fl-2012) huwa
indikazzjoni ta' potenzjal sinifikanti għal aktar konverġenza
fil-livell tal-prezzijiet fuq perjodu twil. Il-Bulgarija tissodisfa l-kriterju dwar
il-finanzi pubbliċi. Il-Bulgarija mhix
soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar
l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Id-defiċit tal-gvern
ġenerali niżel minn 2,0 % tal-PDG fl-2011 għal 0,8 %
tal-PDG fl-2012 bis-saħħa ta' dħul akbar lejn il-PDG.
Il-proporzjon tad-defiċit mal-PDG kien ta' 1,5 % fl-2013, u skont
it-Tbassir tar-Rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-2014, huwa
pprojettat li jiżdied għal 1,9 % tal-PDG fl-2014 u li jonqos
kemm kemm għal 1,8 % fl-2015, jekk wieħed jassumi li ma jkun
hemm l-ebda bidla ta' politika, bis-sostenn tal-irkupru ekonomiku.
Il-proporzjon tad-dejn pubbliku gross baqa’ baxx fil-livell ta' 18,9 %
tal-PDG fl-2013 u huwa pprojettat li jiżdied għal 23,1 % tal-PDG
fl-2014 u li jinżel għal 22,7 % tal-PDG fl-2015. Il-Bulgarija ma tissodisfax il-kriterju dwar
ir-rata tal-kambju. Il-lev Bulgaru mhux qed
jipparteċipa fl-ERM II. Il-BNB isegwi l-objettiv primarju tiegħu
ta’ stabilità fil-prezzijiet permezz ta’ rata tal-kambju ċentrali
fil-kuntest ta’ Arranġament ta' Bord tal-Valuta (Currency Board
Arrangement - CBA). Il-Bulgarija introduċiet is-CBA tagħha
fl-1 ta' Lulju 1997, bl-irbit tal-lev Bulgaru mal-mark
Ġermaniż u aktar tard mal-euro. Indikaturi addizzjonali, bħal
żviluppi fir-riżervi ta' munita barranija, u rati tal-imgħax
għal żmien qasir jindikaw li l-perċezzjoni tar-riskju
tal-investituri fir-rigward tal-Bulgarija baqgħet favorevoli. Ilqugħ
imdaqqas ta’ riżerva uffiċjali għadu jservi ta' sostenn
għar-reżiljenza tas-CBA. Matul il-perjodu ta’ valutazzjoni ta’
sentejn, il-lev Bulgaru baqa’ stabbli fil-konfront tal-euro, skont
it-tħaddim tas-CBA. Il-Bulgarija tissodisfa l-kriterju dwar
il-konverġenza ta' rati tal-imgħax għal żmien twil. Ir-rata medja tal-imgħax għal żmien twil fil-Bulgarija
fis-sena sa April 2014 kienet ta' 3,5 %, sew taħt il-valur
referenzjarju ta' 6,2 %. Kienet ukoll taħt il-valur referenzjarju fi
żmien l-aħħar valutazzjoni ta’ konverġenza fl-2012. Din niżlet
minn livell ta' aktar minn 5 % kmieni fl-2012 għal madwar 3,5 %
f'nofs l-2013. Id-differenza fir-rendimenti tad-dejn sovran, fil-konfront
tal-bonds għat-tul ta' referenza taż-żona tal-euro[14]
naqset b'mod sinifikanti fit-tieni nofs tal-2012, hekk kif ir-rendiment
tal-bonds tal-Bulgarija naqas meta kkalmaw it-tensjonijiet fis-suq finanzjarju
fir-reġjun. Id-differenza fir-rendiment kontra l-bonds ta' referenza
Ġermaniżi kibret bi ftit għal madwar 200 punti bażi kmieni
fl-2014. Ġew eżaminati wkoll fatturi
addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u
l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol, tal-prodotti kif ukoll finanzjarji.
Il-bilanċ estern tal-Bulgarija kellu bilanċ pożittiv sinifikanti
fl-2013. Il-bilanċ tal-kummerċ mar ftit lura bejn l-2011 u l-2013
iżda dan kien aktar milli kkumpensat b'titjib fil-kont tad-dħul u
fit-trasferimenti kurrenti. L-ekonomija tal-Bulgarija hija integrata tajjeb
fiż-żona tal-euro permezz tar-rabtiet ta' kummerċ u ta'
investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent
tan-negozju, il-prestazzjoni tal-Bulgarija hija agħar minn dik
tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taż-żona tal-euro.
Is-settur finanzjarju tal-Bulgarija huwa integrat tajjeb fis-settur finanzjarju
tal-UE, b'mod partikolari permezz ta' livell għoli ta' sjieda barranija
tas-sistema bankarja tagħha. Fil-kuntest tal-Proċedura ta'
Żbilanċ Makroekonomiku tagħha, il-Bulgarija kienet
soġġetta għal analiżi profonda, li minnha rriżulta li
l-Bulgarija għadha għaddejja minn żbilanċi
makroekonomiċi, li jirrikjedu monitoraġġ u azzjoni ta' politika.
3.
IR-REPUBBLIKA ĊEKA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha
tal-kompatibbiltà ġuridika u tas-sodisfar tal-kriterji ta’
konverġenza, u b’kunsiderazzjoni ta' fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni
tqis li r-Repubblika Ċeka ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni
tal-euro. Il-leġiżlazzjoni fir-Repubblika
Ċeka – b’mod partikolari l-Att Nru 6/1993
tal-Kunsill Nazzjonali Ċek dwar il-Bank Nazzjonali Ċek (il-Liġi
ČNB) – mhix kompatibbli b’mod sħiħ mal-obbligu ta’
konformità skont l-Artikolu 131 tat-TFUE. L-inkompatibbiltajiet
jikkonċernaw l-indipendenza tal-bank ċentrali u l-integrazzjoni
tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fil-mument tal-adozzjoni tal-euro
għar-rigward tal-objettivi taċ-ČNB u l-kompiti tas-SEBĊ
stabbiliti fl-Artikolu 127(2) tat-TFUE u l-Artikolu 3 tal-Istatut tas-SEBĊ/BĊE.
Barra minn hekk, il-Liġi ČNB fiha wkoll xi imperfezzjonijiet rigward
il-projbizzjoni ta' finanzjament monetarju u l-kompiti tas-SEBĊ. Ir-Repubblika Ċeka tissodisfa l-kriterju
dwar l-istabilità tal-prezzijiet. Fir-Repubblika
Ċeka, l-inflazzjoni medja fuq 12-il xahar kienet taħt il-valur
referenzjarju fil-ħin tal-aħħar valutazzjoni ta’
konverġenza fl-2012. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fir-Repubblika
Ċeka matul it-12-il xahar sa April 2014 kienet ta' 0,9 %,
taħt il-valur referenzjarju ta’ 1,7 %. Huwa pprojettat li fix-xhur li
ġejjin se tibqa' taħt il-valur referenzjarju. L-inflazzjoni HICP annwali fir-Repubblika
Ċeka qabżet l-inflazzjoni taż-żona tal-euro fl-2012,
l-aktar minħabba żieda fir-rata l-aktar baxxa ta' VAT filwaqt li
l-prezzijiet ogħla għall-enerġija u għall-ikel fis-swieq
globali tal-komoditajiet ukoll għaddew għal fuq il-prezzijiet
lill-konsumaturi. L-inflazzjoni niżlet b'mod sinifikanti matul l-2013,
hekk kif il-pressjonijiet ġejjin mill-prezzijiet għall-enerġija
ftit ftit ittaffew, u ż-żieda fil-prezzijiet tas-servizzi
trażżnet. In-nuqqas ta' pressjonijiet mid-domanda, riflessjoni
tat-tnaqqis ekonomiku, kien ukoll ta' kontribut għat-tkabbir moderat
fil-prezzijiet. L-inflazzjoni annwali HICP kienet qed iddur madwar
iż-0,3 % kmieni fl-2014. L-inflazzjoni hija pprojettata li terġa'
tħaffef il-pass fit-tieni nofs tal-2014 minħabba t-telf fil-valur
tal-koruna tard fl-2013. Id-domanda domestika aktar qawwija, imbagħad,
hija mistennija li tħeġġeġ l-inflazzjoni fl-2015. Fuq din
il-bażi, it-Tbassir tar-
Rebbiegħa 2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi li inflazzjoni
medja annwali tal-HICP tkun ta’ 0,8 % fl-2014 u 1,8 % fl-2015.
Il-livell tal-prezzijiet fir-Repubblika Ċeka (madwar 71 % tal-medja
taż-żona tal-euro fl-2012) huwa indikazzjoni ta' potenzjal għal
konverġenza tal-livell tal-prezz għat-tul. Jekk il-Kunsill jiddeċiedi li jħassar
il-proċedura ta' defiċit eċċessiv, ir-Repubblika Ċeka
tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi pubbliċi.
Ir-Repubblika Ċeka bħalissa hija s-suġġett ta’ Deċiżjoni
tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv
(Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2009)[15].
Il-Kunsill irrakkomanda lir-Repubblika Ċeka sabiex tikkoreġi
d-defiċit eċċessiv sal-2013. Id-defiċit tal-gvern
ġenerali fir-Repubblika Ċeka naqas għal 1,5% tal-PDG fl-2013.
Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni, li
huwa bbażat fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika,
il-proporzjon tad-defiċit mal-PDG se jkun ta' 1,9 % fl-2014 u
2,4 % fl-2015, filwaqt li d-dejn tal-gvern ġenerali huwa mistenni li
jibqa' bejn wieħed u ieħor stabbli fil-livell ta' 45,8 % tal-PDG
fl-2015. Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi u tat-Tbassir
tar-Rebbiegħa 2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni, din
tal-aħħar jidhrilha li d-defiċit eċċessiv ġie
kkoreġut bi tnaqqis kredibbli u sostenibbli tad-defiċit
baġitarju taħt it-3 % tal-PDG. Għalhekk, il-Kummissjoni
tirrakkomanda lill-Kunsill biex iħassar id-deċiżjoni dwar
l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għar-Repubblika
Ċeka. Ir-Repubblika Ċeka ma tissodisfax il-kriterju
dwar ir-rata tal-kambju. Il-korona Ċeka mhux qed
tipparteċipa fl-ERM II. Ir-Repubblika Ċeka topera reġim ta'
rata tal-kambju varjabbli, bil-possibilità ta' interventi fis-suq tal-muniti
barranin mill-bank ċentrali. Minn kmieni fl-2012 sa tard fl-2013, ir-rata
tal-kambju tal-koruna Ċeka kontra l-euro baqgħet bejn wieħed u
ieħor stabbli, l-aktar bir-rata ta' bejn 24 u 26 CZK/EUR.
Fis-7 ta' Novembru 2013, iċ-ČNB ħabbar li kien se
jintervjeni fis-suq tal-muniti barranin biex idgħajjef il-koruna, sabiex ir-rata
tal-kambju kontra l-euro taqbeż is-27 CZK/EUR. Bħala riżultat
ta' dan, il-koruna malajr tilfet fil-valur minn anqas minn 26 CZR/EUR għal
aktar minn 27 CZR/EUR u mbagħad kompliet biex laħqet 27,4 CZR/EUR
kmieni fl-2014. Matul is-sentejn qabel din il-valutazzjoni, il-korona
waqgħet kontra l-euro bi kważi 11 %. Ir-Repubblika Ċeka tissodisfa l-kriterju
dwar il-konverġenza ta' rati tal-imgħax għat-tul. Ir-rata tal-inflazzjoni medja Ċeka fuq 12-il xahar kienet
taħt il-valur referenzjarju fil-mument tal-aħħar valutazzjoni
ta’ konverġenza fl-2012. Ir-rata tal-imgħax medja għat-tul
fir-Repubblika Ċeka fis-sena sa April 2014 kienet ta' 2,2 %,
ferm taħt il-valur referenzjarju ta' 6,2 %. Wara xejra twila 'l
isfel, ir-rati tal-imgħax għat-tul fir-Repubblika Ċeka niżlu
minn livell ta' aktar minn 5 % f'nofs l-2009 għal taħt livell
ta' anqas minn 2 % tard fl-2012. Fl-istess ħin, id-differenza
fir-rendiment kontra l-bond ta' referenza għat-tul Ġermaniż
niżlet għal taħt il-100 punt ta' bażi. Id-differenza
fir-rendiment għat-tul baqgħet bejn wieħed u ieħor stabbli
fl-2013, u kienet qed iddur madwar il-50 punt ta' bażi, hekk kif
ir-rendiment żdied xi ftit kemm fir-Repubblika Ċeka kif ukoll
fil-Ġermanja. Id-differenza fir-rendiment kontra l-bonds ta' referenza
Ġermaniżi kibret għal madwar 70 punti ta' bażi kmieni
fl-2014. Ġew eżaminati wkoll fatturi
addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ
tal-ħlasijiet u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol, tal-prodotti
kif ukoll finanzjarji. Il-bilanċ estern tar-Repubblika Ċeka tjieb
ftit ftit minn defiċit ta' aktar minn 3 % tal-PDG fl-2010 għal
bilanċ pożittiv ta' 0,5 % tal-PDG fl-2013, l-aktar bħala
riżultat ta' bilanċ favorevoli akbar fil-kummerċ. L-ekonomija
Ċeka hija integrata tajjeb ħafna fiż-żona tal-euro permezz
tar-rabtiet ta' kummerċ u ta' investiment. Abbażi ta’ indikaturi
magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni
tar-Repubblika Ċeka hija agħar minn dik tal-biċċa l-kbira
tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Is-settur finanzjarju Ċek
huwa integrat tajjeb ħafna fis-settur finanzjarju tal-UE, l-aktar permezz
ta’ grad għoli ta' sjieda barranija ta' intermedjarji finanzjarji.
Fil-kuntest tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku,
ir-Repubblika Ċeka ma kinitx soġġetta għal rieżami
fil-fond.
4.
IL-KROAZJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha
tal-kompatibbiltà ġuridika u tas-sodisfar tal-kriterji ta’
konverġenza, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni
tqis li l-Kroazja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni
tal-euro. Il-leġiżlazzjoni fil-Kroazja hija
għal kollox kumpatibbli mad-dmir ta' konformità
skont l-Artikolu 131 tat-TFUE. Il-Kroazja tissodisfa l-kriterju dwar
l-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rata ta’ inflazzjoni
medja fil-Kroazja matul it-12-il xahar sa April 2014 kienet ta'
1,1 %, taħt il-valur referenzjarju ta' 1,7 %. Huwa mistenni li
fix-xhur li ġejjin se tibqa' taħt il-valur referenzjarju. L-inflazzjoni annwali HICP naqset b'mod
sinifikanti f'dawn l-aħħar sena u nofs minn livell ta' aktar minn 4%
fit-tieni nofs tal-2012 għal madwar żero fir-rebbiegħa tal-2014.
It-tnaqqis fl-inflazzjoni rrifletta prezzijiet orħos
għall-enerġija u l-ikel fis-swieq globali tal-komoditajiet,
l-għibien tal-impatt ta' żidiet li kien hemm qabel fi prezzijiet
amministrattivi, u l-effetti diżinflazzjonarji mir-riċessjoni mtawla.
F’April 2014, l-inflazzjoni annwali kienet madwar -0,1 %. Huwa pprojettat li l-inflazzjoni għandha
tibqa' mrażżna matul l-2014, fil-kuntest ta' domanda domestika baxxa,
żviluppi sfavorevoli fis-suq tax-xogħol u ta' ħtiġijiet
għolja ta' diżingranaġġ tas-settur privat u dak pubbliku.
It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprojetta
inflazzjoni HICP annwali medja ta' 0,8 % fl-2014 u 1,2 % fl-2015.
Il-livell tal-prezzijiet fil-Kroazja (madwar 69 % tal-medja
taż-żona tal-euro fl-2012) huwa indikazzjoni ta' potenzjal għal
aktar konverġenza fil-livell tal-prezzijiet għat-tul. Il-Kroazja ma tissodisfax il-kriterju dwar
il-finanzi pubbliċi. Il-Kroazja bħalissa
hija s-suġġett ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar
l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv (id-Deċiżjoni
tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2014), li l-Kunsill irrakkomanda
li għandu jiġi kkoreġut sal-2016. Il-proporzjon tad-defiċit
tal-gvern ġenerali mal-PDG laħaq l-4,9% fl-2013, kemm kemm anqas
mill-5% fl-2012. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2014 tas-servizzi
tal-Kummissjoni jipprojetta li d-defiċit jitniżżel għal
3,8 % tal-PDG l-2014 u 3,1 % tal-PDG fl-2015. Il-proporzjon tad-dejn
tal-gvern ġenerali mal-PDG huwa pprojettat li jiżdied matul
il-perjodu tal-previżjoni, minn 67,1% tal-PDG fl-2013 għal 69,2%
fl-2015. Il-Kroazja ma tissodisfax il-kriterju dwar
ir-rata tal-kambju. Il-kuna Kroata mhux qed
tipparteċipa fl-ERM II. Il-Kroazja topera reġim ta' rata
tal-kambju varjabbli ġestit b'mod strett, bil-possibilità ta' interventi
fis-suq tal-muniti barranin mill-bank ċentrali. Matul dawn
l-aħħar sentejn, il-kuna baqgħet bejn wieħed u ieħor
stabbli kontra l-euro, il-munita li magħha hija marbuta, u tvarja bejn 7,4
u 7,7 HRK/EUR. Id-deprezzament marġinali tal-kuna kontra l-euro
fl-aħħar snin kien riflessjoni ta' żviluppi domestiċi
ekonomiċi dgħajfa kif ukoll ta' kundizzjonijiet esterni sfavorevoli,
filwaqt li l-volatilità fi ħdan is-sena kienet marbuta
mal-istaġjonalità tad-dħul mit-turiżmu. Il-Kroazja tissodisfa l-kriterju dwar
il-konverġenza ta' rati tal-imgħax fuq terminu twil. Ir-rata tal-imgħax medja għat-tul fil-Kroazja, kif riflessa
mir-rendiment sekondarju tas-suq fuq bond uniku ta' referenza b'maturità
reżidwali ta' madwar 6 snin kienet ta' 4,8 % fis-sena sa April 2014,
li hija anqas mil-livell referenzjarju ta' 6,2 %. Hija naqset minn livell
ta' qrib is-7 % f'nofs l-2012 għal madwar l-4,6 %
fil-ħarifa 2013, qabel ma żdiedet ftit kmieni fl-2014. Fin-nuqqas ta'
bond sovran denominat fil-kuna ta' maturità itwal, l-iżviluppi
fir-rendiment għandhom jiġu interpretati b'kawtela kbira.
Id-differenza fir-rendiment kontra l-bond Ġermaniż ta' referenza
b'maturità ta' sitt snin kienet ta' madwar 370 punt ta' bażi
f'April 2014. Ġew eżaminati wkoll fatturi
addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u
l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol, tal-prodotti kif ukoll finanzjarji.
Il-bilanċ estern tal-Krozja kompla jitjieb b'mod konsiderevoli f'dawn
l-aħħar snin, u wassal għal bilanċ pożittiv ta' 1,2%
tal-PDG fl-2013, l-aktar minħabba kompressjoni fl-importazzjoni.
L-ekonomija tal-Krozja hija integrata fiż-żona tal-euro permezz ta'
rabtiet ta' kummerċ u ta' investiment, għalkemm ir-rabtiet mal-katini
globali tal-provvista baqgħu dgħajfa. Abbażi ta’ indikaturi magħżula
relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tal-Kroazja hija agħar
minn dik tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taż-żona
tal-euro. Is-settur finanzjarju huwa integrat ħafna fiż-żona
tal-euro permezz ta' sjieda barranija ta' banek domestiċi. Il-Kroazja
kienet is-suġġett ta' analiżi profonda fil-kuntest
tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku, li kkonkludiet li
l-pajjiż għaddej minn żbilanċi makroekonomiċi
eċċessivi, li jirrekjedu monitoraġġ speċifiku u
azzjoni ta' politika qawwija. B'mod partikolari, hija meħtieġa
azzjoni ta' politika fid-dawl tal-vulnerabilitajiet li jirriżultaw minn
responsabilitajiet esterni mdaqqsa, prestazzjoni fl-esportazzjoni li sejra
lura, ditti b'ingranaġġ qawwi u dejn tal-gvern ġenerali li qed
jiżdied malajr.
5.
IL-LITWANJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà
legali u tal-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u filwaqt li qieset
il-fatturi addizzjonali relevanti, il-Kummissjoni tqis li l-Litwanja tissodisfa
l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro. Il-leġiżlazzjoni fil-Litwanja hija
għal kollox kumpatibbli mad-dmir ta' konformità
skont l-Artikolu 131 tat-TFUE. Il-Litwanja tissodisfa l-kriterju dwar
l-istabbiltà tal-prezzijiet. Fil-Litwanja,
l-inflazzjoni medja fuq 12-il xahar kienet ogħla mill-valur referenzjarju
fiż-żmien tal-aħħar valutazzjoni ta’ konverġenza
fl-2012. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fil-Litwanja matul it-12-il xahar sa
April 2014 kienet ta' 0,6 %, sew taħt il-valur referenzjarju ta'
1,7 %. Huwa pprojettat li fix-xhur li ġejjin se tibqa' taħt
il-valur referenzjarju. Wara li laħqet il-quċċata ta'
inflazzjoni annwali HICP ta' 10 % fl-2008, ir-riċessjoni ekonomika u
aġġustament sinifikanti fil-pagi nominali wasslu biex l-inflazzjoni
titrażżan fl-2009 u l-2010. L-inflazzjoni reġgħet bdiet
taċċellera għal 4,1% bħala medja fl-2011 minħabba
prezzijiet ogħla tal-komoditajiet u l-irkupru ekonomiku. Minn dak
iż-żmien lil hawn hija kompliet f'xejra 'l isfel, ikkawżata minn
prezzijiet għall-enerġija u għall-ikel li kienu għaddejjin
minn inflazzjoni baxxa, u dan kollu kien mgħejjun ukoll mill-fatt li
tkompliet il-politika ekonomika ta' trażżin tal-pagi. L-inflazzjoni
battiet għal 3,2% fl-2012, u 1,2% fl-2013. L-inflazzjoni annwali HICP hija mistennija li tkun
ta' 1,0% bħala medja fl-2014 skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2014
tal-Kummissjoni, fatt li jirrifletti l-aktar żviluppi favorevoli fejn
jidħlu l-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija. Hija mistennija taqbad
pass 'l fuq fl-2015 biex tilħaq il-1,8 %, f'kuntest ta’ domanda
domestika li titjieb. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fil-Litwanja
(madwar 63 % tal-medja taż-żona tal-euro fl-2012)
jissuġġerixxi potenzjal għal aktar konverġenza fil-livell
tal-prezzijiet f’terminu ta’ żmien twil. Il-konverġenza sostenibbli timplika li
r-rispett għall-valur referenzjarju hija riżultat ta' fatturi
fundamentali ewlenin aktar milli fatturi temporanji. L-analiżi ta’ fatturi
fundamentali u l-fatt li l-valur referenzjarju ntlaħaq b'marġni
wiesgħa, iwieżnu valutazzjoni pożittiva dwar is-sodisfar
tal-kriterju tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Il-prospetti fejn tidħol l-inflazzjoni
għat-tul se jkunu jiddependu b'mod partikolari fuq kemm il-pagi jikbru
bil-pass tal-produttività. Peress li l-Litwanja hija ekonomija li għadha
trid tlaħħaq ma' oħrajn aktar avvanzati, il-pagi mistennija li
jikbru b'rata aktar mgħaġġla milli fil-biċċa l-kbira
tal-membri l-aktar avvanzati taż-żona tal-euro. Madankollu, ir-riskji
għall-istabbilità tal-prezzijiet li jiġu minn aġġustamenti
fil-prezzijiet marbuta mal-proċess ta' livellar huma limitati
minħabba l-flessibilità tas-suq tax-xogħol, li tagħha kien hemm
prova dan l-aħħar, u l-mekkaniżmi li jiffisaw il-pagi, li
għandhom jiżguraw li l-kostijiet tax-xogħol ikunu dejjem f'linja
mal-produttività. Huma mrażżna wkoll mill-progress sinifikanti li
għamel il-pajjiż fl-implimentazzjoni tad-direttiva tas-servizzi
tal-UE u l-kostijiet baxxi għad-dħul fis-suq, li jżommu fuq
livell għoli l-pressjonijiet kompetittivi, kif deher mill-entrati
ġodda li kien hemm dan l-aħħar fis-suq tal-bejgħ bl-imnut. Nuqqas
ta' ħaddiema b'livell tajjeb ta' kwalifiki, fuq perjodu ta' żmien
medju, jista' jwassal biex il-pagi jogħlew meta mqabbla mal-produttività.
Se jkun importanti li jiġi indirizzat l-ixkiel kollu biex jiġi
limitat kwalunkwe ssikkar fuq is-suq tax-xogħol. Id-diversifikazzjoni
tal-provvisti u swieq aktar kompetittivi jkunu wkoll ta' appoġġ
għal żviluppi favorevoli fil-prezzijiet fis-settur tal-enerġija.
Il-Litwanja tissodisfa l-kriterju dwar
il-finanzi pubbliċi. Il-Litwanja mhix
soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar
l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Id-defiċit tal-gvern
ġenerali niżel minn 5,5 % tal-PDG fl-2011 għal 3,2 %
tal-PDG fl-2012 l-aktar minħabba trażżin fin-nefqa.
Il-proporzjon tad-defiċit mal-PDG kien ta' 2,1 % fl-2013, u skont
it-Tbassir tar-Rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-2014, huwa
pprojettat li jibqa' fil-livell ta' 2.1 % tal-PDG fl-2014 u li jonqos
għal 1.6 % fl-2015, jekk wieħed jassumi li ma jkun hemm l-ebda
bidla ta' politika. Id-dejn tal-gvern ġenerali huwa mistenni li
jiżdied minn 39,4 % tal-PDG fl-2013 għal 41,4 % tal-PDG
fl-2015. Il-Litwanja qed timplimenta diversi miżuri
ta' governanza fiskali, li għandhom ikunu ta' sostenn fl-impenn
għat-tul ta' finanzi pubbliċi sodi. F’Marzu 2012, il-Litwanja
ffirmat it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-UEM
(TSCG), u l-liġi ta' ratifika rispettiva ġiet approvata
mill-Parlament f’Settembru 2012. Dan jimplika impenn addizzjonali sabiex
il-pajjiż jimxi fuq linji ta' politika fiskali orjentati lejn l-istabilità
u li jkunu sostenibbli. Il-gvern, f'nofs April, approva abbozz ta' pakkett
leġiżlattiv li jinkludi liġi kostituzzjonali dwar
is-sostenibilità tal-finanzi tas-settur tal-gvern ġenerali skont il-Patt
Fiskali, u l-Parlament se jivvota dwarha. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar
se jkollu l-inkarigu li jagħmilha ta' Kunsill Fiskali indipendenti.
It-traspożizzjoni tat-TSCG fil-liġi nazzjonali se jkun ta' sostenn
ulterjuri għal-leġiżlazzjoni eżistenti, b'mod partikolari
l-Liġi dwar id-Dixxiplina Fiskali, adottata fl-2007, u applikata sa
mill-2013. Hija bbażata fuq dispożizzjonijiet tal-Patt dwar
l-Istabilità u t-Tkabbir, torbot limiti massimi fl-infieq mad-dħul, u
tistabbilixxi bħala objettiv li jkun hemm baġit bilanċjat fuq
perjodu ta' żmien medju, kif ukoll is-sostenibilità għat-tul.
Madankollu, m'għandhiex qafas ta' nefqa vinkolanti fuq perjodu medju. Barra minn dan, l-emendi għal-Liġi dwar
il-Baġit Nazzjonali biex tiġi implimentata d-Direttiva
tal-Kunsill 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa
baġitarji tal-Istati Membri bil-mira li jkun hemm pożizzjoni ta'
bilanċ, jew ta' bilanċ pożittiv fuq iċ-ċiklu
daħlet fis-seħħ sħiħ fi żmien il-proċess
tal-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-2014. Dawn l-emendi
żiedu l-kontabilità tal-gvern għall-implimentazzjoni tal-miri fiskali
pluriennali; madankollu, l-effett tal-liġi l-ġdida għad irid
jiġi evalwat. Il-Litwanja tissodisfa l-kriterju tar-rata
tal-kambju. Il-Litwanja daħlet fl-ERM II
fit-28 ta’ Ġunju 2004 u ilha tipparteċipa
fil-mekkaniżmu għal kważi għaxar snin fiż-żmien
tal-adozzjoni ta' dan ir-rapport. Mad-dħul tagħha fl-ERM II,
l-awtoritajiet b’mod unilaterali impenjaw ruħhom biex iżommu l-bord
tal-valuta eżistenti fi ħdan il-mekkaniżmu. Il-bord tal-valuta għadu
sostnut tajjeb minn riżervi ta' munita barranija. Id-differenzjali
tal-imgħax fuq żmien qasir fil-konfront tal-euro niżlu għal
livelli baxxi ħafna. Matul il-perjodu ta’ valutazzjoni ta’ sentejn,
il-litas ma ddevjatx mir-rata ċentrali, u ma esperjenzatx tensjonijiet. Il-Litwanja tissodisfa l-kriterju dwar
il-konverġenza ta' rati tal-imgħax għal żmien twil. Ir-rata medja tal-imgħax għal żmien twil fis-sena sa
April 2014 kienet ta' 3,6 %, taħt il-valur referenzjarju ta'
6,2 %. Ir-rata medja tal-imgħax għal żmien twil
fil-Litwanja kienet taħt il-valur referenzjarju fil-mument
tal-aħħar valutazzjoni ta’ konverġenza fl-2012 (5,2 %).
Kompliet nieżla sa taħt l-4 % fl-2013, fatt li kien riflessjoni
ta' sentiment aħjar ta' investiment lejn il-pajjiż, sostnut minn
klassifikazzjoni tal-kreditu sovran aħjar, kif ukoll l-inflazzjoni
domestika relattivament baxxa. Għalkemm is-suq tal-bonds tal-gvern
għat-tul, iddominat mil-litas, huwa relattivament baxx, il-gvern
ħareġ titoli ta' dejn b'maturità oriġinali ta' massimu ta' 10
snin fl-2012 u l-2013. Ġew eżaminati wkoll fatturi
addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u
l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol, tal-prodotti kif ukoll finanzjarji.
Wara li kellha bilanċ pożittiv sostanzjali fl-2009, il-bilanċ
estern tal-Litwanja (jiġifieri l-kont kurrenti u kapitali kkombinat) mar
lura xi ftit fl-2010, u laħaq defiċit ta' 1,2% tal-PDG fl-2011,
iżda reġa' kien hemm bilanċi pożittivi fl-2012, u fl-2013.
Il-kont tad-dħul mexa lejn bilanċ pożittiv fl-2009, riflessjoni
l-aktar ta' dispożizzjonijiet li jiġġeneraw it-telf
magħmula minn banek ta' proprjetà barranija, u kellu defiċit
mill-2010 'l quddiem, meta l-banek ta' proprjetà barranija reġgħu
kisbu l-kapaċità ta’ profitt. It-trasferimenti kurrenti u l-kont kapitali
kellhom bilanċi pożittivi sinifikanti b'mod konsistenti, fattur li
jirrifletti flussi 'l ġewwa pożittivi netti minn fondi tal-UE u minn
flejjes li jibagħtu l-emigranti. Il-flussi 'l ġewwa ta' investiment
dirett barrani rkupraw wara li kienu kkollassaw fl-2009, u laħqu
l-quċċata fl-2011 fil-livell ta' 3,2% tal-PDG, madankollu huma
żelqu lura għal 0,7% fl-2012 u rkupraw biss ftit fl-2013. It-tnaqqis
sinifikanti li kien hemm fl-2009-2011 fir-rata tal-kambju reali-effettiva,
b'mod partikolari meta tiġi deflatata bil-kosti ta' kull unità lavorattiva
(unit labour cost - ULC) taw imbuttatura qawwija lill-kost-kompetittività
tal-Litwanja, u l-Litwanja tejbet b'mod sostanzjali l-prestazzjoni tagħha
fejn jidħlu l-esportazzjonijiet. Wara xejra moderata 'l fuq, ir-rata
tal-kambju reali effettiva (real effective exchange rate - REER), deflatata
bil-ULC għoliet b'madwar 6 % u ċ-ċifra delflatata bil-HICP
b'madwar 3 % bejn nofs l-2012 u April 2014. L-ekonomija Litwana hija integrata tajjeb
ħafna fiż-żona tal-euro permezz tar-rabtiet ta' kummerċ u
ta' investiment. Is-suq tax-xogħol ta prova ta' flessibilità sostanzjali,
għalkemm il-qgħad strutturali huwa għoli. Abbażi ta’
indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni
tal-Litwanja ġeneralment hija konformi mal-medja tal-Istati Membri
fiż-żona tal-euro. Is-settur finanzjarju tal-Litwanja huwa integrat
sew fis-sistema finanzjarja tal-UE kif ikkonfermat mill-ħafna banek
barranin. Is-superviżjoni finanzjarja ssaħħet b'mod sostanzjali
f'dawn l-aħħar snin. Il-kooperazzjoni mal-kontrolluri tal-pajjiż
ta' oriġini ġiet mtejba aktar.
6.
L-UNGERIJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha
tal-kompatibbiltà ġuridika u tas-sodisfar tal-kriterji ta’
konverġenza, u b’kunsiderazzjoni ta' fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni
tqis li l-Ungerija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni
tal-euro. Il-leġiżlazzjoni fl-Ungerija - b'mod partikolari l-Liġi dwar il-Magyar Nemzeti Bank (MNB) – mhix
kompatibbli b’mod sħiħ mal-obbligu tal-konformità skont
l-Artikolu 131 tat-TFUE. L-inkompatibbiltajiet notevolment
jikkonċernaw l-indipendenza tal-MNB, il-projbizzjoni ta’ finanzjament
monetarju u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ
fiż-żmien tal-adozzjoni tal-euro fir-rigward tal-kompiti
tas-SEBĊ stabbiliti fl-Artikolu 127(2) tat-TFUE u l-Artikolu 3
tal-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. Barra minn hekk, il-Liġi dwar l-MNB
fiha wkoll elementi inkompatibbli u imperfezzjonijiet ulterjuri rigward
l-integrazzjoni tal-MNB fis-SEBĊ. L-Ungerija tissodisfa l-kriterju dwar
l-istabbiltà tal-prezzijiet. Fl-Ungerija,
l-inflazzjoni medja fuq 12-il xahar kienet ogħla mill-valur referenzjarju
fiż-żmien tal-aħħar valutazzjoni ta’ konverġenza
fl-2012. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fl-Ungerija matul it-12-il xahar sa
April 2014 kienet ta' 1,0 %, taħt il-valur referenzjarju ta'
1,7 %. Huwa pprojettat li fix-xhur li ġejjin se tibqa' taħt
il-valur referenzjarju. L-inflazzjoni annwali laħqet
il-quċċata f'Settembru 2012 qabel ma niżlet f'daqqa
f'Jannar 2013, hekk kif għeb l-effett taż-żidiet fit-taxxi
indiretti li kienu saru qabel, u l-bidu ta' sensiela ta' tnaqqis tal-prezzijiet
tal-utilitajiet. Tnaqqis fil-prezzijiet fis-suq tal-enerġija u l-ikel
ukoll kien ta' sostenn għad-diżinflazzjoni, bħal ma kienu wkoll
id-domanda domestika batuta u aspettattivi tal-aktar inflazzjoni baxxa
fl-istorja. Min-naħa l-oħra, kien hemm pressjoni sostanzjali 'l fuq
fil-prezzijiet biż-żidiet tad-dazju tas-sisa u xi miżuri
oħra tal-gvern. F’April 2014, l-inflazzjoni annwali tal-HICP kienet
madwar -0,2 %. L-inflazzjoni hija pprojettata li tiżdied
għal 1,0 % fl-2014 u għal 2,8 % fl-2015, skont it-Tbassir
tar-Rebbiegħa 2014 tas-servizzi tal-Kumissjoni, l-aktar minħabba
l-għibien tal-effett tat-tnaqqis fil-prezzijiet tal-utilitajiet, ta'
żviluppi anqas favorevoli fil-prezzijiet tal-komoditajiet u l-għeluq
ftit ftit tad-differenza fir-rendiment. Il-livell relattivament baxx
tal-prezzijiet fl-Ungerija (madwar 59 % tal-medja taż-żona
tal-euro fl-2012) huwa indikazzjoni ta' potenzjal għal aktar
konverġenza fil-livell tal-prezzijiet f’terminu ta’ żmien twil. L-Ungerija tissodisfa l-kriterju dwar
il-finanzi pubbliċi. L-Ungerija mhix
soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar
l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Il-bilanċ tal-gvern
ġenerali, wara li kien pożittiv fil-livell ta' 4,3% tal-PDG fl-2011,
minħabba operazzjoni waħda sinifikanti ta' darba, reġa' mar lura
għal defiċit ta' 2,1% tal-PDG fl-2012. Il-proporzjon tad-defiċit
mal-PDG laħaq 2,2 % fl-2013, u skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa
tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-2014, se jkun ta' 2,9 % fl-2014 u 2,8 %
fl-2015, jekk wieħed jassumi li ma jkun hemm l-ebda bidla ta' politika.
Id-dejn tal-gvern ġenerali huwa mistenni li jiżdied marġinalment
minn 79,2 % tal-PDG fl-2013 għal 79,5 % tal-PDG fl-2015. L-Ungerija ma tissodisfax il-kriterju dwar
ir-rata tal-kambju. Il-forint Ungeriż mhux qed
jieħu sehem fl-ERM II. L-Ungerija topera reġim ta' rata
tal-kambju varjabbli, bil-possibilità ta' interventi fis-suq tal-muniti
barranin mill-bank ċentrali. Ir-rata tal-kambju tal-forint kontra l-euro kienet
volatili fis-snin riċenti. Il-forint kien bejn wieħed u ieħor
stabbli kontra l-euro fit-tieni nofs tal-2012, iżda naqqas fil-valur
b'madwar 6 % kmieni fl-2013. Bis-sostenn ta' interess akbar
mill-investituri fl-assi finanzjarju tal-UE, u tat-titjib fis-sitwazzjoni makroekonomika,
il-forint issaħħaħ f'Mejju u żamm fil-firxa ta' bejn
290-300 HUF/EUR għall-bqija tal-2013, ħlief għal ftit jiem qabel
il-laqgħa tal-Fed ta' Settembru u tard f'Diċembru. Il-forint
żamm fil-livell ta' aktar minn 300 HUF/EUR fl-ewwel xhur tal-2014, bi
pressjonijiet temporanji marbuta l-aktar ma' aspettattivi rigward il-politika
monetarja tal-Istati Uniti, il-kontinwazzjoni ta' alleġġeriment
monetarju, kif ukoll il-kriżi politika fl-Ukraina. L-Ungerija tissodisfa l-kriterju dwar
il-konverġenza ta' rati tal-imgħax għal żmien twil. Ir-rata medja tal-imgħax għal żmien twil fis-sena sa
April 2014 kienet ta' 5,8 %, taħt il-valur referenzjarju ta'
6,2 %. Kienet fuq il-valur referenzjarju fi żmien l-aħħar
valutazzjoni ta’ konverġenza tal-Ungerija fl-2012. Ir-rata tal-imgħax
medja għal xahar, għat-tul, niżlet mill-quċċata ta'
9,5% kmieni fl-2012 għal qrib il-5 % sa Mejju 2013. Ir-rati
tal-imgħax għat-tul għolew matul is-sajf tal-2013, u kmieni
fl-2014, iżda varjaw ġeneralment f'firxa qrib il-medja annwali tagħhom.
Id-differenza fir-rendiment għat-tul fil-konfront tal-bonds ta' referenza
Ġermaniżi kienet ta' madwar 410 punti bażi f'April 2014. Ġew eżaminati wkoll fatturi
addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u
l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol, tal-prodotti kif ukoll finanzjarji.
Il-bilanċ pożittiv estern tal-Ungerija żdied ftit ftit sa
mill-2009. Sa mill-2011, it-titjib kien riflessjoni l-aktar ta' bilanċi
pożittivi fil-kummerċ tal-prodotti u ta' assorbiment aħjar ta'
fondi tal-UE. Il-flussi 'l ġewwa netti ta' FDI għadhom relattivament
baxxi. L-assistenza għall-bilanċ tal-pagamenti mogħtija
lill-Ungerija mill-UE u mill-FMI fil-ħarifa tal-2008 skadiet tard fl-2010.
Għalkemm l-Ungerija talbet assistenza prekawzjonarja
għall-bilanċ tal-pagamenti f'Novembru 2011, peress li
s-sitwazzjoni fis-suq finanzjarju tal-pajjiż tjiebet, it-talba ġiet
irtirata f'Jannar 2014. L-ekonomija tal-Ungerija hija integrata tajjeb
ħafna maż-żona tal-euro permezz tar-rabtiet ta' kummerċ u
ta' investiment. Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati
mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni tal-Ungerija hija agħar minn dik
tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taż-żona tal-euro.
Is-settur finanzjarju tal-Ungerija huwa integrat tajjeb fis-sistema finanzjarja
tal-UE. Fil-kuntest tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku
tagħha, l-Ungerija kienet soġġetta għal rieżami
profond, li minnu rriżulta li l-Ungerija għadha għaddejja minn
żbilanċi makroekonomiċi, li jirrikjedu monitoraġġ u
azzjoni deċiżiva ta' politika.
7.
IL-POLONJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha
tal-kompatibbiltà ġuridika u tas-sodisfar tal-kriterji ta’
konverġenza, u b’kunsiderazzjoni ta' fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni
tqis li l-Polonja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Il-leġiżlazzjoni fil-Polonja – b’mod partikolari l-Att dwar in-Narodowy Bank Polski (NBP) u
l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja - mhumiex kompatibbli b’mod
sħiħ mal-obbligu tad-dazju skont l-Artikolu 131 tat-TFUE.
L-inkompatibilitajiet jikkonċernaw l-indipendenza tal-bank ċentrali,
il-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju u l-integrazzjoni tal-bank
ċentrali fis-SEBĊ fiż-żmien tal-adozzjoni tal-euro. Barra
minn hekk, l-Att dwar il-BNP fih ukoll xi nuqqasijiet li jikkonċernaw
l-indipendenza tal-bank ċentrali u l-integrazzjoni tal-NBP fis-SEBĊ
fiż-żmien tal-adozzjoni tal-euro. Il-Polonja tissodisfa l-kriterju dwar
l-istabbiltà tal-prezzijiet. Fil-Polonja,
l-inflazzjoni medja fuq 12-il xahar kienet ogħla mill-valur ta' referenza
fiż-żmien tal-aħħar valutazzjoni ta’ konverġenza
fl-2012. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fil-Polonja matul it-12-il xahar sa
April 2014 kienet ta' 0,6 %, sew taħt il-valur referenzjarju ta'
1,7 %. Huwa mistenni li fix-xhur li ġejjin se tibqa' taħt
il-valur referenzjarju. L-inflazzjoni annwali HICP naqset b'mod rapidu
minn livell ta' aktar minn 4 % fl-ewwel nofs tal-2012 għal taħt
il-1% fit-tieni kwart tal-2013, minħabba żviluppi favorevoli
fil-prezzijiet tal-komoditajiet kif ukoll tnaqqis f'daqqa fil-prezzijiet
tas-servizzi ta' telekommunikazzjonijiet. Baqgħet taħt il-1 %
matul it-tieni nofs tal-2013 u kmieni fl-2014, fil-biċċa l-kbira fatt
li rrifletta l-pressjonijiet ta' inflazzjoni baxxa fis-swieq globali kif ukoll
rata tal-kambju relattivament stabbli. L-inflazzjoni mistennija li tiżdied biss b'mod
gradwali għal 1,1 % fl-2014 u għal 1.,9 % fl-2015, skont
it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni, peress li
huwa stmat li d-distakk fil-potenzjal tal-produzzjoni jibqa' negattiv.
Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fil-Polonja (qrib is-56 %
tal-medja taż-żona tal-euro fl-2012) jissuġġerixxi
potenzjal għal aktar konverġenza fil-livell tal-prezzijiet f’terminu
ta’ żmien twil. Il-Polonja ma tissodisfax il-kriterju dwar
il-finanzi pubbliċi. Il-Polonja bħalissa
hija soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar
l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv (id-Deċiżjoni
tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2009)[16].
Il-Kunsill irrakkomanda lill-Polonja biex tikkoreġi d-defiċit
eċċessiv tagħha sal-2012.
Fil-21 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill ikkonkluda li l-Polonja
kienet ħadet azzjoni effettiva, iżda seħħew xi avvenimenti
ekonomiċi avversi li kellhom implikazzjonijiet maġġuri fuq
il-finanzi pubbliċi, u ħarġet rakkomandazzjoni riveduta skont
l-Artikolu 126(7) TFUE li fiha hija rrakkomandat li l-Polonja ttemm
is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv sal-2014. Il-Kunsill
stabbilixxa l-iskadenza tal-1 ta' Ottubru 2013 biex il-Polonja
tieħu azzjoni effettiva. Fl-10 ta’ Diċembru 2013,
il-Kunsill stabbilixxa, skont l-Artikolu 126(8) TFUE, li l-Polonja ma
kinitx ħadet azzjoni effettiva. Hija adottat rakkomandazzjoni ġdida
skont l-Artikolu 126(7) TFUE, skont liema l-Polonja kellha
ġġib fi tmiem is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv
sal-2015 b'mod kredibbli u sostnut. Skont it-Tbassir tar-rRbbiegħa tal-2014
tas-servizzi tal-Kummissjoni, huwa pprojettat li l-bilanċ fil-baġit
tal-gvern ġenerali jiżdied minn defiċit ta' 4,3 % tal-PDG
fl-2013 għal bilanċ pożittiv ta' 5,7 % tal-PDG fl-2014,
l-aktar minħabba trasferiment kbir ta' assi, ta' darba, mit-tieni pilastru
tal-pensjonijiet. Fl-2015, il-bilanċ tal-baġit tal-gvern
ġenerali mistenni li jerġa' jsir negattiv, b'defiċit ta'
2,9 % tal-PDG skont l-ESA95. Il-proporzjon ta' dejn mal-PDG tal-gvern
ġenerali mistenni li jiċkien minn 57 % fl-2013 għal
49,2 % fl-2014, l-aktar bħala riżultat tat-trasferiment ta' assi
tal-fondi tal-pensjonijiet, qabel ma jogħla għal 50 % fl-2015. Il-Polonja ma tissodisfax il-kriterju dwar
ir-rata tal-kambju. Iż-zloty Pollakk mhux qed
jieħu sehem fl-ERM II. Il-Polonja topera reġim ta' rata
tal-kambju varjabbli, bil-possibilità ta' interventi fis-suq tal-muniti
barranin mill-bank ċentrali. Wara telf qawwi tal-valur fit-tieni nofs
tal-2011 - li wasslet għal interventi fis-suq tal-muniti barranin mill-NBP
- ir-rata tal-kambju taż-zloty kontra l-euro rkuprat b'mod parzjali kmieni
fl-2012. Minn hemm 'l hemm, iż-zloty bejn wieħed u ieħor sab
stabilità u ġie skambjat l-aktar bejn il-valuri ta' 4,1-4,3 PLN/EUR sa
kmieni fl-2014. Imqabbel ma' April 2012, ir-rata tal-kambju tal-izloty
kontra l-euro baqgħet għalhekk bażikament l-istess
f'April 2014. Il-Polonja tissodisfa l-kriterju dwar
il-konverġenza tar-rati tal-imgħax għal żmien twil. Ir-rata tal-imgħax medja Pollakka fuq 12-il xahar kienet
eżatt fil-valur referenzjarju fil-mument tal-aħħar valutazzjoni
ta’ konverġenza fl-2012. Ir-rata medja tal-imgħax għal
żmien twil fis-sena sa April 2014 kienet ta' 4,2 %, sew
taħt il-valur referenzjarju ta' 6,2 %. Ir-rati tal-imgħax
għat-tul tbaxxew minn aktar minn 6 % kmieni fl-2011 għal
taħt l-4 % sa tmiem l-2012, fatt li jirrifletti sentiment aħjar
tal-investituri lejn il-pajjiż, kif ukoll tnaqqis sostanzjali
fl-inflazzjoni domestika. Ir-rati tal-imgħax għat-tul
reġgħu għolew matul it-tieni nofs tal-2013 hekk kif naqas
l-aptit għar-riskju fis-swieq finanzjarji globali. Bħala
riżultat ta' dan, id-differenza fir-rendiment tar-rata tal-imgħax
għat-tul fil-konfront tal-bond ta' referenza Ġermaniż kienet
qiegħda ddur madwar 270 punti ta' bażi kmieni fl-2014. Ġew eżaminati wkoll fatturi
addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u
l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol, tal-prodotti kif ukoll finanzjarji.
Il-bilanċ estern tal-Polonja tjieb b'mod konsiderevoli f'dawn
l-aħħar snin, u wassal għal bilanċ pożittiv ta'
1 % tal-PDG fl-2013, permezz ta' bilanċ imsaħħaħ
fil-kummerċ. L-ekonomija Pollakka hija integrata tajjeb ħafna
fiż-żona tal-euro permezz tar-rabtiet ta' kummerċ u investiment.
Abbażi ta’ indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju,
il-prestazzjoni tal-Polonja hija agħar minn dik tal-biċċa
l-kbira tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Is-settur finanzjarju
tal-Polonja huwa integrat sew fis-sistema finanzjarja tal-UE kif ikkonfermat
mill-għadd sostanzjali ta’ banek barranin. Fil-kuntest tal-Proċedura
ta' Żbilanċ Makroekonomiku, il-Polonja ma kinitx soġġetta
għal rieżami fil-fond.
8.
IR-RUMANIJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha
tal-kompatibbiltà ġuridika u tas-sodisfar tal-kriterji ta’
konverġenza, u b’kunsiderazzjoni ta' fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni
tqis li r-Rumanija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni
tal-euro. Il-leġiżlazzjoni fir-Rumanija - b'mod partikolari l-Liġi Nru 312 dwar l-Istatut tal-Bank
tar-Rumanija (il-Liġi tal-BNR) – mhix kompatibbli b’mod sħiħ
mal-obbligu tal-konformità skont l-Artikolu 131 tat-TFUE.
L-inkompatibilitajiet jikkonċernaw l-indipendenza tal-bank ċentrali,
il-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju u l-integrazzjoni tal-bank
ċentrali fis-SEBĊ fiż-żmien tal-adozzjoni tal-euro. Barra
minn hekk, il-Liġi tal-BNR fiha imprefezzjonijiet marbuta mal-indipendenza
tal-bank ċentrali u mal-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ
fil-mument tal-adozzjoni tal-euro għar-rigward tal-objettivi tal-BNR u
l-kompiti tas-SEBĊ kif stabbiliti fl-Artikolu 127(2) tat-TFUE u
l-Artikolu 3 tal-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. Ir-Rumanija ma tissodisfax il-kriterju dwar
l-istabbiltà fil-prezzijiet. Fir-Rumanija,
l-inflazzjoni medja fuq 12-il xahar kienet ogħla mill-valur referenzjarju
fiż-żmien tal-aħħar valutazzjoni ta’ konverġenza
fl-2012. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fir-Rumanija matul it-12-il xahar sa April 2014
kienet ta' 2,1 %, fuq il-valur referenzjarju ta' 1,7 %. Huwa
pprojettat li fix-xhur li ġejjin se tibqa' fuq il-valur referenzjarju. Ir-Rumanija kellha rati ta' inflazzjoni volatili u
elevati f'dawn l-aħħar snin. L-inflazzjoni annwali laħqet
il-quċċata fil-livell ta' 8,5% f'Mejju 2011, wara żieda
fir-rata standard tal-VAT f'nofs l-2010 u wara żieda fil-prezzijiet
tal-ikel. Niżlet b'mod sostanzjali matul it-tieni nofs tal-2011 u kmieni
fl-2012, sostnuta minn ħsad tajjeb u prezzijiet aktar baxxi tal-komoditajiet
tal-enerġija, iżda reġgħet bdiet tiela' fit-tieni nofs
tal-2012 u fil-bidu tal-2013 minħabba prezzijiet li żdiedu tal-ikel u
tal-enerġija. L-inflazzjoni medja annwali trażżnet sa ftit aktar
minn 3 % fl-2012 u l-2013. L-inflazzjoni mistennija li tkun aktar baxxa
fl-2014, sostnuta minn prezzijiet aktar baxxi tal-ikel u mistennija terġa'
titla' fl-2015 hekk kif mistennija tirkupra d-domanda domestika. It-Tbassir
tar-Rebbiegħa 2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprojetta inflazzjoni
HICP annwali medja ta' 2,5 % fl-2014 u 3,3 % fl-2015. Il-livell
relattivament baxx tal-prezzijiet fir-Rumanija (madwar 54 % tal-medja
taż-żona tal-euro fl-2012) huwa indikazzjoni ta' potenzjal
sinifikanti għal aktar konverġenza fil-livell tal-prezzijiet
f’terminu ta’ żmien twil. Ir-Rumanija tissodisfa l-kriterju dwar
il-finanzi pubbliċi. Ir-Rumanija mhix
soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar
l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Id-defiċit tal-gvern
ġenerali niżel minn 5,5 % tal-PDG fl-2011 għal 3,0 %
tal-PDG fl-2012 l-aktar minħabba trażżin fin-nefqa iżda
wkoll bis-saħħa ta' miżuri ta' dħul. Il-proporzjon
tad-defiċit mal-PDG kien ta' 2,3 % fl-2013, u skont it-Tbassir
tar-Rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-2014, huwa pprojettat li
jkompli nieżel għal 2.2 % tal-PDG fl-2014 u għal 1,9 %
fl-2015, jekk wieħed jassumi li ma jkun hemm l-ebda bidla ta' politika.
Id-dejn tal-gvern ġenerali huwa mistenni li jiżdied minn 38,4 %
tal-PDG fl-2013 għal 40,1 % tal-PDG fl-2015. Ir-Rumanija ma tissodisfax il-kriterju dwar
ir-rata tal-kambju. Il-leu Rumen mhux qed jieħu
sehem fl-ERM II. Ir-Rumanija topera reġim ta' rata tal-kambju
varjabbli, bil-possibilità ta' interventi fis-suq tal-muniti barranin mill-bank
ċentrali. Wara tnaqqis qawwi fil-valur matul il-kriżi finanzjarja
globali tard fl-2008 u kmieni fl-2009, il-leu bejn wieħed u ieħor
żamm stabbli mill-2009 sa tard fl-2011, sostnut mill-programm ta'
assistenza tal-UE u l-FMI. Kien hemm pressjoni 'l isfel fuq ir-rata tal-kambju
tal-leu kontra l-euro matul il-perjodi temporanji ta' stmerrija globali
għar-riskju, speċjalment f'nofs l-2012. Hija ssodat xi ftit tard
fl-2012 u kmieni fl-2013, hekk kif l-interess barrani f'assi denominati fir-RON
żdiedu. Ir-rata tal-kambju tal-leu kontra l-euro naqset b'mod temporanju f'nofs
l-2013 u kmieni fl-2014, fattur li rrifletta żied fl-istmerrija globali
għar-riskju, li wassal biex il-BNR iwettaq operazzjonijiet fis-suq bejn
il-banek, kif ukoll fis-suq tal-muniti barranin. Matul is-sentejn qabel din
il-valutazzjoni, il-leu naqqas il-valur fil-konfront tal-euro b’1,9 %. Ir-Rumanija tissodisfa l-kriterju dwar
il-konverġenza ta' rati tal-imgħax fuq terminu twil. Ir-rati medji tal-imgħax għal żmien twil fir-Rumanija
kienu ogħla mill-valur referenzjarju fil-mument tal-aħħar
valutazzjoni ta’ konverġenza fl-2012. Ir-rata medja tal-imgħax
għal tul fir-Rumanija fis-sena sa April 2014 kienet ta' 5,3 %,
taħt il-valur referenzjarju ta' 6,2 %. Ir-rati tal-imgħax
għal żmien twil fir-Rumanija żammew fil-livell ta' ftit aktar
minn 7 % għall-parti l-kbira tal-perjodu 2010-2011, qabel ma
reġgħu naqsu fl-2012. Huma niżlu għal madwar 5,5% sa tmiem
l-2012 u żammet fil-livell ta' madwar 5,3% matul il-biċċa
l-kbira tal-2013, fattur li jirrifletti sentiment itjeb tal-investituri lejn il-pajjiż.
Bħala riżultat, id-distakk tar-rendiment tar-rata tal-imgħax
għat-tul fil-konfront tal-bond ta' referenza Ġermaniż tbaxxa
minn aktar minn 500 punt ta' bazi tard fl-2012 għal madwar 380 punt ta'
bazi f'April 2014. Ġew eżaminati wkoll fatturi
addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u
l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol, tal-prodotti kif ukoll finanzjarji.
Il-bilanċ estern tar-Rumanija (jiġifieri l-kont kurrenti u kapitali
kkombinati) tjieb sew waqt il-kriżi globali. Id-defiċit estern
tar-Rumanija ċkien għal 3 % tal-PDG fl-2012 u l-bilanċ
estern mar għal bilanċ pożittiv fl-2013. It-tnaqqis fid-distakk
estern irrifletta, b'mod partikolari, defiċit iżgħar
fil-kummerċ tal-merkanzija. Ir-Rumanija ilha tirċievi għajnuna finanzjarja
internazzjonali mill-2009. L-ewwel programm ta' sentejn ta' assistenza
finanzjarja konġunt bejn l-UE u l-FMI kien ġie segwit minn
żewġ programmi oħra konġunti bejn l-UE u l-FMI,
mogħtija fl-2011 u fl-2013. Kuntrarju għall-ewwel programm,
iż-żewġ programmi segwenti tqiesu bħala prekawzjonarju, u sa
issa għadu ma ntalab l-ebda finanzjarment. Il-pressjonijiet ta’
finanzjament estern komplew jonqsu fl-2012-2013 fost titjib fil-bilanċ
esterni u irkupru tar-rieda għat-teħid ta’ riskji globali.
L-ekonomija Rumena hija integrata tajjeb fiż-żona tal-euro permezz
tar-rabtiet ta' kummerċ u investiment. Abbażi ta’ indikaturi
magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni
tar-Rumanija hija agħar minn dik tal-biċċa l-kbira tal-Istati
Membri taż-żona tal-euro. Is-settur finanzjarju tar-Rumanija huwa integrat
sew fis-sistema finanzjarja tal-UE kif ikkonfermat mill-għadd sostanzjali
ta’ banek barranin. Fil-kuntest tal-Proċedura ta' Żbilanċ
Makroekonomiku, ir-Rumanija ma kinitx soġġetta għal rieżami
fil-fond.
9.
L-ISVEZJA
Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà
ġuridika u tas-sodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u
b’kunsiderazzjoni ta' fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Isvezja ma
tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro. Il-leġiżlazzjoni fl-Isvezja - partikolarment l-Att dwar is-Sveriges Riksbank, l-Istrument
tal-Gvern u l-Liġi dwar il-Politika tar-Rata tal-Kambju - mhijiex
kompatibbli b’mod sħiħ mal-obbligu tal-konformità skont
l-Artikolu 131 tat-TFUE. Inkompatibbiltajiet u imperfezzjonijiet
jeżistu fl-oqsma tal-indipendenza tal-bank ċentrali, il-projbizzjoni
ta’ finanzjament monetarju u l-integrazzjoni tal-bank ċentrali
fis-SEBĊ fiż-żmien tal-adozzjoni tal-euro. L-Isvezja tissodisfa l-kriterju dwar
l-istabbiltà tal-prezzijiet. Fl-Isvezja, l-inflazzjoni
medja fuq 12-il xahar kienet taħt il-valur referenzjarju
fiż-żmien tal-aħħar valutazzjoni ta’ konverġenza
fl-2012. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fl-Isvezja matul it-12-il xahar sa
April 2014 kienet ta' 0,3 %, sew taħt il-valur referenzjarju ta'
1,7 %. Huwa pprojettat li fix-xhur li ġejjin se tibqa' sew taħt
il-valur referenzjarju. F'dawn l-aħħar snin, l-inflazzjoni HICP
fl-Isvezja niżlet minn medja ta' 1,4% fl-2011 għal 0,9% fl-2012,
qabel ma kompliet nieżla għal 0,4% fl-2013. It-tnaqqis matul
l-aħħar sentejn kien misjuq mit-tisħiħ tal-krona u
d-domanda interna u esterna kajmana, u kellha bażi wiesgħa madwar
diversi prodotti u servizzi. F’April 2014, l-inflazzjoni annwali tal-HICP
kienet madwar 0,3 %. Fl-isfond ta' żieda gradwali fit-tkabbir,
l-inflazzjoni x'aktarx li tiżdied biss b'mod moderat matul l-2014. M'hi
prevista l-ebda pressjoni 'l fuq minn xi element HICP u l-iżviluppi
rigward il-pagi huma pprojettati li jibqgħu moderati. It-Tbassir
tar-Rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprojetta
inflazzjoni medja annwali ta’ 0,5 % fl-2014 u 1,5 % fl-2015.
Il-livell tal-prezzijiet tal-konsumatur fl-Isvezja mqabbel maż-żona
tal-euro żdiedu b'mod gradwali mindu l-Isvezja ngħaqdet mal-UE
fl-1995, għal 126 % fl-2012. L-Isvezja tissodisfa l-kriterju dwar il-finanzi
pubbliċi. L-Isvezja mhijiex soġġetta
għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta'
defiċit eċċessiv. Il-bilanċ tal-gvern ġenerali kellu
defiċit ta' 0,6 % tal-PDG fl-2012, li kiber għal 1,1 %
fl-2013. Dan kien l-aktar riflessjoni ta' tkabbir kajman kif ukoll ta'
għadd ta' miżuri meħuda mill-gvern biex isostni l-ekonomija.
Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni,
id-defiċit tal-gvern huwa pprojettat li jilħaq 1,8 % tal-PDG
fl-2014, qabel ma jonqos għal 0,8 % fl-2015 bis-suppożizzjoni
ta’ ebda bidla fil-politika. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku gross kien ta'
40,6 % tal-PGD fl-2013 u huwa projettat li jkompli jiżdied għal
41,6 % tal-PGD fl-2014, qabel ma jerġa' jitbaxxa għal 40,4%
fl-2015. L-Isvezja ma tissodisfax il-kriterju dwar
ir-rata tal-kambju. Il-krona Svediża mhix
tieħu sehem fl-ERM II. L-Isvezja topera reġim ta' rata tal-kambju
varjabbli, bil-possibilità ta' interventi fis-suq tal-muniti barranin mill-bank
ċentrali. Wara t-telf qawwi fil-valur tal-krona kontra l-euro fil-bidu
tal-kriżi finanzjarja fl-2008, il-krona għoliet fil-valur b'xi
35 % bejn Marzu 2009 u Awwissu 2012, u laħqet l-ogħla
livell fi żmien 12-il sena f'Awwissu 2012. Filwaqt li din
iż-żieda fil-valur kienet ukoll korrezzjoni tat-telf fil-valur li
l-krona sofriet qabel, il-flussi ta' rifuġju fil-kuntest tal-kriżi
tad-dejn sovran fiż-żona tal-euro kienu ta' kontribut sinifikanti
għalih. Matul is-sentejn qabel din il-valutazzjoni, il-korona waqgħet
kontra l-euro bi kważi 2 %. L-Isvezja tissodisfa l-kriterju dwar
il-konverġenza ta' rati tal-imgħax għal żmien twil. Ir-rata medja tal-imgħax għal żmien twil fl-Isvezja
fis-sena sa April 2014 kienet ta' 2,2 %, sew taħt il-valur
referenzjarju ta' 6,2 %. Ir-rata medja tal-imgħax fuq 12-il xahar
fl-Isvezja ukoll kienet b'mod qawwi taħt il-valur referenzjarju
fl-aħħar valutazzjoni ta' konverġenza fl-2012. Wara li
niżlet mil-livell ta' aktar minn 4 % fl-2008, laħqet l-anqas
livell, ta' madwar 1,6% bejn Ottubru 2012 u Mejju 2013 u kien qed
jiżdied minn dak iż-żmien lil hawn. Id-differenza fir-rendiment
fil-konfront tal-bonds tal-gvern Ġermaniż għat-tul kibret bejn
tmiem l-2012 u l-ħarifa tal-2013, hekk kif ir-rendiment tal-bonds
żdiedu minħabba ta' flussi 'l barra parzjali ta' flussi ta' rifuġju
miż-żona tal-euro. Id-differenza fir-rendiment fil-konfront tal-bonds
ta' referenza Ġermaniżi kienet ta' madwar 60 punt ta' bażi
f'April 2014. Ġew eżaminati wkoll fatturi
addizzjonali, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u
l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol, tal-prodotti kif ukoll finanzjarji.
Il-bilanċ pożittiv fil-bilanċ estern Svediż ilu fuq xejra
għan-niżla sa mill-2007, minn aktar minn 9 % tal-PDG fl-2007
għal 6,6 % fl-2013, li hija spjegata parzjalment minn tnaqqis strutturali
fil-bilanċ tal-kummerċ fil-merkanzija tal-Isvezja. L-ekonomija
Svediża hija integrata tajjeb ħafna fiż-żona tal-euro
permezz tar-rabtiet ta' kummerċ u ta' investiment. Abbażi ta’
indikaturi magħżula relatati mal-ambjent tan-negozju, il-prestazzjoni
tal-Isvezja hija aħjar minn dik tal-biċċa l-kbira tal-Istati
Membri taż-żona tal-euro. Is-settur finanzjarju tal-Isvezja hija
integrata tajjeb fis-settur finanzjarju tal-UE, speċjalment permezz ta'
rabtiet fil-grupp finanzjarju Nordiku-Baltiku. Fil-kuntest tal-Proċedura
ta' Żbilanċ Makroekonomiku tagħha, l-Isvezja kienet
soġġetta għal rieżami profond fl-2014, li minnu
rriżulta li l-Isvezja għadha għaddejja minn żbilanċi
makroekonomiċi, li jirrikjedu monitoraġġ u azzjoni ta' politika. [1] L-Istati Membri li għadhom ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet
meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro huma msemmija bħala
"Stati Membri b'deroga". Id-Danimarka u r-Renju Unit innegozjaw
arranġamenti għall-esklużjoni fakultattiva qabel l-adozzjoni
tat-Trattat ta' Maastricht, u ma jipparteċipawx fit-tielet fażi
tal-UEM. [2] Fl-2013, il-Kummissjoni u l-BĊE ħejjew Rapporti ta'
Konverġenza dwar il-Latvja, fuq talba tal-awtoritajiet nazzjonali.
Il-Latvja adottat l-euro fl-1 ta' Jannar 2014. [3] Id-Danimarka u r-Renju Unit ma esprimewx intenzjoni li jadottaw
l-euro u għalhekk mhumiex koperti fil-valutazzjoni. [4] Il-Kummissjoni ppubblikat it-tielet Rapport tagħha dwar
il-Mekkaniżmu ta' Twissija (RMT) f'Novembru 2013 u
l-konklużjonijiet tal-analiżi dettaljati korrispondenti
f'Marzu 2014. [5] Għall-finijiet tal-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet,
l-inflazzjoni titkejjel permezz tal-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet
għall-Konsumatur (HICP) definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 2494/95. [6] It-tbassir kollu għall-inflazzjoni u varjabbli oħrajn
fir-rapport attwali huma mit-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2014
tas-servizzi tal-Kummissjoni. It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni huwa
bbażat fuq sett ta’ suppożizzjonijiet komuni għal elementi
esterni varjabbli u fuq is-suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika
filwaqt li jiġu kkunsidrati miżuri li jkunu magħrufin
f’biżżejjed dettall. [7] Id-data tal-għeluq għad-data użata f'dan ir-rapport
hija l-15 ta' Mejju 2014. [8] L-użu tat-terminu "pajjiż bl-aħjar
riżultat fl-istabilità tal-prezzijiet" għandu jinftiehem
fis-sens tal-Artikolu 140(1) tat-TFUE u mhux intenzjonat biex
jirrappreżenta ġudizzju kwalitattiv ġenerali dwar
il-prestazzjoni ekonomika ta' Stat Membru. [9] Il-Litwanja, l-Irlanda u l-Greċja, rispettivament. [10] F'April 2014, ir-rata tal-inflazzjoni medja fuq 12-il xahar
tal-Greċja, il-Bulgarija u ta' Ċipru kienet rispettivament -1,2%,
-0,8% u -0,4% u dik taż-żona tal-euro 1,0%. [11] Direttiva dwar ir-rekwiżiti minimi għal oqsma
baġitarji nazzjonali, żewġ regolamenti ġodda dwar
is-sorveljanza makroekonomika u tliet regolamenti li jemendaw il-Patt ta’
Stabbiltà u Tkabbir (PST) daħlu fis-seħħ
fit-13 ta’ Diċembru 2011 (waħda
miż-żewġ regolamenti l-ġodda dwar is-sorveljanza
makroekonomika u waħda mit-tliet regolamenti li jemendaw il-PST jinkludu mekkaniżmi
ta’ infurzar ġodda għall-Istati Membri fiż-żona tal-euro).
Minbarra l-operattività tal-kriterju tad-dejn fil-Proċedura ta’
Żbilanċ Eċċessiv, l-emendi introduċew għadd ta'
novitajiet importanti fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, b’mod partikolari
parametru referenzjarju tan-nefqa li jikkomplimenta l-valutazzjoni tal-progress
lejn l-objettiv baġitarju speċifiku għall-pajjiż għal
terminu ta’ żmien medju. [12] Fil-valutazzjoni tal-konformità mal-kriterju tar-rata tal-kambju,
il-Kummissjoni teżamina jekk ir-rata tal-kambju tkunx baqgħet
viċin tar-rata ċentrali tal-ERM II, filwaqt li jiġu
kkunsidrati raġunijiet għal apprezzament, skont id-Dikjarazzjoni
Komuni dwar il-Pajjiżi tal-Adeżjoni u l-ERM 2 mill-Kunsill
Informali ECOFIN, ta' Ateni, il-5 ta’ April 2003. [13] Il-valur referenzjarju għal April 2014 huwa kkalkulat
bħala medja sempliċi tar-rati medji tal-imgħax għal perjodu
twil tal-Latvja (3,3%), il-Portugall (5,8%) u l-Irlanda (3,5%), u
żewġ punti perċentwali magħhom. [14] Id-differenza fir-rendiment tal-imgħax għat-tul
tal-pajjiżi fil-konfront tal-bonds għat-tul ta' referenza
taż-żona tal-euro (n.b.: il-bond ta' referenza Ġermaniż
jintuża bħala li jirrappreżenta ż-żona tal-euro)
tinħadem bl-użu tas-sensiela ta' kull xahar "EMU convergence
criterion bond yields" ippubblikata mill-Eurostat. Is-serje hija wkoll
ippubblikata mill-BĊE bl-isem "Harmonised long-term interest rate for
convergence assessment purposes". [15] Id-Deċiżjoni 2010/284/UE (ĠU L 125,
21.5.2010, p. 36-37). [16] Id-Deċiżjoni 2009/589/KE (ĠU L 202,
4.8.2009, p 46).