Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0279

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Settur finanzjarju riformat għall-Ewropa

    /* COM/2014/0279 final */

    52014DC0279

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Settur finanzjarju riformat għall-Ewropa /* COM/2014/0279 final */


    1.        Introduzzjoni

    Fl-2008, id-dinja ntlaqtet minn kriżi finanzjarja li kienet globali fl-iskala u imponiet spejjeż sinifikanti fuq l-ekonomija tal-UE u ċ-ċittadini tagħha. Fil-konsegwenzi immedjati tal-kriżi, l-UE ħadet it-tmexxija fuq quddiem għal rispons regolatorju globali deċiżiv. Flimkien mas-sħab internazzjonali tagħha tal-G20, l-UE ħadet l-impenn li tinvolvi ruħha f’bidla fundamentali fil-qafas regolatorju u superviżorju tas-settur finanzjarju. 

    Flimkien il-kontroll tagħha fuq l-għajnuna mill-Istat mogħtija matul il-kriżi, il-Kummissjoni aġixxiet b’ħeffa biex tniedi interventi regolatorji immedjati li saħħew l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti u rriformaw ir-regoli tal-kontabilità. Wara r-rakkomandazzjonijiet ta' grupp ta' esperti ta' livell għoli stabbilit mill-Kummissjoni u ppresedut mis-Sur de Larosière,[1] fl-2009[2] u fl-2010 il-Kummissjoni stabbilixxiet t-triq 'il quddiem għat-titjib tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-swieq u l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE. Dan ħabbar sett ta’ miżuri leġiżlattivi biex ikun hemm settur finanzjarju sikur u responsabbli li jwassal għal tkabbir ekonomiku.[3]

    Minħabba l-interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri li għandhom munita komuni, deher ċar ukoll li kien hemm riskji speċifiċi li jheddu l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro u fl-UE kollha kemm hi. Dan sejjaħ għal integrazzjoni aktar profonda biex is-settur bankarju jitqiegħed fuq bażi aktar soda u terġa’ tinkiseb il-fiduċja fl-euro, bil-ħolqien ta' Unjoni Bankarja b’superviżjoni unika u r-riżoluzzjoni tal-banek fl-Istati Membri taż-żona tal-euro, u potenzjalment miftuħ għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jieħdu sehem.[4]

    Matul l-aħħar ħames snin, tressqu aktar minn 40 proposta mill-Kummissjoni (li ħafna minnhom huma diġà fis-seħħ) immirati biex jerġgħu jinkisbu l-fiduċja fis-suq, l-istabbiltà finanzjarja, u l-integrità u l-effiċjenza tas-sistema finanzjarja Ewropea.

    L-ewwel effetti pożittivi tas-sistema finanzjarja riformata diġà jistgħu jiġu osservati u jkomplu jiġu żviluppati. Monitoraġġ kontinwu u rieżami se jkunu meħtieġa biex tkompli tiġi vvalutata l-implimentazzjoni u l-impatt ġenerali u l-effikaċja tar-riformi.

    Din il-komunikazzjoni tqis il-progress li sar fir-riforma tas-sistema finanzjarja u, fejn dan huwa diġà possibbli, tivvaluta l-impatt ġenerali tal-aġenda tar-Regolament Finanzjarju tal-UE. Aktar dettalji dwar dan jinsabu fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal “Analiżi Ekonomika tal-Aġenda ta’ Regolamentazzjoni Finanzjarja”.[5]

    2.        L-ispiża tal-kriżi u l-ħtieġa għal riforma regolatorja

    L-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji għandhom rwol vitali f’kull ekonomija żviluppata. Huma jipprovdu self għal unitajiet domestiċi u negozji. Huma jippermettu lill-individwi biex ifaddlu u jinvestu għall-ġejjieni tagħhom u jgħaddu it-tifdil biex jappoġġjaw l-ekonomija. Huma jgħinu l-korporazzjonijiet u l-unitajiet domestiċi lejn ġestjoni aħjar u jiġu assigurati kontra r-riskji; u huma jiffaċilitaw tranżazzjonijiet ta’ pagamenti. Billi jwettqu dawn il-funzjonijiet prinċipali, sistema finanzjarja li taħdem sew tikkontribwixxi għal prosperità ekonomika, stabbiltà u tkabbir. Madankollu, il-fallimentj tas-sistema finanzjarja jista’ jkollu konsegwenzi negattivi fuq l-ekonomija aktar wiesgħa, kif muri mill-kriżi riċenti.

    Fis-snin ta’ qabel il-kriżi, is-sistema finanzjarja kibret b’mod sinifikanti fid-daqs u saret dejjem iktar interkonnessa permezz ta’ ktajjen twal u kumplessi ta' intermedjazzjoni globali tat-talbiet, b'żieda fir-riskji sistemiċi.  Madwar id-dinja, kien hemm żieda qawwija fl-ingranaġġ, u l-banek bdew jiddependu aktar fuq finanzjament fuq medda ta’ żmien qasir u involvew ruħhom fi trasformazzjoni tal-maturità li kull ma jmur qed issir perikoluża. It-tkabbir rapidu tas-settur finanzjarju kien iffaċilitat ukoll minħabba żieda f’daqqa f'prodotti innovattivi iżda spiss finanzjarjament kumplessi ħafna li ppermettew lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex jespandu l-attivitajiet, filwaqt li ma jidhrux fil-karti tal-bilanċ.

    Dawk li jfasslu l-politika, ir-regolaturi u s-superviżuri madwar id-dinja naqsu milli jidentifikaw u jindirizzaw b’mod adegwat ir-riskji li jinbnew fis-sistema finanzjarja. Ħafna attivitajiet fil-biċċa l-kbira evitaw kull regolament u sorveljanza. Filwaqt li l-operazzjonijiet mill-ikbar istituzzjonijiet finanzjarji ġew estiżi b’mod sinifikanti bejn il-fruntieri, u s-swieq saru dejjem aktar integrati internazzjonalment, oqfsa regolatorji u ta’ sorveljanza baqgħu fil-biċċa l-kbira ffukati nazzjonalment.

    Mal-bidu tal-kriżi finanzjarja, dawn in-nuqqasijiet telgħu fil-wiċċ. Dik li bdiet bħala kriżi tas-subprime fl-Istati Uniti fl-2007 malajr issarrfet fi kriżi finanzjarja globali kompluta. Fl-Ewropa, il-kriżi finanzjarja aktar tard saret kriżi tad-dejn sovran usa’ b’implikazzjonijiet sinifikanti għall-ekonomija kollha kemm hi.

    Il-kriżi finanzjarja u ekonomika imponiet spejjeż sinifikanti għall-ekonomija tal-UE. Bejn l-2008 u l-2012, it-total ta’ EUR 1,5 triljun ta’ għajnuna mill-Istat kien użat għall-prevenzjoni tal-kollass tas-sistema finanzjarja.[6] Il-kriżi rriżultat f'reċessjoni profonda. Il-qgħad żdied drastikament, u ħafna unitajiet domestiċi tal-UE esperjenzaw telf sinifikanti fid-dħul, il-ġid u l-opportunitajiet.

    3.            L-objettivi u l-benefiċċji mistennija tar-riformi

    L-aġenda tar-Regolament Finanzjarju tal-UE ġiet iggwidata bil-għan li toħloq sistema finanzjarja aktar sikura, aktar trasparenti u aktar responsabbli, li taħdem favur l-ekonomija u s-soċjetà globalment u li tikkontribwixxi għal tkabbir sostenibbli. Il-miżuri ta’ riforma jiksbu dawn l-għanijiet:

    Bir-restawr u bl-approfondiment tas-suq uniku tal-UE fis-servizzi finanzjarji Bl-istabbiliment ta' Unjoni Bankarja; Bit-trawwim ta' sistema finanzjarja aktar reżiljenti u stabbli; Bit-titjib tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-ħarsien tal-konsumatur biex tiġi assigurata l-integrità tas-suq u r-restawr tal-fiduċja tal-konsumatur; u Bit-titjib fl-effiċjenza tas-sistema finanzjarja tal-UE.

    L-għadd kbir ta’ riformi regolatorji mwettqa fil-livell tal-UE u globali, u l-kamp ta' applikazzjoni wiesa’ tagħhom, hija riflessjoni tad-diversità u s-severità tal-problemi li jimminaw il-funzjonament tas-sistema finanzjarja tal-UE qabel il-kriżi. L-ebda riforma singola ma kienet tkun kapaċi, waħedha, biex tikseb l-objettivi kollha stabbiliti hawn fuq. Barra minn hekk, kien importanti mhux biss biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati fil-kriżi, iżda wkoll biex jiġu antiċipati l-problemi potenzjali oħra li jistgħu jaffettwaw is-sistema finanzjarja. Il-miżuri differenti ġew imfassla bil-għan li jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin. Filwaqt li għadu kmieni wisq f’dan l-istadju biex jidentifikaw u jivvalutaw b’mod eżawrjenti l-komplimentarjetajiet tal-aġenda ta’ riforma, diġà ħarġu ħafna (pereż. riformi għat-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali tas-suq uniku u l-funzjonament tal-UEM jikkontribwixxu kemm għall-integrazzjoni finanzjarja u wkoll għall-istabbiltà finanzjarja; miżuri għat-titjib tat-trasparenza jikkontribwixxu kemm għall-istabbiltà u l-effiċjenza finanzjarja) u iktar sinerġiji huma mistennija li jimmaterjalizzaw fil-futur jekk il-miżuri jiġu implimentati b’mod effettiv.

    3.1         Ir-restawr u aktar profondità fis-suq uniku tal-UE fis-servizzi finanzjarji

    Il-kriżi finanzjarja wriet li l-ebda Stat Membru waħdu ma jista’ jirregola s-settur finanzjarju u jissorvelja r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja meta s-swieq finanzjarji huma integrati. Wara l-kriżi, il-Kummissjoni għalhekk ħabbret rispons konsistenti għall-kriżi madwar l-UE kollha. Dan ippermetta wkoll għal koordinazzjoni aħjar ma’ msieħba internazzjonali.

    Qabel ir-riforma finanzjarja, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji kienet fil-biċċa l-kbira bbażata fuq armonizzazzjoni minima, li tippermetti lill-Istati Membri jeżerċitaw flessibbiltà konsiderevoli fit-traspożizzjoni. Dan xi kultant wassal għal inċertezza fost il-parteċipanti fis-suq li joperaw b’mod transfruntier, iffaċilita l-arbitraġġ regolatorju u dgħajjef l-inċentivi għal kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku. Il-Kummissjoni għalhekk ipproponiet l-istabbiliment ta’ ġabra unika ta’ regoli, li tipprovdi qafas regolatorju uniku għas-settur finanzjarju u l-applikazzjoni tagħha b’mod uniformi madwar l-UE.

    Pass importanti fl-approfondiment tas-suq uniku fis-servizzi finanzjarji kien il-ħolqien ta’ Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF)[7], li tinkludi l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS), u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEAPX). Dawn l-awtoritajiet, li ilhom jaħdmu mill-1 ta’ Jannar 2011, ilhom jiggarantixxu superviżjoni konsistenti u koordinazzjoni xierqa fost l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni fl-UE. Barra minn hekk, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) jimmonitorja r-riskji makroprudenzjali fl-UE kollha u joħroġ twissijiet u rakkomandazzjonijiet li jitolbu azzjoni korrettiva.[8]

    L-aġenda ta’ riforma proposta mill-Kummissjoni kienet ikkomplementata b’approċċ transsettorjali tar-reġim ta’ sanzjonar sabiex tiżgura infurzar proporzjonat u f’waqtu permezz ta’ sanzjonijiet aktar effettivi u li jservu bħala deterrent. 

    3.2         L-istabbiliment tal-Unjoni Bankarja

    Il-kriżi żvelat in-natura mhux kompluta tal-integrazzjoni fiż-żona tal-euro u dgħufijiet fl-istrutturi istituzzjonali li jappoġġaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU). Il-kriżi f’daqqa reġġgħet lura l-integrazzjoni tas-suq bankarju, u l-frammentazzjoni kienet ta' theddida għall-integrità tal-munita unika u s-suq uniku. Filwaqt li l-banek iddiversifikaw ġeografikament u involvew ruħhom f’attivitajiet transfruntieri sinifikanti, dawn baqgħu marbuta mill-qrib mal-Istat Membru li fih ikunu jinsabu l-kwartieri ġenerali, u dan ikkontribwixxa għaċ-ċirku vizzjuż ta' bejn l-entitajiet sovrani u l-banek li dgħajjef lill-banek u lill-entitajiet sovrani, u rriżulta fi spejjeż ta' finanzjament mhux raġonevoli f’xi Stati Membri. Dan sejjaħ għal integrazzjoni aktar fil-fond, tal-anqas fiż-żona tal-euro, għas-superviżjoni u r-riżoluzzjoni tal-banek. Filwaqt li Unjoni Bankarja hija mandatorja għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, hija sistema inklużiva u miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha tal-UE.

    L-ewwel pilastru tal-unjoni bankarja huwa l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (SSM)[9], li jittrasferixxi ħidmiet superviżorji ewlenin għall-banek fiż-żona tal-euro u fl-Istati Membri oħra parteċipanti lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Il-BĊE se jwettaq bis-sħiħ il-mandat superviżorju l-ġdid tiegħu minn Novembru 2014. Bi tħejjija għar-rwol superviżorju ġdid, il-BĊE bħalissa qed iwettaq l-analiżi tal-kwalità tal-assi (AQR) u test tal-istress, f’koordinazzjoni mal-ABE, li ser ikunu vitali biex jinġiebu lura l-fiduċja fis-sistema bankarja Ewropea u l-iżgurar ta’ tranżizzjoni bla xkiel lejn l-SSM. L-ABE se tibqa’ attur ċentrali biex tiżviluppa aktar il-ġabra unika ta’ regoli u l-approċċ superviżorju koordinat.

    It-tieni pilastru tal-Unjoni bankarja — il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM)[10] — se japplika proċess ta’ riżoluzzjoni integrat u effettiv fil-livell Ewropew għall-banek kollha fl-Istati Membri li huma soġġetti għall-SSM. Ir-riżoluzzjoni ser tiġi ffinanzjata l-ewwel nett mill-azzjonisti u l-kredituri u, bħala l-aħħar rimedju, permezz ta’ Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li jkun iffinanzjat permezz ta’ kontribuzzjonijiet bankarji. 

    L-Unjoni Bankarja hija mistennija li tiżgura standards għolja u komuni għas-superviżjoni prudenzjali u r-riżoluzzjoni tal-banek fiż-żona tal-euro u fl-Istati Membri parteċipanti. Se ttejjeb ukoll l-integrazzjoni finanzjarja u tgħin sabiex tiġi żgurata t-trasmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja tal-BĊE.

    3.3         It-trawwim ta' sistema finanzjarja aktar reżiljenti u stabbli

    Fl-aħħar snin, il-Kummissjoni pproponiet sett ta’ miżuri biex issaħħaħ l-istabbiltà u r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja.

    Fis-settur bankarju, ġimgħat biss wara l-falliment ta' Lehman Brothers fl-2008, il-Kummissjoni pproponiet li żżid il-livell ta' kopertura ta' skemi ta' garanzija tad-depożiti (SGD), li wasslet permezz ta' pass interim għal kopertura armonizzata ta' EUR 100,000 mill-2010.[11] Din il-miżura immedjatament żiedet il-fiduċja tad-depożitaturi fix-xbieki ta’ sikurezza pubblika u b’hekk taffiet ir-riskju ta’ assalti fuq il-banek madwar l-UE.

    Ir-Regolament u d-Direttiva l-ġodda tar-Rekwiżiti Kapitali (il-"pakkett CRD IV")[12] iżidu l-livell u l-kwalità tal-kapital bankarju u jistabbilixxu standards minimi ta' likwidità, li jagħmlu l-banek iktar reżiljenti. Il-pakkett CRD IV jirrikjedi wkoll li l-banek jibnu bafers ta’ kapital addizzjonali għal perijodi futuri ta’ stress u jintroduċi rekwiżiti ta’ kapital addizzjonali għal banek sistemikament importanti li jnaqqas ir-riskju sistemiku fis-settur bankarju. Riformi preċedenti tas-CRD kienu diġà indirizzaw kwistjonijiet ewlenin bħalma huma l-politika dwar ir-rimunerazzjoni u ż-żamma tar-riskju għal titolizzazzjoni.

    Id-Direttiva dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek (BRRD)[13] se tistabbilixxi l-għodod u r-regoli meħtieġa sabiex tiżgura li l-ispejjeż tal-fallimenti tal-banek mhumiex mġarrba min dawk li jħallsu t-taxxi, u li l-banek tal-UE jistgħu jkunu solvuti b'mod ordnat. B’hekk, jitnaqqas ir-riskju sistemiku u l-ħtieġa għal għajnuna mill-Istat biex tinżamm stabbiltà finanzjarja.

    Ir-riformi fis-settur bankarju ġew ikkumplimentati minn riformi biex itejbu l-funzjonament tas-swieq finanzjarji u jżidu l-istabbiltà u r-reżiljenza tal-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji. Id-Direttiva riveduta dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID II)[14] isaħħaħ ir-rekwiżiti organizzattivi u l-istandards tas-sikurezza fil-postijiet kollha ta’ kummerċ tal-UE u testendi r-rekwiżiti ta’ trasparenza għal swieq tal-bonds kif ukoll tad-derivati.

    Ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR)[15] u l-MiFID II itejjeb it-trasparenza tad-derivattivi li huma nnegozjati barra l-borża u jnaqqas ir-riskju tal-kontroparti assoċjat ma’ tranżazzjonijiet tad-derivati. Billi jimponi standards komuni prudenzjali, organizzattivi u ta' tmexxija ta' negozju, ir-Regolament dwar depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDR)[16] iżid ir-reżistenza tas-depożitarji ċentrali tat-titoli tal-UE u jsaħħaħ is-sigurtà tal-proċess tar-riżoluzzjoni.

    Flimkien, il-MiFID II, l-EMIR u s-CSDR stabbilixxew qafas koerenti ta’ regoli komuni għal infrastrutturi tas-suq sistemikament importanti fuq livell Ewropew. Ġie adottat regolament ukoll biex jindirizza tħassib speċifiku mqajjem mill-bejgħ bin-nieqes u l-iswaps ta’ inadempjenza tal-kreditu.[17] 

    Barra minn hekk, bħala parti mill-isforz tal-UE biex tiżgura l-istabbiltà finanzjarja, l-aġenda ta' riforma tinkludi għadd ta' miżuri ewlenin biex jitnaqqas ir-riskju sistemiku li jirriżulta minn sistema bankarja regolari[18], inkluż pereżempju d-Direttiva dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi [19] u r-Regolament propost dwar il-Fondi tas-Suq Monetarju.[20] Ikompli x-xogħol f’dan il-qasam.

    L-istabbiltà ġiet ukoll imsaħħa permezz ta’ qafas regolatorju bbażat fuq ir-riskju għas-settur tal-assigurazzjoni (Solvenza II)[21], li se jtejjeb is-solvenza u standards tal-ġestjoni tar-riskji u b’hekk tiżdied ir-reżiljenza u l-istabbiltà tas-settur tal-assigurazzjoni Ewropew.

    Meħudin flimkien, dawn il-miżuri se jnaqqsu l-bini jew l-emerġenza ta’ riskju sistemiku mas-sistema finanzjarja, u b’hekk titnaqqas il-probabbiltà u s-severità ta’ kriżijiet finanzjarji futuri.

    Huwa biss għal ċerti banek sistemikament importanti u interkonnessi, li s-sett komprensiv ta’ miżuri propost jidher għadu mhux suffiċjenti sabiex jiżgura li dawk il-banek jistgħu jiġu riżolti mingħajr ma jkun hemm effetti negattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja jew intervent minn dawk li jħallsu t-taxxa. Wara r-rakkomandazzjonijiet mill-grupp ta' esperti ta' livell għoli, imexxi mis-Sur Liikanen,[22] kmieni fl-2014 għalhekk il-Kummissjoni pproponiet sett ta' miżuri strutturali għal dawk il-banek, inkluża projbizzjoni għal bank biex jagħmel kummerċ f'ismu u separazzjoni ta' kummerċ minn attivitajiet ta' teħid ta' depożiti fejn meħtieġ biex tiġi żgurata r-riżolvibbiltà.[23]

    3.4         It-titjib tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-ħarsien tal-konsumatur biex tiġi assigurata l-integrità tas-suq u r-restawr tal-fiduċja tal-konsumatur

    L-integrità tas-suq teħtieġ il-fiduċja fis-sistema finanzjarja, li min-naħa tagħha tiddependi fuq flussi ta’ informazzjoni trasparenti u affidabbli, l-imġiba etika u responsabbli ta’ intermedjarji finanzjarji u t-trattament ġust u mhux diskriminatorju ta’ konsumaturi. Il-kriżi żvelat nuqqasijiet serji u nuqqas mifrux ta’ integrità tas-suq, kif enfasizzat ukoll fl-iskandli riċenti u l-abbużi tas-suq, inkluża l-manipulazzjoni ta’ parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax (LIBOR u EURIBOR). Id-dannu ekonomiku huwa diffiċli li jiġi kwantifikat, iżda huwa probabbli li jkun kbir u fl-eċċess ta’ biljuni ta’ euro ta’ multi rekord li l-banek kellhom iħallsu. L-ispejjeż f’termini li tonqos il-fiduċja fis-sistema finanzjarja mhumiex kwantifikabbli iżda huma wkoll probabbli li jkunu sinifikanti.

    Għalhekk il-Kummissjoni pproponiet sett ta’ miżuri li jsaħħu t-trasparenza tas-swieq finanzjarji. L-aġenda ta’ riforma finanzjarja għandha l-għan li tirrimedja l-fiduċja mitlufa fis-sistema finanzjarja u biex b’mod sinifikanti ssaħħaħ l-integrità tas-suq. Ir-riformi se jkunu ta' benefiċċju għall-utenti kollha tas-servizzi finanzjarji, b’mod partikolari l-konsumaturi u l-investituri.

    Ir-Regolament rieżaminat dwar l-Abbuż tas-Suq u d-Direttiva dwar Sanzjonijiet Kriminali għall-Abbuż tas-Suq (MAR/CSMAD)[24] se jistabbilixxi regoli aktar stretti biex jiġi evitat, identifikat u kkastigat aħjar l-abbuż tas-suq. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar referenzi finanzjarji għandha l-għan li ttejjeb ir-robustezza u l-affidabilità ta’ punti ta’ riferiment u l-prevenzjoni tal-manipulazzjoni tagħhom.[25]

    Taħlita ta’ miżuri ta’ riforma ġew adottati jew proposti biex jiġi żgurat li l-konsumaturi u l-investituri fil-livell ta’ konsumatur ikollhom aċċess effiċjenti, f’waqtu u nondiskriminatorju għas-servizzi finanzjarji. L-awtoritajiet superviżorji u regolatorji se jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi finanzjarji ma jisfruttawx assimetriji ta’ informazzjoni kontra l-interess tal-klijenti tagħhom. Il-miżuri jipprovdu b’mod partikolari għall-istabbiliment ta’ standards ta’ self ipotekarju fl-UE kollha;[26] żvelar aħjar ta' informazzjoni u standards ogħla għal parir finanzjarju u distribuzzjoni;[27] ħarsien imtejjeb tal-assi ta' investituri għall-konsumatur;[28] aktar trasparenza u komparabbiltà ta' miżati ta' kontijiet bankarji, it-twaqqif ta' proċedura għat-tibdil ta' kontijiet mingħajr dewmien u sempliċi u aċċess għal kontijiet bażiċi bankarji.[29] Dawn il-miżuri se jżidu l-fiduċja tal-konsumatur fis-swieq finanzjarji u l-prodotti.

    Ir-Regolamenti dwar Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu (CRAs)[30] se jżidu l-indipendenza u l-integrità tal-proċess ta’ klassifikazzjoni u jtejbu l-kwalità globali tal-klassifikazzjonijiet. Riformi kumplimentari ta’ awditjar se jtejbu l-kwalità tal-awditi statutorji fl-UE u, flimkien ma’ riformi ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità applikabbli fl-UE, se jgħinu biex itejbu l-fiduċja tal-investituri fis-sistema finanzjarja.[31]

    3.5         It-titjib fl-effiċjenza tas-sistema finanzjarja

    Billi tindirizza l-fallimenti regolatorji u tas-suq sottostanti, l-aġenda ta’ riforma finanzjarja għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament effiċjenti tas-sistema finanzjarja.

    Rekwiżiti ta' żvelar aħjar u ta’ rappurtar f’diversi inizjattivi għar-riforma jżidu t-trasparenza u jnaqqsu l-assimmetriji ta’ informazzjoni fis-sistema għall-parteċipanti kollha tas-suq, il-kontrolluri u l-konsumaturi.

    It-twaqqif ta’ Unjoni Bankarja u l-ġabra unika ta’ regoli jikkontribwixxu għall-effiċjenza b’kundizzjonijiet indaqs u jiffaċilitaw l-attivitajiet transfruntieri. Bl-istess mod, it-tnaqqis ta’ sussidji impliċiti għal banek importanti sistematikament u restrizzjonijiet proposti fuq l-attivitajiet ta’ banek kbar kumplessi u interkonnessi (jiġifieri riforma strutturali) se jgħinu biex jonqsu d-distorsjonijiet kompetittivi, jikkoreġu r-riskju relatat ta’ pprezzar ħażin, u konsegwentement itejbu il-funzjonament tas-suq u l-allokazzjoni ta’ kapital.

    Il-qafas prudenzjali mtejjeb għall-banek u r-rekwiżiti l-ġodda tal-kapital għall-assiguraturi imsejsin fuq ir-riskju f’Solvenza II, flimkien ma’ standards ta’ ġestjoni tar-riskju mtejba, se jġiegħlu istituzzjonijiet finanzjarji biex jassimilaw aħjar ir-riskju tal-attivitajiet tagħhom u jikkontribwixxu għal ipprezzar aktar effiċjenti u b’riskju aġġustat.

    Id-dispożizzjonijiet tal-aċċess li jinsabu fil-MiFID II, l-EMIR u s-CSDR inaqqsu x-xkiel tal-aċċess għall-infrastrutturi tas-suq finanzjarju u jippromwovu l-kompetizzjoni tul il-katina kummerċjali sħiħa tat-titoli. Bl-istess mod, ir-Regolament dwar is-CRAs u r-riformi ta' awditjar jiffaċilitaw id-dħul fis-suq u jżidu l-viżibilità ta’ operaturi ġodda.

    L-aġenda ta’ regolamentazzjoni finanzjarja toħloq bilanċ bejn it-tisħiħ tal-istabbiltà finanzjarja u li tippermetti fluss suffiċjenti u sostenibbli ta’ finanzjament għall-ekonomija reali. Il-miżuri ta’ riforma jiddedikaw attenzjoni partikolari għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), minħabba d-diffikultajiet partikolari tagħhom biex jiżguraw finanzjament estern u r-rwol importanti tagħhom biex joħolqu l-impjiegi u li jinkoraġġixxu t-tkabbir sostenibbli. Il-qafas regolatorju finanzjarju tal-UE ġie adattat b’mod konsiderevoli matul dawn l-aħħar tliet snin.[32] Il-problemi li SMEs jiffaċċjaw fir-rigward tal-aċċess għall-finanzjament ġew indirizzati minn angoli differenti u jinkludu miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess għas-swieq kapitali biex jinġabar kapital direttament,[33] isir self lill-SMEs aktar attraenti,[34] u jiddaħħlu oqfsa ġodda[35] fil-qasam tal-fondi ta' investiment.   

    4.            L-ispejjeż tar-riformi

    Ir-riforma finanzjarja twassal għal spejjeż ekonomiċi għal intermedjarji finanzjarji minħabba li tintroduċi l-ispejjeż tal-konformità u teħtieġ aġġustamenti fil-mod kif jitmexxa n-negozju. Dawn l-ispejjeż ġew stmati fil-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ inizjattivi leġiżlattivi u huma diskussi f’aktar dettall fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja. Parti sinifikanti ta’ dawn l-ispejjeż huma l-ispejjeż ta’ aġġustament matul tranżizzjoni. B’mod ġenerali, l-ispejjeż huma mistennija li jkunu aktar milli kkumpensati mill-benefiċċji ta’ stabbiltà msaħħa u l-integrità tas-sistema finanzjarja.

    L-ispejjeż għall-intermedjarji finanzjarji huma inevitabbli u, sa ċertu punt, sinjal tal-effikaċja tar-riformi. Pereżempju, tnaqqis fis-sussidju impliċitu għal ċerti banek kbar, kumplessi u interkonnessi se jżid l-ispejjeż tal-finanzjament tagħhom iżda fl-istess ħin jitnaqqsu l-ispejjeż għal dawk li jħallsu t-taxxa. Bl-istess mod, ir-riformi jħajru r-rivalutazzjoni tar-riskji, li toħloq spejjeż iżda dawn l-ispejjeż jkunu bbilanċjati mill-benefiċċji li jiġi evitat it-teħid eċċessiv tar-riskju minħabba riskji sottovalutati fis-suq. Għaldaqstant, l-ispejjeż għall-intermedjarji finanzjarji huma ta’ spiss kkumpensati minn benefiċċji ekonomiċi u soċjetali iktar wiesa'.

    Il-proċess ta’ tranżizzjoni lejn sistema finanzjarja aktar stabbli hija ta’ sfida partikolari fir-rigward tal-impatt potenzjali tagħha fuq l-ekonomija reali. Madankollu, id-diffikultajiet attwali fil-qasam tas-suq u l-ekonomija usa’ ma jistgħux jiġu attribwiti lir-riformi regolatorji (iżda n-nuqqas tagħhom). Dawn huma marbuta ħafna aktar ma' problemi ta' qabel il-kriżi u l-konsegwenzi tagħhom, inkluża t-tneħħija ta’ fiduċja fis-suq u pressjonijiet ta’ likwidità dgħajfa relatati, karti tal-bilanċ dgħajfa tal-banek, livelli ta’ dejn pubbliku u privat għolja, rati tal-interess baxxi, ir-riċessjoni u l-prospettivi ta’ tkabbir ekonomiku dgħajfa.

    Sabiex jiġu minimizzati l-ispejjeż u t-tfixkil potenzjali matul it-tranżizzjoni, ingħataw perjodi ta’ introduzzjoni gradwali.[36] Barra minn hekk, fejn l-effetti negattivi sinifikanti ġew antiċipati, ir-regoli ġew aġġustati (pereż. il-pakkett ta' garanzija fit-tul fis-Solvenza II[37]) jew, taħt ċerti ċirkostanzi, ingħataw eżenzjonijiet (pereż. għal fondi tal-pensjoni u korporazzjonijiet mhux finanzjarji fl EMIR). Meta regoli daħlu f'oqsma li għadhom mhux esplorati, ġew applikati perjodi ta’ osservazzjoni (pereż. fir-rigward tal-proporzjon ta’ ingranaġġ u r-regolament ta’ likwidità tal-banek). Fl-aħħar nett, monitoraġġ kontinwu u rieżami tar-riformi kollha se jassiguraw li huma jwasslu l-benefiċċji maħsuba tagħhom filwaqt li jiġu evitati effetti mhux mixtieqa li jirriżultaw mill-interazzjoni bejn riformi differenti.

    5.            Konklużjonijiet

    Komplessivament, il-miżuri proposti mill-Kummissjoni biex timplimenta l-aġenda ta’ regolamentazzjoni finanzjarja komprensiva li intlaħaq qbil dwarha mill-G20, u li ġew stabbiliti fil-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-2009, 2010 u 2012, jindirizzaw il-lakuni regolatorji u l-fallimenti fis-suq li kkontribwixxew għall-kriżi.

    Ir-riformi proposti tagħna jagħtu s-setgħa lis-superviżuri li jissorveljaw is-swieq li kienu barra l-kontroll tagħhom, u jġibu trasparenza għall-parteċipanti kollha tas-suq fuq attivitajiet li qabel kienu magħrufa biss għal ammont żgħir ta’ persuni b’informazzjoni privileġġjata.

    Ir-riformi proposti tagħna jistabbilixxu standards ambizzjużi ġodda biex jillimitaw it-teħid ta' riskji eċċessivi u jagħmlu l-istituzzjonijiet finanzjarji iktar reżiljenti. Meta r-riskji madankollu jimmaterjalizzaw, il-piż jitbiegħed minn dawk li jħallsu t-taxxi għal dawk li se jaqilgħu profitti minn attivitajiet li jagħtu lok għal dawn ir-riskji.

    Ir-riformi proposti tagħna jġiegħlu s-swieq finanzjarji jaħdmu aħjar fl-interess ta’ konsumaturi, intrapriżi żgħar u medji u l-ekonomija b'mod ġenerali.

    Ir-riformi proposti tagħna jpoġġu d-dmir tal-prova fuq l-atturi kollha, inklużi maniġers, is-sidien u l-awtoritajiet pubbliċi biex jiżguraw li l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-parteċipanti fis-suq josservaw l-ogħla standards ta’ responsabilità u integrità.

    B'mod ġenerali, dawn se jgħinu biex titnaqqas il-probabilità u l-impatt ta’ kriżijiet simili fil-futur. Is-sistema finanzjarja diġà qed tinbidel u titjieb f’aspetti ewlenin. Dan huwa mistenni li jkompli hekk kif ir-riformi jieħdu aktar effett. Iżda s-sitwazzjoni trid tiġi mmonitorjata bir-reqqa. Hekk kif is-sitwazzjoni ekonomika qed tinbidel, hekk ukoll ir-riskji u d-dgħufijiet tas-sistema finanzjarja. Il-Kummissjoni se tibqa’ viġilanti u proattiva, billi tippreskrivi r-riforma ġenerali u twieġeb għar-riskji u l-vulnerabbiltajiet ġodda hekk kif jitfaċċaw.

    Filwaqt li r-riformi se jwasslu għal xi spejjeż, ħafna minn dawn huma ta’ natura tranżitorja. Analiżi ekonomika u l-evidenza disponibbli jindikaw li l-benefiċċji totali mistennija tal-aġenda ta’ regolamentazzjoni finanzjarja, ladarba tkun implimentata bis-sħiħ, x’aktarx se jegħlbu l-ispejjeż mistennija. L-introduzzjoni gradwali u l-perjodi ta’ osservazzjoni ser jgħinu biex jonqsu l-ispejjeż ta’ tranżizzjoni.  

    Inkiseb ħafna fi żmien qasir, imma l-proċess tar-riforma għadu mhux komplut. Xi riformi importanti għad iridu jiġu adottati mill-koleġiżlaturi (pereż. dwar ir-riforma strutturali tal-bank, sistema ta' bbankjar parallel, referenzi ta' finanzjament). Il-Kummissjoni titlob lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jagħtu prijorità li jaqblu fuq dawn il-proposti. Għadu qed jitħejja x-xogħol fil-ftit oqsma pendenti. B’mod partikolari, ix-xogħol fuq qafas ta’ riżoluzzjoni għal istituzzjonijiet li mhumiex banek u biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar sistema ta' bbankjar parallel għadu għaddej fil-livell tal-UE u dak internazzjonali.

    Bil-maġġoranza tar-riformi miftiehma, l-enfasi issa tiffoka fuq l-implimentazzjoni effettiva u l-applikazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju l-ġdid. Monitoraġġ kontinwu u rieżami se jkunu meħtieġa biex tkompli tiġi vvalutata l-implimentazzjoni u l-impatt ġenerali u l-effikaċja tar-riformi. Id-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal “Ir-Rieżami Ekonomiku tal-Aġenda ta’ Regolamentazzjoni Finanzjarja” huwa l-ewwel pass f’dan il-proċess. Mat-tlestija tal-implimentazzjoni tar-riformi, l-iżgurar tal-konverġenza regolatorja u superviżorja bejn iċ-ċentri finanzjarji ewlenin kollha madwar id-dinja tibqa' sfida sinifikanti. Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi approċċ koordinat internazzjonalment fil-qasam tar-regolamentazzjoni finanzjarja u tistenna li l-imsieħba tagħha jimplimentaw l-impenji tagħhom b’mod effettiv.

    Fil-futur għandha tingħata aktar attenzjoni politika li tindirizza l-bżonn tal-Ewropa għal finanzjament fit-tul u għall-iżvilupp ta’ sistema finanzjarja aktar diversifikata b’ishma akbar ta’ finanzjament tas-suq kapitali dirett u b'iktar parteċipazzjoni ta’ investituri istituzzjonali u sorsi alternattivi ta’ finanzjament. Kif stabbilit fil-Komunikazzjoni ta’ Marzu 2014 dwar finanzjament fuq terminu twil, l-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet huwa prijorità għar-rinfurzar tal-kompetittività tal-ekonomija u l-industrija tal-Ewropa.[38]

    [1] Ir-Rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Sorveljanza Finanzjarja fl-UE, il-25 ta’ Frar 2009.

    [2] Komunikazzjoni dwar “Nixprunaw l-irkupru Ewropew”, COM(2009) 114 final.

    [3] Komunikazzjoni dwar “Ir-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji għat-tkabbir ekonomiku”, COM(2010) 301 final

    [4] Il-Komunikazzjoni "Pjan Direzzjonali lejn Unjoni Bankarja", COM(2012) 510 final. Il-Komunikazzjoni dwar il-"Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina — It-Tnedija ta’ Dibattitu Ewropew", COM(2012) 777 final/2.

    [5] Ir-rieżami jkopri biss il-miżuri tar-Regolament Finanzjarju u mhux ir-riformi importanti oħrajn li ttieħdu f’oqsma oħra b’reazzjoni għall-kriżi.

    [6] Ara l-Kummissjoni Ewropea, it-tabella ta’ valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-2013.

    [7] Ara r-Regolamenti (UE) Nru 1092/2010, 1093/2010, 1094/2010, u 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010; ĠU tal-15 ta' Diċembru 2010, L 331, and r-Regolament tal-Kunsill (UE) 1096/2010 tas-17 ta' Novembru 2010; ĠU L 331/1, 15.12.2010.

    [8] Is-SESF hija soġġetta għal rieżami separat.

    [9] Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.

    [10] COM (2013)520

    [11] Id-Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 li temenda d-Direttiva 94/19/KE dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti fir-rigward tal-livell ta’ kopertura u taż-żmien għar-rimborż

    [12] Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE, u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012

    [13] COM(2012) 280.

    [14] COM(2011) 656, COM(2011) 652.

    [15] Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet,

    [16] COM(2012) 73.

    [17] Ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza

    [18] Ara l-Komunikazzjoni dwar is-"Sistema Bankarja Parallela - Nindirizzaw Sorsi Ġodda ta’ Riskju fis-Settur Finanzjarju", (COM(2013) 614 final.

    [19] Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010

    [20] COM/2013/615

    [21] Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II)

    [22] Rapport tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar ir-riforma tal-istruttura tas-settur bankarju tal-UE (2012), Ottubru.

    [23] COM(2014) 43.

    [24] COM (2011) 651 u COM(2011) 654

    [25] COM(2013) 641.

    [26] Id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010

    [27] Pereżempju, COM(2012) 352.

    [28] Pereżempju, COM(2012) 350.

    [29] COM(2013) 266.

    [30]  Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

    [31] COM (2011) 779 u COM (2011) 778.

    [32] Komunikazzjoni dwar "Pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs", COM(2011) 870 final

    [33] L-Artikolu 35 propost tal-MiFID

    [34] L-Artikolu 501 tar-Regolament tal-UE 575/2013 (Pakkett CRD IV)

    [35] Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju u r-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej. Irreferi wkoll għal COM/2013/462.

    [36] Pereżempju għal rekwiżiti ta’ kapital u likwidità fil-pakkett CRD IV.

    [37] Kif emendat f’Omnibus II. COM/2011/0008 final

    [38] COM(2014) 168 final

    Top