Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0254R(01)

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir

    /* COM/2014/0254 final/2 */

    52014DC0254R(01)

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir /* COM/2014/0254 final/2 */


    1. Introduzzjoni

    Fl-2011 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar it-Tkabbir Blu[1] li turi kif il-kosti, l-ibħra u l-oċeani tal-Ewropa għandhom il-potenzjal li jkunu sors importanti ta’ impjiegi ġodda u tkabbir[2] u li jistgħu jikkontribwixxu għall-istrateġija Ewropa 2020 u jtejbu l-mod li bih aħna niġbru r-riżorsi tal-pjaneta. Fil-Komunikazzjoni ġew identifikati industriji emerġenti partikolari li għandhom jingħataw attenzjoni speċjali. F'jannar 2014 il-Kummissjoni ppreżentat l-approċċ tagħha biex jitwettaq il-potenzjal tal-enerġija mill-oċeani[3] u sussegwentement tnieda l-Forum tal-Enerġija mill-Oċeani biex jiġu identifikati l-ostakli għat-tkabbir u jsiru suġġerimenti dwar kif dawn jistgħu jingħelbu.

    L-innovazzjoni fis-setturi kollha tal-ekonomija blu hija kruċjali biex jitwettaq il-potenzjal tat-tkabbir u tal-impjiegi tagħha. L-innovazzjoni tista’ twassal ukoll għal benefiċċji ambjentali sinifikanti. Dan jista’ jsir permezz ta’ "ekoinnovazzjonijiet", pereżempju t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-kubrit minn vapuri[4] billi jittejbu s-sistemi abbord ta' tindif tal-gass tal-egżost, fjuwils tradizzjonali aktar nodfa jew sorsi alternattivi ta' fjuwil. L-innovazzjoni tista’ tgħin ukoll fl-iżvilupp ta' miżuri kosteffettivi għall-protezzjoni tal-baħar li jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD - Marine Strategy Framework Directive)[5].

    L-Inizjattiva Ewlenija tal-Unjoni tal-Innovazzjoni[6] tal-UE diġà qed tgħin biex jinħoloq ambjent favur l-innovazzjoni. L-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) ingħataw appoġġ mill-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni li mmobilizza aktar minn EUR 15-il biljun għall-SMEs bejn l-2007 u l-2012[7]. Il-programm il-ġdid Orizzont 2020 ta' EUR 79 biljun issa sar l-ikbar programm ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE u jinkludi miżuri msaħħa li jagħtu appoġġ lill-SMEs. Barra minn hekk, proporzjon sinifikanti tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE ġew allokati għall-innovazzjoni.

    Madankollu, jeħtieġ li jiġu indirizzati għadd ta' nuqqasijiet li ġew identifikati mill-Unjoni ta' Innovazzjoni Ewlenija: nuqqas ta' investiment fl-għarfien, aċċess skars għall-finanzi, spiża kbira tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, progress li miexi bil-mod lejn standards interoperabbli, użu mhux effettiv tal-akkwist pubbliku u riċerka doppja. Fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014[8] tal-Kummissjoni, ġie rrapportat ukoll li għad ma hemmx biżżejjed kollaborazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati dwar l-innovazzjoni u li l-inabilità ta' trasferiment tar-riżultati tar-riċerka fi prodotti u servizzi kif ukoll in-nuqqas dejjem akbar ta’ ħiliet qed jaffettwaw is-setturi ta’ għarfien intensiv.

    Sabiex jiġi żviluppat il-potenzjal tal-ekonomija blu fl-Ewropa, jinħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw politiki u soluzzjonijiet lokali li jindirizzaw dawn l-ostakli b'mod effettiv. Fil-kuntest tas-semestru Ewropew, il-Kummissjoni se tiżgura li l-politiki tradizzjonali tal-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Riforma tal-Istati Membri jirriflettu l-prijoritajiet tat-tkabbir blu.

    Iżda tinħtieġ azzjoni kumplementari. Għalhekk il-Kummissjoni se teżamina kif azzjoni fil-livell tal-UE tista’ tindirizza l-kwistjonijiet li huma speċifiċi għall-ekonomija blu li ġejjin:

    – in-nuqqasijiet ta’ għarfien u dejta dwar l-istat tal-oċeani tagħna, ir-riżorsi ta’ qiegħ il-baħar, il-ħajja tal-baħar u r-riskji għall-ħabitats u l-ekosistemi;

    – it-tixrid tal-isforzi fir-riċerka xjentifika tal-baħar u dik marittima li jfixkel it-tagħlim interdixxiplinarju u jnaqqas il-progress tal-iskoperti teknoloġiċi f’teknoloġiji ewlenin u s-setturi innovattivi tan-negozju;

    – in-nuqqas ta’ xjenzjati, inġiniera u ħaddiema tas-sengħa li huma kapaċi japplikaw teknoloġiji ġodda fl-ambjent tal-baħar.

    Dan id-dokument jippreżenta l-pjanijiet tal-Kummissjoni biex jiġu indirizzati dawn it-tliet kwistjonijiet.

    2. Għarfien dwar il-Baħar u Mmappjar ta’ Qiegħ il-Baħar

    L-innovazzjoni fl-ekonomija blu qed tinżamm lura minħabba nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-baħar, qiegħ il-baħar u l-ħajja li tappoġġa. Għarfien akbar tal-ibħra tagħna se jippromwovi tkabbir fl-ekonomija blu, kemm permezz ta’ għarfien aħjar tar-riżorsi li fiha u fehim aħjar ta’ kif dawn jistgħu jintużaw, flimkien mal-kisba tal-għanijiet ambjentali tagħna[9].

    Grafika 1Perċentwali tal-baċiri tal-baħar Ewropej magħżula li ma ġewx mistħarrġa[10]

    Matul dawn l-aħħar deċennji kien hemm investimenti sostanzjali f’sistemi ta’ osservazzjoni tal-oċeani. Dawn wasslu għal titjib fl-oċeanografija u t-tbassir tat-temp permezz tal-użu sussegwenti tad-dejta f’mudellar. Hemm ukoll proċessi aħjar biex id-dejta tal-osservazzjoni ssir disponibbli.

    B’kuntrast, il-komunitajiet tar-riċerka idrografiċi, ġeoloġiċi u bijoloġiċi li jittrattaw l-osservazzjonijiet u l-istħarriġiet ta’ qiegħ il-baħar fl-Ewropa, ħadu passi inizjali biex jintegraw l-isforzi tagħhom iżda għad baqgħalhom x’jaqdfu. Ir-riżultat ta' dan huwa għarfien mhux komplut tal-karatteristiċi bażiċi ta' qiegħ il-baħar: nuqqas ta' stħarriġ tal-fond tal-ilma b'riżoluzzjoni għolja (ara l-Grafika 1 iktar 'il fuq) f'50 % ta' qiegħ il-baħar u fi proporzjon ferm akbar hemm nuqqas ta' mmappjar tal-ħabitats u l-komunitajiet tal-qiegħ tal-baħar tiegħu.

    Barra minn hekk, id-dejta minn dawk il-partijiet ta’ qiegħ il-baħar li ġew mistħarrġa mhijiex faċilment aċċessibbli. Għadd ta’ organizzazzjonijiet differenti jżommu settijiet differenti ta’ dejta tal-baħar. It-tfittxija għal min iżomm id-dejta u l-kisba tal-awtorizzazzjoni biex din tintuża jistgħu jieħdu ħafna ħin u jqumu l-flus. Il-valutazzjonijiet juru li jekk id-dejta tkun aktar disponibbli u aċċessibbli għal utenti tas-settur pubbliku u għal dawk tas-settur privat, se jiġu xprunati l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni.

    Huwa stmat li jekk id-dejta tal-baħar ta’ kwalità għolja miżmuma minn korpi pubbliċi tal-UE ssir disponibbli b'mod wiesa', il-produttività titjieb b'aktar minn EUR 1 biljun fis-sena.[11] Dan jistimula l-innovazzjoni fl-ekonomija blu billi l-informazzjoni dwar l-imġiba tal-baħar u l-ġeoloġija ta’ qiegħ il-baħar issir disponibbli aktar faċilment. Il-benefiċċji ta’ żieda fl-innovazzjoni jistgħu jkunu ta’ madwar EUR 200 - EUR 300 miljun fis-sena. Barra minn hekk, dejta tal-baħar ta' kwalità ogħla u li tkun disponibbli aktar faċilment tħaffef l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina[12]. Dan għandu jgħin ukoll lis-setturi pubbliċi u privati fil-ġestjoni tar-riskji u l-inċertezzi marbuta mal-baħar - pereżempju, it-temp, l-inċidenti kbar tat-trasport, it-tniġġis tal-baħar u t-telf ta’ infrastruttura kritika.

    Għalhekk il-Kummissjoni nediet proċess sostenibbli bil-għan li tiżgura li d-dejta dwar il-baħar tkun faċilment aċċessibbli, interoperabbli u mingħajr restrizzjonijiet għall-użu, bil-mira speċifika li tiġi żviluppata mappa b'multiriżoluzzjoni ta’ qiegħ il-baħar u tal-kolonna tal-ilma sovrastanti tal-ilmijiet Ewropej sal-2020[13] bħala inizjattiva ewlenija. Dan se jintlaħaq billi:

    – jittejjeb in-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni u d-Dejta tal-Ibħra (European Marine Observation and Data Network - EMODnet). Dan huwa parti mill-inizjattiva tad-dejta miftuħa[14] tal-UE u minbarra l-immappjar ta’ qiegħ il-baħar tinkludi wkoll informazzjoni dwar karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u bijoloġiċi tal-kolonna tal-ilma sovrastanti. Aktar minn 100 organizzazzjoni Ewropea diġà qed jaħdmu flimkien biex id-dejta tal-baħar tagħhom tkun aktar aċċessibbli, interoperabbli u utli għall-utenti finali. Issa d-dejta hija disponibbli permezz ta’ portal tal-Internet uniku[15] u l-mappa ta’ qiegħ il-baħar b'riżoluzzjoni baxxa tal-ilmijiet kollha tal-UE, li se tkun disponibbli sal-2016, se tittejjeb progressivament fir-riżoluzzjoni;

    – jiġu intergati s-sistemi tad-dejta. Tliet inizjattivi oħrajn tal-UE, is-Servizz tal-Baħar Copernicus, il-Qafas tal-Ġbir tad-Dejta għas-Sajd[16] u WISE-marine dwar dejta ambjentali se jiġu integrati mal-EMODnet bl-użu ta’ standards komuni bħal INSPIRE[17] u jikkonformaw mal-prinċipji tas-Sistema Komuni ta' Informazzjoni Ambjentali[18]. Infrastrutturi ta’ riċerka komuni bħal Euro-Argo[19] u l-Osservatorju Multidixxiplinarju Ewropew ta' Qiegħ il-Baħar u tal-Kolonna tal-Ilma li bħalissa qed jiġu kkonsolidati skont il-qafas legali tal-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka[20] se jikkontribwixxu wkoll dejta għal EMODnet;

    – tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni f'EMODnet ta' dejta mhux kunfidenzjali miġbura minn kumpaniji privati, b’mod partikolari d-dejta li tirriżulta minn rekwiżiti ta’ liċenzji u valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali;

    – jitħeġġu l-konsorzji tal-programmi ta' riċerka tal-UE biex jagħtu aċċess miftuħ għad-dejta tal-baħar, inkluż permezz tal-EMODnet;

    – jiġi żviluppat mekkaniżmu għal koordinazzjoni strateġika tas-sistemi ta’ osservazzjoni, tal-programm ta' teħid ta’ kampjuni u tal-istħarriġ tal-prijoritajiet l-baċiri tal-ibħra Ewropej, permezz ta’ finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd . Dan se jikkontribwixxi wkoll fl-iżvilupp tal-politika tal-UE dwar l-Artiku[21], pereżempju billi jidentifika oqsma fejn l-inċertezza dwar il-fond tal-ilma ma tippermettix navigazzjoni f’ibħra ġodda mingħajr silġ.

    Flimkien, dawn l-isforzi se jkabbru l-kamp ta' applikazzjoni għall-innovazzjoni u l-investiment minn operaturi pubbliċi u privati fl-ekonomija blu. Se jsaħħu wkoll il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fl-isforzi internazzjonali bħas-Sistema ta’ Sistemi għall-Osservazzjoni Globali tad-Dinja (GEOSS)[22].

    Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata b'Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jistabbilixxi l-istadji u l-iskeda tal-proċessi ta' Għarfien tal-Baħar u l-immappjar ta’ qiegħ il-baħar f’aktar dettall, kif mitlub mill-Kunsill[23] u mill-Parlament[24].

    3. Pjattaforma ta’ Informazzjoni tar-Riċerka tal-Baħar

    Sar progress notevoli minn meta l-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Ewropea għar-Riċerka tal-Baħar u dik Marittima[25] tagħha fl-2008. Skont is-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka (2007-2013) il-Kummissjoni tat kontribut medju ta’ madwar EUR 350 miljun fis-sena għar-riċerka tal-baħar u dik marittima.

    Barra minn hekk, bħalma jidher fil-Grafika 2, ammont sostanzjali tar-riċerka tal-baħar jitwettaq permezz tal-programmi tal-Istati Membri.

    Grafika 2: Stima tal-ispiża tar-riċerka tal-baħar ta' Stati Membri magħżula u l-UE (2011) Sors: JPI Oceans

    Skont Orizzont 2020, ir-riċerka se tiffoka fuq metodi dwar kif teknoloġiji ġodda jistgħu jużaw ir-riżorsi tal-baħar b'mod produttiv u jinħolqu tkabbir u impjiegi sostenibbli, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li dawn ir-riżorsi jistgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet futuri.

    Sabiex ikunu inklużi n-natura trażversali tar-riċerka tal-baħar u l-potenzjal li skoperti f’qasam wieħed ikollhom applikazzjonijiet f’oqsma oħrajn, l-inizjattiva Oċeani ta’ Għada ffinanzjat 31 proġett b’kontribuzzjoni totali tal-UE ta’ madwar EUR 195 miljun. L-approċċ trażversali qed jitkompla permezz ta' "żona ta’ ffukar" ta’ tkabbir blu f’Orizzont 2020 b’baġit ta’ EUR 145 miljun għall-2014-2015, u li minnhom EUR 8 miljun huma allokati għall-SMEs.

    Hemm aktar opportunitajiet għal riċerka tal-baħar madwar il-programm Orizzont 2020 — f’oqsma bħas-sigurtà tal-ikel, l-enerġija, it-trasport, il-materjali, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-infrastruttura tar-riċerka.

    Sabiex tiżgura l-komplementarjetà bejn ir-riċerka strateġika u l-aġenda tal-innovazzjoni tal-Istati Membri u Orizzont 2020, il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Inizjattiva għall-Ipprogrammar Konġunt “Ibħra u Oċeani b’Saħħithom u Produttivi” li ġiet stabbilita sabiex tippermetti lill-Istati Membri biex jikkonformaw il-programmi nazzjonali ta’ riċerka tal-baħar tagħhom. Dan se jtejjeb ukoll il-bażi ta’ għarfien u ta’ evidenza għall-politika ambjentali, li huwa objettiv ta’ prijorità tas-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali[26].

    Is-settur privat ukoll għandu rwol importanti biex jgħin lill-Kummissjoni tifformula l-ħtiġijiet tar-riċerka skont Orizzont 2020 permezz ta’ inizjattivi eżistenti speċifiċi għas-settur bħal LeaderShip 2020, il-Pjattaforma Waterborne, il-Pjattaforma tal-Akkwakultura u l-Forum Ewropew dwar Trasport Marittimu. Sabiex teżamina aktar l-influwenzi reċiproċi tal-ideat u r-riżultati tar-riċerka bejn is-setturi industrijali, l-NGOs u partijiet interessati oħra b’interess komuni fl-ekonomija blu, se jiġi stabbilit Forum tal-Ekonomija, in-Negozju u x-Xjenza Blu. Dan se jiltaqa’ għall-ewwel darba fil-marġini tal-Jum Marittimu Ewropew tal-2015 f’Piraeus, il-Greċja.

    Għadd ta’ sfidi għat-tkabbir blu, bħall-aċidifikazzjoni tal-oċeani, huma globali fin-natura tagħhom u l-aħjar mod li bih jistgħu jiġi indirizzati huwa fuq livell internazjonali. Barra minn hekk, ċerta riċerka relatata tista' tibbenefika minn koordinazzjoni internazzjonali. Il-kooperazzjoni internazzjonali se tkompli titħeġġeġ permezz ta’ Orizzont 2020 billi tibni fuq id-Dikjarazzjoni Galway li ġiet iffirmata dan l-aħħar u t-tnedija ta’ Alleanza għar-Riċerka fl-Oċean Atlantiku mal-Kanada-UE-US.

    Sabiex l-opportunitajiet ta' riċerka ġdida jkunu aċċessibbli b'mod wiesa' u biex jiżdiedu s-sinerġiji bejn l-attivitajiet ta' riċerka ffinanzjati nazzjonalment u Orizzont 2020, il-Kummissjoni se tibni fuq u tikkumplementa s-sistemi ta' informazzjoni eżistenti[27] biex tistabbilixxi pjattaforma ta' informazzjoni dwar ir-riċerka tal-baħar madwar il-programm Orizzont 2020 kollu u taħdem mal-Istati Membri[28] biex jinkludu informazzjoni dwar proġetti ta' riċerka tal-baħar iffinanzjati nazzjonalment. Dan se jirriżulta f'gateway ta’ tagħrif li joħroġ mill-proġetti ta’ riċerka li jista’ jħaffef l-adozzjoni ta’ ideat ġodda mill-industrija.  Se jgħin biex jiġi żgurat li l-fondi pubbliċi għar-riċerka jagħtu l-frott permezz tal-innovazzjoni tan-negozju.

    4. Ħiliet għall-Ekonomija Blu

    It-tkabbir fl-ekonomija blu se jeħtieġ ħaddiema kkwalifikati b’mod xieraq, li jkunu kapaċi japplikaw l-aħħar teknoloġiji fl-inġinerija u għadd ta’ dixxiplini oħra.[29] Bħalissa hemm nuqqas fil-ħiliet li jridu jiġu indirizzati.

    Il-Grafika ta’ hawn taħt turi n-nuqqas tal-ħiliet tal-industrija tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta sal-2030.

    Grafika 3 Tbassir ta' nuqqas fil-ħiliet tal-industrija tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta 2013-2030 (sors stħarriġ TPWind)

    L-Azzjonijiet Marie Sklodowska-Curie (MSCA) huma l-mekkaniżmu ta’ appoġġ ewlieni f'Orizzont 2020 għar-riżorsi umani fl-oqsma kollha tar-riċerka u l-innovazzjoni. B’enfasi qawwija fuq il-bini tal-ħiliet tar-riċerkaturi għal terminu twil, l-MSCA jgħaqqdu l-eċċellenza fir-riċerka mal-mobilità, it-taħriġ u l-opportunitajiet ta’ karriera attraenti. Sabiex titrawwem l-impjegabbiltà tar-riċerkaturi u sabiex jitqabblu aħjar il-kompetenzi tagħhom mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, l-MSCA jħeġġu r-riċerkaturi biex ikunu esposti għal ambjent mhux akkademiku minn stadju bikri tal-karriera tagħhom. L-azzjonijiet irawmu kollaborazzjoni sostnuta bejn l-akkademja u l-industrija, inkluż billi jiżguraw il-parteċipazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ intrapriżi żgħar u kbar fl-żvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi. L-MSCA huma ta' natura minn isfel għal fuq u ma jiddeterminawx minn qabel qasam xjentifiku speċifiku. Fil-perjodu 2007-2013, il-programm li ppreċeda l-MSCA ta kważi EUR 165 miljun għal 374 proġett ta’ riċerka dwar temi tal-baħar u temi marittimi (inkluża r-riċerka dwar l-Artiku). 39 minn dawn il-proġetti kienu jinkludu s-settur mhux akkademiku. Huwa partikolarment notevoli li bosta proġetti kienu jivolvu kooperazzjoni xjentifika lil hinn mill-Ewropa.

    Biex jiffaċilitaw il-mobilità, se jinħtieġ li l-miżuri tal-UE biex jiżdied ir-rikonoxximent u t-trasparenza tal-ħiliet, il-kompetenzi u l-kwalifiki u l-għodod relatati tagħhom, bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki[30], il-portal tal-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO), l-Europass[31] u s-sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità u l-kreditu, jikkunsidraw ir-rekwiżiti tal-ekonomija blu.

    Mod ieħor kif jingħata appoġġ lill-iżvilupp tal-ħiliet fl-ekonomija blu u l-kooperazzjoni eqreb bejn l-edukazzjoni għolja u s-settur privat isir permezz tal-Alleanzi tal-Għarfien, skema ġdida taħt il-programm Erasmus. L-Alleanzi tal-Għarfien huma sħubijiet strutturati li jġibu flimkien l-atturi rilevanti mill-edukazzjoni għolja u n-negozju sabiex tiġi stimulata l-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja u permezz tagħha.

    Alleanza ta’ Ħiliet marbutin ma’ Settur (SSA) tista’ tgħin ukoll billi sservi ta’ pont bejn l-edukazzjoni/it-taħriġ u s-suq tax-xogħol. Fl-2013, l-UE appoġġjat erba’ SSAs pilota biex jitrawwem id-djalogu bejn is-setturi industrijali u l-korpi involuti fit-tfassil, l-akkreditazzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. L-għan tal-SSAs huwa li jfasslu u jwasslu kurrikuli konġunti u metodi li jipprovdu lill-istudenti bil-ħiliet mitluba mis-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-partijiet interessati fl-ekonomija blu biex japplikaw għal Alleanzi tal-Għarfien u għal Alleanza ta’ Ħiliet marbutin mas-Settur tal-baħar

    L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u l-Komunitajiet ta' Konoxxenza u l-Innovazzjoni tiegħu (KKI) ilaqqgħu flimkien atturi ewlenin mill-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u n-negozju sabiex tiġi stimulata l-innovazzjoni permezz tal-integrazzjoni sħiħa tat-trijangolu tal-għarfien. L-EIT sa issa stabbilixxa tliet KICs li jindirizzaw it-tibdil fil-klima, l-enerġija sostenibbli u l-isfidi relatati mal-ICT. Skont Orizzont 2020, huma ppjanati ħames KICs oħra fl-oqsma tal-innovazzjoni għal għajxien f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba u xjuħija attiva, il-materja prima, l-ikel għall-ġejjieni, il-manifattura b’valur miżjud u l-mobilità urbana. Bħalissa ma hemm l-ebda pjan għal KKI ddedikata speċifikament għall-Ekonomija Blu. Fil-kuntest tat-tħejjija tal-Aġenda ta' Innovazzjoni Strateġika u l-bażi ġuridika emendata tal-EIT għall-perjodu ta' wara l-2020, il-Kummissjoni se teżamina jekk jistax ikun ta' valur il-ħolqien ta’ KKI speċifika għall-Ekonomija Blu wara l-2020.

    5. Konklużjoni

    L-innovazzjoni tista’ tgħin biex l-ekonomija blu tiġi żviluppata b’mod li mhux biss jixpruna t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi tal-UE, imma li jsostni wkoll l-appoġġ pubbliku għall-użu kummerċjali tar-riżorsi tal-baħar filwaqt li jiżgura l-ħarsien tal-ambjent tal-baħar. Billi ninsabu fil-bidu ta’ seklu li se jkun affettwat ħafna minn kemm aħna kapaċi mmexxu l-oċeani tagħna u r-riżorsi tagħhom, huwa importanti li jittieħdu passi konkreti biex jiġi żviluppat il-fehim tagħna tal-ibħra u t-teknoloġija tavvanza sabiex inkunu nistgħu niżviluppaw il-potenzjal ekonomiku tagħhom b’mod sostenibbli.

    F'din il-Komunikazzjoni jiġu proposti l-azzjonijiet li ġejjin:

    Azzjoni || Skeda

    L-istabbiliment ta' proċess sostenibbli li jiżgura li d-dejta dwar il-baħar tkun faċilment aċċessibbli, interoperabbli u li ma jkollhiex restrizzjonijiet għall-użu (mibni madwar EMODnet, il-Qafas għall-Ġbir ta' Dejta, Copernicus u WISE-marine) || Mill-2014 'il quddiem

    It-twassil ta’ mappa b'multiriżoluzzjoni tal-qigħan kollha tal-baħar tal-ilmijiet Ewropej || Jannar tal-2020

    Il-ħolqien ta’ pjattaforma ta’ tagħrif dwar ir-riċerka tal-baħar tal-programm Orizzont 2020 kollu kif ukoll tagħrif dwar proġetti ta’ riċerka tal-baħar iffinanzjati nazzjonalment. || Qabel il-31 ta' Diċembru 2015

    Il-ħolqien ta' Forum tal-Ekonomija, in-Negozju u x-Xjenza Blu || L-ewwel laqgħa ssir fil-Jum Marittimu Ewropew tal-2015

    L-inkoraġġiment għall-iżvilupp ta’ Alleanza ta’ Ħiliet marbutin mas-Settur marittimu || 2014-2016

    Il-Kummissjoni tinsab ħerqana li tilqa' l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Istituzzjonijiet l-oħra dwar din il-Komunikazzjoni.

    [1]               It-Tkabbir Blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu COM(2012) 494

    [2]               Blue Growth Scenarios and drivers for Sustainable Growth from the Oceans, Seas and Coasts, Rapport Finali, Sejħa għall-offerti Nru. MARE/2010/01, Awwissu 2012

    [3]               Enerġija Blu Azzjoni meħtieġa biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija mill-oċeani fl-ibħra u l-oċeani Ewropej sal-2020 u lil hinn COM(2014) 8

    [4]               1999/32/KE, emendata bi 2012/33/UE. Fis-SECA (fl-UE: il-Baħar Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana) il-kontenut ta’ kubrit tal-fjuwils tal-baħar se jitnaqqas minn 1,50 % għal 0,10 % mill-2015 u f’żoni oħrajn tal-baħar, minn 3,50 % għal 0,50 % mill-2020.

    [5]               Id-Direttiva 2008/56/KE li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)

    [6]               Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni COM (2010) 546 finali

    [7]               Stqarrija għall-Istampa tal-Kummissjoni Ewropea MEMO/13/393 tat-02/05/2013

    [8]               Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014, COM(2013) 800

    [9]               Kif meħtieġ skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE) biex jinkiseb status ambjentali tajjeb u politiki ambjentali oħra.

    [10]             Sors: Azzjonijiet Preparatorji għal Netwerk Ewropew ta’ Osservazzjoni u Dejta tal-Baħar. Kuntratt ta’ servizz Nru "MARE/2009/07 – Seabed Mapping – SI2.563144" ibbażat fuq 6000 stħarriġ ta’ qiegħ il-baħar li minnhom madwar 1000 kienu stħarriġiet ta' riżoluzzjoni għolja multi-beam.

    [11]             Id-dokument “Roadmap for Marine Knowledge 2020” li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni jipprovdi stima tal-benefiċċji.

    [12]             Fir-rapport tagħha dwar l-ewwel fażi ta’ implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva, intitolat "L-ewwel fażi ta' implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE), Il-valutazzjoni u l-gwida tal-Kummissjoni Ewropea COM(2014)097", il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ nuqqasijiet fil-valutazzjonijiet tal-Istati Membri tal-qagħda tal-ilmijiet tal-baħar tagħhom.

    [13]             Green Paper "Għarfien dwar il-Baħar 2020 mill-immappjar ta’ qiegħ il-baħar għat-tbassir oċeaniku", 29 ta' Awwissu COM(2012) 473

    [14]             Dejta miftuħa, Mezz għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-governanza trasparenti COM(2011) 882

    [15]             http://emodnet.eu/

    [16]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd

    [17]             Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE)

    [18]             EU Shared Environmental Information System Implementation Outlook, SWD(2013) 18

    [19]             Flotta ta’ sondi robotiċi li jinġarru mill-kurrent u użati madwar id-dinja.

    [20]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009

    [21]             L-iżvilupp ta’ Politika tal-Unjoni Ewropea rigward ir-Reġjun Artiku: il-progress mill-2008 u l-passi li jmiss JOIN(2012) 19

    [22]             http://www.earthobservations.org/geoss.shtml

    [23]             Laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tal-Politika Marittima Integrata l-Lussemburgu, 24 ta’ Ġunju 2013

    [24]             Rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-Għarfien dwar il-baħar 2020: L-immappjar ta’ qiegħ il-baħar għal skopijiet ta' sajd (2013/2101(INI)) il-Kumitat għas-Sajd (Rapporteur Maria do Céu Patrão Neves)

    [25]             Strateġija Ewropea għar-Riċerka tal-Baħar u dik Marittima: Qafas koerenti ta' Żona Ewropea ta' Riċerka b'appoġġ ta' użu sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra COM(2008) 534

    [26]             Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013

    [27]             Bħall-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali u n-Netwerk Enterprise Europe

    [28]             Permezz tal-Inizjattiva għall-Ipprogrammar Konġunt dwar l-Ibħra u l-oċeani.

    [29]             Skont ir-rapport ta' Leadership 2020 mill-partijiet interessati tal-industrija tat-tarzna tal-UE, il-kumplessità akbar tal-prodotti ħolqot domanda addizzjonali ta’ persunal b'ħiliet kbar. Għalhekk parti kbira tal-industrija qed tbati minn nuqqas kbir ta’ persunal kwalifikat u din hija restrizzjoni fuq it-tkabbir.

    [30]             Il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) jaġixxi bħala mezz ta’ traduzzjoni li permezz tiegħu l-kwalifiki nazzjonali jinftiehmu aħjar madwar l-Ewropa.

    [31]             Inizjattiva biex il-ħiliet u l-kwalifiki tiegħek jinftiehmu b’mod ċar u faċli.

    Top