EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0232

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu)

/* COM/2014/0232 final */

52014DC0232

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) /* COM/2014/0232 final */


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu)

Sommarju

Abbażi tal-esperjenza miksuba matul għoxrin sena ta' applikazzjoni prattika tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92, il-Kummissjoni ddeċidiet li taġġorna u temenda, f’ġieħ it-trasparenza u ċ-ċertezza legali, l-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament. Din il-Komunikazzjoni temenda u tissostitwixxi l-komunikazzjonijiet interpretattivi preċedenti tal-Kummissjoni tal-2003[1] u tal-2006[2].

Din il-Komunikazzjoni qed tiġi ppreżentata għal skopijiet ta’ informazzjoni biss, sabiex jiġi spjegat ir-Regolament. Din tindika kif il-Kummissjoni beħsiebha tapplika r-Regolament. Hija ma għandhiex l-għan li tirrevedi r-Regolament, jew li tinterferixxi fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta' kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni.

Din il-Komunikazzjoni tibda billi tispeċifika l-ambitu tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur tal-kabotaġġ marittimu. Hija tindika min igawdi minn dik il-libertà, u tfakkar liema servizzi jkopri r-Regolament.

Il-Komunikazzjoni tkompli billi tispeċifika l-punt sa fejn japplikaw id-derogi għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif stipulat fir-Regolament. Hemm tlieta minn dawn id-derogi. L-ewwel nett, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jimponu regoli tal-persunal tal-ekwipaġġ abbord vapuri b'tunnellaġġ ta' inqas minn 650 gt, u abbord bastimenti li jwettqu servizzi ta’ kabotaġġ tal-gżejjer bejn żewġ portijiet fit-territorju tagħhom. It-tieni nett, l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku u jikkonkludu kuntratti għal servizz pubbliku sabiex jiġi żgurat servizz xieraq ta' trasport skedat lejn, minn u bejn il-gżejjer. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri ta’ salvagwardja sabiex kwalunkwe tfixkil serju tas-suq intern ikun jista' jiġi rimedjat.

Din il-Komunikazzjoni tagħti wkoll ħarsa ġenerali lejn il-miżuri tranżitorji għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-Kroazja, sa mill-adeżjoni ta' dan il-pajjiż fl-Unjoni.

Fl-aħħar, il-Komunikazzjoni tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70[3] għal servizzi ta' kabotaġġ marittimu.

1. Introduzzjoni

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "ir-Regolament") li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu)[4], li kien ġie adottat meta nħoloq is-suq intern, issa għandu aktar minn għoxrin sena. Minn mindu daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993, il-kabotaġġ marittimu għadda minn proċess ta’ liberalizzazzjoni gradwali.

Sa mill-1993, il-Kummissjoni rrappurtat bosta drabi dwar il-progress ekonomiku u legali ta' din il-liberalizzazzjoni[5]. Hija indirizzat ukoll il-problemi ta’ interpretazzjoni li tqajmu mir-Regolament fil-komunikazzjonijiet interpretattivi tagħha tal-2003 u l-2006.

Il-ħames rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament[6] jenfasizza l-ħtieġa li ċerti aspetti ta’ gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jiġu ċċarati aktar.

Din il-Komunikazzjoni taġġorna u temenda l-gwida preċedenti tagħha sabiex iġġibha konformi mal-liġijiet reċenti tal-UE u mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, u sabiex tirrifletti aħjar il-bidliet fil-fehma tal-Kummissjoni rigward ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament. Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-persunal tal-ekwipaġġ (il-punt 4 ta’ din il-Komunikazzjoni) u t-tul ta’ żmien ta' kemm idumu validi l-kuntratti għal servizzi pubbliċi (il-punt 5.5.2 u t-Taqsima 5.7 ta’ din il-Komunikazzjoni).

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta biss l-interpretazzjoni tar-Regolament min-naħa tal-Kummissjoni, għal skopijiet ta’ informazzjoni. Hija ma għandhiex l-għan li tirrevedi r-Regolament, jew li tinterferixxi fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta' kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni. Hija ma tippreġudikax l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

2. Il-ftuħ tas-suq tal-kabotaġġ marittimu 2.1. Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kabotaġġ marittimu

L-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 illiberalizza l-kabotaġġ marittimu fil-pajjiżi fejn dak is-settur ekonomiku kien riżervat għal min għandu ċ-ċittadinanza tal-pajjiż. Il-libertà li wieħed jopera bejn żewġ portijiet fl-istess Stat Membru hija żgurata għas-sidien kollha tal-bastimenti tal-Unjoni.[7]

L-Istati Membri ma jistgħu jagħmlu din il-libertà soġġetta għal ebda restrizzjonijiet, ħlief f’każijiet ġustifikati b'mod xieraq. Għal din ir-raġuni, l-Istati Membri jistgħu ma jintroduċu ebda skema ta’ awtorizzazzjoni sakemm l-iskema (1) ma tkunx ġustifikata minn raġunijiet prevalenti fl-interess pubbliku (eż. l-iżgurar tas-sikurezza tal-vapuri u l-ordni fl-ilmijiet portwarji), (2) ma tkunx meħtieġa u proporzjonata mal-għan mixtieq u (3) ma tkunx ibbażata fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji li jkunu magħrufa bil-quddiem mis-sidien tal-bastimenti kkonċernati.[8]

L-Istati Membri għandhom juru li l-kundizzjonijiet kollha msemmija hawn fuq ikunu ġew issodisfati sabiex ikunu jistgħu jistabbilixxu sistemi li jaffettwaw l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kabotaġġ marittimu mill-benefiċjarji tar-Regolament.[9]

Madankollu, il-Kummissjoni tqis li sabiex jimmonitorjaw is-suq tal-kabotaġġ, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lis-sidien tal-bastimenti biex jipprovdu informazzjoni bil-quddiem dwar is-servizzi li jkunu beħsiebhom jipprovdu. Din l-informazzjoni tista’ tgħin lill-Istati Membri biex jivvalutaw aħjar il-bżonnijiet reali tat-trasport.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni mhijiex tal-fehma li l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-kumpaniji jkollhom rappreżentant fit-territorju tagħhom.

2.2. Il-benefiċjarji tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

L-Artikolu 1 tar-Regolament jistipula min huma l-benefiċjarji tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kabotaġġ marittimu. Dawn huma “sidien tal-bastimenti Komunitarji” (1) li jkollhom il-bastimenti tagħhom irreġistrati fi Stat Membru u li jtajru l-bandiera ta’ dak l-Istat Membru (2), bil-kundizzjoni li dawn ikunu konformi mal-kundizzjonijiet għat-twettiq ta' operazzjonijiet ta' kabotaġġ f’dak l-Istat Membru (3).

Il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq u li huma imposti mir-Regolament jistħoqqilhom aktar attenzjoni. Din il-kwistjoni għandha titqies ukoll fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għal bastimenti li mhumiex konformi mal-kundizzjonijiet elenkati hawn fuq.

2.2.1. Il-kunċett ta' "sid ta' bastiment Komunitarju"

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament jiddistingwi bejn tliet tipi ta’ “sidien tal-bastimenti Komunitarji”.

"(a)     dawk ta' nazzjonalità ta' Stat Membru stabbiliti fi Stat Membru skont il-leġislazzjoni ta' dak l-Istat Membru u li jagħmlu attivitajiet tal-ġarr bil-baħar;

(b)       kumpaniji ta' ġarr bil-baħar stabbiliti skont il-leġislazzjoni ta' Stat Membru u li l-post prinċipali tax-xogħol tagħhom ikun jinstab, u l-kontroll effettiv eżerċitat, fi Stat Membru; jew

(c)       dawk ta' nazzjonalità ta' Stat Membru stabbilit barra mill-Komunità jew kumpaniji tal-ġarr marittimu stabbiliti barra mill-Komunità u kkontrollati minn persuni ta' nazzjonalità ta' Stat Membru, jekk il-vapuri tagħhom ikunu rreġistrati fi u jtajru l-bandiera ta' Stat Membru b'konformità mal-leġislazzjoni tiegħu."

Il-kwistjoni li qajmet l-aktar mistoqsijiet hija d-definizzjoni tal-kunċett ta’ "kontroll" li r-Regolament jirreferi għalih fi tnejn mit-tliet kategoriji ta’ “sid ta’ bastiment Komunitarju”.

Ir-Regolament jistabbilixxi li “sidien ta’ bastiment Komunitarji” jinkludu "kumpaniji ta' ġarr bil-baħar stabbiliti skont il-leġislazzjoni ta' Stat Membru u li l-post prinċipali tax-xogħol tagħhom ikun jinstab, u l-kontroll effettiv eżerċitat, fi Stat Membru" (Artikolu 22(2)(b)). Il-Kummissjoni tqis li, f’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “kontroll effettiv fi Stat Membru” jfisser li d-deċiżjonijiet importanti jittieħdu, u li t-tmexxija ta’ kuljum titwettaq, minn post fit-territorju tal-Unjoni, u li l-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija jsiru fit-territorju tal-Unjoni.

Inklużi bħala “sidien ta’ bastiment Komunitarji” nsibu wkoll lil "dawk ta' nazzjonalità ta' Stat Membru stabbilit barra mill-Komunità jew kumpaniji tal-ġarr marittimu stabbiliti barra mill-Komunità u kkontrollati minn persuni ta' nazzjonalità ta' Stat Membru, jekk il-vapuri tagħhom ikunu rreġistrati fi u jtajru l-bandiera ta' Stat Membru b'konformità mal-leġislazzjoni tiegħu" (Artikolu 2(2)(c)). Il-Kummissjoni tqis li l-kunċett ta’ “kontroll minn persuni ta' nazzjonalità ta' Stat Membru” imsemmi f’dak l-Artikolu jfisser li ċittadini tal-Unjoni għandhom il-possibbiltà li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq il-kumpanija ta' ġarr bil-baħar, pereżempju, jekk il-maġġoranza tal-kapital tal-kumpanija jew il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot hija miżmuma minn ċittadini tal-Unjoni, jew jekk ċittadini tal-Unjoni jistgħu jaħtru aktar minn nofs il-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew ta’ sorveljanza ta’ dik tal-kumpanija ta' ġarr bil-baħar.[10]

2.2.2. Il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni fi Stat Membru u l-aċċess għal kabotaġġ nazzjonali

Ir-Regolament ma jelenkax ir-reġistri tal-Istati Membru li għalihom ikunu ġew issodisfati l-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni u l-aċċess għall-kabotaġġ nazzjonali. F’kull eventwalità, lista bħal din mistennija li tinbidel maż-żmien.

Il-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni fi Stat Membru tassumi li r-reġistru kkonċernat jinsab f’territorju fejn japplikaw it-Trattat u l-liġijiet li jirriżultaw minnu. Għaldaqstant, il-bastimenti mniżżla fir-reġistri tal-Antilli Olandiżi, tal-Gżira ta' Man, tal-Bermuda jew tal-Gżejjer Kajman mhumiex fost il-benefiċjarji tar-Regolament.[11]

B’kuntrast, il-bastimenti rreġistrati f’Ġibiltà huma fost il-benefiċjarji tar-Regolament minħabba li t-Trattat japplika għal dak it-territorju.[12] Bastimenti rreġistrati f’Ġibiltà huma intitolati li jkollhom aċċess għal kabotaġġ marittimu skont l-istess kondizzjonijiet li jgawdi minnhom kwalunkwe bastiment ieħor irreġistrat fi Stat Membru.

Ir-Regolament jistipula wkoll li biex bastiment minn Stat Membru jkun jista' jwettaq kabotaġġ fi Stat Membru ieħor, dan l-ewwel għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha għat-twettiq ta' kabotaġġ fl-Istat Membru fejn ikun irreġistrat. Dan ir-rekwiżit huwa applikabbli wkoll għal bastimenti rreġistrati fi Stat Membru li ma jmissx mal-baħar, u li jtajru l-bandiera ta' dak l-Istat Membru.

Għaldaqstant, vapuri li ma jgawdux minn aċċess għal kabotaġġ nazzjonali lanqas ma huma intitolati għal aċċess għas-swieq ta’ Stati Membri oħra. Bl-istess mod, vapuri li jgawdu minn aċċess kondizzjonali għas-suq nazzjonali jista’ jkollhom imposti fuqhom kundizzjonijiet simili f'każ li jkunu jixtiequ joperaw fi Stat Membru ieħor. Pereżempju, jekk ir-reġistrazzjoni fit-tieni reġistru X ta’ Stat Membru tkun soġġetta għall-kundizzjoni li l-bastiment għandu jopera fuq rotot internazzjonali għal mill-inqas sitt xhur fis-sena, il-bastiment irreġistrat f’dak ir-reġistru X ma jkunx jista' jitlob għal aċċess għal kabotaġġ fl-Istati Membri l-oħra (ma jkunx intitolat jipprovdi servizzi skedati hemmhekk is-sena kollha).

2.3. Il-ftuħ tas-suq għal bastimenti li mhumiex fost il-benefiċjarji tar-Regolament

Diversi Stati Membri fetħu s-swieq tagħhom b’mod aktar sħiħ minn kemm jeħtieġ ir-Regolament, kemm jekk għal kulħadd fuq bażi erga omnes kif ukoll permezz ta’ eżenzjonijiet u awtorizzazzjonijiet individwali. Ċerti Stati Membri b’hekk imsejħa politiki ta' "kosta miftuħa" jippermettu li anki bastimenti rreġistrati f'pajjiż terz u li jtajru l-bandiera ta’ dak il-pajjiż terz jipprovdu kabotaġġ marittimu bejn il-portijiet li jinsabu fit-territorju tagħhom. Barra minn hekk, uħud mill-Istati Membri jipprevedu awtorizzazzjonijiet individwali għat-twettiq ta' kabotaġġ marittimu għal bastimenti li mhumiex fost il-benefiċjarji tar-Regolament jew tal-eżenzjonijiet ġenerali mir-rekwiżiti stipulati b’dan ir-Regolament rigward bastimenti rreġistrati f'pajjiż terz u li jtajru l-bandiera ta’ dak il-pajjiż terz f'każ li ebda mill-bastimenti rreġistrati fi Stat Membru tal-Unjoni ma jkunu disponibbli.[13] Prattiki bħal dawn ma jikkostitwixxux ksur tal-liġijiet tal-Unjoni.

3. L-ambitu tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 jindika li r-Regolament japplika għal servizzi ta' trasport marittimu (il-ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti bil-baħar) fit-territorju ta' Stat Membru. Dan ikompli billi jipprovdi lista indikattiva tat-tipi ta’ servizzi ta' kabotaġġ koperti b’dan ir-Regolament.

Skont il-Qorti, minkejja n-natura mhux eżawrjenti tal-lista ta’ servizzi ta’ kabotaġġ marittimu fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament, is-soltu s-servizzi li jaqgħu fl-ambitu tiegħu jiġu, l-ewwel nett, ipprovduti kontra ħlas, u t-tieni nett, kif juru l-karatteristiċi essenzjali tal-eżempji f’dak l-Artikolu, għandhom l-għan li passiġġieri jew oġġetti jinġarru bil-baħar bejn żewġ postijiet fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed.[14]

Minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament, tqajmu erba’ mistoqsijiet ewlenin b'rabta mal-Artikolu 2(1). X'għandhom ifissru “trasport bil-baħar” u “bejn il-portijiet”? L-inġenji tal-baħar għal skopijiet ta' divertiment jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament? Il-parti tal-kabotaġġ ta' servizz internazzjonali tal-kruċieri taqa’ fl-ambitu tar-Regolament? Is-servizzi għat-twassil ta' merkanzija fil-portijiet għandhom jitqiesu bħala servizzi ta' kabotaġġ jew bħala servizzi internazzjonali? Dawn il-mistoqsijiet huma indirizzati individwalment hawn taħt.

3.1. Definizzjoni ta’ “trasport bil-baħar bejn il-portijiet”

Ir-Regolament ma jipprovdix definizzjoni tat-terminu “trasport bil-baħar”. Skont il-Qorti, sabiex dan it-terminu jiġi interpretat għandu jitqies l-għan ta’ dik id-dispożizzjoni, li hu li tiġi implimentata l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għal kabotaġġ marittimu skont il-kundizzjonijiet u soġġett għall-eċċezzjonijiet li tistabbilixxi hi.[15]

Għaldaqstant, id-distinzjoni bejn "ilmijiet interni" u "baħar territorjali" f’termini tal-liġi internazzjonali (Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982, “Konvenzjoni tal-Bajja ta' Montego”) ġiet meqjusa mill-Qorti bħala irrilevanti għall-iskop tad-definizzjoni ta' "baħar" skont ir-Regolament.[16] Bħala konsegwenza, it-terminu "ġarr bil-baħar" għandu jinkludi wkoll servizzi ta’ trasport li joperaw fl-ilmijiet tal-ibħra fuq in-naħa tal-art tal-linja bażi tal-baħar territorjali ("ilmijiet interni") li l-Istati jistgħu jiddefinixxu b'konformità ma' dik il-Konvenzjoni.

Għalhekk, skont l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali[17] l-Kummissjoni tqis li għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament, mhux biss servizzi ta’ trasport b'kabotaġġ imwettqa f'ibħra miftuħa, iżda wkoll dawk li jitwettqu f’żoni tal-baħar bħal bajjiet, estwarji[18], fjordi u bokok għandhom jitqiesu bħala “ġarr bil-baħar”.

Skont il-każistika tal-Qorti t-terminu "port" jinkludi l-infrastruttura, għalkemm fuq skala żgħira, li l-funzjoni tagħha hi li tippermetti li minnha jsiru t-tagħbija jew il-ħatt ta' oġġetti, jew li minnha jsiru t-tlugħ u t-tniżżil ta' passiġġieri, biex dawn jinġarru bil-baħar[19]. Għalhekk, kwalunkwe infrastruttura, anke mhux permanenti, li sservi għal skopijiet ta’ trasport bil-baħar billi permezz tagħha l-oġġetti jistgħu jiġu mgħobbija u mħatta, jew li minnha jsiru t-tlugħ u t-tniżżil ta' passiġġieri, tissodisfa din id-definizzjoni.

Il-Kummissjoni tfakkar li l-ġarr bil-baħar ta’ passiġġieri fuq bastimenti huwa soġġett għar- Regolament (KEE) Nru 3577/92 anki meta s-servizz isir fi ħdan 'sistema portwarja' waħda kif definita mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat (eż. meta jinqasam estwarju bil-baħar)[20]. Bl-istess mod, il-ġarr bil-baħar ta’ passiġġieri fuq bastimenti għal għanijiet turistiċi kontra ħlas li jibdew u jintemmu fl-istess port bl-istess passiġġieri abbord huwa kopert mir-Regolament, minħabba li servizz ta' dan it-tip huwa pprovdut kontra ħlas u jservi l-iskop tal-ġarr ta' passiġġieri bil-baħar fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed.

3.2. Inġenji tal-baħar għal skopijiet ta' divertiment

Ir-Regolament (KEE) Nru 3577/92 ikopri biss servizzi marittimi “normalment ipprovduti għal remunerazzjoni”. Għalhekk, il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet ta’ inġenji tal-baħar għal skopijiet ta' divertiment ma jaqgħux fl-ambitu tiegħu.

3.3. Servizzi ta’ kruċieri

Is-servizzi ta’ kruċieri jaqgħu taħt l-ambitu tar- Regolament (KEE) Nru 3577/92 meta dawn jiġu pprovduti fi Stat Membru (ara l-Artikoli 3(1) u 6(1) tar-Regolament)[21]. Il-mistoqsija hija dwar jekk il-parti tal-kabotaġġ ta' servizz internazzjonali tal-kruċieri taqax fl-ambitu tar-Regolament jew le.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-Regolament japplika biss meta l-passiġġieri jimbarkaw u jiżbarkaw fl-istess Stat Membru fejn issir il-parti tal-kabotaġġ.

Servizz ta' kruċiera li jibda fi Stat Membru X jew f'pajjiż terz u li jintemm f’pajjiż terz jew fi Stat Membru X u li jżur portijiet fi Stat Membru Y ma jaqax taħt l-ambitu tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 jekk ma jkunx hemm passiġġieri li jimbarkaw u jiżbarkaw fil-portijiet ta’ Stat Membru Y. F’dak il-każ, japplika r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86 tat-22 ta’ Diċembru 1986 li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi[22].

3.4. Servizzi għat-twassil tal-merkanzija

Servizzi għat-twassil tal-merkanzija (magħrufa wkoll bħala rilej ta' merkanzija internazzjonali) huma servizzi li permezz tagħhom trasportatur iħott oġġetti minn bastiment li jkun baħħar minn punt tat-tluq sabiex jittrasferixxi l-istess merkanzija għal fuq bastiment ieħor li jkompli bil-vjaġġ lejn port ta’ destinazzjoni. Normalment, is-servizz jitwettaq b'polza ta' kargu. Tqajmet il-mistoqsija dwar jekk servizzi ta' dan it-tip għandhomx jitqiesu bħala servizzi internazzjonali li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament (KEE) Nru 4055/86 (li ma jimponi ebda rekwiżiti relatati mal-bandiera) jew bħala servizzi ta’ kabotaġġ li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 (fejn hemm rekwiżiti relatati mal-bandiera).

F’każijiet fejn is-servizzi għat-twassil tal-merkanzija jikkonsistu fit-trasport ta' merkanzija bejn żewġ portijiet jew mill-operazzjonijiet ta' trasport li jsiru qabel bejn żewġ portijiet tal-istess Stat Membru X (a) b’destinazzjoni fi Stat Membru Y jew f’pajjiż terz, jew (b) li tkun ġejja minn Stat Membru Y jew minn pajjiż terz, l-Istat Membru X jista’ jirriżerva servizzi bħal dawn għat-twassil tal-merkanzija għal bastimenti li jtajru bnadar tal-Unjoni. Fil-fatt, fl-Istati Membri kollha fejn is-servizzi ta’ kabotaġġ huma riżervati għal bastimenti li jtajru bnadar tal-Unjoni skont ir-Regolament (KEE), Nru 3577/92, is-servizzi għat-twassil tal-merkanzija huma meqjusa bħala servizzi ta’ kabotaġġ (bl-eċċezzjoni ta’ Franza[23] u tal-Portugall), filwaqt li fil-bqija tal-Istati Membri is-servizzi għat-twassil tal-merkanzija huma bla ħlas.

Ta’ min jinnota, madankollu, li jekk kumpanija tingħata permess biex twettaq servizzi għat-twassil tal-merkanzija għall-ġarr ta’ merkanzija internazzjonali wara jew qabel vjaġġ internazzjonali, dan jista' jwassal għal iffrankar sostanzjali fl-ispejjeż tat-trasport u jikkontribwixxi għal effiċjenza aqwa tas-servizzi offruti. Għal din ir-raġuni, ċerti aspetti tas-servizzi għat-twassil tal-merkanzija qed ikunu dejjem aktar is-suġġett ta’ negozjati fid-diskussjonijiet dwar ftehimiet kummerċjali. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jeħtieġ li din il-kwistjoni tiġi eżaminata aħjar f’kooperazzjoni mal-Istati Membri.

4. Regoli dwar il-persunal tal-ekwipaġġ

Tradizzjonalment, il-kwistjonijiet relatati mal-persunal tal-ekwipaġġ kienu r-responsabbiltà tal-Istati tal-bandiera. Ir-regoli jvarjaw ħafna minn reġistru għal ieħor. Pereżempju, uħud mill-Istati Membri jimponu kundizzjonijiet ta’ nazzjonalità stretti li jeħtieġu li l-membri kollha tal-ekwipaġġ ikunu ċittadini tal-Unjoni. Oħrajn jirriżervaw biss il-pożizzjonijiet ta’ kaptan u ta' kap uffiċjal għal ċittadini tal-Unjoni. Dawn id-diversi rekwiżiti ta’ nazzjonalità jwasslu għal differenzi kbar fl-ispejjeż minn reġistru għal ieħor.

Sabiex jiġi evitat li jkun hemm tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fuq l-aktar rotot sensittivi, l-Artikolu 3 tar-Regolament jistipula li l-Istati Membri "ospitanti" jistgħu jimponu r-regoli tagħhom stess dwar il-persunal tal-ekwipaġġ fuq bastimenti li jwettqu servizzi ta' kabotaġġ tal-gżejjer. Stati Membri ospitanti jistgħu jiddeċiedu wkoll rigward ir-regoli dwar il-persunal tal-ekwipaġġ li huma applikabbli għal bastimenti żgħar (bastimenti b'tunnellaġġ ta' inqas minn 650 gt). Fil-prattika, sitt Stati Membri għażlu li jagħmlu użu minn dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

Madankollu, sabiex ma jannullax il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ir-Regolament jistipula li r-regoli tal-Istat tal-bandiera għandhom ikomplu japplikaw għal bastimenti tal-merkanzija b'tunnellaġġ ta' aktar minn 650 gt li jwettqu kabotaġġ tal-gżejjer meta l-vjaġġ ikkonċernat isir qabel jew wara vjaġġ lejn jew minn Stat ieħor (“kabotaġġ konsekuttiv”).

Dawn id-dispożizzjonijiet iqajmu żewġ settijiet ta’ mistoqsijiet dwar il-punt sa fejn twassal il-kompetenza tal-Istat ospitanti.

L-ewwel wieħed huwa relatat mal-kontenut ta’ dawk ir-regoli dwar il-persunal tal-ekwipaġġ li għalihom huwa responsabbli l-Istat ospitanti, filwaqt li l-ieħor jikkonċerna l-konfini bejn il-kompetenza tal-Istat ospitanti u l-kompetenza tal-Istat tal-bandiera fil-każ ta’ kabotaġġ konsekuttiv.

Tqajmet ukoll il-kwistjoni dwar jekk humiex ir-regoli tal-Istat ospitanti jew ir-regoli tal-Istat tal-bandiera li għandhom japplikaw għal vapuri tal-kruċieri li jwettqu kabotaġġ tal-gżejjer. Il-Qorti kkonfermat l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li għal vapuri tal-kruċieri b'tunnellaġġ ta' aktar minn 650 gt ir-regoli dwar il-persunal tal-ekwipaġġ huma r-responsabbiltà tal-Istat tal-bandiera, irrispettivament minn jekk il-vapur tal-kruċieri jwettaq kabotaġġ tal-gżejjer jew kabotaġġ kontinentali[24]. L-Istat ospitanti ma għandux permess japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu stess fir-rigward tal-persunal tal-ekwipaġġ għal vapuri tal-kruċieri b'tunnellaġġ ta' aktar minn 650 gt. Huwa jista' japplikaha biss għal vapuri tal-kruċieri b'tunnellaġġ ta' inqas minn 650 gt.

4.1. Il-kontenut tar-regoli dwar il-persunal tal-ekwipaġġ li jistgħu jiġu imposti minn Stat ospitanti

Ir-Regolament ma jispeċifikax li "kwistjonijiet relatati mal-persunal tal-ekwipaġġ" jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat ospitanti. Hemm min isostni li l-kompetenza tal-Istat ospitanti hija mingħajr limitu (ir-Regolament jirreferi għar-regoli "kollha" dwar il-persunal tal-ekwipaġġ). Il-Kummissjoni tieħu approċċ iktar restrittiv minn dan. Hija tal-fehma li l-kompetenza tal-Istat ospitanti għandha tiġi limitata sabiex jiġi salvagwardjat il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fir-rigward ta’ liema dik il-kompetenza tikkostitwixxi deroga.

Il-Kummissjoni tqis li Stati ospitanti huma fost affarijiet oħra kompetenti biex jispeċifikaw il-proporzjon meħtieġ ta’ ċittadini tal-Unjoni abbord bastimenti li jwettqu kabotaġġ tal-gżejjer (u bastimenti b'tunnellaġġ ta' inqas minn 650 gt). Għalhekk, Stat Membru jista’ jeħtieġ li l-ekwipaġġi ta’ bastimenti ta’ din ix-xorta għandhom ikunu magħmula kompletament minn membri li huma ċittadini tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu wkoll jeħtieġu li l-baħħara li jkun hemm abbord ikunu koperti minn assigurazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea. F’termini ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol, huma jistgħu jimponu r-regoli tal-pagi minimi fis-seħħ fil-pajjiż. Fir-rigward tar-regoli dwar is-sigurtà u t-taħriġ (inklużi l-lingwi mitkellma abbord), il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri ma jistgħux jagħmlu aktar milli jeħtieġu li jkun hemm konformità mar-regoli tal-Unjoni jew mar-regoli internazzjonali fis-seħħ (il-konvenzjonijiet STCW u SOLAS), mingħajr ma l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tiġi ristretta b’mod sproporzjonat.

B’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament, kull Stat Membru li jkun jixtieq jagħmel użu mill-possibbiltà li japplika r-regoli tiegħu għal kwistjonijiet relatati mal-persunal tal-ekwipaġġ għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni. L-ambitu u l-kontenut tal-miżuri previsti se jkunu soġġetti għal analiżi fuq bażi ta' każ b’każ fid-dawl tal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità imsemmija hawn fuq.

4.2. Kabotaġġ konsekuttiv

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament jistipula li "mill-1 ta' Jannar 1999, għal vapuri ta' tagħbija 'l fuq minn 650 gt li jagħmlu kabotaġġ tal-gżejjer, meta l-vjaġġ f'dak il-każ isegwi jew jippreċedi vjaġġ lejn jew minn Stat ieħor, il-materji kollha dwar persunal ikunu r-responsabbiltà tal-Istat li fih il-vapur ikun reġistrat (Stat tal-bandiera)".

Il-Qorti ddeċidiet li, fil-prinċipju, vjaġġ li jsir qabel jew wara l-vjaġġ ta’ kabotaġġ tfisser kwalunkwe vjaġġ lejn jew minn Stat ieħor, kemm jekk il-bastiment ikollu l-merkanzija abbord kif ukoll jekk le[25].

Għall-kuntrarju ta' dak li ġie nnutat mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni Interpretattiva tagħha tal-2003, il-Qorti kkunsidrat li r-regoli tal-Istat tal-bandiera japplikaw mhux biss meta fil-fatt il-merkanzija tinġarr matul il-parti internazzjonali tal-vjaġġ li ssir wara jew qabel il-parti tal-vjaġġ relatata mal-kabotaġġ, iżda anki meta l-vjaġġ isir bis-saborra (meta l-bastiment ma jkunx mgħobbi bil-merkanzija). Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta li l-Istati Membri jkomplu japplikaw ir-regoli tal-Istat ospitanti meta l-vjaġġ internazzjonali li jsir qabel jew wara l-kabotaġġ tal-gżejjer isir bis-saborra.

Madankollu, dan m’għandux ifisser li s-sidien jistgħu jivvintaw vjaġġ internazzjonali fittizju mingħajr merkanzija abbord sabiex ma jiġix applikat l-Artikolu 3(2) favur l-Artikolu 3(3), biex b'hekk jiġi evitat ir-Regolament.[26]

Huwa f’idejn il-qrati nazzjonali li jiġi verifikat, skont ir-regoli dwar l-evidenza tal-liġi nazzjonali, jekk seħħewx prattiki abbużivi ta' dan it-tip.

Ir-regoli dwar il-persunal tal-ekwipaġġ li huma applikabbli meta l-vapur ikkonċernat ikun qed iwettaq obbligi ta' servizz pubbliku huma speċifikati fil-punt 5.3.2.2.

4.3. Reviżjoni tar-regoli dwar il-persunal tal-ekwipaġġ

Skont ir-Regolament, il-Kunsill kellu jadotta arranġamenti definittivi dwar il-persunal tal-ekwipaġġ qabel l-1 ta’ Jannar 1999 fuq il-bażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, wara li saret analiżi dettaljata tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-liberalizzazzjoni tal-kabotaġġ tal-gżejjer.

Fis-17 ta’ Ġunju 1997 il-Kummissjoni ppreżentat rapport lill-Kunsill rigward din il-kwistjoni, u fid-29 ta’ April 1998 bagħtet ukoll proposta għal Regolament[27]. Il-proposta kienet għal ġeneralizzazzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat tal-bandiera fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-persunal tal-ekwipaġġ. L-Istat ospitanti kieku kien ikun responsabbli għal bastimenti ta' tunnellaġġ ta' inqas minn 650 gt u kien ikollu wkoll ir-responsabbiltà li jikkalkula l-proporzjon meħtieġ ta’ ċittadini tal-Unjoni fl-ekwipaġġi ta’ bastimenti li jipprovdu servizzi skedati ta' ġarr ta' passiġġieri u servizzi skedati tal-laneċ (inklużi servizzi varji u servizzi skedati tal-kruċieri). Baħħara minn pajjiżi terzi abbord bastimenti ta' dan it-tip kien ikollhom ikunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet tax-xogħol li huma soġġetti għalihom ir-residenti ta’ Stati Membri.

Il-proposta tal-Kummissjoni ma rnexxilhiex tikseb l-approvazzjoni tal-Istati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni pproponiet li tiġi rtirata fil-11 ta’ Diċembru 2001. Il-Kummissjoni bħalissa ma għandha ebda pjanijiet biex tressaq proposta ġdida. Għalhekk, ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament mhumiex se jiġu emendati f'terminu qasir.

Madankollu, fl-okkażjoni tat-tħejjija tal-ħames rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni saret konxja tal-fatt li n-nuqqas ta’ aċċess faċli mis-sidien tal-bastimenti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ospitanti fir-rigward tar-rekwiżiti tal-membri tal-ekwipaġġ spiss ifixkel l-iżvilupp ulterjuri tal-kabotaġġ tal-gżejjer. Sabiex tirrimedja din il-problema, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 3(2) tar-Regolament biex jaħtru punt fokali li s-sidien tal-bastimenti ikunu jistgħu jikkuntattjaw sabiex jiksbu informazzjoni dwar ir-regoli applikabbli tal-Istat ospitanti fir-rigward tal-persunal tal-ekwipaġġ.

5. Servizz pubbliku

It-trasport marittimu ta’ passiġġieri u merkanzija huwa ta' importanza kardinali għall-abitanti tal-gżejjer tal-Ewropa. Huwa proprju għalhekk li ġie mfassal sett speċjali ta’ regoli biex jiġu protetti xi wħud minn dawn il-konnessjonijiet marittimi li mhumiex moqdijin b’mod adegwat mis-suq.

Ir-Regolament jipprovdi qafas lill-Istati Membri biex dawn jorganizzaw, b’mod kompatibbli, intervent fis-suq permezz ta' restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq fir-rigward tal-obbligi ta’ servizz pubbliku b'konnessjoni mas-servizzi marittimi. Barra minn hekk, il-forniment ta’ fondi pubbliċi biex jiġu kkumpensati l-ispejjeż tal-għoti ta’ servizz pubbliku għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. L-għan ta’ din it-Taqsima hu li jiġu ċċararati aħjar, fejn meħtieġ, il-kondizzjonijiet stabbiliti bir-Regolament u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, bl-għan li l-intervent pubbliku jiġi magħmul kompatibbli mar-regoli ġenerali tat-Trattat.

5.1. L-ambitu ġeografiku tal-konnessjonijiet ta’ servizz pubbliku

Skont il-kontenut tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament, il-konnessjonijiet ta' servizz pubbliku jridu jaqdu rotot lejn, minn jew bejn il-gżejjer.

Ir-Regolament ma fihx definizzjoni ta’ "gżira". Il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni tal-Artikolu 4 għandha tkun limitata għal dawk il-gżejjer li jistgħu jintlaħqu biss marittimu jew bl-ajru, u li ma għandhom ebda rabtiet terrestri permanenti mal-kontinent Ewropew. Għaldaqstant, peniżola li tibqa’ marbuta mal-kontinent b'mod permanenti permezz ta' toroq jew ferroviji (bħal pereżempju dik tal-Peloponnese) ma tistax titqies bħala li hi "gżira"[28].

Skont l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Tizzano, il-possibbiltà li l-Artikolu 4(1) jiġi applikat tista' tiġi estiża għal servizzi pprovduti bejn postijiet li jinsabu fl-istess sitwazzjoni li qegħdin fiha l-gżejjer (pereżempju x-xtut ta’ fjordi jew estwarji twal li ma hemm ebda kollegamenti tat-toroq diretti magħhom) f'każijiet meta jkun hemm l-istess ħtieġa li tiġi żgurata l-adegwatezza tas-servizzi tat-trasport marittimu[29].

Studju li sar f’isem il-Kummissjoni[30] juri li estwarji jew fjordi twal li jwasslu għal tidwira ta’ madwar 100 km bit-triq[31] jistgħu jiġu ttrattati bħala gżejjer għall-finijiet ta’ din it-taqsima, minħabba li jistgħu jikkawżaw problema simili billi jiżolaw il-konurbazzjonijiet minn ma' xulxin.

5.2. Rotot tal-kabotaġġ tal-gżejjer li fuqhom jistgħu jiġu imposti obbligi ta’ servizz pubbliku

Huma l-Istati Membri (inkluż, fejn xieraq, l-awtoritajiet reġjonali u lokali) u mhux is-sidien tal-bastimenti li għandhom il-kompetenza biex jiddeterminaw liema rotot jeħtieġu obbligi ta’ servizz pubbliku. B’mod partikolari, l-obbligi ta’ servizz pubbliku jistgħu jiġu kkunsidrati għal servizzi regolari (skedati) ta' kabotaġġ tal-gżejjer f'każ li s-suq jonqos milli jipprovdi servizzi adegwati.

Skont il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi ta' servizz pubbliku sabiex “tiġi żgurata l-adegwatezza” tas-servizzi regolari tat-trasport marittimu lejn gżira partikolari (jew fir-rigward ta' estwarju), f'każijiet meta s-sidien tal-bastimenti tal-Unjoni, jekk kienu qed jikkunsidraw l-interess kummerċjali tagħhom stess, ma jipprovdux servizzi ta’ livell adegwat jew taħt l-istess kundizzjonijiet[32]. F'każijiet oħra, il-kummerċ għandu jibqa' ħieles.

Meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku għas-servizzi deskritti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament, l-Istati Membri għandhom jillimitaw l-intervent tagħhom għar-rekwiżiti essenzjali li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 4(2) u għandhom ukoll jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ nondiskriminazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament rigward is-sidien kollha tal-bastimenti tal-Unjoni li juru interess biex ibaħħru r-rotta. Dan ir-rekwiżit għandu jiġi osservat b'mod strett meta tittieħed deċiżjoni dwar il-kontenut tal-obbligi li għandhom jiġu ssodisfati, u waqt il-proċedura amministrattiva li twassal għall-għażla ta’ operatur ta’ servizz partikolari jew li tistabbilixxi l-ammont ta’ kumpens.

5.3. L-obbligi li jistgħu jiġu imposti 5.3.1. Id-distinzjoni bejn obbligi ta' servizz pubbliku u kuntratti ta’ servizz pubbliku

Fir-Regolament (KEE) Nru 3577/92 issir distinzjoni bejn “obbligi ta’ servizz pubbliku” (ara l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(2) tar-Regolament) u “kuntratti ta’ servizz pubbliku” (ara l-Artikolu 2(3)).

Il-kuntratti ta’ servizz pubbliku huma l-istrument li jintuża normalment biex jiġu i mnaqxxa obbligi ta’ servizz pubbliku f'każijiet meta approċċ orizzontali li japplika għas-sidien kollha ta’ bastimenti li jkunu beħsiebhom li jaqdu rotta partikolari jista’ ma jkunx biżżejjed biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali tat-trasport, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet ġenerali dwar il-kwalità ta’ servizz speċifiku.

L-Artikolu 4(2) tar-Regolament jistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ rekwiżiti li jistgħu jiġu introdotti meta jiġu imposti obbligi ta' servizz pubbliku. L-Artikolu 2(3) tar-Regolament jipprovdi biss indikazzjoni dwar l-ambitu ta’ kuntratti ta' servizz pubbliku; l-Istati Membri jistgħu anki jagħmlu aktar minn hekk. Fil-prattika, ir-rekwiżiti tal-kwalità ħafna drabi jkunu parti minn kuntratti ta’ servizz pubbliku, iżda ma jistgħux jiġu introdotti bħala parti minn obbligi ta’ servizz pubbliku. Fir-rigward ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, ir-rekwiżit dwar il-kapaċità tas-sidien tal-bastimenti li "jipprovdu s-servizz" tista' tinkludi obbligi relatati mas-solvenza tagħhom kif ukoll ir-rekwiżit li dawn ma jkollhom ebda djun pendenti ta' taxxa u ta' sigurtà soċjali[33]. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li anki l-obbligu li jintużaw laneċ li jivvjaġġaw b'veloċità għolja jista' jaqa' f'din il-kategorija.

Meta jiġu imposti obbligi ta' servizz pubbliku, ir-rekwiżiti li għandhom x’jaqsmu mar-regolarità u l-frekwenza tas-servizz jistgħu jiġu ssodisfati b'mod kollettiv – u mhux fuq bażi individwali – mis-sidien kollha tal-bastimenti li jbaħħru fuq l-istess rotta[34].

L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku u jikkonkludu kuntratti ta’ servizz pubbliku biss jekk ikunu ddeterminaw, għal kull rotta kkonċernata, li s-servizzi regolari tat-trasport mhumiex adegwati (jiġifieri ma jkunux qed jiġu pprovduti sal-punt definit jew skont il-kondizzjonijiet definiti bħala xierqa mill-awtoritajiet pubbliċi) jekk il-provvista tagħhom tkun tħalliet biss f’idejn il-forzi tas-suq. Barra minn hekk, l-obbligu jew il-kuntratt ta' servizz pubbliku għandu jkun meħtieġ u proporzjonat fir-rigward tal-għan li tiġi żgurata l-adegwatezza ta’ servizzi ta’ trasport regolari minn u lejn il-gżejjer[35]. Fi kliem ieħor, l-Istati Membri jistgħu ma jissoġġettawx ruħhom għal obbligi ta’ servizz pubbliku u għal servizzi ta' kuntratti ta’ servizz pubbliku li jkunu diġà qed jiġu pprovduti b’mod sodisfaċenti u skont kundizzjonijiet, bħall-prezz u l-kontinwità u l-aċċess għas-servizz, li jkunu konsistenti mal-interess pubbliku, kif definit mill-Istat, mill-impriżi li joperaw skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq[36].

Il-Kummissjoni tfakkar li għalkemm l-Istati Membri għandhom marġini wiesgħa ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-ħtieġa għal servizz pubbliku u fir-rigward tal-punt sa fejn jiġi pprovdut dan is-servizz, id-deċiżjoni tal-Istati Membri f’dan ir-rigward hija soġġetta għall-kontroll tal-Kummissjoni ta’ żball evidenti ta’ valutazzjoni[37].

5.3.2. Il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni.

Skont il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni stabbilit b’dan ir-Regolament, l-Istati Membri m’għandhomx jistabbilixxu obbligi li jkunu mfassla apposta għal kumpanija partikolari ta' ġarr bil-baħar u li jżommu lil sidien oħra ta' bastimenti tal-Unjoni milli jidħlu fis-suq jew milli japplikaw obbligi li jkollhom dak l-effett.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri rigward il-problemi mqajma minn dawn iż-żewġ tipi ta’ forniment.

5.3.2.1. L-akkwiżizzjoni ta’ bastimenti

L-ewwel nett, tqajmet il-mistoqsija dwar jekk Stat Membru, meta joħroġ kuntratt ta’ servizz pubbliku bħala parti minn sejħa għal offerti, jistax jeħtieġ li l-appaltatur jakkwiżixxi bastimenti u ekwipaġġi mingħand l-operatur ta’ qabel. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, f’ħafna każijiet, dan l-obbligu jikser ir-Regolament (KEE) Nru 3577/92, minħabba li hu ta' natura diskriminatorja. Huwa jipprevjeni lis-sidien tal-bastimenti tal-Unjoni milli jagħmlu offerti bil-bastimenti tagħhom stess, u jagħti vantaġġ lill-operatur preeżistenti jekk dan tal-aħħar ikun kandidat għas-suċċessjoni tiegħu stess.

Madankollu, il-Kummissjoni tista’ taqbel li meta l-għoti ta' servizz lil gżira jkun jeħtieġ l-użu ta’ bastiment b’disinn tant speċjali li ma jistax jinstab jew jinbiegħ daqstant faċilment fis-suq jew jintuża għal skop ieħor, ikun inqas restrittiv fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jkun hemm rekwiżit biex dak il-bastiment jiġi akkwiżit, milli biex dak is-servizz jingħata lil sid individwali ta' bastimenti b’kuntratt li jkun twil biżżejjed biex jippermetti l-amortizzament sħiħ ta’ bastiment mibni apposta. F’każijiet bħal dawn, il-bastiment jista’ jinkera – taħt kundizzjonijiet ċari ħafna stabbiliti b'mod dettaljat fid-dokumenti tal-offerta – minn operaturi suċċessivi minn kumpanija sidt ta' bastimenti mwaqqfa għal dak l-għan. Huwa konċepibbli wkoll li jkun hemm obbligu li l-fornitur il-ġdid tas-servizzi jakkwiżixxi l-bastiment direttament mingħand il-predeċessur tiegħu.

F'każijiet meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri stess ikollhom is-sjieda ta' bastimenti, jew ikollhom il-bastimenti għad-dispożizzjoni tagħhom permezz ta' arranġamenti oħra, dawn jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-operaturi possibbli kollha tas-servizzi skont l-istess kundizzjonijiet mhux diskriminatorji.

5.3.2.2. Il-kundizzjonijiet tal-persunal tal-ekwipaġġ

It-tieni, tqajmu wkoll mistoqsijiet fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-persunal tal-ekwipaġġ li jistgħu jiġu imposti skont obbligi ta' servizz pubbliku u kuntratti ta’ servizz pubbliku.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-regoli li jistgħu jiġu imposti skont obbligi ta' servizz pubbliku u kuntratti ta’ servizz pubbliku (Artikolu 4 tar-Regolament) għandhom ikunu limitati għar-rekwiżiti li huma essenzjali għall-bżonnijiet tas-servizz pubbliku, u li dawn ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex dan jintlaħaq. Dan għandu jiġi eżaminat fuq bażi ta’ każ b’każ.

Il-Kummissjoni tinnota li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimponu, taħt l-obbligi ta' servizz pubbliku u l-kuntratti ta’ servizz pubbliku, l-istess regoli imposti mill-Istati Membri ospitanti fuq kull bastiment li jipparteċipa f’servizz ta' kabotaġġ tal-gżejjer (Artikolu 3(2) tar-Regolament). Dawn ir-regoli huma speċifikati fit-Taqsima 4 ta’ din il-Komunikazzjoni.

5.4. Il-proċedura għall-impożizzjoni ta' obbligi ta’ servizz pubbliku u għall-konklużjoni ta' kuntratti ta’ servizz pubbliku

L-Istati Membri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom diversi mezzi amministrattivi biex jimponu "obbligi ta’ servizz pubbliku", li jiġu applikati għall-operaturi kollha ta’ rotta partikolari, bħal pereżempju reġim ta' dikjarazzjoni, sistema ta’ liċenzjar jew sistema ta’ awtorizzazzjoni. L-Istati Membri jistgħu wkoll jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku billi jikkonkludu kuntratti ta' servizz pubbliku ma’ operatur wieħed jew ma' għadd limitat ta’ operaturi.

Fil-Kawża C-205/99, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li proċedura restrittiva daqs proċedura ta’ awtorizzazzjoni hija aċċettabbli, sakemm din tkun meħtieġa (fejn "jista' jintwera li hemm ħtieġa reali għal servizz pubbliku li tirriżulta min-nuqqas ta’ adegwatezza tas-servizzi regolari tat-trasport skont il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni ħielsa"), b'mod proporzjonat mal-għan mixtieq u fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji li jiġu kkomunikati bil-quddiem lill-impriżi kkonċernati. Il-kumpaniji għandhom jingħataw ukoll id-dritt li jappellaw kontra kull deċiżjoni li tittieħed kontrihom[38].

5.4.1. Regoli applikabbli ta' akkwist pubbliku

Meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tikkonkludi kuntratt ta’ servizz pubbliku, din għandha tirrispetta r-regoli applikabbli dwar l-akkwisti. Fis-26 ta’ Frar 2014 il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw Direttiva ġdida dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni tas-servizz (aktar 'l quddiem id-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet)[39]. Fl-istess data, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw ukoll id-Direttiva 2014/24/UE u d-Direttiva 2014/25/UE (aktar 'l quddiem id-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku)[40].

Skont l-esperjenza tal-Kummissjoni, il-biċċa l-kbira tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku mogħtija b'konformità mal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament jikkostitwixxu “konċessjonijiet ta’ servizz” skont it-tifsira tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku. B’mod partikolari, permezz ta’ kuntratt ta' dan it-tip, l-awtorità kompetenti tafda l-forniment tas-servizzi ta’ kabotaġġ marittimu lil sid ta' bastimenti għal ċertu perjodu ta’ żmien. Is-sid ta' bastimenti huwa obbligat li jipprovdi s-servizz tat-trasport stipulat fil-kuntratt, normalment għal kumpens finanzjarju mingħand l-awtorità[41]. Fil-prinċipju, sid il-bastimenti għandu jġorr ir-riskju operazzjonali (jekk dan ma jkunx il-każ, tali kuntratt jikkwalifika bħala kuntratt pubbliku skont it-tifsira tad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku), li jinkludi wkoll ir-riskju relatat mad-domanda għas-servizzi tiegħu ta’ trasport, peress li normalment l-awtoritajiet kompetenti fil-kuntratt ta’ servizz pubbliku ma jagħtux garanzija li sid il-bastimenti se jkun jista' jirkupra l-investimenti kollha li jkun għamel, jew l-ispejjeż li jkun ġarrab fit-twettiq tal-obbligi kuntrattwali tiegħu.

Fil-każ tal-għoti ta’ kuntratti ta' servizz pubbliku li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet, l-awtorità kompetenti għandha tittratta lis-sidien tal-bastimenti kollha bl-istess mod, mingħajr ebda diskriminazzjoni, u għandha taġixxi b’mod trasparenti u proporzjonat sabiex tiżgura li jkun hemm kompetizzjoni ġenwina[42]. Barra minn hekk, id-Direttiva tistabbilixxi, fost oħrajn, l-obbligu li l-avviż tal-konċessjoni u l-avviż rilevanti dwar l-għoti tal-kuntratt jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea[43]. Hija tistabbilixxi wkoll għadd ta’ obbligi fir-rigward tal-kriterji għall-għażla u għall-għoti, u tistabbilixxi garanziji proċedurali li għandhom l-għan li jiżguraw it-trasparenza u t-trattament ugwali, speċjalment matul in-negozjati li jsiru bejn l-awtorità kompetenti u l-offerenti.

Rigward l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttivi l-ġodda jabolixxu d-distinzjoni bejn servizzi prioritarji u servizzi mhux prioritarji. Is-servizzi tat-trasport fuq l-ilma ġew definiti bħala ta' natura mhux prioritarja fid-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE, u kienu soġġetti biss għal numru limitat ta’ rekwiżiti (dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-avviż dwar l-għoti). Skont id-Direttivi l-ġodda dwar l-Akkwist Pubbliku, l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku li jaqgħu fl-ambitu ta’ dawn id-Direttivi fil-prinċipju huwa, soġġett għar-rekwiżiti kollha stabbiliti fihom.

F’każijiet li jikkonċernaw kuntratti li jkunu taħt il-livelli minimi għall-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet jew tad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku, xorta waħda jeħtieġ li jkun hemm proċedura ta' għażla sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tat-Trattat dwar in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali li jimplikaw obbligu ta’ trasparenza. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan tal-aħħar jikkonsisti f’li jkun żgurat, għall-benefiċċju ta’ kull offerent potenzjali, grad ta’ riklamar suffiċjenti sabiex jippermetti li s-suq tas-servizzi jinfetaħ għall-kompetizzjoni u l-imparzjalità tal-proċeduri li għandhom jiġu riveduti[44].

5.4.2. L-għażla tal-proċedura tal-għoti

L-Artikolu 4 tar-Regolament 3577/92 jirrikjedi li meta jagħtu kuntratti ta' servizz pubbliku, l-Istati Membri m’għandhomx jiddiskriminaw bejn is-sidien tal-bastimenti.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, b’mod ġenerali, l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku jista' jwassal għal riskju li tinħoloq diskriminazzjoni bejn l-operaturi, minħabba li normalment il-kuntratt jingħata lil operatur wieħed biss li jopera fuq rotta partikolari. Għaldaqstant, hija tqis li fil-prinċipju, it-tnedija ta' proċedura tal-offerti miftuħa hija l-aktar mod faċli biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm diskriminazzjoni. Proċedura ta’ għoti li tinvolvi li jsiru negozjati mal-offerenti potenzjali tista' tkun konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sakemm in-negozjati bejn l-awtorità li tagħti l-kuntratt u l-kumpaniji li jkunu bagħtu l-offerti tagħhom ikunu imparzjali, ġusti u trasparenti[45]. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li għotja diretta tonqos milli tirrispetta l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament. Bl-istess mod, kwalunkwe proċedura tal-offerti li tkun ġiet iddisinjata b’tali mod li tillimita żżejjed l-għadd ta’ offerenti potenzjali ma titqiesx bħala li hi konformi mal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza.

Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm konformità ma’ dawn il-prinċipji, il-perjodu ta' żmien ta' bejn it-tnedija tal-proċedura tal-offerti u d-data minn meta għandhom jibdew l-operazzjonijiet tas-servizzi ta’ trasport għandu jkun ta’ tul xieraq u raġonevoli. Il-Kummissjoni tqis li perjodi qosra wisq li ma jirriflettux b'mod suffiċjenti l-bżonnijiet tas-servizz ta’ kabotaġġ li għandu jingħata (eż. dawk relatati mad-daqs tas-suq, u r-rekwiżiti dwar il-kwalità jew il-frekwenza) jistgħu jiffavorixxu lis-sid preeżistenti tal-bastiment bi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

Il-Kummissjoni tixtieq tindika wkoll li l-għażla tal-proċedura tal-għoti għandha implikazzjonijiet għall-valutazzjoni ta’ kwalunkwe kumpens finanzjarju mogħti għat-twettiq tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, sabiex ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, kumpens ta' dan it-tip għandu jirrispetta l-erba’ kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti fis-sentenza Altmark[46]. Skont ir-raba' kriterju ta’ Altmark, il-kumpens offrut irid ikun jew ir-riżultat ta’ proċedura tal-akkwist pubbliku li tippermetti li jintagħżel l-offerent li jkun kapaċi jipprovdi dawk is-servizzi bl-inqas prezz għall-komunità, jew riżultat ta’ eżerċizzju ta’ punt ta riferiment ma’ impriża tipika, immexxija tajjeb u adegwatament ipprovduta bil-mezzi neċessarji. Il-Kummissjoni tqis li l-eħfef mod biex l-awtoritajiet pubbliċi jissodisfaw ir-raba’ kriterju Altmark huwa li jeżegwixxu proċedura ta’ akkwist pubbliku miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja.[47]. Bħala konsegwenza, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fis-sentenza Altmark jiġu ssodisfati, proċedura bħal din għandha ġeneralment teskludi wkoll l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat[48].

Ir-Regolament ma jeħtieġx li l-Istati Membri jinnotifikaw kull kuntratt ta’ servizz pubbliku li jikkonkludu. Fejn il-kuntratt ikun jinvolvi kumpens għall-ispejjeż ta’ għoti ta' servizz lill-pubbliku, jista’ jkun li jkun hemm bżonn li dan jiġi notifikat lill-Kummissjoni bil-quddiem, skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (il-punt 5.6 ta’ din il-Komunikazzjoni jagħti aktar dettalji f’dan ir-rigward). L-obbligu tan-notifika stabbilit bl-Artikolu 9 tar-Regolament jirreferi biss għal atti ta’ ambitu usa’, bħal pereżempju qafas legali ġenerali għal servizzi ta’ kabotaġġ.

5.5. Aċċess għas-suq u kompetizzjoni fuq rotot ta’ servizz pubbliku

Billi jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku, l-Istati Membri jkunu qed jintervjenu fuq il-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq fuq ċerti rotot, u dan jista' joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni jekk ma jsirx b’mod mhux‑ diskriminatorju. Dawn l-interventi jistgħu jitqiesu kemm bħala leġittimi kif ukoll bħala legali fid-dawl tal-għan mixtieq (li tiġi żgurata l-adegwatezza ta’ servizzi ta’ trasport lejn, minn u bejn gżejjer skedati b'mod regolari). Kull intervent b’rabta ma’ obbligu ta’ servizz pubbliku għandu jibqa’ proporzjonat mal-għan mixtieq. Jekk dan imur lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ, jispiċċa biex jirrestrinġi, bla ebda bżonn, il-libertà, li hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Il-Kummissjoni tixtieq tindirizza tliet temi relatati ma’ din il-kwistjoni.

5.5.1. Esklussività

L-għoti tal-esklussività lil sid ta' bastiment fuq rotta ta’ servizz pubbliku normalment jippermetti lill-Istati Membri jiksbu l-inqas piż finanzjarju għall-Komunità, iżda jirrestrinġi l-libertà tradizzjonali tal-kummerċ fis-settur tat-trasport marittimu.

Għandu jiġi stabbilit bilanċ ġust bejn iż-żewġ prinċipji.

F’każijiet debitament ġustifikati, l-esklussività tista' titqies bħala l-uniku strument adattat sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet essenzjali tat-trasport, meta dawn jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat u fuq il-bażi ta' proċedura tal-għoti miftuħa, ġusta u mhux diskriminatorja fl-Unjoni kollha.

Il-Kummissjoni tisħaq, madanakollu, li f’ħafna każijiet jistgħu jittieħdu miżuri inqas restrittivi mill-esklussività sabiex jiġi evitat li min jipprovdi s-servizzi jistabbilixxi prezzijiet għoljin qabel tidħol fis-suq il-kompetizzjoni b'servizzi simili (“market skimming”), u sabiex l-ammont tal-kumpens finanzjarju meħtieġ jitnaqqas kemm jista' jkun. Operatur li huwa kuntrattwalment marbut li jaderixxi mal-obbligi tas-servizz pubbliku s-sena kollha, mingħajr dritt esklussiv, jista' jbati minn żvantaġġ minħabba l-imġiba ta’ operatur ieħor li, fin-nuqqas ta’ kull obbligu ta’ servizz pubbliku, jista' jidħol fis-suq biss għall-aktar xhur vantaġġużi tas-sena u jnaqqas bi kbir il-qligħ tal-ewwel operatur.

Il-Kummissjoni tqis li jistgħu jiġu imposti obbligi ta’ servizz pubbliku ħfief fuq l-operaturi kollha tal-istess rotta, b’mod parallel ma' kuntratt ta’ servizz pubbliku li jsir ma’ operatur wieħed[49]. Pereżempju, tista' tiġi stabbilita kundizzjoni skont liema kwalunkwe sid ta' bastimenti li jidħol f'rotta fejn ikun hemm fis-seħħ kuntratt għal servizz pubbliku għall-provvista ta' servizzi tul is-sena kollha jkollu jopera tul is-sena kollha wkoll.

5.5.2. Tul ta' żmien ta' kuntratti ta' servizz pubbliku

Ir-Regolament ma jistabbilixxi ebda tul ta' żmien massimu għal kuntratti ta’ servizz pubbliku. Madankollu, l-Artikolu 1 u l-Artikolu 4 tar-Regolament jistabbilixxu li kuntratti ta’ servizz pubbliku għandu jkollhom tul ta’ żmien limitat sabiex ikun jista' jkun hemm prospettar regolari u miftuħ tas-suq.

Jekk kuntratt ta’ servizz pubbliku jkun konċessjoni, skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/23/UE dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni, fil-każ ta’ kuntratti b’tul ta’ żmien ta’ aktar minn ħames snin, il-perjodu massimu tal-konċessjoni "m'għandux jaqbeż iż-żmien li konċessjonarju jista' jkun raġonevolment mistenni li jdum biex jirkupra l-investimenti li jkunu saru fl-operat tax-xogħlijiet jew servizzi flimkien ma’ dħul fuq kapital investit filwaqt li jitqiesu l-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet kuntrattwali speċifiċi".

Bil-ħsieb li josservaw il-prinċipju tal-proporzjonalità fi kwalunkwe intervent fis-suq, l-Istati Membri għandhom jagħżlu l-metodu li joħloq l-inqas distorsjoni, anki f’termini ta’ tul ta’ żmien, biex jissodisfaw il-bżonnijiet tat-trasport marittimu. Is-sidien ta' bastimenti kollha tal-Unjoni għandhom jingħataw, b'mod regolari, l-opportunità li japplikaw għat-tħaddim ta’ servizz partikolari (dwar din il-kwistjoni, ara wkoll il-punt 5.6 hawn taħt).

Fil-Komunikazzjoni interpretattiva tagħha tal-2003, il-Kummissjoni indikat li kuntratt għal servizz pubbliku għal perjodu ta’ aktar minn sitt snin normalment ma jissodisfax ir-rekwiżit tal-proporzjonalità.

Madankollu, l-esperjenza tal-Kummissjoni mill-2003 ’l hawn uriet li f’ċerti każijiet, il-limitu ta' sitt snin jiskoraġġixxi lis-sidien tal-bastimenti milli jippreżentaw l-offerti tagħhom, minħabba li dan it-tul ta' żmien iqisuh bħala li hu qasir wisq biex l-investimenti fl-operat tas-servizz jiġu rkuprati. Bl-istess mod, l-awtoritajiet pubbliċi jistqarru wkoll li l-kuntratti b'durata qasira jistgħu jiskoraġġixxu lis-sidien ta' bastimenti milli jagħmlu investimenti aktar sostanzjali, u dan ixekkel l-innovazzjoni u jnaqqas il-possibbiltà ta’ titjib fil-kwalità tas-servizz. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li t-tħejjija ta’ proċedura tal-għażla għall-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku ta’ kabotaġġ marittimu tista’ ddum għaddejja għal ċertu żmien.

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li kuntratti ta’ servizz pubbliku li jdumu għal aktar minn ħames (f'każ li l-kuntratt ikun konċessjoni skont it-tifsira tad-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet) jew sitt snin jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżit tal-proporzjonalità sakemm dawn (1) ikunu ġustifikati minn kriterji oġġettivi, bħal pereżempju l-ħtieġa li jiġu rkuprati l-investimenti li jkunu saru fl-operat tas-servizzi ta' kabotaġġ marittimu taħt kundizzjonijiet normali ta’ operat (eż. investimenti f’bastimenti jew f'infrastruttura) (2) u ma jwasslux għal esklużjoni mis-suq.

Mingħajr preġudizzju għal analiżi każ b’każ, skont l-esperjenza tal-Kummissjoni, u skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet pubbliċi, kuntratti ta’ tul ta’ żmien massimu ta’ 12-il sena jistgħu jkunu ġustifikati sabiex ikun jista' jsir deprezzament ta’ parti sinifikanti tal-ispejjeż ta’ lanċa medjament ġdida, filwaqt li jiġi permess li jkun hemm tħaddim tajjeb tas-suq. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, kuntratti ta’ b'perjodu itwal b'mod sinifikanti (eż. li jippermettu l-amortizzazzjoni sħiħa ta' bastiment ġdid b’ritorn fuq il-kapital investit) jistgħu jfixklu l-benefiċċji ta’ pressjoni kompetittiva fuq is-suq tal-kabotaġġ [50](ara wkoll it-taqsima 8 hawn taħt).

5.5.3. Rotot raggruppata

L-Istati Membri ta’ spiss juru x-xewqa li jiggruppaw f’pakkett wieħed rotot ta’ servizz pubbliku lejn u minn gżejjer differenti, sabiex jiġġeneraw ekonomiji ta’ skala u jattiraw l-operaturi. Fihom infushom, pakketti bħal dawn mhumiex kontra l-liġi tal-Unjoni sakemm dan raggruppament tar-rotot ma jwassalx għal diskriminazzjoni u għal distorsjonijiet żejda fis-suq.

L-aktar daqs xieraq ta’ pakketti għandu jiġi deċiż billi jitqies x’inhi l-aħjar sinerġija li għandha tinħoloq biex jintlaħqu l-ħtiġiet essenzjali tat-trasport.

5.6. Sussidji pubbliċi mogħtija biex isir kumpens għal obbligi ta’ servizz pubbliku

Ir-Regolament japplika bl-istess mod kemm jekk jingħataw is-sussidji, kif ukoll jekk le. Madankollu, meta jingħata kumpens għal obbligi u għal kuntratti ta’ servizz pubbliku, dan għandu jsir skont ir-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, u b'konformità mar-regoli li jinsabu fil-pakkett ta’ strumenti tal-Kummissjoni li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat għall-forniment ta’ Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali (SIEĠ).

Dan il-pakkett jikkonsisti mill-istrumenti li ġejjin:

(a) Komunikazzjoni[51] li tiċċara l-kunċetti ewlenin li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-kumpens għal servizz pubbliku, kif ukoll il-kundizzjonijiet (l-hekk imsejħa kriterji Altmark[52]) li taħthom il-kumpens għal servizz pubbliku ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat;

(b) Regolament tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna de minimis għall-forniment ta' SIEĠ[53], li jistipula li ammont li ma jaqbiżx EUR 500 000 bħala kumpens għal servizz pubbliku matul kull perjodu ta’ tliet snin fiskali għandu jitqies bħala li ma jikkostitwixxix għajnuna, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati f’dak ir-Regolament.

(c) Deċiżjoni[54] li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet skont liema l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi hija kompatibbli mas-suq intern, u hija eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika.

(d) Qafas għal għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku[55] li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet skont liema l-kumpens soġġett għar-rekwiżit ta’ notifika[56] jista’ jiġi ddikjarat bħala kompatibbli mal-Artikolu 106(2) tat-TFUE.

(e) Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll Gwida għall-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, l-akkwisti pubbliċi u s-suq intern għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, u b'mod partikolari għal servizzi soċjali ta' interess ġenerali[57], sabiex tipprovdi aktar gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar is-SIEĠ.

5.7. Il-każ ta' 'gżejjer żgħar'

Proċeduri għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku fis-settur marittimu jistgħu jkunu kkumplikati ż-żejjed meta wieħed jiġi biex jorganizza servizzi għal gżejjer żgħar, li normalment jattiraw biss operaturi lokali.

Sabiex din l-ispeċifiċità tiġi rrikonċiljata mal-bżonn li jiġu rispettati l-prinċipji tat-trasparenza u tan-nondiskriminazzjoni, li l-Kummissjoni tqis bħala li jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ proċeduri tal-għoti miftuħa, ġusti u mhux diskriminatorji, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, mingħajr ħsara għar-regoli tal-Unjoni dwar l-akkwist u mingħajr ħsara għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fejn applikabbli, l-għażla ta’ operatur xieraq magħżul biex jipprovdi servizzi għal gżira żgħira tista’ titwettaq permezz ta' espressjoni ta’ interess sempliċi, mingħajr ma tinħareġ offerta formali, sakemm is-servizz jiġi mħabbar b'mod wiesa' – u dan jista' jsir faċilment – fl-Unjoni kollha. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li kuntratti b'perjodu itwal, pereżempju għal 12-il sena, jistgħu jkunu aċċettabbli.

Ir-Regolament (KEE) Nru 3577/92 ma jipprovdix għal definizzjoni ta’ gżejjer żgħar. Għall-iskop ta' din il-Komunikazzjoni, l-esperjenza, u b'mod partikolari studju li sar f'isem il-Kummissjoni[58], juru li "gżejjer żgħar" tista' tinftiehem bħala li tfisser gżejjer fejn l-għadd totali annwali ta' passiġġieri li jkunu nġarru bil-baħar lejn u minn dik il-gżira jkun ta' 300 000 passiġġier jew inqas. Il-limitu ta’ 300 000 passiġġier jirreferi għal vjaġġi f’direzzjoni waħda. Dan ifisser li passiġġier li jivvjaġġa lejn il-gżira u lura jingħadd darbtejn. Għal dak li jirrigwarda r-reġjuni l-aktar imbiegħda, dan il-limitu japplika biss għall-kummerċ fi ħdan ir-reġjun (u mhux għall-kummerċ bejn gżira ultraperifika u l-kontinent).

Fil-prinċipju, ir-regoli semplifikati jistgħu jiġu applikati għat-trasport bħala parti minn kuntratti ta’ servizz pubbliku ta’ trasport kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija, kemm lejn kif ukoll minn “gżira żgħira”. Madankollu, il-kummerċ tal-merkanzija, li normalment jista' jiġi organizzat taħt kundizzjonijiet kompetittivi, għandu jiġi eskluż kull fejn ikun hemm riskju ta’ distorsjoni tas-suq li ma tistax tiġi ġustifikata.

F'każ li l-istess operatur ikun qed jipprovdi servizzi għal bosta gżejjer żgħar, meta jiġi ddeterminat jekk ikunx intlaħaq il-limitu għandu jitqies l-għadd totali ta’ passiġġeri li jkunu nġarru minn dak l-operatur fil-kuntest tas-servizz pubbliku.

6. Miżuri ta' salvagwardja

L-Artikolu 5 tar-Regolament jistipula li l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tadotta miżuri ta’ salvagwardja “fil-każ ta’ tfixkil serju tas-suq intern tat-trasport minħabba l-liberalizzazzjoni tal-kabotaġġ”. L-Artikolu 2(5) jistipula li miżuri bħal dawn jistgħu jiġu applikati għal żmien massimu ta’ sena meta jinqalgħu xi problemi fis-suq li “x’aktarx iwasslu għal eċċess serju u potenzjalment fit-tul tal-provvista fuq id-domanda, li jkunu nħolqu minħabba operazzjonijiet ta’ kabotaġġ marittimu, jew li jkunu ġew aggravati minnhom, , u jirrappreżentaw theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja u s-sopravivenza ta’ għadd sinifikanti ta’ sidien ta’ bastimenti tal-Komunità, sakemm it-tbassir tul żmien qasir u tul żmien medju għas-suq in kwistjoni ma jindikaw ebda titjib sostanzjali u fit-tul”.

Din id-dispożizzjoni ġiet applikat darba biss, fi Spanja, hekk kif ir-Regolament daħal fis-seħħ għall-ewwel darba[59].

Għandu jiġi enfasizzat li każijiet individwali fejn sidien ta' bastimenti fuq rotta partikolari jispiċċaw ifallu mhumiex biżżejjed l-applikazzjoni ta’ din il-klawsola tiġi ġustifikata.

Ir-rapporti dwar il-kabotaġġ li ġew ippubblikati minn mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament juru li l-liberalizzazzjoni tal-kabotaġġ ma kkawżat ebda disturbi serji oħra fis-suq intern tat-trasport. Mhuwiex probabbli li din tista' toħloq xkiel simili issa, peress li l-biċċa l-kbira tas-servizzi ġew liberalizzati.

7. Miżuri tranżizzjonali

L-Artikolu 6 tar-Regolament jistipula għadd ta’ derogi temporanji mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Id-derogi stipulati minn dan l-Artikolu skadew fl-2004. Mal-adeżjoni tal-Kroazja, li saret Stat Membru tal-UE fl-1 ta’ Lulju 2013, l-Artikolu 6 tar-Regolament ġie emendat sabiex jiġu żgurati xi derogi temporanji għall-Kroazja[60].

Skont l-Artikolu 6(4) il-ġdid, il-kuntratti ta’ servizz pubbliku lejn u bejn il-gżejjer Kroati li ġew konklużi qabel id-data tal-adeżjoni tal-Kroazja jistgħu jkomplu japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2016.

Skont l-Artikolu 6(5), is-servizzi ta' kruċiera mwettqa bejn il-portijiet Kroati minn vapuri ta' tunnellaġġ ta' inqas minn 650 gt ġew riżervati għal bastimenti reġistrati fil-Kroazja, u li jtajru l-bandiera Kroata, sal-31 ta’ Diċembru 2014. Din ir-riżerva tgħodd għal servizzi pprovduti minn kumpaniji tal-bastimenti stabbiliti b’konformità mal-liġi tal-Kroazja, li l-post prinċipali tan-negozju tagħhom ikun il-Kroazja, u li jeżerċitaw kontroll effettiv fil-Kroazja.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6(6) jistabbilixxi miżuri addizzjonali ta’ salvagwardja sal-31 ta’ Diċembru 2014 fir-rigward ta’ servizzi ta’ kruċiera bejn il-portijiet ta’ Stat Membru, għajr il-Kroazja, li jitwettqu minn bastimenti Kroati ta' tunnellaġġ ta' inqas minn 650 gt. Il-Kummissjoni tista’, fuq talba ta’ Stat Membru, tiddeċiedi fi żmien 30 jum li tali bastimenti Kroati ma għandhomx iwettqu servizzi ta’ kruċiera bejn portijiet ta’ ċerti żoni ta’ Stat Membru għajr il-Kroazja meta jintwera li l-operat ta’ dawn is-servizzi jfixkel jew jhedded li jfixkel b'mod serju s-suq intern tat-trasport fiż-żoni kkonċernati.

Jekk il-Kummissjoni ma tkun ħadet ebda deċiżjoni wara perjodu ta’ 30 jum ta’ xogħol minn meta tasal it-talba, l-Istat Membru kkonċernat jista’ japplika miżuri ta’ salvagwardja sakemm il-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha. F’każ ta’ emerġenza, l-Istat Membru jista' jadotta miżuri provviżorji fuq bażi unilaterali għal mhux aktar minn tliet xhur, u għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan. Il-Kummissjoni tista’ tirrevoka l-miżuri jew tikkonfermahom sakemm tieħu d-deċiżjoni finali tagħha.

8. L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għall-kabotaġġ marittimu

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70[61] ġie adottat fit-23 ta' Ottubru 2007. Skont l-Artikolu 1(2), dan ir-Regolament għandu japplika għall-operat nazzjonali u internazzjonali tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u b’mezzi ferrovjarji oħrajn, kif ukoll bit-triq. L-istess Artikolu jistipula li "l-Istati Membri jistgħu japplikaw dan ir-Regolament għat-trasport pubbliku għall-passiġġieri bil-passaġġi fuq l-ilma interni u, bla preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, b'ibħra nazzjonali".

Billi r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 ma jipprovdix definizzjoni ta’ "ibħra nazzjonali" u billi dan it-terminu ma jiġix definit f'ebda att tal-Unjoni jew f'atti internazzjonali, il-Kummissjoni ġiet iffaċċjata bi kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal servizzi ta’ kabotaġġ marittimu.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li r- Regolament (KE) Nru 1370/2007 mhuwiex awtomatikament applikabbli għat-trasport pubbliku tal-passiġġieri fuq ibħra nazzjonali, iżda japplika biss f’dawk il-każijiet fejn Stat Membru jagħmlu espressament applikabbli.

It-tieni nett, il-maġġoranza tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku u tal-obbligi ta' servizz pubbliku fil-kabotaġġ marittimu jkopru t-trasport kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija, imwettaq permezz ta’ laneċ għall-ġarr ta' passiġġieri/merkanzija, filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jista’ jiġi applikat biss għat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri, u mhux għat-trasport pubbliku ta' merkanzija. Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għal kuntratti ta’ servizz pubbliku mħallta bħal dawn, li jinvolvu t-trasport tal-merkanzija.

Fl-aħħar nett, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri fuq ibħra nazzjonali sakemm dan ma jippreġudikax l-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92. Għalhekk, f'każ li jkun hemm kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ Regolamenti, ir-Regolament (KEE) Nru 3577/92 għandu jieħu post id-dispożizzjoni konfliġġenti tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. Din tal-aħħar tkun tista’ sservi biex tikkompleta r-Regolament (KEE) Nru 3577/92 meta ma jkun hemm ebda kontradizzjoni bejniethom.

Ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 li jidhru li jaffettwaw l-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar l-għoti dirett ta’ kuntratti, esklussività jew it-tul taż-żmien tal-kuntratti huma diskussi fil-qosor hawn taħt[62]. Din il-valutazzjoni ta’ applikazzjoni simultanja taż-żewġ regolamenti tindirizza biss l-aktar mistoqsijiet rikorrenti li l-Kummissjoni rċeviet minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007, u ma tkoprix id-dispożizzjonijiet kollha tagħha b’mod eżawrjenti.

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jeħtieġ li l-kuntratti ta’ servizz pubbliku għandhom jingħataw permezz ta’ proċedura ta' offerti kompetittiva ġusta, miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja[63]. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jipprovdi għal xi eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju ġenerali, bħal pereżempju fl-Artikolu 5(4), li jistabbilixxi li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ valur żgħir jew lil operatur ta’ daqs żgħir jew medju direttament mingħajr proċedura ta' offerti kompetittiva. Il-Kummissjoni tqis li, fil-prinċipju, tali għoti dirett imur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn is-sidien ta' bastimenti stabbilit fl-Artikolu 4(1), it-tieni sentenza tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li meta japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 l-Istati Membri ma jistgħux jagħtu kuntratti ta’ servizz pubbliku għat-trasport tal-passiġġieri fuq ibħra nazzjonali b'mod dirett, mingħajr ma jsegwu proċedura li tiżgura l-konformità mal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, trasparenza u imparzjalità (ara t-taqsimiet 5.4 u 5.7 għal regoli semplifikati fil-każ ta’ “gżejjer żgħar”).

Skont l-Artikolu 3(1) u 2(f) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, l-Istati Membri jistgħu jagħtu dritt esklussiv lil operatur bħala kumpens għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. Il-premessa 8 ta’ dan ir-Regolament tfakkar li s-swieq tat-trasport tal-passiġġieri li huma deregolamentati u li fihom ma jkun hemm ebda drittijiet esklussivi għandhom jitħallew iżommu l-karatteristiċi tagħhom u l-mod tagħhom kif jiffunzjonaw, sakemm dawn ikunu kompatibbli mar-rekwiżiti tat-Trattat. L-esklussività hija ta' natura eċċezzjonali fil-kabotaġġ marittimu, minħabba li fil-prinċipju jistgħu jittieħdu miżuri anqas restrittivi mill-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet tat-trasport pubbliku (ara l-paragrafu 5.5.1 ta' din il-Komunikazzjoni). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri ma jistgħux jintroduċu l-esklussività fuq il-bażi tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri permezz ta’ rotot ta' ibħra nazzjonali li ma jkunux ġew soġġetti għal drittijiet esklussivi skont ir-Regolament (KEE) Nru 3577/92.

L-Artikolu 4(3), l-ewwel sentenza tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tistabbilixxi li t-tul massimu ta' kuntratt ta' servizz pubbliku huwa ta' "għaxar snin għas-servizzi tal-kowċ u tax-xarabank u 15-il sena għas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija jew b'modi ferrovjarji oħrajn." Ir-Regolament ma jipprovdi għal ebda mill-modalitajiet ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għal kuntratti ta' trasport pubbliku ta’ passiġġieri fuq ibħra nazzjonali. Minflok, fit-tieni sentenza tal-istess Artikolu dan jistipula li t-tul ta’ żmien tal-kuntratti ta' servizz pubbliku relatati ma’ diversi mezzi tat-trasport għandu jkun limitat għal 15-il sena jekk it-trasport bil-ferrovija jew b’mezzi ferrovjarji oħrajn jirrappreżenta aktar minn 50 % tal-valur tas-servizzi kkonċernati. Il-Kummissjoni tqis li f’każ li Stat Membru jiddeċiedi li japplika r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri fuq ibħra nazzjonali, dan għandu jillimita t-tul ta’ żmien tal-kuntratti ta' servizz pubbliku relatati ma’ diversi mezzi ta’ transport- inkluż fuq ibħra nazzjonali - għal perjodu massimu ta' 15-il sena, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(3) jiġu ssodisfati.

Jidher li l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri fuq ibħra nazzjonali tista', f’ċerti każijiet, tkun utli meta dawk is-servizzi jkunu integrati f'netwerk urban, suburban jew reġjonali tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri (eż. fil-kuntest ta' servizzi tat-trasport lokali integrati li jinvolvu estwarji jew li jinsabu ġewwa laguna).

Kull darba li Stat Membru jiddeċiedi li japplika dan ir-Regolament għat-trasport pubbliku tal-passiġġieri fuq ibħra nazzjonali, dan għandu janalizza jekk hemm kwalunkwe mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rispettiva tiegħu li tippreġudika l-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, b’konformità mal-obbligu li joħroġ mill-Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni qabel jadottaw kwalunkwe miżuri li japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għat-trasport pubbliku tal-passiġġieri fuq ibħra nazzjonali[64].

[1]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3577/92 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) tat-22.12.2003, COM(2003)595.

[2]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni li taġġorna u temenda l-Komunikazzjoni dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3577/92 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) tat-11.5.2006, COM(2006)196.

[3]               ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1.

[4]               ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7.

[5]               COM(95)383, COM(97)296, COM(2000)99, COM(2002)203.

[6]               COM (2014)231.

[7]               Għall-benefiċjarji tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ara l-punt 2.2.

[8]               Kawżi magħquda C-128/10 u C-129/10 Naftiliaki Etaireia Thasou [2011] Ġabra I-1887, il-paragrafi 43 et seq.

[9]               Ara wkoll it-Taqsimiet 4 sa 6 ta’ din il-Komunikazzjoni.

[10]             Għal aktar tagħrif, ara wkoll l-Avviż Ġuriżdizzjonali Konsolidat tal-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (2008/C 95/01), ĠU C 95, 16.4.2008, p.1.

[11]             B’mod ġenerali, dawn it-territorji jiffurmaw parti mill-pajjiżi u t-territorji barranin li bis-saħħa tal-Artikolu 355 tat-Trattat huma soġġetti għal arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni mal-Istati Membri.

[12]             L-Artikolu 355(3) tat-Trattat jistipula li "id-dispożizzjonijiet tat-Trattati għandhom japplikaw għal territorji Ewropej li r-relazzjonijiet barranin tagħhom huma r-responsabbiltà ta' Stat Membru".

[13]             Għal ħarsa ġenerali lejn ir-reġimi nazzjonali dwar il-kabotaġġ marittimu ara t-Tabella 3 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-ħames rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament imsemmi fin-nota 6 ta’ qiegħ il-paġna.

[14]             Kawża C-251/04 Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Ellenika [2007] Ġabra I-67, il-paragrafi 28-29.

[15]             Kawża 323/03 Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' Spanja [2006] Ġabra I-2161, il-paragrafu 24.

[16]             Ibidem, il-paragrafu 25.

[17]             Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Tizzano mogħtija fl-10 ta’ Novembru 2005 fil-Kawża C-323/03 imsemmija hawn fuq.

[18]             Wied ta' xmara mgħarraq bl-ilma baħar.

[19]             Kawża 323/03 Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' Spanja [2006] Ġabra I-2161, il-paragrafu 33.

[20]             Ibidem, il-paragrafu 34.

[21]             Kawża C‑17/13 Alpina River Cruises, għadha ma ġietx ippubblikata.

[22]             ĠU L 378, 31.12.1986, p. 1.

[23]             Nota amministrattiva tad-9 ta’ Frar 2007 dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 257 tal-Kodiċi Doganali Franċiż.

[24]             Kawża C-288/02 Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Ellenika [2004] Ġabra I-10071.

[25]             Kawża C-456/04 Agip Petroli SpA vs Capitaneria di porto di Siracusa et. [2006] Ġabra I-3395, il-paragrafi 15-25.

[26]             Ibidem, il-paragrafu 23.

[27]             COM (1998) 251 finali.

[28]             Kawża C-288/02 Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Ellenika [2004] Ġabra I-10071, il-paragrafu 42.

[29]             Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Tizzano mogħtija fl-10 ta’ Novembru 2005 fil-Kawża C-323/03 msemmija hawn fuq, il-punti 39-45.

[30]             Study on Small Islands and Estuaries (2002), ICF Consulting.

[31]             Il-proporzjon bejn id-distanza biex wieħed idur mal-estwarju u d-distanza tat-tul tal-istess estwarju għandha tkun ta’ madwar 10 jew aktar.

[32]             Ara l-Premessa 9 u l-Artikolu 2(4) tar-Regolament. Ara wkoll is-sentenza fil-Kawża C-205/99 Analir v Administración General del Estado [2001] Ġabra I-1271, il-paragrafi 31 et seq.

[33]             Kawża C-205/99, ikkwotata hawn fuq, il-paragrafi 45 sa 51.

[34]             Jekk jeħtieġ li servizz jiġi pprovdut fi gżira 4 darbiet fil-ġimgħa u jkun hemm żewġ sidien ta' bastimenti li jkunu lesti li jipparteċipaw f'dak il-kummerċ, kull wieħed minnhom għandu jimpenja ruħu biss biex jopera darbtejn fil-ġimgħa jew, rispettivament, darba u tliet darbiet fil-ġimgħa.

[35]             Kawżi magħquda C-128/10 u C-129/10 Naftiliaki Etaireia Thasou [2011] Ġabra I-1887, il-paragrafu 54.

[36]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-forniment ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4), punt 48.

[37]             Kawża T-17/02, Fred Olsen [2005] Ġabra II-2031, il-paragrafu 216 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/435/UE tat-2 ta’ Mejju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.22843 (2012/C) (ex 2012/NN) implimentata minn Franza favur is-Société Nationale Corse Méditerranée, ĠU L 220, 17.8.2013, p. 20–45.

[38]             Kawża C-205/99, ikkwotata hawn fuq. Ara wkoll il-Kawżi Magħquda C-128/10 u C-129/10 Naftiliaki Etaireia Thasou [2011] Ġabra I-1887, il-paragrafi 52 et seq.

[39]             Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, ĠU L 94, 28.3.2014, p.1

[40]             Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, ĠU L 94, 28.3.2014, p.65; Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE ĠU L, 28.3.2014, p.243.

[41]             Ara wkoll il-Kawża C-205/99, ikkwotata hawn fuq, il-paragrafi 63 u 65.

[42]             L-Artikoli 3 u 30.

[43]             L-Artikoli 31 sa 33.

[44]             Ara l-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar il-konċessjonijiet skont il-liġi Komunitarja (ĠU C 121, 29.4.2000, p. 2), il-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar il-liġi Komunitarja applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti mhux soġġetti, jew mhux soġġetti bis-sħiħ, għad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku (ĠU C 179, 1.8.2006, p. 2), Kawża C-324/98 Teleaustria u Telefonadress v Telekom Austria [2000] Ġabra I – 10745, il-paragrafu 60.

[45]             Ara wkoll il-punt 66 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għal kumpens mogħti għall-provvista ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4).

[46]             Kawża C-280/00 Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg v Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH ("Altmark") [2003] Ġabra I-7747.

[47]             Punti 63-64 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għal kumpens mogħti għall-provvista ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4).

[48]             Ibidem, punti 65-68.

[49]             Dwar il-possibbiltà għal Stat Membru li jimponi obbligi ta’ servizz pubbliku b’mod parallel ma' kuntratt ta’ servizz pubbliku, ara wkoll il-Kawża C-205/99, il-paragrafi 60 sa 71.

[50]             Fil-Kawża C-323/03, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' Spanja [2006] Ġabra I-2161, il-Qorti ddeċidiet li miżura nazzjonali li tirriżerva servizzi tat-trasport marittimu għal impriża waħda permezz ta’ konċessjoni amministrattiva għal tul ta’ żmien ta’ 20 sena, li tista' tiġġedded għal perjodu ta’ 10 snin, tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (il-paragrafu 44).

[51]             Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali - ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4.

[52]             Il-Kawża C-280/00 Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg vs Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH.

[53]             Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta’ April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 114, 26.4.2012, p. 8).

[54]             Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3).

[55]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku, ĠU C 8, 11.1.2012, p. 15.

[56]             Dan ifisser li meta l-kumpens ta' servizz pubbliku ma jissodisfax il-kriterji Altmark, huwa mhuwiex kopert mir-regolament de minimis tas-SIEĠ u mhuwiex eżentat bħala kategorija skont id-Deċiżjoni

[57]             DĦPK(2013) 53 finali/2, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/competition/state_aid/overview/new_guide_eu_rules_procurement_mt.pdf

[58]             Study on Small Islands and Estuaries (2002), ICF Consulting.

[59]             Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/396/KEE tat-13 ta' Lulju 1993 dwar it-talba ta' Spanja għall-adozzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta' estensjoni ta' miżuri ta' salvagwardja skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu), ĠU L 173, 16.7.1993, p. 33.

[60]             L-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, Artikolu 18 u Anness V, punt 7 (1), ĠU L 112, 24.4.2012, p. 21.

[61]             ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1.

[62]             Ara wkoll il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward linji gwida interpretattivi dwar ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq, ĠU C 92, 29.3.2014, p. 1.

[63]             L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

[64]             Rigward l-obbligu ta’ konsultazzjoni, ara l-Kawża C-323/03 il-Kummissjoni vs ir-Renju ta’ Spanja, [2006] Ġabra I-2161, il-paragrafi 69-70.

Top