Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0231

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Il-ħames rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-kabotaġġ marittimu (2001-2010)

    /* COM/2014/0231 final - 2014/ () */

    52014DC0231

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Il-ħames rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-kabotaġġ marittimu (2001-2010) /* COM/2014/0231 final - 2014/ () */


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

    Il-ħames rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-kabotaġġ marittimu (2001-2010)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu)[1] ġie adottat fis-7 ta’ Diċembru 1992. L-għan tar-Regolament hu li din il-libertà tiġi implimentata b'mod gradwali, sabiex jinħoloq suq intern għall-provvista ta’ servizzi ta’ kabotaġġ marittimu.

    Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament kull sentejn u, jekk ikun xieraq, għandha wkoll tressaq kwalunkwe proposti meħtieġa.

    Dan huwa l-ħames rapport perjodiku. Wara l-konsultazzjoni tal-Istati Membri dwar il-kontenut u l-frekwenza tar-rapporti mħabbra fir-rapport preċedenti[2], u fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kunsill[3], il-Kummissjoni ddeċidiet li tkopri s-snin 2001-2010, u, fejn disponibbli, is-snin ta' wara, permezz ta' dan ir-rapport. Il-ġustifikazzjoni għal dan l-approċċ hija waħda doppja. L-ewwel nett, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tivvaluta b’mod sħiħ l-impatt tal-liberalizzazzjoni tal-kabotaġġ marittimu fil-Greċja, li kien l-aħħar Stat Membru li fetaħ is-swieq tiegħu. It-tieni nett, kellha l-għan li tanalizza l-kabotaġġ fl-Istati Membri li ssieħbu fl-UE minn meta ġie adottat ir-rapport preċedenti fl-2002 (jiġifieri t-tkabbir tal-1 ta' Mejju 2004[4], tal-1 ta' Jannar 2007[5] u tal-1 ta' Lulju 2013[6]).

    Dan ir-rapport jiffoka fuq il-pajjiżi li għandhom aċċess għall-baħar[7]. Hu ġie bbażat fuq l-istudji li saru minn konsulenti indipendenti[8], fuq ir-riżultati ta' konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni mal-partijiet interessati u mal-Istati Membri li saret fl-2009 u fuq it-tweġibiet tal-Istati Membri għal kwestjonarju li ġie indirizzat lilhom mill-Kummissjoni fl-2012.

    Dan ir-rapport huwa maqsum f’erba’ kapitoli. L-ewwel wieħed jiddeskrivi l-każistika riċenti tal-Qorti kif ukoll l-iżviluppi leġiżlattivi fl-Istati Membri u fil-pajjiżi tal-EFTA. It-tieni parti tippreżenta x-xejriet tas-suq fl-Istati Membri u fil-pajjiżi tal-EFTA. It-tielet parti fiha rikapitolazzjoni tad-dejta disponibbli dwar l-impjiegi fil-qasam tal-kabotaġġ marittimu. Minħabba n-nuqqas ta’ dejta affidabbli u konklużiva, din il-parti m’għadhiex tinkludi l-istatistika dwar l-ispejjeż relatati mal-ekwipaġġ. Ir-raba’ kapitolu jiffoka fuq ir-riżultat tal-konsultazzjonijiet li saru b'rabta mat-tħejjija ta’ dan ir-rapport. Fl-aħħar nett, l-aħħar kapitolu jinkludi konklużjonijiet, u fih tiġi ppreżentata l-fehma tal-Kummissjoni dwar ir-rapporti li għandhom isiru fil-ġejjieni.

    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport jippreżenta dejta u analiżi statistika aktar dettaljata dwar ċerti kwistjonijiet imsemmija f’dan ir-rapport.

    Dan ir-rapport huwa ppreżentat flimkien mal-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament (KEE) Nru 3577/92.[9]

    1. Żviluppi leġiżlattivi

    Dan il-kapitolu janalizza l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-iżviluppi fl-Istati Membri tal-UE (1.1) u fl-Istati tal-EFTA (1.2) fir-rigward tal-kategoriji tas-servizzi liberalizzati, l-aċċess għall-kabotaġġ, ir-regoli dwar il-persunal, l-OSP (Obbligu ta’ Servizz Pubbliku”) u l-KSP (kuntratt għal servizzi pubbliċi) fil-perjodu ta’ referenza. It-Tabella 1 tagħti rikapitolatazzjoni ta' deskrizzjoni aktar dettaljata tal-iżviluppi leġiżlattivi tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport.

    1.1. L-iżviluppi leġiżlattivi fl-Istati Membri tal-UE 1.1.1. Is-servizzi liberalizzati

    Il-kategoriji kważi kollha ta’ servizzi ta’ kabotaġġ marittimu nfetħu għall-benefiċjarji tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 mill-1 ta’ Jannar 1999, id-data li fiha skadew il-biċċa l-kbira tad-derogi stipulati fl-Artikolu 6 tar-Regolament.

    L-unika deroga li kien għad baqa', sal-1 ta' Jannar 2004, li ġiet stabbilita fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament, kienet stabbilixxiet żewġ kategoriji ta' servizzi ta' kabotaġġ għall-gżejjer fil-Greċja: servizzi regolari għall-passiġġieri u servizzi tal-bastimenti, kif ukoll servizzi pprovduti minn bastimenti ta' tunnellaġġ ta' inqas minn 650 gt.

    Wara l-adozzjoni tal-Liġi 2932/2001 li ġiet ippubblikata fis-27 ta’ Ġunju 2001, il-Greċja lliberalizzat dawn servizzi ta’ kabotaġġ, ferm qabel l-iskadenza tal-perjodu ta' deroga fl-2004. Madankollu, l-allinjament bis-sħiħ mar-Regolament inkiseb fil-Greċja biss fl-2011, permezz ta’ serje ta’ emendi li ġew introdotti bid-Deċiżjoni Ministerjali 3323.1/02/08, bid-Digrieti Presidenzjali 38/2011 u 44/2011, u bil-Liġi 3922/2011 tal-4 ta’ Marzu 2011. Din il-leġiżlazzjoni ġiet adottata fil-Greċja fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur li ngħalqet mill-Kummissjoni fl-2011.

    Barra minn hekk, il-Greċja lliberalizzat is-suq tagħha tal-kabotaġġ b’mod anki aktar wiesa’ milli meħtieġ mir-Regolament, billi fl-2010 fetħitu għal bastimenti tal-kruċieri irreġistrati f’pajjiż terz (Liġi 3872/2010).

    1.1.2. Aċċess għall-provvista ta’ servizzi ta’ kabotaġġ marittimu

    Ir-Regolament jipprevedi li, biex bastiment jitħalla jipprovdi servizzi ta' kabotaġġ fi Stat Membru ieħor, dan l-ewwel għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għal ammissjoni għall-kabotaġġ fl-Istat Membru fejn ikun irreġistrat.

    L-Istati Membri jippermettu lill-bastimenti kollha rreġistrati fl-ewwel reġistri tagħhom biex jipprovdu servizzi ta' kabotaġġ mingħajr ebda restrizzjoni. Bħala konsegwenza, dawn il-bastimenti għandhom aċċess mingħajr restrizzjonijiet għal kabotaġġ fi Stati Membri oħra.

    Is-sitwazzjoni tal-bastimenti li ġew irreġistrati fit-tieni reġistri[10] tista’ tiġi spjegata fil-qosor kif ġej:

    · il-bastimenti rreġistrati fir-Reġistru Speċjali Spanjol tal-vapuri u tal-kumpaniji tat-tbaħħir tal-Gżejjer Kanarji (REC), fir-reġistru tal-Madeira Portugiża (MAR) u f’Ġibiltà għandhom aċċess mingħajr restrizzjoni;

    · bastimenti tal-merkanzija rreġistrati fir-Reġistru Internazzjonali tal-Bastimenti tad-Danimarka (DIS) għandhom aċċess mingħajr restrizzjoni, filwaqt li bastimenti tal-passiġġieri mniżżla fid-DIS m’għandhomx aċċess għal kabotaġġ;

    · bastimenti rreġistrati fir-reġistru internazzjonali tal-Ġermanja (ISR) u fil-Lista Finlandiża tal-bastimenti tal-merkanzija fit-traffiku barrani għandhom aċċess ristrett fuq bażi ta’ każ b’każ, iżda ma għandhomx aċċess għal kabotaġġ regolari;

    · Franza u l-Italja taw, fi ħdan il-perjodu ta’ referenza, aċċess ristrett għall-kabotaġġ lill-bastimenti rreġistrati fit-tieni reġistri rispettivi tagħhom:

    -     fl-Italja, it-tieni reġistru, li oriġinarjament kien ġie eskluż mill-aċċess għall-kabotaġġ, ġie awtorizzat biex jipprovdi kabotaġġ biss fuq bażi ta’ każ b’każ, u sa 6 vjaġġi ta’ kabotaġġ kull xahar (Liġi 27, 12/2002 Nru 289); il-Liġi Nru 326 tal-24 ta' Novembru 2003 ippermettiet, bħala alternattiva għal-limitu ta' 6 vjaġġi kull xahar, li jsir għadd bla limitu ta' vjaġġi ta’ kabotaġġ, sakemm dawn ikunu ta' distanza ta' aktar minn 100 mil nawtiku;

    -     fi Franza, ir-Reġistru tat-Territorji Franċiżi tan-Nofsinhar u Antartiċi (TAAF) li ma pprovdiex aċċess għal kabotaġġ ġie sostitwit bir-Reġistru Internazzjonali Franċiż (RIF) bil-Liġi Nru 2005-412 tat-3 ta’ Mejju 2005; bastimenti rreġistrati fl-RIF għandhom aċċess limitat għall-kabotaġġ ta’ merkanzija sakemm dawn ma jiġux sfruttati biss fuq rotot ta’ kabotaġġ.

    1.1.3. Regoli dwar il-persunal

    L-Artikolu 3 tar-Regolament jippermetti l-applikazzjoni tar-regoli tal-Istat ospitanti fir-rigward tal-persunal tal-ekwipaġġ ta' bastimenti ta' tunnellaġġ ta' inqas minn 650 gt u ta' bastimenti li jwettqu kabotaġġ mal-gżejjer, ħlief fil-każ ta’ bastimenti tal-merkanzija ta' tunnellaġġ ta' iktar minn 650 gt, meta l-vjaġġ ikkonċernat isir qabel jew wara vjaġġ lejn jew minn Stat ieħor.

    Fl-2004 il-Qorti ċċarat l-ambitu tal-Artikolu 3 fir-rigward tal-bastimenti tal-kruċieri[11]. Fil-fehma tal-Qorti, il-kwistjonijiet kollha relatati mal-persunal ta’ bastimenti tal-kruċieri b'tunnellaġġ ta' aktar minn 650 gt jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat tal-bandiera, irrispettivament minn jekk dawn jagħmlux kabotaġġ kontinentali jew tal-gżejjer. Ir-regoli tal-Istat ospitanti jistgħu jiġu applikati biss għal bastimenti tal-kruċieri b'tunnellaġġ ta' inqas minn 650 gt.

    Fl-2006 il-Qorti pprovdiet ukoll kjarifika dwar id-definizzjoni tal-"vjaġġ li jsegwi jew jippreċedi l-vjaġġ ta' kabotaġġ"[12]: dan il-vjaġġ ifisser kwalunkwe vjaġġ lejn jew minn Stat ieħor, kemm jekk il-bastiment ikun mgħobbi bil-merkanzija, kif ukoll jekk le.

    Ir-regoli dwar il-persunal stabbiliti fl-Artikolu 3 jistgħu jiġu mqassra kif ġej:

    Stat tal-bandiera || Stat ospitanti

    - bastimenti ta' tunnellaġġ ta' aktar minn 650 gt li jġorru kabotaġġ għaż-żoni kontinentali - bastimenti tal-kruċieri ta' tunnellaġġ ta' aktar minn 650 gt - bastimenti tal-merkanzija ta' tunnellaġġ ta' aktar minn 650 gt li jġorru kabotaġġ għall-gżejjer, meta l-vjaġġ ta’ kabotaġġ isegwi jew jippreċedi l-vjaġġ ta' kabotaġġ lejn jew minn Stat ieħor || - bastimenti ta' tunnellaġġ ta' inqas minn 650 gt - bastimenti li jġorru kabotaġġ għall-gżejjer (għajr bastimenti tal-merkanzija ta' tunnellaġġ ta' aktar minn 650 gt li jġorru kabotaġġ għall-gżejjer, meta l-vjaġġ ta’ kabotaġġ isegwi jew jippreċedi l-vjaġġ ta' kabotaġġ lejn jew minn Stat ieħor)

    Huma biss sitta l-Stati Membri li japplikaw ir-regoli tal-Istat ospitanti: Franza, l-Italja, Spanja (kif diġà kien il-każ fir-rapport ta' qabel), il-Portugall[13], il-Greċja[14] u l-Bulgarija[15].

    Ir-regoli ewlenin li jinsabu fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rispettivi dwar il-persunal huma stabbiliti fit-Tabella 2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport.

    1.1.4. Obbligi ta’ servizz pubbliku (OSP) u kuntratti għal servizzi pubbliċi (KSP)

    Il-premessa 9 tar-Regolament tistipula li l-introduzzjoni ta' servizzi pubbliċi li jinvolvu ċerti jeddijiet u obbligi għas-sidien ta' bastimenti kkonċernati tista' tiġi ġġustifikata sabiex jiġi żgurat li jkun hemm servizzi ta' trasport regolari xierqa minn u bejn il-gżejjer, bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm distinzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet ta' nazzjonalità jew ta' residenza. L-Artikolu 4 tar-Regolament jawtorizza lill-Istati Membri biex jagħmlu “kuntratti ta’ servizz pubbliku ma’ jew jimponu obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ servizzi ta’ kabotaġġ, fuq kumpaniji ta’ ġarr marittimu li jipparteċipaw f’servizzi regolari lejn, minn u bejn gżejjer”, bil-kundizzjoni li dawn l-obbligi jiġu imposti fuq bażi mhux diskriminatorja fir-rigward tas-sidien tal-bastimenti kollha tal-Unjoni.

    Sentenza tal-Qorti tal-2001 stabbilixxiet b'mod ċar li l-Artikolu 4(1) għandu jiġi interpretat bħala li jippermetti lil Stat Membru biex jimponi OSP fuq ċerti kumpaniji tat-tbaħħir u, fl-istess ħin, li jikkonkludi KSP ma’ oħrajn għall-istess linja jew rotta sabiex jiġi żgurat li jkun hemm traffiku regolari lejn, minn jew bejn il-gżejjer.[16]

    Fl-2006 ġiet ippreżentata kjarifika ulterjuri dwar l-Artikolu 4 tar-Regolament. Il-Qorti ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni Spanjola kienet illegali f'każijiet fejn: (1) ippermettiet konċessjoni għal servizzi ta' kabotaġġ lil operatur wieħed għal perjodu ta' 20 sena; (2) inkludiet l-esperjenza fit-trasport miksuba fuq dik ir-rotta bħala kriterju għall-għoti; u (3) ippermettiet l-impożizzjoni ta' OSP fuq servizzi regolari tat-trasport bejn portijiet kontinentali.[17]

    Fil-perjodu ta’ referenza seħħew l-iżviluppi ewlenin li ġejjin fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-servizz pubbliku:

    · Il-Greċja biddlet is-sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva b'sistema ta’ dikjarazzjoni sempliċi (il-Liġi 3922/2011 tal-4 ta’ Marzu 2011 li temenda l-Liġi 2932/2001).

    · Spanja biddlet id-Digriet Irjali Nru 1466/97 bid-Digriet Irjali Nru 1516/2007 tas-16 ta’ Novembru 2007. Id-Digriet il-ġdid jiddetermina l-arranġamenti legali għal linji u servizzi ta’ kabotaġġ marittimu regolari ta’ interess pubbliku. Id-Digriet 9/2009 tas-27 ta’ Jannar 2009 tal-Gvern Reġjonali tal-Gżejjer Kanarji u l-Liġi 11/2010 tat-2 ta’ Novembru 2010 tal-Gvern Reġjonali tal-Gżejjer Baleariċi ikkompletaw dan il-qafas leġiżlattiv.

    · Franza introduċiet sanzjonijiet finanzjarji kontra sidien ta' bastimenti li jipprovdu kabotaġġ lill-gżejjer, jekk dawn ma jirrispettawx l-obbligi tas-servizz pubbliku (Digriet tat-18 ta’ Settembru 2008).

    Is-sitwazzjoni tal-OSP u tal-KSP hija rikapitolata fit-Tabella 3 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport.

    1.2. L-iżviluppi leġiżlattivi fl-Istati Membri tal-EFTA

    Fl-1 ta’ Jannar 2005, in-Norveġja introduċiet eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ permessi tax-xogħol għal baħħara minn pajjiżi li mhumiex fiż-ŻEE li jagħtu servizz fuq bastimenti barranin li jkunu qed jittrasportaw merkanzija jew passiġġieri bejn il-portijiet Norveġiżi. Madankollu, ir-rekwiżit tal-permess tax-xogħol reġa' ġie introdott f’Mejju 2010. Dan ir-rekwiżit tal-permess tax-xogħol ma japplikax għal ċittadini ta' pajjiżi taż-ŻEE jew għal ċittadini minn pajjiżi li mhumiex fiż-ŻEE li jagħtu servizzi abbord bastimenti minn pajjiżi taż-ŻEE.

    Kif ġie msemmi fir-rapport preċedenti, bastimenti rreġistrati fir-Reġistru Internazzjonali tal-Bastimenti tan-Norveġja (NIS) m’għandhomx aċċess għall-kabotaġġ.

    Id-dispożizzjonijiet ewlenin dwar il-kabotaġġ fl-Istati Membri tal-UE u fl-Istati tal-EFTA huma mogħtija fil-qosor fit-Tabella 4 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport.

    2. L-iżviluppi tas-suq

    Il-Kummissjoni kellha taffaċċja xi diffikultajiet fil-ġbir tad-dejta meħtieġa sabiex titħejja din il-parti tar-rapport, billi l-għodod statistiċi wżati għat-traċċar tal-kabotaġġ marittimu bejn l-Istati Membri qed isiru dejjem aktar insuffiċjenti u inqas affidabbli. Kif ġie indikat fir-rapport preċedenti dwar il-kabotaġġ, l-informazzjoni statistika li jiġbru l-Istati Membri m’għadhiex dettaljata daqs kemm kienet tkun fil-passat. Barra minn hekk, minħabba li s-suq ġie liberalizzat, l-amministrazzjonijiet nazzjonali qed isibuha aktar diffiċli biex jirreġistraw id-dejta relatata mas-suq. Spiss, dan iwassal biex it-traċċar statistiku jsir xogħol intern tal-operaturi privati li, minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità kummerċjali, jippreferu joqgħodu lura milli jipprovdu dejta lill-awtoritajiet kompetenti.

    Il-Kummissjoni bħalissa qed tikkunsidra li tiżviluppa metodoloġija sabiex tinġabar statistika dettaljata rigward it-trasport marittimu, inkluż dwar il-kabotaġġ.

    Din il-parti tar-rapport tippreżenta l-iżviluppi tat-traffiku, inkluż ix-xejriet ġenerali tal-kabotaġġ tal-merkanzija (2.1.1) u tal-passiġġieri (2.1.2), l-ishma tas-suq tal-ewwel u t-tieni reġistri (2.2) u l-penetrazzjoni (2.3) ta' bnadar barranin.

    2.1. L-iżviluppi tat-traffiku 2.1.1. Trasport tal-merkanzija

    Skont id-dejta pprovduta mill-Istati Membri bi tweġiba għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, kif ikkompletat mid-dejta tal-Eurostat, fil-perjodu 2001-2007 il-kabotaġġ marittimu tal-merkanzija kien ġeneralment stabbli, u f’diversi pajjiżi ġiet irreġistrata żieda kontinwa ta’ volumi f'dan il-qasam. Mill-2008, il-volum tat-traffiku beda jonqos minħabba l-effetti tal-kriżi ekonomika. Din it-tendenza kienet l-aktar evidenti fil-Greċja u l-Italja. Fi Spanja, l-impatt tal-kriżi ġie rreġistrat l-aktar fil-qasam tal-merkanzija ġenerali, minħabba t-tnaqqis fil-konsum ġenerali, u fil-kummerċ tal-merkanzija niexfa bl-ingrossa, li sofra l-effetti ta' tnaqqis fir-ritmu fl-industrija tal-bini.

    Bħalma kien ukoll fis-snin ta' qabel, it-trasport tal-merkanzija bil-kabotaġġ huwa dominat mir-Renju Unit (sehem għoli ta' merkanzija likwida bl-ingrossa), Spanja (proporzjon għoli ta' merkanzija ta' natura ġenerali) u l-Italja (volum għoli ta' traffiku ta' merkanzija likwida bl-ingrossa). Fir-rigward tal-pajjiżi tal-EFTA, il-volum tal-merkanzija trasportata fin-Norveġja għadu għoli, prinċipalment minħabba t-traffiku taż-żejt lil hinn mill-kosta (ara t-Tabella 1). Id-dejta disponibbli dwar il-kategoriji ta’ merkanzija trasportata hija ppreżentata fit-Tabella 5 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport.

    It-Tabella 1: Trasport ta' merkanzija bil-kabotaġġ

    Volum Totali (f’miljuni ta’ tunnellati)

    || 2001 || 2002 || 2003 || 2004 || 2005 || 2006 || 2007 || 2008 || 2009 || 2010

    BE || - || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    BG || - || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    CY || - || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    DE || - || 8.4 || 8.4 || 8.4 || 7.8 || 7.2 || 7.9 || 8.1 || 6.9 || 6.3

    DK* || 13.5 || 12.0 || 13.7 || 13.0 || 14.6 || 17.0 || 17.8 || 16.9 || 13.2 || 14.8

    EE* || - || 0.4 || 0.5 || 0.7 || 0.5 || 0.3 || 0.7 || 0.2 || 0.1 || 0.2

    EL* || 23.4 || 30.5 || 36.3 || 35.0 || 32.4 || 33.7 || 34.3 || 30.8 || 27.2 || 22.2

    ES || 76.9 || 76.3 || 78.7 || 86.3 || 87.6 || 87.0 || 91.4 || 86.0 || 76.6 || 80.7

    FI || 5.8 || 6.1 || 5.5 || 5.3 || 5.0 || 5.7 || 6.1 || 6.1 || 5.3 || 8.0

    FR || 9.1 || 9.8 || 10.1 || 10.4 || 10 || 9.3 || 9.9 || 9 || 8.7 || 8.1

    IE || - || - || - || - || 0.9 || 0.8 || 0.9 || 1.0 || 1.0 || 0.9

    IT || 70.2 || 67.6 || 59.9 || 66.1 || 103.6 || 73.8 || 72.7 || 67.6 || 60.7 || 58.6

    LT || - || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    LV || - || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    MT || - || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    NL || - || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    PL || - || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    PT* || 5.6 || 5.6 || 5.7 || 5.8 || 6.8 || 6.8 || 7.7 || 8.0 || 7.1 || 8.3

    RO || - || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    SE || 12.2 || 11.6 || 11.9 || 11.3 || 13.1 || 11.4 || 12.5 || 12.1 || 9.9 || 11

    SI || - || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    UK* || 105.8 || 102.6 || 96.4 || 95.7 || 97.0 || 88.7 || 88.0 || 84.6 || 79.6 || 71.3

    IS || - || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    NO* || - || 46.7 || 45.0 || 46.2 || 46.7 || 49.0 || 48.2 || 46.2 || 44.0 || 42.5

    * Sors: Eurostat. Id-dejta miġbura mill-Eurostat tinkludi informazzjoni għal portijiet fejn jiġu mmaniġġjati iktar minn miljun tunnellata fis-sena.

    2.1.2. It-trasport tal-passiġġieri

    Il-kabotaġġ marittimu tal-passiġġieri jidher li hu stabbli, b’numri globali konsolidati simili għal dawk irreġistrati f’rapporti preċedenti. Ma ġew irreġistrati ebda żidiet kbar f’dan it-tip ta’ traffiku; anke ċ-ċaqliq staġjonali assoċjat mal-istaġun turistiku mhuwiex sinifikanti meta jiġi analizzat fil-kuntest taċ-ċifri totali. In-numru ta’ passiġġieri naqas f’dawn l-aħħar tliet snin, minħabba l-effetti tal-kriżi ekonomika (iċ-ċifri fi Spanja fl-2010 kienu waqgħu lura għal-livelli rreġistrati fl-2004-2005, filwaqt li fil-Greċja niżlu għal-livelli tal-2001).

    Il-kabotaġġ marittimu tal-passiġġieri jippreżenta grad għoli ta' konċentrazzjoni: l-akbar żewġt iswieq huma l-Greċja u l-Italja, li huma segwiti minn Spanja. It-tnaqqis fit-traffiku tal-passiġġieri li ġie rreġistrat id-Danimarka minħabba l-ftuħ tal-Faxxa l-Kbira (l-hekk imsejħa Great Belt - kollegament fiss bejn Kopenħagen u ż-żona kontinentali) sa minn nofs id-Disgħinijiet jidher li issa stabilizza ruħu f'għadd aktar baxx ta’ passiġġieri, li jvarja bejn 8 u 9 miljun passiġġier fis-sena (ara t-Tabella 2).

    Ma hemm ebda statistika disponibbli dwar l-għadd ta’ passiġġieri għall-pajjiżi tal-EFTA.

    It-Tabella 2: Trasport ta' passiġġieri bil-kabotaġġ

    Għadd Totali ta' Passiġġieri (miljuni)

    || 2001 || 2002 || 2003 || 2004 || 2005 || 2006 || 2007 || 2008 || 2009 || 2010

    BE || - || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    BG || - || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    CY || 0.05 || 0.05 || 0.05 || 0.05 || 0.05 || 0.05 || 0.05 || 0.05 || 0.05 || 0.05

    DE || - || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    DK* || 8.4 || 8.7 || 8.9 || 8.9 || 8.8 || 9.1 || 8.9 || 8.7 || 8.3 || 8.2

    EE || - || - || - || - || - || - || 2.0 || 2.0 || 1.9 || 1.8

    EL || 50 || 60 || 55 || 66 || 75 || 74 || 76 || 76 || 61 || 52

    ES || 16.6 || 16.0 || 17.0 || 18.5 || 18.3 || 19.4 || 20.1 || 19.7 || 18.4 || 18.2

    FI || 0.6 || 0.4 || 0.5 || 0.5 || 0.5 || 0.5 || 0.5 || 0.5 || 0.5 || 0.5

    FR* || 5.0 || 5.0 || 4.5 || 3.7 || 4.0 || 4.2 || 4.5 || 4.8 || - || -

    IE || - || - || - || - || - || - || 0.4 || 0.4 || 0.5 || 0.5

    IT || 34.4 || 35.9 || 32.4 || 36.9 || 36.4 || 42.2 || 41.0 || 37.3 || 38.9 || 39.0

    LT || - || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    LV || || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    MT || 3.1 || 3.3 || 3.4 || 3.5 || 3.5 || 3.6 || 3.8 || 3.4 || 3.8 || 4.0

    NL || - || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    PL || - || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    PT* || 0.2 || 0.2 || 0.3 || 0.3 || 0.3 || 0.3 || 0.3 || 0.3 || 0.4 || 0.3

    RO || - || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    SE || 1.3 || 1.4 || 1.4 || 1.5 || 1.5 || 1.5 || 1.6 || 1.5 || 1.6 || 1.7

    SI || - || - || - || - || - || - || - || - || - || -

    UK* || 4.0 || 4.2 || 4.1 || 3.7 || 3.2 || 3.1 || 3.3 || 3.1 || 3.0 || 3.1

    * Sors: Eurostat. Id-dejta miġbura mill-Eurostat tinkludi informazzjoni għal portijiet fejn jiġu mmaniġġjati iktar minn 200 000 passiġġier fis-sena.

    2.2. L-ishma tas-suq rispettivi tal-ewwel u t-tieni reġistri

    L-ewwel reġistru huwa dominanti fil-qasam tal-kabotaġġ ta’ passiġġieri. Huma biss Spanja u l-Portugall, li jippermettu li jsir kabotaġġ ta’ passiġġieri minn bastimenti rreġistrati fit-tieni reġistri tagħhom, li jirreġistraw il-parteċipazzjoni minuri ta’ dawn il-bastimenti.

    Ir-rwol tat-tieni reġistri għandu t-tendenza li jiżdied fil-kabotaġġ ta’ oġġetti. Fl-Italja, wara li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess ta’ bastimenti rreġistrati fir-Reġistru Internazzjonali Taljan għall-kabotaġġ saru inqas stretti, ġiet irreġistrata żieda konsiderevoli fil-parteċipazzjoni ta’ dawk il-bastimenti fil-kabotaġġ tal-merkanzija. Skont l-awtoritajiet Taljani, din ix-xejra mistennija li tkompli fil-futur qrib.

    2.3. Penetrazzjoni ta' bnadar barranin

    Il-preżenza ta’ bastimenti mhux nazzjonali hija evidenti l-aktar fil-kabotaġġ ta' oġġetti. Fil-Finlandja, il-preżenza ta’ bnadar taż-ŻEE mhux Finlandiżi żdiedet minn 25% fl-2001 għal 36% fl-2005, u għal 47% fl-2010. Fl-Italja, il-preżenza ta’ bastimenti bi bnadar taż-ŻEE mhux Taljani żdiedet minn madwar 43% fl-2001 għal madwar 47% fl-2009 fit-trasport tal-merkanzija b’kabotaġġ kontinentali. Fil-Ġermanja, bħala medja, aktar minn nofs tal-merkanzija totali hija ttrasportata minn bastimenti taż-ŻEE li mhumiex Ġermaniżi: fl-2002 dan is-sehem kien jirrappreżenta 52%, u sal-2010 żdied għal kważi 56%.

    Il-predominanza ta’ bnadar nazzjonali għadha konsiderevoli fir-rigward tal-kabotaġġ tal-passiġġieri, b’każ speċjali tal-Greċja, fejn kważi s-suq kollu jikkorrispondi għal bastimenti bi bnadar nazzjonali (minn madwar 300 bastiment li jwettqu operazzjonijiet ta' kabotaġġ tal-passiġġieri, 4 biss m'għandhomx bandiera Griega, iżda huma proprjetà ta' entitajiet Griegi).

    Id-dejta disponibbli hija murija fit-Tabella 6 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport.

    3. Impjiegi

    L-informazzjoni disponibbli dwar l-impjiegi fil-qasam tal-kabotaġġ marittimu hija ferm skarsa.

    Fil-Finlandja u l-Portugall, fl-2005 ġie rreġistrat tnaqqis żgħir fl-għadd ta' persuni impjegati fil-qasam tal-kabotaġġ marittimu (fil-Finlandja, tnaqqis minn 1.697 fl-2000 għal 1.562 fl-2005, fil-Portugall, tnaqqis minn 167 fl-2000 għal 149 fl-2005)[18].

    Fi Spanja, l-għadd ta’ baħħara fuq bastimenti ta’ kabotaġġ b'bandiera Spanjola naqas b’ 49.5%, minn 5.350 fl-2001 għal 2.649 fl-2010, l-aktar minħabba t-tnaqqis fl-għadd ta’ bastimenti (bastimenti żgħar tal-kabotaġġ ġew sostitwiti b’għadd iżgħar ta’ bastimenti moderni b’tunnellaġġ akbar).

    F’Malta, fir-rigward tal-impjiegi fis-settur tal-kabotaġġ marittimu, ġew irreġistrati 240 persuna (inklużi l-baħħara) u skont l-awtoritajiet Maltin, dan il-qasam tal-impjiegi għandu potenzjal sinifikanti ta’ tkabbir. Ġie kkalkulat li 500 persuna oħra se jiġu impjegati tul is-snin li ġejjin.

    4. Konsultazzjoni

    Fl-2009 u l-2012, il-Kummissjoni kkonsultat lill-amministrazzjonijiet marittimi tal-Istati Membri u lil partijiet oħra interessati[19], bil-ħsieb li jiġi evalwat l-impatt tar-Regolament.

    Din il-konsultazzjoni wriet li s-suq tal-kabotaġġ huwa ferm eteroġenju fl-UE kollha. Is-sottomissjonijiet li waslu fil-qafas ta’ din il-konsultazzjoni wrew li r-Regolament jidher li jirrispetta din id-diversità u l-ispeċifiċitajiet demografiċi u ġeografiċi tal-Istati Membri.

    Jidher li l-abolizzjoni tal-ostakoli għall-aċċess għas-swieq tal-kabotaġġ ma wasslet għal ebda żieda sinifikanti fl-għadd ta' sidien tal-bastimenti li huma interessati li jipprovdu servizzi ta’ kabotaġġ. Dan jista’ jintrabat ma’ karatteristiċi inerenti tas-suq tal-kabotaġġ, li, bi ftit eċċezzjonijiet ta’ rotot ta’ interess kummerċjali għoli ħafna[20], jikkonsisti minn tipi ta' traffiku tal-passiġġieri pjuttost żgħir u minn volumi tal-merkanzija limitati. Barra minn hekk, il-pożizzjoni ġeografika spiss ma tagħti l-ebda vantaġġ lis-servizzi marittimi meta mqabbel mat-trasport fuq l-art, pereżempju billi teħtieġ li l-bastimenti jkollhom karatteristiċi tekniċi speċifiċi (eż. bastimenti li jbaħħru fit-Tramuntana tal-Ewropa ħafna drabi jrid ikollhom klassi tas-silġ).

    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li ċerti kumpaniji sidien ta' bastimenti jiżguraw il-preżenza tagħhom fis-swieq tal-kabotaġġ ta’ Stati Membri oħra billi jixtru l-ishma f’kumpaniji nazzjonali sidien ta' bastimenti[21], minflok billi jiżviluppaw is-servizzi ta’ kabotaġġ b'mod fiżiku.

    Is-sottomissjonijiet li waslu enfasizzaw li r-Regolament irnexxilu jipprovdi qafas legali għal kuntratti ta’ servizz pubbliku (KSP) u għal obbligi ta’ servizz pubbliku (OSP), u kkontribwixxew għall-ksib ta' trasparenza akbar fl-attribuzzjoni tagħhom.

    Ġie enfasizzat f'diversi sottomissjonijiet li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament fir-rigward tal-OSP u l-KSP jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi biex jinnegozjaw mas-sidien tal-bastimenti f’pożizzjoni ta’ saħħa relattiva, u jagħtu element ta’ kontroll lill-amministrazzjonijiet fuq il-livell tat-tariffi. Xorta waħda jeħtieġ li dan l-apprezzament ġenerali jiġi mtaffi permezz ta’ eżempji ta’ trasport lejn il-gżejjer li jirrappreżentaw interess kummerċjali baxx. Skont l-amministrazzjoni marittima Griega, in-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva fuq uħud mil-linji jidher li wassal għal spejjeż ogħla biex ikun jista' jsir kumpens għat-twettiq tas-servizz pubbliku fil-Greċja.[22]

    Il-konsultazzjoni wriet li d-deroga stipulata fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament li tippermetti l-applikazzjoni tar-regoli tal-Istat ospitanti fir-rigward ta' kwistjonijiet dwar il-persunal hija ta’ importanza sinifikanti għal diversi Stati Membri. Is-sottomissjonijiet enfasizzaw li din id-deroga tiggarantixxi kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni saret konxja tal-fatt li n-nuqqas ta’ aċċess faċli mis-sidien tal-bastimenti għal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ospitanti fir-rigward tar-rekwiżiti tal-persunal tista’ tkun ta’ ostakolu għall-iżvilupp ulterjuri tal-kabotaġġ tal-gżejjer.

    Fl-aħħar nett, xi wħud minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni indikaw li, f’ċerti każijiet, il-ftuħ tas-suq tal-kabotaġġ fuq ir-rotot kummerċjali aċċellera l-modernizzazzjoni tal-flotot u kkontribwixxa għat-titjib tal-kwalità tas-servizzi offruti.

    5. Konklużjonijiet 5.1. L-impatt tal-liberalizzazzjoni

    Kważi s-servizzi kollha ta’ kabotaġġ fl-UE ġew liberalizzati mill-1 ta’ Jannar 1999. Is-suq Grieg, li kien l-aħħar wieħed li kien baqa' parzjalment protett, ilu li nfetaħ mill-1 ta’ Novembru 2002.

    Sal-2007, is-suq tal-kabotaġġ marittimu kien ġeneralment stabbli, u ġiet irreġistrata żieda kontinwa fil-volum ta’ oġġetti u fin-numru ta’ passiġġieri li ġew ittrasportati f’diversi pajjiżi. Sa mill-2008, dan is-suq beda jgħaddi minn tnaqqis konsiderevoli, minħabba l-impatt tal-kriżi ekonomika.

    Bħal fis-snin ta’ qabel, l-akbar suq tat-trasport tal-merkanzija huwa dak tar-Renju Unit, li warajh insibu s-swieq ta’ Spanja u tal-Italja rispettivament. Il-merkanzija likwida bl-ingrossa għadha fuq quddiem f’termini ta’ merkanzija ttrasportata.

    Il-Greċja għandha l-ikbar volum ta' traffiku f'dak li jirrigwarda l-passiġġieri, u warajha nsibu l-Italja.

    Il-penetrazzjoni tas-swieq nazzjonali minn bastimenti bi bnadar mhux nazzjonali żdiedet fil-qasam tal-kabotaġġ tal-merkanzija, filwaqt li baqgħet limitata fir-rigward tal-kabotaġġ tal-passiġġieri.

    Mill-konsultazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni, jidher b'mod ċar li l-liberalizzazzjoni kellha impatt ġenerali modest iżda pożittiv, u dan wassal biex f’uħud mill-Istati Membri ssir modernizzazzjoni tal-flotot nazzjonali li kellhom iħabbtu wiċċhom ma' riskju akbar ta’ kompetizzjoni.

    5.2. Azzjonijiet oħra

    Wara l-konsultazzjonijiet tal-2009 u tal-2012 imsemmija fit-Taqsima 4 ta’ dan ir-rapport, u abbażi tal-esperjenza miksuba tul diversi snin ta' applikazzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-Regolament huwa adattat għall-iskop tiegħu, u li ma jeħtieġx li dan jiġi rivedut. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li bosta mill-mistoqsijiet li tqajmu fis-sottomissjonijiet juru li għadhom jeżistu problemi ta’ interpretazzjoni u ta' implimentazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni indirizzat dawn il-kwistjonijiet ġodda fil-komunikazzjoni interpretattiva tagħha dwar il-kabotaġġ marittimu.[23]

    Minħabba li l-informazzjoni statistika disponibbli dwar il-kabotaġġ marittimu saret skarsa, u minħabba li l-liberalizzazzjoni issa tlestiet u s-suq ġie stabbilizzat, il-Kummissjoni tipproponi li jsiru rapporti dwar il-progress ekonomiku u legali tal-liberalizzazzjoni biss fil-każ ta’ żviluppi sinifikanti f’dan il-qasam, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-2018, sabiex jiġi vvalutat b’mod sħiħ l-impatt tal-liberalizzazzjoni tal-kabotaġġ marittimu fil-Kroazja, li qed tibbenefika minn deroga temporanja fir-rigward ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament sal-31 ta’ Diċembru 2014.

    [1]               ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7.

    [2]               Ir-raba' rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-kabotaġġ marittimu (1999-2000) tal-24.4.2002, COM (2002) 203.

    [3]               Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5.11.2002.

    [4]               Ċipru, l-Estonja, il-Litwanja, il-Latvja, Malta, il-Polonja, is-Slovenja, ara wkoll in-nota 7 f’qiegħ il-paġna.

    [5]               Il-Bulgarija u r-Rumanija.

    [6]               Il-Kroazja.

    [7]               L-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Lussemburgu u s-Slovakkja mhumiex koperti.

    [8]               Consultrans (membru ta’ ECORYS Lead Framework Contract Consortium), "Study in view of the preparation of the 5th periodical report on the implementation of Regulation No 3577/92. Economic part 2001-2005", Lulju 2007. Gomez- Acebo & Pombo Abogados, "Study on the implementation of Council Regulation (EEC) No 3577/92 applying the principle of freedom to provide services to maritime transport within the Member States. Legal developments (2001-2005)", Ġunju 2007.

    [9]               Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) COM(2014)232

    [10]             Kif imfakkar fir-rapport preċedenti, ir-reġistri 'lil hinn mill-kosta' (off-shore) tal-Istati Membri mhumiex benefiċjarji tar-Regolament (eż. ir-Reġistru tal-Antilli Olandiżi, ir-Reġistru ta' Isle of Man, ir-Reġistri tal-Bermuda u tal-Gżejjer Kajman) minħabba li l-liġijiet tal-UE ma japplikawx għal dawn it-territorji.

    [11]             Kawża C-288/02 il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Ellenika.[2004] Ġabra I-10071.

    [12]             Kawża C-456/04 Agip Petroli SpA vs Capitaneria di porto di Siracusa et. [2006] Ġabra I-03395.

    [13]             Fil-Portugall, skont id-Digriet Liġi Nru 7/2006, ir-regoli tal-Istat ospitanti huma applikabbli fir-rigward tas-servizzi ta' trasport regolari ta’ merkanzija ġenerali solida fil-kontejners bejn il-kontinent u l-gżejjer ta’ Madeira u Açores.

    [14]             Fil-Greċja, il-kwistjonijiet kollha relatati mal-persunal ta’ vapuri li jagħmlu kabotaġġ tal-gżejjer huma soġġetti għar-regoli tal-Istat ospitanti, u huma regolati skont il-leġiżlazzjoni Griega.

    [15]             Fil-Bulgarija, skont l-Artikolu 4 tal-Ordni Nru 10, bastimenti ta' tunnellaġġ ta’ inqas minn 650 gt huma soġġetti għar-regolament tal-Bulgarija dwar il-persunal.

    [16]             Kawża C-205/99 Analir v Administración General del Estado [2001] Ġabra I-1271.

    [17]             Kawża C-323/03 Il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' Spanja [2006] Ġabra I-2161.

    [18]             Sors: Consultrans.

    [19]             Il-Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi Marittimi tal-Ewropa (CRPM), l-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA), l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Portijiet tal-Baħar (ESPO) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) ikkontribwixxew għal dan ir-rapport.

    [20]             Eż. it-trasport bil-kabotaġġ bejn Franza kontinentali u Korsika, li oriġinarjament kien jiġi pprovdut biss mill-SCNM, attira sidien oħra ta’ bastimenti: Corsica Ferries, u fl-2010, Moby Lines.

    [21]             Eż. fl-2008 il-kumpanija Taljana sidt ta' bastimenti Grimaldi Compagnia di Navigazione SpA akkwistat sehem addizzjonali fi Greek Minoan Lines S.A., u b'hekk saret l-akbar azzjonista tal-kumpanija.

    [22]             Fil-Greċja, qabel l-implimentazzjoni tar-Regolament, il-finanzjament pubbliku għall-kopertura ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku laħaq EUR 24 miljun, b’kuntrast mal-aktar minn EUR 100 miljun għas-snin 2009 sa 2011, li jikkostitwixxi żieda ta’ aktar minn 400% fuq bażi annwali meta mqabbel mal-2000.

    [23]             Ara n-nota 9 ta' qiegħ il-paġna

    Top