Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0216

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni wara l-2015: l-Immaniġġar ta' riskji biex tinkiseb reżiljenza

    /* COM/2014/0216 final */

    52014DC0216

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni wara l-2015: l-Immaniġġar ta' riskji biex tinkiseb reżiljenza /* COM/2014/0216 final */


    1- LEJN QAFAS TA’ HYOGO GĦAL AZZJONI WARA L-2015

    Il-Qafas ta’ Hyogo għal Azzjoni (HFA) "Nibnu r-reżiljenza ta’ nazzjonijiet u komunitajiet għal diżastri" huwa pjan ta’ għaxar (10) snin adottat mill-168 membru tan-Nazzjonijiet Uniti li b’mod volontarju impenjaw ruħhom biex jaħdmu fuq ħames prijoritajiet għal azzjoni bil-għan li jagħmlu d-dinja iktar sikura minn perikli naturali u jibnu s-saħħa ta’ rkupru fil-każ ta’ diżastri. Adottat fl-2005, l-HFA dalwaqt jiskadi fl-2015 u qed isir proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa[1] dwar it-tfassil ta’ qafas wara l-2015 għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastru li se jiġi approvat waqt it-Tielet Konferenza Dinjija għat-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastru f’Sendai (il-Ġappun) li se ssir bejn l-14 u t-18 ta’ Marzu 2015.

    Id-diżastri u r-riskji klimatiċi għandhom impatt kbir fuq l-ekonomija kif ukoll fuq is-sigurtà u l-benesseri taċ-ċittadini. Matul dawn l-aħħar snin, l-esponiment għad-diżastri żdied b’mod sinifikanti minħabba l-bidla fil-klima, l-urbanizzazzjoni rapida u mhux ippjanata, il-pressjoni demografika, il-kostruzzjoni u l-użu iktar intensiv tal-art f’żoni suxxettibbli għall-periklu, it-telf ta’ bijodiversità u d-degradazzjoni tal-eko-sistema.

    Bejn l-2002 u l-2012, id-diżastri naturali kkawżaw il-mewt ta’ iktar minn 100 000 persuna kull sena bħala medja. Fl-aħħar deċennju, kien hemm xejra li qiegħda tiżdied f’telf dirett ġenerali madwar id-dinja, b’telf ekonomiku annwali medju ta’ iktar minn EUR 100 biljun[2]. L-impatti jvarjaw madwar ir-reġjuni skont l-esponiment ġeografiku għar-riskju kif ukoll skont il-livell ta’ żvilupp soċjo-ekonomiku. Filwaqt li l-fatalitajiet għandhom it-tendenza li jkunu ogħla fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u t-telfiet ekonomiċi huma ogħla fil-pajjiżi żviluppati, il-pajjiżi kollha huma vulnerabbli għad-diżastri. L-Unjoni Ewropea mhijiex eżentata u d-diżastri naturali kkawżaw 80 000 mewta u EUR 95 biljun f’telf ekonomiku matul l-aħħar deċennju[3].

    Sabiex jindirizzaw dawn ix-xejriet allarmanti, il-politiki dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġar tar-riskji huma essenzjali biex jiżguraw żvilupp sostenibbli u tkabbir ekonomiku kemm fl-Unjoni Ewropea[4] kif ukoll madwar id-dinja. Il-prevenzjoni u l-immaniġġar tar-riskji għandhom sens ekonomiku qawwi sabiex jiġi evitat telf b’rata ta’ redditu għal kull euro ta’ bejn erba' u seba' darbiet[5]. L-investimenti fl-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastru jġibu wkoll benefiċċji ekonomiċi estiżi u jistgħu jaġixxu bħala mezz kif jiġu promossi l-impjiegi u jgħinu sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà strutturali ta’ finanzi pubbliċi u privati.

    F’dan l-isfond, qafas internazzjonali mġedded għat-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastru joffri opportunità unika għall-bini fuq is-suċċessi tal-HFA sabiex jiġu indirizzati sfidi futuri.

    L-eżiti tal-inizjattivi bħas-Samit Rio +20 [6], il-UNFCCC[7] u l-appoġġ internazzjonali estensiv għall-aġenda tar-reżiljenza inkluż, juru li t-tnaqqis tar-riskju u l-immaniġġar tad-diżastri għandu jkun prijorità għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-ekonomiji emerġenti u l-pajjiżi żviluppati.

    Ir-reviżjoni tal-HFA hija wkoll opportunità għall-UE biex tara x’politiki ġew żviluppati u l-progress li sar fil-bini tar-reżiljenza u l-immaniġġar tar-riskji ta’ diżastru permezz tal-politiki tal-UE u l-appoġġ ipprovdut permezz tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja.

    L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tistabbilixxi l-opinjonijiet inizjali tal-Kummissjoni dwar it-tfassil tal-Qafas ta’ Hyogo għal Azzjoni wara l-2015 billi tibni fuq il-kisbiet li għamlu diversi politiki tal-UE inkluż, il-protezzjoni ċivili, il-ħarsien tal-ambjent, is-sigurtà interna, l-adattament għall-bidla fil-klima, is-saħħa, ir-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll l-aġenda ta’ reżiljenza promossa permezz ta’ azzjoni esterna tal-UE. Il-Komunikazzjoni tanalizza l-progress li sar u tindirizza nuqqasijiet ta’ implimentazzjoni u l-isfidi emerġenti ta’ żieda fir-riskji fil-futur.

    2- PROGRESS U SFIDI

    Mill-adozzjoni tagħha fl-2005, l-HFA kien strumentali fl-appoġġ għall-isforzi globali, reġjonali u nazzjonali għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastru. Minkejja l-iżviluppi pożittivi, għad fadal nuqqasijiet sinifikanti fl-implimentazzjoni u tfaċċaw sfidi addizzjonali.

    L-appoġġ għall-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastru żied fil-momentum tiegħu u kkontribwixxa għal attenzjoni u investimenti ikbar fl-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastru minn partijiet ikkonċernati ewlenin inkluż l-iżvilupp ewlieni ta’ donaturi tal-għajnuna. L-awtomonitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tal-ħames prijoritajiet għal azzjoni HFA[8] juri li madankollu, li l-iktar li sar progress kien għall-Prijorità 1 (l-iżgurar li t-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastru jkun prijorità nazzjonali u lokali b’bażi istituzzjonali soda għall-implimentazzjoni) u l-Prijorità 5 (it-titjib tal-kapaċitajiet għat-tħejjija u r-reazzjoni għal diżastri), filwaqt li kien hemm progress konsistement iktar baxx fil-Prijorità 4, li għandha l-għan li tnaqqas il-fatturi sottostanti tar-riskji[9].

    Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għad għandhom diffikultajiet biex jintegraw it-tnaqqis tar-riskju fl-ippjanar tal-investiment pubbliku, l-iżvilupp urban, l-ippjanar u l-immaniġġar spazjali u l-protezzjoni soċjali. Għad hemm il-ħtieġa li l-politiki u t-tisħiħ istituzzjonali jissarfu f’implimentazzjoni attwali u f’soċjetajiet iktar reżiljenti. L-investimenti attwali u r-reazzjonijiet għall-politiki mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw b’mod effettiv riskji eżistenti, aħseb u ara biex iżommu l-pass ma’ sfidi emerġenti, inkluż:

    Effetti tal-bidla fil-klima u t-tkomplija tad-degradazzjoni ambjentali jwasslu għal avvenimenti naturali estremi iktar intensi u frekwenti, inklużi għargħar, nixfiet u ċikluni; Il-bidla fil-klima hija wkoll multiplikatur tat-theddida għall-instabbiltà, il-kunflitt u l-fraġilità tal-istat li jwassal għall-migrazzjoni u l-ispostament, għal governanza dgħajfa u għal instabbiltà ġeo-politika; Il-kunflitti u l-fraġilità jaffettwaw iktar ukoll il-vulnerabbiltà għal diżastri; It-tkabbir tal-popolazzjoni, primarjament f’pajjiżi u unitajiet domestiċi iktar foqra, kif ukoll l-urbanizzazzjoni rapida se jżidu l-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali u fuq l-attivitajiet ekonomiċi f’żoni suxxettibbli għal diżastri; Urbanizzazzjoni rapida li twassal għall-konċentrazzjoni tal-popolazzjoni u investiment f’żoni suxxettibbli għall-periklu u għar-riskju hija wkoll tendenza li żżid b’mod sinifikanti l-vulnerabbiltà (huwa stmat li sal-2050, minn 60 sa 70 % tal-popolazzjoni dinjija tkun qed tgħix f’żoni urbani)[10]; Id-domanda għall-enerġija u għall-ikel qed tikber u qed tpoġġi pressjoni fuq riżorsi bħall-art u l-ilma. L-iskarsezza tal-ilma hija mistennija li ssir problema kbira b’iktar minn nofs il-popolazzjoni dinjija tgħix f’żoni fejn hemm skarsezza tal-ilma sal-2030[11]; Qed jitfaċċaw riskji ġodda b’konsegwenzi potenzjali ta’ tfixkil għoljin (avvenimenti relatati mal-ispazju, relatati mat-temp, b’diversi riskji bħad-diżastru triplu tal-2011 f’Fukushima, riskji f’era diġitali u ta’ teknoloġija avvanzata, inklużi r-riskji ċibernetiċi); Avvenimenti ta’ riskju estensiv (avvenimenti fuq skala żgħira, avvenimenti bi frekwenza għolja u avvenimenti lokalizzati, bħal għargħar għall-għarrieda, nirien u uqigħ tal-art) ħafna drabi ma jiġux stmati biżżejjed u mhumiex irrapportati biżżejjed iżda xorta jxekklu l-iżvilupp lokali kif ukoll il-kompetittività nazzjonali; L-ekonomiji huma globalizzati u dejjem iktar strutturati madwar ktajjen tal-provvista globali kumplessi; kif wera l-għargħar tal-2011 fit-Tajlandja; ix-xokk ekonomiku ta’ diżastru jista’ jinfirex fuq ekonomiji u negozji fuq in-naħa l-oħra tad-dinja; It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u finanzjarju jpoġġi pressjoni fuq baġits nazzjonali biex jassiguraw finanzjament għall-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastru.

    3- IL-POLITIKA TAL-UE DWAR L-IMMANIĠĠAR TAR-RISKJU TA’ DIŻASTRU U L-AĠENDA TA’ REŻILJENZA: KONTRIBUZZJONI VITALI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-HFA

    It-tisħiħ tar-reżiljenza tal-UE għall-kriżijiet, kif ukoll il-kapaċità ta’ tbassir, tħejjija u reazzjoni għar-riskji, speċjalment riskji transfruntiera, huwa fost l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020[12]: il-kompetittività u s-sostenibbiltà jiddependu fuq immaniġġar effettiv tar-riskju ta’ diżastru li jgħin sabiex jiġi evitat telf u jsaħħaħ ir-reżiljenza għax-xokkijiet u t-theddidiet globali li qed jiżdiedu. L-investiment fil-prevenzjoni u l-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastru huwa xprun b’saħħtu għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi, li jiftaħ ukoll swieq u opportunitajiet ta’ negozju ġodda.

    Saru kisbiet sinifikanti kemm permezz tal-politiki tal-Unjoni kif ukoll permezz ta’ appoġġ finanzjarju. Dawn jippreżentaw riżultati importanti tal-UE lejn politika koerenti dwar l-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastru li jistgħu jiġu kondiviżi u li jirfdu l-qafas internazzjonali ġdid dwar l-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastru.

    3.1. Kisbiet politiċi relatati mal-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastru fl-UE

    Id-dispożizzjonijiet ġodda fil-leġiżlazzjoni riveduta tal-UE dwar il-protezzjoni ċivili[13] jistabbilixxu l-qafas għall-implimentazzjoni ta’ politika transfruntiera tal-immaniġġar tar-riskji ta’ diżastri, li tippromwovi approċċ ħolistiku għar-riskji kollha naturali u instigati mill-bniedem fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-immaniġġar tar-riskju (prevenzjoni, stat ta’ tħejjija u reazzjoni).

    Abbażi tal-leġiżlazzjoni l-ġdida u l-Komunikazzjonijiet u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill preċedenti, l-azzjonijiet ewlenin li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-qafas tal-UE għall-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastru jinkludu:

    · Valutazzjoni u analiżi tar-riskju: Abbażi tal-valutazzjonijiet nazzjonali tar-riskji disponibbli, il-Kummissjoni ppreparat l-ewwel ħarsa ġenerali transsettorjali tar-riskji fl-UE, b’kunsiderazzjoni, fejn possibbli u rilevanti, għall-impatt futur tal-bidla fil-klima u l-bżonn għall-addattament tal-klima; wara approċċ konsistenti, sal-aħħar tal-2015, l-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjonijiet nazzjonali tar-riskju ta’ diversi perikli u dawn għandhom jiġu segwiti minn valutazzjoni tal-kapaċitajiet nazzjonali tal-immaniġġar tar-riskji u tal-ippjanar imtejjeb tal-immaniġġar tar-riskju.

    · L-inkoraġġiment tat-tagħlim u l-iskambju ta’ esperjenza għal governanza mtejba – il-promozzjoni u l-appoġġ għal lezzjonijiet li nsiltu u r-reviżjonijiet bejn il-pari (bħar-reviżjonijiet bejn il-pari tar-Renju Unit tal-2012 u tal-Finlandja tal-2013[14]) sabiex jiġi mħeġġeġ it-tagħlim fl-Istati Membri kollha u jiġi ggwidat il-progress fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ulterjuri tal-politiki u tal-prattiki tal-immaniġġar tar-riskju;

    · Bħalissa qiegħda titħejja gwida ulterjuri għall-prevenzjoni ta’ diżastri ibbażata fuq prattiki tajba dwar temi transsettorjali (governanza, ippjanar, dejta, komunikazzjoni u informazzjoni tar-riskju, riċerka u teknoloġija);

    · Disponibbiltà, aċċessibbiltà, kondiviżjoni u komparabbiltà ta’ dejta, inkluż ix-xogħol li għaddej mal-Istati Membri u mal-imsieħba internazzjonali (inkluż il-UNISDR u l-IRDR[15]) lejn l-istabbiliment ta’ standards u protokolli Ewropej għar-rekordjar ta’ telfiet f’każ ta’ diżastru[16];

    · L-integrazzjoni tal-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastru: kunsiderazzjonijiet għall-prevenzjoni u l-immaniġġar tar-riskji jkunu ġew integrati f’għadd ta’ politiki u strumenti finanzjarji tal-UE sabiex jiġu appoġġati investimenti reżiljenti (jiġifieri l-politika ta’ koeżjoni, it-trasport u l-enerġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, theddidiet transfruntiera għas-saħħa, valutazzjoni tal-impatt ambjentali, l-infrastruttura ekoloġika, l-immaniġġar kostali integrat, l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni, l-ilma, l-immaniġġar tar-riskju ta’ għargħar, il-prevenzjoni ta’ aċċident industrijali kbir);

    · Assigurazzjoni użata bħala għodda għall-immaniġġar ta’ diżastru – il-Green Paper dwar l-assigurazzjoni ta’ diżastri naturali u instigati mill-bniedem[17] għandha l-għan li tinvolvi lis-settur privat u tesplora modi li jużaw b’mod effettiv l-assigurazzjoni bħala inċentiv għas-sensibilizzazzjoni, il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju;

    · Sinerġiji b’saħħithom mal-adattament għall-bidla fil-klima kif deskritt mill-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għall-bidla fil-klima[18], fuq oqsma transsettorjali bħall-kondiviżjoni tad-dejta u l-għarfien, il-valutazzjoni tar-riskji u l-vulnerabbiltajiet, ir-reżiljenza urbana, l-iżvilupp ta’ standards Ewropej għal infrastruttura reżiljenti għall-klima, il-koerenza bejn strateġiji nazzjonali ta’ adattament u pjanijiet għall-immaniġġar tar-riskju, l-intraċċar ta’ investimenti reżiljenti[19];

    · Xjenza u innovazzjoni għall-immaniġġar tar-riskji ta’ diżastri: Fl-2013, il-Kummissjoni nediet inizjattiva mal-Istati Membri tal-UE sabiex tintraċċa b’mod ċar u ttejjeb approċċi għal pariri bbażati fuq ix-xjenza għat-tnaqqis tar-riskji u r-reazzjoni ta’ emerġenza. Barra minn hekk, il-programm ta’ riċerka Orizzont 2020 se jappoġġa approċċi orjentati lejn l-isfida għat-titjib tar-reżiljenza għad-diżastri (bħall-monitoraġġ, il-prevenzjoni, il-previżjoni, it-twissija bikrija, is-sensibilizzazzjoni u l-mitigazzjoni u l-adattament għall-bidla fil-klima, il-komunikazzjoni fil-kriżijiet, it-trasferiment tat-teknoloġija, u l-prestandardizzazzjoni);

    · Jiġu indirizzati impatti transfruntiera (permezz ta’ proġetti u strateġiji makroreġjonali bħall-Istrateġija tal-Baħar Baltiku, l-Istrateġija tad-Danubju u strateġiji marittimi reġjonali) u attivitajiet ta’ kooperazzjoni mal-kandidati, ma’ kandidati potenzjali u pajjiżi ġirien oħra.

    · Tisħiħ tal-istat tat-tħejjija għar-rispons permezz tal-iżvilupp ta’ ġabra volontarja ta’ kapaċitajiet allokati minn qabel għar-reazzjoni f’diżastri, ippjanar aħjar tar-rispons, netwerk ta’ taħriġ u kooperazzjoni msaħħa fost l-awtoritajiet fil-qasam tat-taħriġ u l-eżerċizzji[20], sistemi ta’ twissija bikrija msaħħa[21]. Servizzi operattivi ġodda ta’ mmaniġġar ta’ emerġenza huma wkoll ipprovduti madwar id-dinja permezz ta’ programmi tal-UE dwar l-ispazju bħal Galileo u Copernicus.

    3.2. Appoġġ tal-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’fowkus fuq il-bini tar-reżiljenza f’pajjiżi suxxettibbli għall-kriżijiet

    Abbażi tal-Komunikazzjoni tal-2012 dwar ir-Reżiljenza[22] u l-Pjan ta’ Azzjoni sussegwenti[23], l-UE hija impenjata li tnaqqas il-vulnerabbiltà u li tibni r-reżiljenza għal stressijiet u xokkijiet futuri bħala prerekwiżiti għat-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli. L-approċċi tal-immaniġġar tar-riskji se jkunu parti integrali tal-għajnuna umanitarja kollha tal-UE u l-ipprogrammar tal-assistenza għall-iżvilupp sostenibbli fi ħdan is-setturi u l-kuntesti kollha. Dan ix-xogħol se jkompli jibni fuq l-Istrateġija tal-UE tal-2009 dwar it-Tnaqqis tar-Riskji ta’ Diżastri fil-Pajjiżi li qed Jiżviluppaw[24] u l-Pjan ta’ Implimentazzjoni tal-2011[25].

    L-approċċ ta’ reżiljenza tal-UE jitlob li jkun hemm approċċi multi-settorjali u f’diversi livelli (lokali, nazzjonali, reġjonali u globali) li jindirizzaw id-dinamiċi interrelatati u kawżali tal-vulnerabbiltà u l-fraġilità, filwaqt li jottimizzaw il-kapaċitajiet minn kull livell jew settur. Ir-rwol ta’ tmexxija ta’ istituzzjonijiet lokali, nazzjonali u reġjonali huwa enfasizzat ħafna.

    Diġà qed isir progress sinifikanti. L-inizjattivi riċenti SHARE[26], AGIR[27] u GCCA[28], diġà qed jikkontribwixxu għall-bini tar-reżiljenza ta’ dawk l-iktar vulnerabbli. Fl-istess linja, l-Istrateġija Intra–PAK[29] qed tappoġġa strateġiji ta’ sjieda reġjonali għat-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastri u l-istrateġiji tal-bidla fil-klima u pjanijiet ta’ azzjoni fl-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku”.

    Il-programm tal-ECHO tat-Tħejjija f’każ ta’ diżastri (DIPECHO) li ppermetta li jinbdew u jiġu replikati approċċi bbażati fuq il-komunità u prattiki tajba li ngħatat prova tagħhom għat-tnaqqis tar-riskji (inkluża l-promozzjoni ta’ skejjel u sptarijiet iktar sikuri u reżiljenza urbana, se jiġi ppropagat iktar sabiex jiddaħħal fil-politiki tal-gvern.

    Sar ukoll progress fil-valutazzjonijiet tal-kriżijiet u tal-vulnerabbiltà permezz tal-iżvilupp ta’ indiċi tar-riskju umanitarju komuni, trasparenti u bbażat fuq ix-xjenza (InfoRM[30]) abbażi ta’ dejta miftuħa u bl-għan li jarmonizza l-immaniġġar tar-riskji ta’ diżastri fost l-atturi umanitarji (inizjattiva konġunta tal-Kumitat Permanenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Inter-Aġenziji u tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll bħala donaturi, l-NGOs u l-Istati Membri).

    Dawn l-inizjattivi jinfurmaw ukoll lill-politika esterna wiesgħa tal-UE, inkluża l-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni (pereżempju ħidma fuq il-prevenzjoni ta’ kunflitt u l-iżvilupp ta’ sistema ta’ twissija bikrija).

    4- PRINĊIPJI GĦALL-QAFAS ĠDID

    Fil-kuntest globali ta’ bżonnijiet li qegħdin jiżdiedu u sfidi ġodda, is-suċċessur tal-qafas għall-HFA għandu jidentifika u jimplimenta approċċi u mezzi prattiċi sabiex jitnaqqsu r-riskji ta’ diżastri u tissaħħaħ ir-reżiljenza b’mod effettiv. Billi jibni fuq is-suċċessi u l-lezzjonijiet li nsiltu mill-HFA attwali, l-elementi prinċipali li ġejjin għandhom jiġu inklużi fil-qafas HFA wara l-2015:

    (i) Titjib tal-kontabbiltà, it-trasparenza u l-governanza

    Il-qafas attwali huwa volontarju, ibbażat fuq awtovalutazzjonijiet. Filwaqt li hu mistenni li jibqa’ mhux vinkolanti, in-negozjati dwar il-qafas futur għandhom jiżviluppaw sett ta’ standards u mekkaniżmi li jiżguraw li atturi differenti jistgħu jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom (jew għan-nuqqas ta’ azzjoni). Huwa għandu jipprovdi inċentivi sabiex jiġu ssodisfati l-impenji filwaqt li tiġi żgurata sjieda tal-proċess tal-implimentazzjoni.

    Mekkaniżmi ta’ reviżjoni perjodika bejn il-pari, inklużi reviżjonijiet bejn il-pari volontarji (kif introdotti b’suċċess fir-Renju Unit u fil-Finlandja fil-kuntest tal-kooperazzjoni tal-UE dwar immaniġġar tar-riskji ta’ diżastri u l-HFA), għandhom jiġu stabbiliti bħala strumenti ta’ għajnuna għat-titjib tat-tfassil tal-politika, il-kondiviżjoni tal-esperjenza u ż-żieda tal-kontabbiltà.

    Sabiex titjieb it-trasparenza, il-qafas ġdid għandu jwassal għall-kollezzjoni u l-ġbir ta’ dejta soda u komparabbli dwar telf f’diżastri, periklu u vulnerabbiltà f’politika ta’ dejta miftuħa, inkluż l-iżvilupp ta’ dejta komuni u interoperabbli u protokolli tal-valutazzjoni tar-riskju u reġistri u bażijiet tad-dejta tar-riskji pubbliċi. Sforzi ta’ standardizzazzjoni għandhom ikopru wkoll l-azzjonijiet kumplessivi rilevanti għall-immaniġġar tar-riskji Dan għandu jiġi appoġġat minn azzjonijiet sistematiċi li jżidu l-għarfien pubbliku tar-riskji u jtejbu l-komunikazzjoni tar-riskji u tal-kriżijiet (edukazzjoni, involviment tal-midja, netwerks).

    Il-qafas ġdid għandu jikkontribwixxi ulterjorment għat-tisħiħ tal-governanza għall-immaniġġar tad-diżastri fil-livelli kollha u fis-setturi kollha, jibni mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni effettiva u sħubijiet sostenibbli bejn awtoritajiet pubbliċi differenti u partijiet ikkonċernati rilevanti (is-soċjetà ċivili, l-akkademja u l-istituzzjonijiet tar-riċerka, is-settur privat). L-involviment tal-atturi rilevanti u l-komunitajiet fil-proċessi tat-tfassil tad-deċiżjonijiet għandu jiġi żgurat permezz ta’ mekkaniżmi parteċipatorji inklussivi u l-promozzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq dritt.[31]. Strutturi lokali b’saħħithom u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali huma essenzjali għat-titjib tal-ippjanar u r-reżiljenza tal-bliet u sabiex jiġi żgurat impenn politiku lokali u implimentazzjoni effettiva tal-oqfsa ġuridiċi u politiċi eżistenti.

    Organizzazzjonijiet reġjonali intergovernattivi għandu jkollhom rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-qafas ġdid u fil-Pjattaformi Reġjonali għat-Tnaqqis tar-Riskji ta’ Diżastri minħabba li f’diversi reġjuni qed jiġu żviluppati strateġiji integrati tal-immaniġġar tar-riskji ta’ diżastri, inkluż fl-UE. Mekkaniżmi reġjonali iktar effettivi u programmi għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp tal-kapaċità għandhom jiġu mħeġġin ukoll, b’mod partikolari sabiex jiġu indirizzati riskji komuni u transfruntiera. Għandhom jiġu promossi valutazzjonijiet tar-riskji reġjonali u ppjanar iktar effiċjenti.

    (ii) Qafas li jwassal għal riżultati – l-irwol ta’ miri u indikaturi li jkejlu l-progress u li jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni

    Il-prijoritajiet eżistenti għal azzjonijiet u indikaturi[32] taħt l-HFA attwali jikkunsidraw il-limitu safejn il-pajjiżi stabbilixxew il-politiki u l-istituzzjonijiet meħtieġa sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ diżastru. Madankollu, l-awtomonitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tal-ħames prijoritajiet HFA għadu ma rriżultax f’riżultati fi sforz konsistenti mill-pajjiżi sabiex jimmonitorjaw ir-riskju ta’ diżastri u r-reżiljenza. Barra minn hekk, ma hemm ebda rabta bejn il-monitoraġġ tal-progress taħt l-HFA u l-mekkaniżmi li jimmonitorjaw il-progress taħt l-MDGs[33] u l-UNFCCC. Sistema ta’ monitoraġġ ġdida simplifikata għandha tindirizza dawn id-distakki sabiex issir għodda iktar effettiva għall-kejl tal-progress li jkun sar, li tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni fil-livelli differenti u l-kondiviżjoni tas-suċċessi.

    Għandhom jiġi żviluppati ulterjorment il-miri orjentati lejn l-azzjoni sabiex ikejlu b’mod effettiv l-implimentazzjoni tal-qafas ġdid u sabiex jinkoraġġixxu kontabbiltà iktar b’saħħitha. Huma għandhom jindirizzaw il-komponenti essenzjali tar-reżiljenzi ta’ diżastri u jinkoraġġixxu pajjiżi sabiex jistabbilixxu u jimplimentaw b’mod effettiv il-politiki u l-għodod neċessarji sabiex jipprevjenu l-ġenerazzjoni u l-akkumulazzjoni tar-riskji sabiex inaqqsu r-riskji ta’ diżastri u jsaħħu r-reżiljenza.

    Il-miri jeħtieġ li jkunu aċċettabbli politikament u jkunu fattibbli u miżurabbli mil-lat operattiv, li jistgħu jintlaħqu u orjentati lejn ir-riżultati u b’perjodu ta’ żmien ċar. Oqsma possibbli jistgħu jkopru impenji sa data partikolari sabiex tiġi żviluppata valutazzjoni integrata tar-riskju u valutazzjoni tal-kapaċitajiet tal-immaniġġar tar-riskju (kif diġà previst fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni ċivili) jew azzjonijiet oħrajn orjentati lejn ir-riżultat (filwaqt li jiżguraw li ċ-ċittadini kollha, inklużi persuni vulnerabbli jkollhom aċċess għal twissija bikrija u informazzjoni dwar ir-riskji, li infrastruttura mibnija ġdida, inklużi sptarijiet, faċilitajiet tas-saħħa, skejjel li jkunu kapaċi jifilħu għal diżastru, li jitnaqqas il-perċentwal tal-persuni u tal-infrastruttura espost għall-perikli).

    L-istabbiliment ta’ miri universali jistgħu jiffaċilitaw approċċ iktar integrat sabiex ir-riżultati mill-implimentazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattika jitqabblu fuq livell dinji bejn il-pajjiżi żviluppati u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    Madankollu, minħabba profili tar-riskju differenti ta’ pajjiżi u reġjuni differenti, l-iffissar ta’ miri u indikaturi iktar speċifiċi probabbilment ikun iktar xieraq fil-livell nazzjonali u reġjonali. Il-bini fuq l-istrateġiji reġjonali li ġew żviluppati minn diversi reġjuni, għandu jiġi appoġġat approċċ reġjonali għall-miri, b’kunsiderazzjoni għall-ispeċifiċitajiet għall-perikli u l-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni tal-HFA kif ukoll mekkaniżmi eżistenti għall-kooperazzjoni reġjonali fl-immaniġġar ta’ diżastri.

    Barra minn hekk, l-indikaturi li jkejlu l-bidliet fl-impatt ta’ diżastri matul iż-żmien, jistgħu jikkontribwixxu sabiex il-progress jiġi ggwidat lejn il-bini tar-reżiljenza għad-diżastri. Dan jista’ jiġi mkejjel minn indikaturi bħall-frekwenza ta’ diżastri, telf ekonomiku dirett bħala % tal-PDG għal kull pajjiż, in-numru ta’ vittmi u l-persuni midruba, il-perċentwal tat-telf assigurat meta mqabbel mat-telf totali, il-perċentwal ta’ baġit privat u pubbliku allokat għat-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastri u l-istat tat-tħejjija (pereżempju mkejjel permezz ta’ sistema affidabbli li tiggwida l-immaniġġar tar-riskji ta’ diżastri[34]).

    Il-miri u l-indikaturi tagħhom għandhom jissarrfu fi tnaqqis tanġibbli ta’ telf u riskji fejn l-iktar li għandhom impatt.

    iii) Tisħiħ tal-kontribuzzjoni għal tkabbir sostenibbli u intelliġenti

    Il-qafas ġdid għandu jippromwovi protezzjoni mid-diżastri fid-deċiżjonijiet u l-istrateġiji ekonomiċi u finanzjarji, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-analiżi tal-kostijiet-benefiċċju tal-miżuri tal-prevenzjoni ta’ diżastri anke biex tingħata għajnuna għall-appoġġ tal-allokazzjoni tar-riżorsi. L-infrastrutturi u l-proġetti ewlenin kollha għandhom ikunu sensittivi għar-riskju u reżiljenti għall-klima u d-diżastri.

    Huwa essenzjali li l-HFA l-ġdid jiġi żviluppat u implimentat bi sħubija mill-qrib mas-settur privat, mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-BEI[35] u l-BEŻR[36] u investituri ewlenin. Għandhom jiġu promossi inizjattivi ġodda għall-impenn tan-negozji kollha, inkluż l-iżvilupp ta’ sħubijiet fost partijiet ikkonċernati pubbliċi, privati u oħrajn. Il-katina tal-valur tal-assigurazzjoni/riassigurazzjoni, inkluż intermedjarji ta’ (ri)assigurazzjoni, impriżi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, iżda wkoll strumenti bbażati fuq is-suq għandu jkollha rwol ewlieni fl-għajnuna għall-pajjiżi u r-reġjuni li huma partikolarment vulnerabbli għal diżastri biex joħolqu mekkaniżmi effettivi ta’ kontinġenza finanzjarja u jiskoraġġixxu mġiba riskjuża.

    Teknoloġiji innovattivi u strumenti li jappoġġaw l-immaniġġar ta’ diżastri għandhom jiġu mħeġġin iktar (ICT, sistemi ta’ twissija bikrija, infrastruttura u bini reżiljenti, infrastruttura ekoloġika, klima u mmudellar integrat tar-riskju ta’ diżastru, approċċi bbażati fuq ekosistemi, komunikazzjoni, immaniġġar tal-għarfien). Dawn se jwasslu wkoll għal iktar opportunitajiet ta’ negozju u jikkontribwixxu għal tkabbir ekoloġiku.

    Il-qafas ġdid għandu jsaħħaħ l-interfaċċa tal-politika tax-xjenza li tikkapitalizza fuq l-għarfien inkluż l-innovazzjoni u t-teknoloġija. Użu iktar effettiv tax-xjenza u r-riċerka kemm fil-fiżika kif ukoll fix-xjenza soċjali huwa meħtieġ sabiex il-politiki u l-operazzjonijiet jiġu infurmati. Dan għandu jinkludi approċċ previst, komprensiv u li jkopri diversi perikli (li jinkludi kemm riskji naturali kif ukoll riskji instigati mill-bniedem, li jinkludu aċċidenti industrijali u kimiċi u riċerka xprunata mis-soluzzjoni sabiex jiġu indirizzati aħjar riskji futuri u bidliet fis-soċjetà. F’dan il-qasam hija essenzjali kollaborazzjoni internazzjonali mill-qrib.

    Approċċ konġunt mal-adattament għall-bidla fil-klima, u fowkus imsaħħaħ fuq it-tnaqqis tal-ixpruni sottostanti tar-riskji fl-immaniġġar tal-ekosistema, l-effiċjenza tar-riżorsi, l-użu tal-art u l-ippjanar urban, il-monitoraġġ ambjentali u l-valutazzjoni tal-impatt huma kundizzjonijiet essenzjali li jiżguraw tkabbir sostenibbli għal tul ta’ żmien twil.

    (iv) Nindirizzaw il-vulnerabbiltajiet u l-bżonnijiet f’qafas komprensiv

    L-HFA ġdid għandu jkun iktar inklussiv u sensittiv għall-ġeneru. Jeħtieġ li persuni vulnerabbli (tfal, anzjani, persuni b’diżabbiltajiet, persuni mingħajr dar, persuni foqra u dawk li ma għandhomx sigurtà tal-ikel) u s-soċjetà ċivili jeħtieġ li jkunu iktar fil-mira u jingħataw iktar setgħa. Dan għandu jinkludi użu effettiv ta’ mekkaniżmi xierqa ta’ xibka soċjali ta’ sikurezza u ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali li jirrispondu għar-riskji ta’ diżastri. Ir-rwol tan-nisa fil-bini ta’ reżiljenza fl-unitajiet domestiċi u l-komunitajiet għandu jiġi promoss.

    Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-bini ta’ reżiljenza fl-ambjenti urbani u rurali vulnerabbli kollha kif ukoll żoni kostali inkluż permezz ta’ ppjanar integrat. F’dan ir-rigward, valutazzjonijiet tar-riskji komprensivi, mekkaniżmi qawwija ta’ koordinazzjoni bejn amministrazzjoni lokali u nazzjonali b’impenn attiv fis-soċjetà ċivili u inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni (bħall-ġemellaġġi ta’ bliet) huma strumentali.

    Globalment, ir-riskju ta’ diżastru huwa kkonċentrat ħafna f’pajjiżi ifqar li jbatu minn governanza dgħajfa. F’ħafna każijiet, din il-vulnerabbiltà hija mħallta b’instabbiltà politika u kunflitt. Bl-istess mod, approċċ reżiljenti li jaħdem tajjeb f’pajjiż stabbli u ggvernat tajjeb mhux se jkun applikabbli direttament għal wieħed fejn hemm sitwazzjoni ta’ kunflitt.

    Il-qafas ġdid għandu għalhekk jikkunsidra l-fraġilità u l-kunflitt tal-istat meta jqis metodi xierqa sabiex jitnaqqsu r-riskji ta’ diżastri. Qafas internazzjonali komprensiv għandu jindirizza wkoll forom oħra ta’ vjolenza u fraġilità kif ukoll riskji teknoloġiċi flimkien ma’ perikli naturali, inklużi diżastri żgħar lokali ta’ kuljum u xokkijiet u stress globali bħall-inċertezza tal-ikel u n-nutrizzjoni u l-epidemiji.

    (v) Niżguraw il-koerenza mal-aġenda internazzjonali

    L-integrazzjoni tal-immaniġġar tar-riskji ta’ diżastri u l-politiki ta’ adattament għall-bidla fil-klima fl-aġenda internazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli hija essenzjali. Ir-reżiljenza għad-diżastri u fatturi ta’ riskju relatati definiti hawn fuq diġà qed jidhru bħala kwistjonijiet importanti fil-preparazzjonijiet internazzjonali għall-qafas ta’ żvilupp wara l-2015 li jindirizzaw il-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli.

    Barra minn hekk, it-tfassil tal-ftehim tal-2015 dwar il-bidla fil-klima jipprovdi opportunità oħra għat-tisħiħ tal-isforzi ta’ adattament u għall-integrazzjoni tal-immaniġġar tar-riskji ta’ diżastri. Dan għandu jibni fuq u jiġi kkoordinat taħt il-UNFCCC, bħall-proċess ta’ Ppjanar Nazzjonali għal Adattament, it-tieqa ta’ adattament taħt il-Fond għall-Klima Ekoloġika u l-Mekkaniżmu Internazzjonali ta’ Varsavja dwar it-telf u l-ħsara. Inizjattivi bħall-Pjanijiet Konġunti ta’ Azzjoni Nazzjonali (JNAPs) fir-reġjun tal-Paċifiku huma kombinazzjoni tal-isforzi fl-adattament għall-bidla fil-klima u l-immaniġġar tar-riskji ta’ diżastri u għandhom jiġu promossi f’reġjuni oħra.

    Qed jittellgħu b’mod parallel avvenimenti internazzjonali relatati oħrajn ta’ livell għoli, b’mod partikolari dwar in-nutrizzjoni[37], il-bijodiversità[38], il-kultura[39]. It-Tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ Stati li huma Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw u s-samit tal-mexxejja tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bidla fil-klima, it-tnejn li huma se jsiru wkoll din is-sena.

    Il-politiki, l-għanijiet u l-miri u l-monitoraġġ tagħhom għandhom jiġu diskussi f’kull wieħed minn dawn il-fora u l-Qafas ta’ Hyogo wara l-2015 għandu jiġi msaħħaħ u appoġġat b’mod reċiproku.

    Il-qafas ġdid għandu jikkjarifika wkoll ir-relazzjonijiet bejn il-UNISDR u l-UNFCCC, kif ukoll korpi oħra tan-NU responsabbli mill-kuntestwalizzazzjoni tar-rispons globali u nazzjonali għat-theddidiet ta’ diżastri u l-impatti tal-bidla fil-klima.

    Fl-aħħarnett, ir-rikonoxximent progressiv fil-livell internazzjonali li l-prevenzjoni hija obbligu ġuridiku (obbligu tal-prevenzjoni) permezz tal-iżvilupp tal-liġi internazzjonali mill-Kummissjoni għal-Liġi Internazzjonali dwar il-“Protezzjoni ta’ persuni fil-każ ta’ diżastri” huwa wkoll rilevanti ħafna u għandu jintuża bħala mezz li jtejjeb l-implimentazzjoni tal-HFA wara l-2015.

    6- NIMXU ’L QUDDIEM

    Qafas ta’ Hyogo għal Azzjoni mġedded għal wara l-2015, huwa opportunità sinifikanti sabiex l-immaniġġar tar-riskji ta’ diżastri jiġi avvanzat madwar id-dinja.

    L-ideat ippreżentati f’din il-Komunikazzjoni għandhom iservu bħala bażi għal djalogu ulterjuri mal-Istati Membri tal-UE, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u partijiet ikkonċernati oħrajn (is-soċjetà ċivili, l-akkademja, is-settur privat) kif ukoll l-imsieħba internazzjonali u s-Sistema tan-NU dwar kif tieħu iktar forma din l-aġenda fil-proċess preparatorju għas-Samit ta’ Sendai.

     

    [1] L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tnaqqis tar-Riskji ta’ Diżastri (UNISDR) intalab (Riżoluzzjoni UNGA 66/199 tat-22 ta’ Diċembru 2011) biex jiffaċilità l-iżvilupp ta’ qafas wara l-2015 għat-tnaqqis tar-riskju mid-diżastri

    [2] Ċentru għar-Riċerka dwar l-Epidemoloġija tad-Diżastri (CRED)

    [3] Ċentru għar-Riċerka dwar l-Epidemoloġija tad-Diżastri (CRED) – id-dejta tkopri l-UE-28 u l-perjodu bejn l- 2002-2012.

    [4] Kif previst fl-istrateġija Ewropa 2020 COM(2010) 2020

    [5] " Natural disasters, counting the cost" (Il-Bank Dinji, 2004)

    [6] Il-Konferenza tan-Nazzjonijiet dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li saret fl-2012

    [7] Il-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima

    [8] Prijoritajiet għal azzjoni: (1) l-iżgurar li t-tnaqqis ta’ riskju ta’ diżastru jkun prijorità nazzjonali u lokali b’bażi istituzzjonali soda għall-implimentazzjoni, (2) l-identifikazzjoni, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ ta’ riskji ta’ diżastri u t-tisħiħ tat-twissija bikrija, (3) l-użu tal-għarfien, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni sabiex tinbena kultura ta’ sikurezza u reżiljenza fil-livelli kollha, (4) jitnaqqsu l-fatturi sottostanti tar-riskji, (5) it-tisħiħ tal-istat ta’ tħejjija fil-każ ta’ diżastri għal reazzjoni effettiva fil-livelli kollha.

    [9] Implimentazzjoni tal-Qafas ta’ Hyogo għal Azzjoni, Rapporti sommarju 2007-2013, UNISDR, 2013

    [10] Osservatorju Dinji tas-Saħħa, WHO

    [11] Dipartiment tal-Ekonomija u l-Affarijiet Soċjali tan-Nazzjonalijiet Uniti (UNDESA)

    [12] COM(2010) 2020, 3.3.2010

    [13] Id-Deċiżjoni N° 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni.

    [14] Appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea u żviluppat b’kooperazzjoni mal- UNISDR u l-OECD.

    [15] Riċerka Integrata dwar id-Riskji ta’ Diżastru, http://www.irdrinternational.org

    [16] De Groeve, T., K. Poljansek and L. Vernaccini, 2013. Recording Disaster Losses: Recommendations for a European approach. Publications Office of the European Union, Scientific and Technical Research Reports EUR 26111. ISBN 978-92-79-32690-5, DOI: 10.2788/98653 (onlajn), http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/111111111/29296

    [17] COM(2013) 213, 16.4.2013

    [18] COM(2013) 216, 16.4.2013

    [19] Kontribuzzjoni għall-mira tal-UE għal 20 % investimenti relatati mal-klima tal-baġit tal-UE.

    [20] Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili

    [21] Bħall-EFFIS (Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar Nirien fil-Foresti) jew EFAS (Sistema Ewropea ta’ Sensibilizzazzjoni dwar l-Għargħar)

    [22] COM(2012) 586, 3.10.2012

     

    [23] SWD(2013) 227. 19.6.2013

    [24] COM(2009) 84. 23.2.2009

    [25] SEC(2011) 215, 16.02.2011

    [26] Appoġġ għar-Reżiljenza tal-Qarn tal-Afrika

    [27] Alliance Globale pour l'Initiative Resilience Sahel

    [28] L-Alleanza Dinjija għall-Bidla fil-Klima (GCCA) http://www.gcca.eu

    [29] Komunità Ewropea – Grupp AKP ta’ Stati Intra-AKP Dokumenti ta’ Strateġija u Programm Indikattiv Multiannwali

    [30] Indiċi għall-Immaniġġar tar-Riskju (InfoRM), http://inform.jrc.ec.europa.eu

    [31] Bħad-drittijiet ta’ protezzjoni, informazzjoni jew konsultazzjoni.

    [32] Tnejn u għoxrin indikatur ewlieni taħt ħames prijoritajiet għal azzjoni.

    [33] L-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp

    [34] Li jikkumplimentaw dawk eżistenti , inkluż Rio-markers http://www.oecd.org/dac/stats/rioconventions.htm.

    [35] Il-Bank Ewropew tal-Investiment

    [36] Il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp

    [37] Konferenza Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti (ICN2) f’Novembru 2014.

    [38] It-12-il-Konferenza bejn il-Partijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) f’Ottubru 2014 fil-Korea u l-ewwel MoP tal-Protokoll ta’ Nagoya.

    [39] Sessjoni speċjali tal-UNGA f’Settembru 2014 dwar Popli Indiġeni kif ukoll laqgħa ppjanata ta’ livell għoli UNGA dwar kultura u żvilupp sostenibbli.

    Top