Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0074

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tar-Regolament (UE) Nru 1342/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1931/2006 rigward l-inklużjoni taż-żona ta’ Kaliningrad u ta’ ċerti distretti amministrattivi Pollakki fiż-żona eliġibbli tal-fruntiera u dwar il-ftehim bilaterali konkluż f'dan ir-rigward bejn il-Polonja u l-Federazzjoni Russa

    /* COM/2014/074 final */

    52014DC0074

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tar-Regolament (UE) Nru 1342/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1931/2006 rigward l-inklużjoni taż-żona ta’ Kaliningrad u ta’ ċerti distretti amministrattivi Pollakki fiż-żona eliġibbli tal-fruntiera u dwar il-ftehim bilaterali konkluż f'dan ir-rigward bejn il-Polonja u l-Federazzjoni Russa /* COM/2014/074 final */


    1. Introduzzjoni

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-2006 adottaw Regolament li jistabbilixxi regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri ("Regolament dwar it-Traffiku Lokali tal-Fruntiera")[1] li jippermetti li jsiru derogi, għal persuni li joqogħdu f'żona ta' mal-fruntiera, mir-regoli ġenerali dwar il-kontrolli tal-fruntiera ddikjarati fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. Ir-Regolament jawtorizza lill-Istati Membri jikkonkludu ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi ġirien li mhumiex parti mill-UE, dment li dawn il-ftehimiet ikunu konformi għal kollox mal-parametri ffissati mir-Regolament.

    Fi Frar 2011 il-Kummissjoni kkonkludiet, fit-tieni rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tat-traffiku lokali tal-fruntiera[2] li din is-sistema tagħmel il-ħajja eħfef b’mod sinifikanti għal dawk li joqogħdu ħdejn il-fruntieri esterni fuq l-art, filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà interna fiż-żona Schengen.

    Fir-rapport il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li minħabba l-pożizzjoni speċifika ta’ Kaliningrad, sabiex jiġi evitat l-iżolament tiegħu minn mal-ġirien immedjati u jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar għall-abitanti tiegħu, emenda tar-Regolament dwar it-Traffiku Lokali tal-Fruntiera kienet ġustifikata. Kaliningrad huwa reġjun tal-Federazzjoni Russa b’popolazzjoni ta’ kważi miljun abitant li sar l-uniku territorju fl-UE imdawwar minn żewġ Stati Membri bħala konsegwenza tat-tkabbir tal-UE fl-2004. Emenda bħal din tippermetti li ż-żona kollha ta’ Kaliningrad tkun eliġibbli bħala żona tal-fruntiera fi ftehim bilaterali bejn Stat Membru u l-Federazzjoni Russa.

    Minkejja li l-ftehim bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-viża, li ilu fis-seħħ mill-2007 'l hawn diġà kien jirrappreżenta pass sinifikanti 'l quddiem biex jitjiebu l-opportunitajiet għall-mobbiltà, is-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera toffri faċilitajiet addizzjonali speċifikament għall-ħtiġijiet regolari, u saħansitra ta' kuljum, għall-ivvjaġġar fiż-żona lokali. Residenti fuq il-fruntiera mhux se jkollhom bżonn jagħtu prova li għandhom biżżejjed mezzi biex jgħixu, il-permessi jistgħu jinħarġu mingħajr ma jintalab ħlas, jew jistgħu jiġu rriżervati jew isiru lejns separati u/jew punti speċifiċi minn fejn wieħed jaqsam il-fruntiera għat-traffiku lokali tal-fruntiera. Barra minn hekk, kieku, ir-residenti kollha taż-żona ta' Kaliningrad, inklużi l-abitanti tal-belt ta' Kaliningrad, ikunu jgawdu minn dawn il-faċilitazzjonijiet, filwaqt li xi faċilitazzjonijiet fil-ftehim bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-viża japplikaw għal ċerti kategoriji ta' nies biss.

    Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni partikolari, eċċezzjoni għall-Artikolu 3 paragrafu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1931/2006 ġiet introdotta li tippermetti li l-oblast ta’ Kaliningrad kollu kemm hu jitqies bħala żona tal-fruntiera.

    Żona speċifika tal-fruntiera fuq in-naħa Pollakka ġiet inkluża wkoll fiż-żona eliġibbli tal-fruntiera, sabiex tiġi ffaċilitata u mtejjba l-kooperazzjoni bejn l-oblast ta' Kaliningrad fuq naħa u ċ-ċentri ewlenin fit-Tramuntana tal-Polonja fuq in-naħa l-oħra.

    Din l-estensjoni eċċezzjonali taż-żona tal-fruntiera fiż-żona ta’ Kaliningrad ma taffettwax id-definizzjoni ġenerali taż-żona eliġibbli tal-fruntiera (iż-żona ta’ 30/50 km) jew xi regoli u kundizzjonijiet oħra stabbiliti fir-Regolament dwar it-Traffiku Lokali tal-Fruntiera biex tkun garantita s-sigurtà taż-żona Schengen kollha kemm hi.

    Ir-Regolament tal-Kunsill 1342/2011/UE tat-13 ta’ Diċembru 2011[3] li jemenda r-Regolament 1931/2006/KE daħal fis-seħħ f’Jannar 2012. Il-Ftehim bilaterali bejn il-Polonja u l-Federazzjoni Russa daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Lulju 2012.

    Mal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ħarġu dikjarazzjoni konġunta, li tiddikjara kif ġej (estratt):

    '(...) Ser tingħata attenzjoni partikolari għal miżuri ta’ sigurtà marbuta mal-implimentazzjoni prattika tar-Regolament emendat fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja. L-awtoritajiet Pollakki rilevanti ser jiżguraw l-applikazzjoni tas-salvagwardji tas-sigurtà, f'konformità mal-istandards stabbiliti fir-Regolament. Il-Kummissjoni ser tippreżenta darba kull sentejn u għall-ewwel darba sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament ta' din l-emenda u dwar il-ftehim bilaterali konkluż f'konformità miegħu, b'mod partikolari biex jiġi evalwat l-impatt tagħhom fil- qasam tas-sigurtà u l-migrazzjoni (...).'

    2.           il-funzjonament tar-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera fil-prattika

    Dan ir-rapport tfassal fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Polonja u fuq ir-riżultati taż-żjara ta’ delegazzjoni konġunta bejn l-UE u r-Russja fil-punti ta’ qsim bejn il-fruntieri ta’ Mamonovo II (FR) u Grzechotki (il-Polonja) f’Lulju 2013.

    Skont il-Polonja, l-implimentazzjoni tal-ftehim mal-Federazzjoni Russa dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera, sena wara li daħal fis-seħħ, kienet pożittiva ħafna u ma ġie rreġistrat l-ebda ksur serju.

    Qabel ma daħal fis-seħħ ir-reġim il-ġdid, saret kampanja ta’ informazzjoni importanti. Matul din il-kampanja, ingħatat informazzjoni dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera lill-abitanti tar-reġjun b’mod partikolari permezz ta’ assoċjazzjonijiet tat-trasportaturi tal-merkanzija, operaturi turistiċi u tal-ġiti. Barra minn hekk, fuljett ta’ informazzjoni, bil-Pollakk u bir-Russu ġie ċirkolat u mibgħut elettronikament lill-korpi ta’ gvern lokali kollha li ż-żoni tagħhom huma koperti mill-ftehim dwar it-TLF (Traffiku Lokali tal-Fruntiera). Ġew imħejjija tabelli ta’ informazzjoni li juru l-aktar informazzjoni importanti dwar s-sistema tat-TLF tqiegħdu f’postijiet xierqa bħall-qsim tal-fruntieri u matul toroq nazzjonali u distrettwali.

    Għadd ta’ miżuri ġew adottati biex jiġi żgurat li d-drittijiet skont il-ftehim dwar it-TLF qed jintużaw b’mod korrett. Dan huwa l-każ ta’ modulu TLF ‘speċjali’ marbut direttament mal-bażi tad-dejta tat-TLF fl-Uffiċċju għall-Barranin, li huwa l-awtorità ċentrali responsabbli għal dawn l-oqsma fil-Polonja. Din is-sistema tippermetti biex l-uffiċjali tal-Gwardja tal-Fruntieri jikkontrollaw il-qsim tal-fruntieri u t-tul tas-soġġorn tad-detenturi ta’ permessi TLF u biex jirreġistraw każijiet ta’ nuqqas konformità mar-rekwiżiti ta’ dan il-ftehim jew kwalunkwe deċiżjoni jew miżura meħuda b’rabta miegħu.

    Movimenti ta’ qsim tal-fruntiera skont ir-reġim tat-TLF huma sistematikament irrekordjati kemm mill-Polonja, ħlief għaċ-ċittadini tiegħu stess, u mir-Russja fis-sistemi ta’ dħul/ħruġ rispettivi tagħhom.

    2.1.        Miżuri ta’ faċilitazzjoni applikati mill-Istat Membru

    2.1.1.     Għadd ta' permessi li nħarġu

    Sal-31 ta’ Jannar 2013, il-Konsulat-Ġenerali Pollakk f’Kaliningrad irċieva 29 000 applikazzjoni u ħareġ kważi 19 000 permess għall-qsim tal-fruntiera skont il-ftehim dwar it-TLF. Matul l-2013, ġiet innotata żieda sinifikanti f'dawn iċ-ċifri bl-istatistika tindika, mill-31 ta’ Ottubru, li wasal total ta’ aktar minn 160 000 applikazzjoni u nħarġu aktar minn 140 000 permess minn meta daħal fis-seħħ il-ftehim.

    Ir-raġunijiet ewlenin mogħtija għall-applikazzjonijiet għall-permessi huma x-xewqa li jsir użu mis-servizzi tal-konsumatur, it-turiżmu u żjarat lil ħbieb u familja.

    Iż-żewġ partijiet jagħmlu użu effettiv ta’ esternalizzazzjoni biex jipproċessaw il-maġġoranza tal- applikazzjonijiet għal permessi TLF.

    Entità esterna magħżula permezz ta’ proċedura ta’ offerti stabbiliet ċentri ta’ applikazzjoni f’Kaliningrad, Chernyakhovsk u Sovetsk. Dawn iċ-ċentri ta’ applikazzjoni jirċievu madwar 90 % tal-applikazzjonijiet, u l-bqija jirċevihom direttament il-Konsulat. Ir-Russja stabbiliet ċentri ta’ applikazzjoni esternalizzati f’Olsztyn u Gdansk, li jirċievu żewġ terzi tal-applikazzjonijiet kollha għal permessi TLF fil-Polonja. Il-perjodu ta’ stennija għall-iffajljar ta’ applikazzjonijiet huwa ta’ madwar ġimagħtejn.

    Fi tmiem Jannar 2013, il-Konsulat Ġenerali Russu fi Gdansk irċieva 15 500 applikazzjoni u ħareġ 14 500 permess lil ċittadini Pollakki. Sa Awwissu 2013, l-għadd totali ta’ permessi maħruġa mill-awtoritajiet Russi kien ta’ 22 589.

    Il-permessi lokali tal-fruntiera Pollakki jinħarġu f’format ID1 u bħalissa ma fihomx ċipp ta’ kuntatt. Il-Kummissjoni bħalissa qed tivvaluta l-konformità tal-ftehimiet tat-TLF kollha eżistenti mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002[4] li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, inkluż l-użu tal-bijometrija. Skont l-Att Pollakk il-ġdid tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar il-Barranin, il-bijometrija se tiġi introdotta fil-permessi  TLF mill-1 ta' Mejju 2014. 

    2.2.        L-użu li jagħmlu r-residenti ta' mal-fruntiera mill-ftehim bilaterali

    Minn meta l-partijiet bdew joħorġu permessi TLF, ġiet innutata żieda kostanti fl-għadd ta’ persuni li jaqsmu l-fruntiera b'permessi bħal dawn. Fl-2012, l-ammont totali ta’ traffiku ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera Pollakka mill-Oblast ta' Kaliningrad laħaq il-livell, li kellu qabel ma l-Polonja ngħaqdet maż-żona Schengen, li huwa meqjus ukoll ir-riżultat tal-implimentazzjoni tal-ftehim dwar it-TLF.

    2.2.1.     Għadd ta’ vjaġġi

    Minn Lulju 2012 sa Jannar 2013, aktar minn 1,2 miljun ċittadin mhux Pollakk qasmu l-fruntiera Russo-Pollakka lejn il-Polonja li minnhom 43 653 persuna (madwar 3,6 %) qasmu abbażi ta' permessi TLF. F’Diċembru 2012 l-għadd ta’ dawn il-persuni żdied bi kważi 100 % meta mqabbel max-xahar ta’ qabel. F’Jannar 2013, ċittadini mhux Pollakki li qasmu l-fruntiera fuq il-bażi ta’ permessi TLF kienu jammontaw għal madwar 8 % tal-għadd totali ta’ vjaġġaturi mhux Pollakki fiż-żona. Dawn in-numri kibru b’mod esponenzjali matul l-2013 u sa Ottubru aktar minn 400 000 ċittadin mhux Pollakk b'permessi TLF daħlu fil-Polonja; għadd li jirrappreżenta 31 % tat-traffiku total lejn il-Polonja fil-fruntiera tal-art mar-Russja. Minn Novembru 2012 sal-aħħar ta’ Jannar 2013, kien hemm aktar minn 150 000 qsim b'permessi TLF minn ċittadini Pollakki, li jammonta għal madwar 31,2 % tat-traffiku totali ta’ ċittadini Pollakki. L-għadd ta’ vjaġġi kien diġà aktar minn 350 000 sal-aħħar ta’ Ottubru 2013.

    2.2.2.     Każijiet ta' abbuż u rtirar tal-permessi

    La r-Russja u lanqas il-Polonja s’issa ma rrappurtaw ksur serju tar-regoli rigward soġġorni TLF fi-żoni tal-fruntiera, inklużi każijiet fejn it-tul permess tas-soġġorn kien inqabeż jew fejn iċ-ċittadini ġew irreġistrati bħala awturi jew vittmi ta’ reati kriminali. B’mod ġenerali l-Polonja indikat 25 każ[5] biss ta’ ċaħda ta’ dħul.

    Skont l-informazzjoni pprovduta s'issa, kienu biss 14 il-każi li nkixfu mid-dħul fis-seħħ tal-ftehim. Disa’ każijiet kienu jirrigwardaw ċittadini Russi li nstabu barra miż-żona tal-fruntiera u l-ħamsa l-oħra kienu jikkonċernaw persuni li damu aktar mill-perjodu awtorizzat. Dawk iċ-ċittadini barranin kellhom il-permessi tagħhom revokati, ġew immultati, u kienu ordnati biex jitilqu mit-territorju tal-Polonja u pprojbiti milli jidħlu għal darba oħra din għal perjodu ta’ sitt xhur. Qabel ma daħal fis-seħħ il-ftehim dwar it-TLF, il-viċinanza tal-qsim tal-fruntiera (fuq in-naħa Russa) kienet karatterizzata minn inċidenti li kienu jinvolvu persuni li kienu qed jistennew biex jidħlu, li minn dak iż-żmien waqfu.

    Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda rapport mill-Istati Membri jew ilment mingħand partijiet interessati oħra dwar abbużi possibbli tas-sistema.

    L-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li l-Ftehim dwar it-TLF bejn il-Polonja u r-Russja naqqset l-għadd ta' vjaġġi illegali fil-fruntiera jew attentati ta' qsim illegali fil-fruntiera Pollakka–Russa.

    2.3. Il-fluss ta’ passiġġieri fil-fruntiera

    Ma hemmx lejns speċifiċi ddedikati biss għal benefiċjarji tat-TLF fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera Pollakka tul il-fruntiera mar-Russja.

    Skont il-Polonja, il-kjuwijiet f’punti ta’ qsim tal-fruntiera huma temporanji u marbutin ma’ traffiku personali li jinġabar f'ċerti ħinijiet tal-jum jew tal-ġimgħa. Minkejja ż-żieda ta’ 80 % din is-sena fl-għadd ta’ vetturi li ġew ikklerjati, m’hemmx kjuwijiet matul 95 % tax-xiftijiet doganali u bħala medja kontroll fuq il-fruntieri ma jdumx aktar minn siegħa b’kollox. Fil-ħinijiet tal-ogħla ammonti ta' qsim, il-kontrolli jistgħu jieħdu madwar sagħtejn. It-tendenza ġenerali hija li qed jiżdied tat-traffiku fil-fruntiera filwaqt li ż-żmien medju biex jitwettqu kontrolli fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera qed jonqos.

    Ġie organizzat taħriġ mill-Polonja dwar drittijiet u responsabbiltajiet skont ir-regoli tat-TLF għal istituzzjonijiet, korpi u servizzi individwali involuti. Dan ħadet il-forma ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ għal uffiċjali tal-pulizija mid-distretti kollha fiż-żona, l-uffiċjali tal-Ispettorat tat-Trasport bit-Triq ta' Warmińsko-Mazurskie u l-uffiċjali tal-pulizija tal-ferroviji. Il-Konsulat-Ġenerali Pollakk f’Kaliningrad organizza taħriġ għal VFS Global, il-kumpanija li rebħet il-kuntratt biex tirċievi l-applikazzjonijiet u toħroġ il-permessi TLF.

    Il-Ftehim dwar it-TLF mal-Federazzjoni Russa huwa wkoll element standard tat-taħriġ ipprovdut lill-persunal konsulari mill-Ministeru Pollakk tal-Affarijiet Barranin.

    3. Kalkolu tat-tul ta’ żmien tas-soġġorn fiż-żona tal-fruntiera

    Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża C-254/11 (Shomodi), l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar it-TLF ifisser li d-detentur tal-permess lokali tal-fruntiera huwa intitolat li, f’kull daħla, jibqa' fiż-żona tal-fruntiera għal perjodu mhux interrott ta’ mhux aktar minn tliet xhur. Barra minn hekk, din il-persuna għandha dritt mill-ġdid għall-istess perjodu ta’ soġġorn ta’ mhux aktar minn tliet xhur kull darba li s-soġġorn tiegħu/tagħha jiġi interrott. L-Artikolu 4 tal-ftehim Pollakk/Russu tat-TLF jawtorizza persuna li tibqa' fiż-żona tal-fruntiera tal-Parti Kontraenti l-oħra sa 30 jum kull darba, ‘iżda mhux aktar minn total ta’ 90 jum matul kull 6 xhur mid-data tal-ewwel qsim tal-fruntiera. Huwa għalhekk iktar restrittiv fil-konfront tad-detenturi ta' permess TLF minn dak li jippermetti r-Regolament.

    Għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Polonja biex jiġi żgurat li l-Ftehim jiġi applikat skont s-sentenza.

    4.           Konklużjoni

    Minħabba ż-żmien qasir mid-dħul tiegħu fis-seħħ, kwalunkwe valutazzjoni tal-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-Ftehim jista’ jkun biss limitat f’dan il-punt.

    Fin-nuqqas ta’ rapporti ta’ abbuż u mill-informazzjoni disponibbli, r-reġim tat-TLF fil-każ speċifiku ta’ Kaliningrad jidher li qed jaħdem tajjeb, billi qed jikkontribwixxi għal żieda fil-vjaġġi qsim tal-fruntiera ta’ persuni li jgħixu fiż-żona tal-fruntiera.

    Skont l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-Polonja, l-implimentazzjoni tal-ftehim irriżultat f’żieda fl-għadd ta’ persuni li jiġu l-Polonja biex jixtru, għat-turiżmu, jew għal servizzi mediċi u tal-kura filwaqt li kellu effetti pożittivi fuq l-ekonomija ta’ dawn iż-żoni.

    Din il-valutazzjoni pożittiva tal-funzjonament il-ftehim jaqblu magħha ż-żewġ partijiet, kif ikkonfermat fir-rieżami interministerjali Pollakk-Russu li sar fi Gdansk fid-29 ta’ Novembru 2012 u ddikjarat mill-missjoni konġunta f’Lulju 2013.

    Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-Ftehim. Għal dan l-għan, qed titlob il-kollaborazzjoni tal-Istati Membri u tfakkar il-ħtieġa li jirrappurtaw kwalunkwe abbuż minnufih.

    Sadanittant il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Polonja u lill-Federazzjoni Russa biex ikomplu bl-isforzi tagħhom li jnaqqsu l-ħin ta’ stennija fuq il-fruntiera filwaqt li jiżguraw li s-salvagwardji kollha tas-sistema jiġu għal kollox rispettati.

    [1]               Ir-Regolament Nru 1931/2006 tal-20 ta’ Diċembru 2006, ĠU L 405, 30.12.2006, p. 1.

    [2]               COM(2011)47 finali

    3           ĠU L 347, 30.12.2011, p. 41               

    [4]           ĠU L 157, 15.06.2002, p. 1.

    [5] 7 każijiet: permess TLF nieqes jew iffalsifikat

      8 każijiet: allert fis-sistema SIS għal ċaħda ta' dħul

      10 każijiet: inqabeż it-tul massimu tas-soġġorn

    Top