This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0008
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Blue Energy Action needed to deliver on the potential of ocean energy in European seas and oceans by 2020 and beyond
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Enerġija Blu Azzjoni meħtieġa biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija mill-oċeani fl-ibħra u l-oċeani Ewropej sal-2020 u lil hinn
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Enerġija Blu Azzjoni meħtieġa biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija mill-oċeani fl-ibħra u l-oċeani Ewropej sal-2020 u lil hinn
/* COM/2014/08 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Enerġija Blu Azzjoni meħtieġa biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija mill-oċeani fl-ibħra u l-oċeani Ewropej sal-2020 u lil hinn /* COM/2014/08 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Enerġija Blu Azzjoni meħtieġa biex
jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija mill-oċeani
fl-ibħra u l-oċeani Ewropej sal-2020 u lil hinn 1. Il-Kontribut
għall-Għanijiet tal-Impjiegi, l-Innovazzjoni, il-Klima u
l-Enerġija L-ibħra u l-oċeani tagħna
għandhom il-potenzjal li jsiru sorsi importanti tal-enerġija nadifa.
L-enerġija rinnovabbli mill-baħar, li tinkludi kemm l-enerġija
mir-riħ 'il barra mix-xtut u dik mill-oċean[1], toffri l-opportunità
lill-UE biex tiġġenera t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, ittejjeb
is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tagħha, u tixpruna
l-kompetittività permezz tal-innovazzjoni teknoloġika. Wara l-Komunikazzjoni
tal-2008 dwar l-enerġija mir-riħ 'il barra mix-xtut[2], din il-Komunikazzjoni
tikkunsidra l-potenzjal tas-settur tal-enerġija mill-oċeani li
jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020[3] kif ukoll
għall-għanijiet fit-tul tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet
serra. Il-Komunikazzjoni tagħti ħarsa wkoll lejn il-futur ta' din
it-teknoloġija ġdida promettenti u tfassal pjan ta’ azzjoni sabiex
jiġi sfruttat il-potenzjal tagħha. L-isfruttament b’mod sostenibbli tal-potenzjal
ekonomiku tal-ibħra u l-oċeani tagħna huwa element ewlieni
tal-politika marittima tal-UE[4].
Dan l-aħħar, is-settur tal-enerġija mill-oċeani ssemma
fl-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir Blu[5] bħala wieħed
mill-ħames oqsma ta' żvilupp fl-“ekonomija blu” li jistgħu
jgħinu biex jinħolqu l-impjiegi fiż-żoni kostali.
Inizjattivi oħra tal-Kummissjoni, bħall-Komunikazzjoni dwar
it-Teknoloġiji u l-Innovazzjoni fl-Enerġija[6] u l-Pjan ta' Azzjoni
tal-Atlantiku[7],
għarfu l-importanza tal-enerġija mill-oċeani u jimmiraw li
jħeġġu r-riċerka u l-iżvilupp kollaborattivi u
l-kooperazzjoni transfruntiera sabiex jiġi stimulat l-iżvilupp
tagħha. Mir-riċerka u l-konsultazzjoni li saru
bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din
il-Komunikazzjoni ħareġ li jekk jingħata iktar appoġġ
lil dan is-settur emerġenti l-UE tkun tista' taħsad
benefiċċji ekonomiċi u ambjentali kbar. Il-valutazzjoni
tal-impatt tenfasizza b’mod partikolari l-kwistjonijiet li ġejjin: ·
Ir-riżorsa tal-enerġija mill-oċeani
li hemm disponibbli fid-dinja tisboq il-bżonnijiet tagħna ta'
enerġija fil-preżent u l-futur. Fl-UE, l-ogħla potenzjal
għall-iżvilupp tal-enerġija mill-oċeani hija fil-littoral
tal-Atlantiku, iżda huwa wkoll preżenti fil-Mediterran u
l-baċiri tal-Baltiku u fir-Reġjuni Ultraperiferiċi. L-isfuttar
ta' din ir-riżorsa indiġena jista' jgħin biex titnaqqas
id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili għall-ġenerazzjoni
tal-elettriku u biex titjieb is-sigurtà tal-enerġija. Dan jista’
jkun ta’ importanza partikolari għal nazzjonijiet u reġjuni
gżejjer, fejn l-enerġija mill-oċeani tista' tikkontribwixxi
għall-awtosuffiċjenza enerġetika u tieħu post l-elettriku
għali ġġenerat mid-diżil. ·
Is-settur tal-enerġija mill-oċeani jista’
jsir parti importanti mill-ekonomija blu, u jistimola t-tkabbir ekonomiku
fir-reġjuni kostali, kif ukoll dawk interni. Jistgħu jiżviluppaw
ktajjen tal-provvista pan-Ewropej hekk kif l-industrija tespandi sabiex
tinvolvi kemm l-SMEs innovattivi kif ukoll il-kumpaniji akbar tal-manifatttura
b'kapaċitajiet rilevanti, pereżempju, fil-bini tal-bastimenti,
l-inġinerija mekkanika, elettrika u marittima iżda wkoll
fil-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali jew il-ġestjoni
tas-saħħa u tas-sikurezza. Hija mistennija wkoll, pereżempju,
żieda fid-domanda tal-bastimenti speċjalizzati. Dawn x’aktarx jinbnew
fit-tarzni Ewropej. ·
Il-pożizzjoni tal-industrija Ewropea fis-suq
dinji tal-enerġija mill-oċeani bħalissa hija
b'saħħitha. Dan jixhdu l-fatt li ħafna mill-iżviluppaturi
tat-teknoloġija huma bbażati fl-Ewropa. Madankollu, hija mistennija
kompetizzjoni dejjem ikbar miċ-Ċina, il-Kanada u pajjiżi
industrijalizzati oħra. Il-Carbon Trust tar-Renju Unit ikkalkula li s-suq
dinji tal-enerġija mill-mewġ u l-marea jista’ jkun jiswa sa
EUR 535 biljun bejn l-2010 u l-2050[8].
Jekk jinħolqu issa l-kundizzjonijiet li fihom is-settur ikun jista’
jiffjorixxi, l-UE tkun tista' taħkem sehem imdaqqas mis-suq
fil-ġejjieni. L-innovazzjoni permezz tar-riċerka u l-iżvilupp
jistgħu jippermettu lill-UE li tiġġenera opportunitajiet ta’
esportazzjoni għat-teknoloġija u wkoll għall-għarfien
espert. Huwa essenzjali, għalhekk, li l-UE tkun tista’ tmantni
l-pożizzjoni tagħha fuq quddiem fl-industrija dinjija. ·
L-enerġija mill-oċeani għandha
l-potenzjal li toħloq impjiegi ġodda ta’ kwalità għolja
fl-iżvilupp tal-proġetti, il-manifattura tal-komponenti u
l-operazzjonijiet. L-estimi indikattivi tal-impjiegi mill-valutazzjoni
tal-impatt juru li sal-2035 jistgħu jinħolqu bejn 10,500 u 26,500
impjieg permanenti u sa 14 000 impjieg temporanju. Sorsi oħra, iktar
ottimistiċi, jistmaw li sal-2035 se jinħolqu 20,000 impjieg fir-Renju
Unit waħdu[9]
u 18,000 impjieg fi Franza sal-2020.[10]
Proporzjon sostanzjali ta’ dawn l-opportunitajiet ta' impjiegi se jinħolqu
fiż-żoni tal-kosta Atlantika, fejn bħalissa hemm livelli
għolja ta’ qgħad. ·
Iż-żieda fl-użu tal-enerġija
mill-oċeani tista' tikkontribwixxi għall-għanijiet tad-dekarbonizzazzjoni
tal-Ewropa. L-iżvilupp kosteffettiv tas-sorsi kollha tal-enerġija
b’livell baxx ta’ karbonju se jkun importanti biex l-UE tkun tista'
żżomm mal-impenn tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet
serra b'bejn 80 u 95 % sal-2050. ·
Il-produzzjoni tal-elettriku mill-enerġija
mill-oċeani hija differenti minn dik minn sorsi oħra
tal-enerġija rinnovabbli. Dan ifisser li l-enerġija mill-oċeani
tista’ tgħin biex tibbilanċja l-produzzjoni elettrika ta’ sorsi
oħra tal-enerġija rinnovabbli bħalma huma l-enerġija
mir-riħ u l-enerġija solari sabiex b'hekk tiġi żgurata
provvista aggregata stabbli tal-enerġija rinnovabbli lin-netwerk.
L-enerġija mill-oċeani għalhekk tkun ass importanti
fil-portafoll tal-enerġija tal-UE. ·
L-apparat tal-enerġija mill-oċean
normalment ikun kompletament jew parzjalment taħt l-ilma, u b’hekk ikollu
impatt viżiv żgħir. Billi l-possibbiltajiet
għall-espansjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fuq
l-art huma limitati, l-ispazju marittimu joffri soluzzjoni potenzjali
għall-kwistjonijiet tal-aċċettazzjoni mill-pubbliku
relatati mal-impatt viżiv, li jistgħu jxekklu l-iżviluppi
fl-enerġija rinnovabbli fuq l-art. 2. Is-sorsi rinnovabbli mill-baħar
illum Xi kultant l-iżvilupp
tas-settur tal-enerġija mill-oċeani llum jitqabbel mal-bidu
tal-iżvilupp tal-enerġija mir-riħ 'il barra mix-xtut
fit-tmeninijiet u d-disgħinijiet. Minn dak iż-żmien ‘l hawn,
is-settur tal-enerġija mir-riħ, inkluż ir-riħ 'il barra
mix-xtut, kiber esponenzjalment wara li kien ibbenefika minn appoġġ
politiku mmirat fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f'dak tal-UE. Fl-2012, il-kapaċità tar-riħ 'il barra mix-xtut kibret bi
33 %, rata ta’ tkabbir aktar mgħaġġla milli dik tas-settur
tar-riħ fuq l-art[11].
Fi tmiem l-2012, is-settur tal-enerġija mir-riħ 'il barra mix-xtut
kien jikkonsisti fi kważi 5GW ta' kapaċità installata f’55 park
oeliku 'l barra mix-xtut f’10 pajjiżi Ewropej, li flimkien jipproduċu
biżżejjed elettriku biex ikopru 0.5 % tal-konsum totali
tal-elettriku tal-UE. Fl-ewwel sitt xhur tal-2013, ġew konnessi 277
turbina tar-riħ ġdida 'l barra mix-xtut li b'kollox żiedu 1GW
ieħor. Il-kapaċità installata totali sal-2020 hija mbassra li
tilħaq 43GW, sabiex tkun qed tipproduċi madwar 3 % tal-konsum
totali tal-elettriku tal-UE. Bit-titjib teknoloġiku u appoġġ
pubbliku addizzjonali għall-istadju bikri tal-iżvilupp, is-settur
tal-enerġija mill-oċeani, maż-żmien jista' jkun kapaċi
jikber għal skala bħal dik tar-riħ ’il barra mix-xtut.
L-enerġija mill-oċeani bħalissa hija industrija fil-bidu
tagħha u fiha, it-teknoloġiji tal-mewġ u tal-fluss tal-marea,
huma relattivament aktar żviluppati minn teknoloġiji oħra.
Bħalissa hemm 10 MW[12]
ta’ kapaċità installata tal-enerġija mill-mewġ u l-fluss
tal-marea fl-UE, li hija żieda ta' kważi tliet darbiet minn
3.5 MW ta' erba’ snin ilu. Dawn il-proġetti, li jinsabu fir-Renju
Unit, Spanja, l-Isvezja u d-Danimarka, huma fil-biċċa l-kbira fi
stadju prekummerċjali, biex juru l-affidabbiltà u s-sopravivenza
tal-apparat ittestjat. Madankollu, diġà huwa previst tkabbir kbir,
b'madwar 2GW ta’ proġetti ppjanati (fil-biċċa l-kbira fir-Renju
Unit, Franza u l-Irlanda). Jekk dawn il-proġetti kollha jiġu
implimentati, jistgħu jipprovdu l-elettriku lil aktar minn 1.5 miljun dar. Kunċett promettenti ieħor huwa dak
tal-enerġija mir-riħ minn impjanti 'l barra mix-xtut li jżommu
f’wiċċ l-ilma. Minħabba l-baħar fond fiż-żoni
kostali tal-Atlantiku, it-turbini 'l barra mix-xtut bil-pedamenti fissi jiswew
ħafna flus. Pjattaforma li żżomm f'wiċċ l-ilma u li
tkun ankrata ma' qiegħ il-baħar tista’ tkun soluzzjoni aktar
kosteffettiva f’dawk l-ilmijiet. Bħalissa, fil-Portugall u n-Norveġja
hemm żewġ proġetti ta’ dimostrazzjoni ta' impjanti tar-riħ
'il barra mix-xtut li jżommu f'wiċċ l-ilma. It-teknoloġija
tal-konverżjoni tal-enerġija termali tal-oċeani (OTEC)
għandha potenzjal qawwi fir-reġjuni l-aktar imbiegħda
minħabba li dawn jinsabu fi klima tropikali, fejn id-differenza
fit-temperatura bejn l-ilma fil-wiċċ u l-ilma fond tkun l-ikbar.
L-isfruttament lokali jista' jaqdi l-bżonnijiet ta' ilma tax-xorb,
tkessiħ u elettriku tal-gżejjer. Bħalissa qed isiru studji ta’
fattibilità f’Martinique u La Réunion. Għalkemm iċ-ċifri
tal-isfruttament tal-enerġija mill-oċeani huma modesti meta mqabbla
ma’ tas-settur tal-enerġija mir-riħ 'il barra mix-xtut, l-interess
kummerċjali fis-settur qed jiżdied, kif jixhed l-involviment dejjem
ikbar ta’ manifatturi u kumpaniji tal-provvista tal-enerġija kbar .
Id-"Dokument ta' Viżjoni" riċenti tal-industrija
tal-oċeani jipprovdi sinjal ieħor li s-settur qiegħed
f’pożizzjoni aħjar biex jidentifika l-bżonnijiet u
l-limitazzjonijiet tiegħu u d-dokument jagħti wkoll soluzzjonijiet
biex jindirizzawhom. Ġew investiti iktar minn EUR 600 miljun
mis-settur privat f'dawn l-aħħar seba’ snin u dan huwa mistenni li
jkompli jiżdied, kemm-il darba jkun hemm il-kundizzjonijiet favorevoli
għall-iżvilupp ta’ dan l-apparat. 3. Appoġġ
eżistenti F'dawn l-aħħar snin, it-tkabbir
tas-setturi tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx juri biċ-ċar li
l-isforzi konġunti biex jinbnew l-oqfsa xierqa għall-politika u
l-finanzjament jistgħu jipprovdu l-inċentivi meħtieġa
mill-industrija biex jinkisbu r-riżultati. Fil-livell nazzjonali, l-Istati
Membri mmiraw li jinkoraġġixxu l-investimenti fit-teknoloġiji
tal-enerġija rinnovabbli permezz ta’ skemi ta’ appoġġ
għad-dħul, għotjiet ta’ kapital u finanzjament
għar-riċerka, iżda ftit biss għandhom fis-seħħ
appoġġ dedikat għall-enerġija mill-oċeani. Fil-livell tal-UE, hemm għadd ta’
dispożizzjonijiet favur l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli.
Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-Iskema tal-Iskambju tal-Kwoti
tal-Emissjonijiet ipprovdew il-qafas regolatorju meħtieġ. Mill-2008
‘l hawn, il-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET)[13] kien strumentali
sabiex jaċċellera l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji tal-enerġija
b’livell baxx ta’ karbonju. Ir-Regolament dwar il-linji gwida
għall-infrastruttura trans-Ewropea tal-enerġija[14] jindirizza l-isfida
infrastrutturali billi jiddefinixxi l-iżvilupp ta' grilja tal-elettriku
integrata 'l barra mix-xtut bħala prijorità. Jistabbilixxi wkoll
proċess biex jiġu identifikati u mmonitorjati l-proġetti ta’
infrastruttura magħżula, li mbagħad jibbenefikaw minn trattament
regolatorju preferenzjali, bħal proċeduri tal-permessi
aċċellerati, u appoġġ finanzjarju. Madankollu,
bħalissa hemm biss ftit proġetti li qed jippjanaw soluzzjonijiet ta'
grilja 'l barra mill-kosta integrata. L-UE għamlet ukoll disponibbli
finanzjament għal azzjonijiet li jiffavorixxu t-teknoloġiji
tal-enerġija mill-oċeani. Pereżempju, ġie stabbilit
programm konġunt għall-enerġija mill-oċeani fi ħdan
l-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija (EERA).
L-involviment tal-Istati Membri qed jitħeġġeġ permezz ta’
netwerk ġdid għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA-net)
ta’ programmi ta’ riċerka nazzjonali u reġjonali li ġie
stabbilit speċifikament għall-enerġija mill-oċeani. Dan se
jappoġġja l-koordinazzjoni ta’ attivitajiet tar-riċerka, jinkoraġġixxi
l-parteċipazzjoni trandfruntiera usa’ fir-riċerka, jidentifika
l-prijoritajiet u jżid l-iskala fi ħdan l-UE. Tliet proġetti
tal-enerġija mill-oċeani ngħataw madwar EUR 60 miljun
b’kollox fl-ewwel fażi tal-programm NER300, li se jippermetti
d-dimostrazzjoni ta’ apparat mill-2016 'l hemm. Xi proġetti ġew ukoll
appoġġjati permezz tal-fondi strutturali. L-iżvilupp
tal-enerġija mill-oċeani ġie enfasizzat fil-Komunikazzjoni
riċenti tal-Kummissjoni intitolata “Pjan ta’ Azzjoni għal
Strateġija Marittima fiż-żona tal-Atlantiku"[15] li
ħeġġet lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali biex
jikkunsidraw kif jistgħu jużaw il-fondi strutturali u tal-investiment
tal-UE kif ukoll il-fondi tar-riċerka jew il-finanzjament tal-Bank Ewropew
tal-Investiment biex isostnu l-iżvilupp tas-settur. L-UE ffinanzjat ukoll diversi proġetti
bil-Programmi ta' Qafas għar-riċerka u l-Programm Enerġija
Intelliġenti - Ewropa għal ammont ta' massimu ta' EUR 90 miljun
mit-tmeninijiet ’il hawn. Orizzont 2020, il-programm ġdid tal-UE
għar-riċerka u l-innovazzjoni, se jkollu l-għan li jindirizza
l-isfidi soċjali importanti inkluż l-enerġija nadifa u
r-riċerka dwar l-ibħra. Għaldaqstant, huwa għodda
ġdida b'saħħitha li tista’ tintuża biex tixpruna s-settur
tal-enerġija mill-oċeani fit-triq lejn l-industrijalizzazzjoni,
il-ħolqien ta' impjiegi ġodda u t-tkabbir ekonomiku. 4. L-Isfidi li Fadal Ċerti sfidi li
qiegħed iħabbat wiċċu magħhom is-settur
tal-enerġija mill-oċeani huma simili għal dawk tas-settur
tal-enerġija mir-riħ 'il barra mix-xtut. Dawn jikkonċernaw
notevolment il-kwistjonijiet tal-konnessjoni mal-grilja, l-iżviluppi
tal-katina tal-forniment u t-tħaddim u l-manutenzjoni fil-kundizzjonijiet
klimatiċi ħorox. Madankollu, l-enerġija
mill-oċeani issa tinsab fi stadju kritiku. Il-pass mid-dimostrazzjoni
tal-prototipi għall-kummerċjalizzazzjoni dejjem kien diffiċli
għat-teknoloġiji emerġenti. Fil-klima ekonomika ta’
bħalissa, huwa partikolarment diffiċli. Bħall-enerġiji
rinnovabbli l-oħra, l-enerġija mill-oċeani tibbenefika minn
qafas politiku ċar, stabbli u ta' appoġġ sabiex jattira
l-investiment u jiżviluppa l-potenzjal tagħha. Abbażi
tal-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt,
il-Kummissjoni identifikat il-kwistjonijiet li ġejjin li
jeħtieġu attenzjoni fuq medda ta’ żmien qasir u medju biex is-settur
jiġi megħjun jikber u jsir kompetittiv ma’ forom oħra ta’
ġenerazzjoni tal-elettriku. ·
Attwalment l-ispejjeż tat-teknoloġija
huma għoljin ħafna u l-aċċess għall-finanzi huwa
diffiċli. Il-biċċa l-kbira tat-teknoloġiji eżistenti
għad iridu juru l-affidabbiltà u s-sopravivenza tagħhom fl-ambjent
tal-baħar. Għalhekk, l-ispiża tal-elettriku ġġenerat
bħalissa hija kbira iżda mistennija tonqos hekk kif
it-teknoloġiji javvanzaw fil-kurva tat-tagħlim. Id-dimostrazzjoni ta’
impjanti fuq il-baħar tiswa ħafna flus u hija riskjuża u l-SMEs
spiss ma jkollhomx ir-riżorsi meħtieġa biex jimplimentaw
il-prototipi tagħhom. Id-diversità tat-teknoloġiji li qed
jiġu ttestjati bħalissa tfisser li l-progress lejn it-tnaqqis
tal-ispejjeż kapitali qed jieħu l-ħin. ·
It-tifrix u t-tisħiħ tal-infrastruttura
tal-grilja ta’ trażmissjoni tal-UE, 'il barra mix-xtut iżda wkoll
fuq l-art u transfruntiera, huma meħtieġa biex din tkun tista'
takkomoda l-volumi futuri tal-enerġija mill-oċeani u tittrasportaha
lejn iċ-ċentri tad-domanda. Filwaqt li l-linji gwida tat-TEN-E
riċenti[16]
jistgħu jwasslu għal titjib fil-futur, it-tħassib dwar
il-konnessjoni fil-ħin mal-grilja għadu hemm. Kwistjonijiet
infrastrutturali oħra, inkluż l-aċċess inadegwat għal faċilitajiet
tal-port xierqa u n-nuqqas ta’ bastimenti speċjalizzati
għall-installazzjoni u l-manutenzjoni, jeħtieġ jiġu
indirizzati wkoll. ·
Il-proċeduri kumplessi tal-għoti ta'
liċenzji u kunsens jistgħu jdewmu l-proġetti u jżidu
l-ispejjeż. L-inċertezza dwar l-applikazzjoni korretta
tal-leġiżlazzjoni ambjentali tista' tkompli ttawwal il-proċessi
tal-għoti tal-kunsens. Għalhekk, l-integrazzjoni tal-enerġija
mill-oċeani fil-pjanijiet għall-ispazju marittimu nazzjonali
hija importanti. ·
Xi wħud mill-impatti ambjentali
tal-installazzjonijiet tal-enerġija mill-oċeani mhumiex mifhuma
għalkollox f’dan l-istadju. Se tkun meħtieġa aktar riċerka
u skambju aħjar tal-informazzjoni dwar l-impatti ambjentali biex
kull effett negattiv li jista' jkollhom l-installazzjonijiet tal-enerġija
mill-oċeani fuq l-ekosistemi tal-baħar jiġi mifhum u mnaqqas.
Jeħtieġ ukoll li jiġu evalwati l-impatti kumulattivi ma’
attivitajiet oħra tal-bniedem fil-kuntest tal-ksib ta’ status ambjentali
tajjeb skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u status
ekoloġiku tajjeb skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. L-integrazzjoni
tal-enerġija mill-oċeani fil-pjanijiet għall-ispazju marittimu
nazzjonali hija importanti wkoll sabiex jiġi indirizzat it-tħassib
dwar is-sikurezza marittima. ·
Minħabba l-klima ekonomika attwali, diversi
gvernijiet naqqsu sostanzjalment l-appoġġ f'għotjiet u
l-appoġġ għad-dħul għall-enerġiji rinnovabbli
u f’xi każijiet saħansitra implimentaw bidliet retrospettivi. Dawn
l-iżviluppi jistgħu jgħawru l-kunfidenza tal-investituri u
jpoġġu fir-riskju l-iżvilupp tas-settur. Nuqqas ta’
appoġġ finanzjarju stabbli, li jkun jirrifletti l-pożizzjoni
tat-teknoloġiji fiċ-ċiklu tal-iżvilupp, jista’ jtawwal
iż-żmien meħtieġ biex il-proġetti jagħmlu
l-profitt. 5. Pjan ta’ azzjoni
għall-Enerġija mill-Oċeani L-iżvilupp futur tas-settur
tal-enerġija mill-oċeani jiddependi minn jekk hux se jirnexxilu
jegħleb dawn l-isfidi u l-ħila tiegħu li jipproduċi volumi
kbar ta’ elettriku b'karbonju baxx għall-Ewropa. Il-programm konġunt
EERA, ERA-net tal-enerġija mill-oċeani u Orizzont 2020 se jkunu
strumentali fil-ħsad tal-benefiċċji tal-kooperazzjoni
pan-Ewropea fir-riċerka u l-iżvilupp u, b’mod partikolari, se
jgħinu biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tekniċi li
għad baqa’. Madankollu, għal teknoloġiji prekummerċjali tal-enerġija
mill-oċeani, huwa kruċjali li jkun hemm qafas ta’ appoġġ
stabbli u b'riskju baxx peress li dan jiżgura l-bankabbiltà
tal-proġetti u jippermetti t-tkabbir tal-kapaċità installata.
Il-Kummissjoni riċentament ħarġet gwida dwar l-aħjar prassi
għal skemi ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli.[17] Filwaqt li targumenta
li għandu jsir aktar enfasi fuq il-prinċipju tal-kosteffettività,
il-gwida tenfasizza wkoll li t-tfassil tal-iskema ta’ appoġġ
għandu jrawwem l-innovazzjoni teknoloġika. Il-gwida għalhekk
tippermetti li jsiru proġetti li jużaw teknoloġija ġdida
fuq skala kummerċjali għall-ewwel darba u b’hekk tagħraf
il-ħtieġa għal qafas ta’ appoġġ immirat għal
teknoloġiji bħall-enerġija mill-oceani. Madankollu, jinħtieġu azzjonijiet
immirati oħra fil-livell tal-UE biex jikkomplementaw lil dawn
l-inizjattivi u lil oħrajn meħuda f'livell nazzjonali biex
jingħelbu l-ostakli għall-iżvilupp tas-settur tal-enerġija
tal-oċeani deskritti hawn fuq. Għalhekk, din il-Komunikazzjoni
tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni f’żewġ stadji li ser jassisti lil dan
is-settur industrijali promettenti biex jiżviluppa l-potenzjal
tiegħu, u kemm jista’ jkun jibni fuq il-ħidma u l-proġetti
eżistenti bħal ORECCA, SI OCEAN jew SOWFIA. Ġew identifikati
diversi azzjonijiet kosteffettivi abbażi tas-sejbiet tal-valutazzjoni
tal-impatt. Xi wħud minn dawn ġew magħżula bħala
l-ewwel ‘sejħa għall-azzjoni” li tista' tiġi kkomplementata
b’miżuri addizzjonali fi stadju aktar tard, jekk ikun hemm bżonn ta'
iktar passi. Il-benefiċċju ta’ dan l-approċċ
f’żewġ stadji huwa li se jippermetti l-akkumulazzjoni ta’ massa
kritika ta’ atturi u l-iżvilupp ta’ rispons komuni minn isfel għal
fuq għall-kwistjonijiet ikkonċernati, u b’hekk joħloq sens ta’
sjieda fost il-partijiet interessati involuti. 5.1. L-ewwel fażi ta’ azzjoni
(2014-2016) i. Il-Forum tal-Enerġija
mill-Oċeani Se jitwaqqaf Forum tal-Enerġija
mill-Oċeani, li se jlaqqa' l-partijiet interessati f’serje ta’
sessjonijiet ta’ ħidma sabiex jiġi żviluppat fehim komuni
tal-problemi attwali u biex, kollettivament, jitfasslu soluzzjonijiet
fattibbli. Dan se jkun strumentali biex tissawwar il-kapaċità u l-massa
kritika u wkoll biex irawwem il-kooperazzjoni bl-involviment ta’ firxa
wiesgħa ta’ partijiet interessati. Il-forum se jesplora wkoll
is-sinerġiji ma’ industriji oħrajn tal-baħar, partikolarment
is-settur tar-riħ 'il barra mix-xtut, f'aspetti li għandhom x’jaqsmu
mal-katini tal-provvista, il-konnessjoni mal-grilja, l-operazzjonijiet u l-manutenzjoni,
il-loġistika u l-ippjanar spazjali. Ir-rappreżentanti mill-industriji
rilevanti jistgħu jiġu mistiedna biex jipparteċipaw kif ikun
xieraq skont is-suġġetti diskussi. Il-Kummissjoni se jkollha rwol ta’
faċilitatur u koordinatur fil-forum. Il-forum se jiġi organizzat
skont tliet linji ta' azzjoni: a) Teknoloġija u Riżorsi Il-kummerċjalizzazzjoni tas-settur
tal-enerġija tal-oċeani teħtieġ aktar avvanzi
teknoloġiċi kif ukoll aktar titjib fil-konnessjonijiet mal-grilja u
l-infrastruttura l-oħra 'l barra mix-xtut tal-katina tal-provvista. It-titjib tal-affordabbiltà, l-affidabbiltà,
is-sopravivenza, l-operabbiltà u l-istabbiltà ta’ tagħmir
tal-enerġija mill-oċeani[18]
huwa essenzjali. Diġà hemm xi forma ta’ kunsens dwar l-oqsma ta’ prijorità
għar-riċerka teknoloġika inkluż, pereżempju, dwar
il-ħtieġa għal sistemi aħjar tal-irmiġġ u
materjali ġodda. Jistgħu wkoll jiġu identifikati
l-possibilitajiet għall-ħidma kollaborattiva sabiex ir-riżorsi
jintużaw b’mod aktar effiċjenti u biex tiġi ffaċilitata
l-konverġenza teknoloġika. Se tiġi stabbilita skeda ċara,
li tkun tinkludi l-miri teknoloġiċi ewlenin. Din il-linja ta' azzjoni se tinkludi valutazzjoni
dettaljata tar-riżorsi tal-enerġija mill-oċeani u
tal-infrastrutturi 'l barra mix-xtut bħalma huma l-portijiet u
l-bastimenti, peress li t-titjib f’dawn l-oqsma jgħin biex ikun hemm
l-aħjar ġestjoni tal-apparat għall-enerġija
mill-oċeani u, b'hekk, ikun hemm tnaqqis korrispondenti fl-ispejjeż. F'din il-linja ta' azzjoni tista’ wkoll issir
ħidma li twassal għal aktar titjib fl-integrazzjoni tal-enerġija
rinnovabbli 'l barra mix-xtut mas-sistema tal-enerġija. L-industrija
jkollha l-opportunità li tesprimi l-ħtiġijiet tagħha dwar
kwistjonijiet bħalma huma l-bżonnijiet ta' riċerka u
żvilupp marbuta mat-teknoloġija tal-grilja, it-tbassir
tal-produzzjoni tal-enerġija u t-teknoloġiji tal-ħżin
jistgħu jiġu esplorati wkoll. Ir-riżultati mbagħad
jiġu trażmessi lill-atturi rilevanti bħall-awtoritajiet
regolatorji, l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u fora rilevanti
bħall-inizjattiva tal-grilja 'l barra mix-xtut tal-pajjiżi
tal-ibħra tat-Tramuntana. b) Kwistjonijiet Amministrattivi u l-Finanzi Il-perjodi twal ta’ stennija kkawżati minn
proċeduri twal tal-għoti tal-permessi u l-liċenzji u diffikultà
fl-aċċess għall-finanzi ġew identifikati bħala
diffikultajiet urġenti. L-għan ta’ din il-linja ta' azzjoni se jkun
li jiġu eżaminati l-proċeduri amministrattivi rilevanti
għall-installazzjonijiet tal-enerġija mill-oċeani fl-Istati
Membri u l-effetti li dawn l-installazzjonijiet tal-enerġija
mill-oċeani jista' jkollhom fuq it-tbaħħir. Dawn
il-kwistjonijiet amministrattivi u ta’ sikurezza jeħtieġ li jiġu
riveduti f’kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-industrija
f’dan il-grupp ta’ ħidma, sabiex wieħed jasal għal fehim komuni
tal-isfidi li qed jiġu ffaċċjati minn kull naħa, u kif dawn
għandhom jiġu trattati. L-informazzjoni miġbura matul
id-diskussjonijiet se tintuża biex jiġi kkompilat katalgu
tal-aħjar prassi, flimkien ma’ studji ta’ każijiet varji. Se jiġu eżaminati wkoll il-kwistjonijiet
li għandhom x’jaqsmu mal-finanzi. Minħabba l-innovazzjoni u
l-kumplessità tat-teknoloġiji, l-investituri jistgħu ma jkunux konxji
mill-opportunitajiet li toffri din l-industrija. Din il-linja ta' azzjoni
għandha tinvolvi lill-awtoritajiet nazzjonali, il-banek tal-iżvilupp,
il-finanzjaturi privati u l-iżviluppaturi tal-proġetti biex
jiddiskutu kif l-aħjar jiġi stimolat l-investiment meħtieġ.
Se tiġi vvalutata wkoll l-adegwatezza ta’ mekkaniżmi differenti
għall-qsim tar-riskju bħal soft-loans, koinvestiment u garanziji
pubbliċi. L-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli fi ħdan
il-programmi tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE bħal Orizzont 2020,
il-Programm tan-NER300, u l-programm ta' finanzjament tal-enerġija
rinnovabbli tal-Bank Ewropew tal-Investiment se jingħataw attenzjoni
speċifika. c) Ambjent Il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali huma
kruċjali biex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli ta’ din
l-industrija emerġenti. Il-ġbir tad-dejta ambjentali ta' bażi,
madankollu, ipoġġi piż kbir fuq l-iżviluppaturi individwali
tal-proġetti skont id-daqs tal-proġetti individwali. Din il-linja ta'
azzjoni se tinkoraġġixxi l-ħidma kollaborattiva
fil-monitoraġġ tal-impatti ambjentali tal-installazzjonijiet
eżistenti u ppjanati u dwar modi innovattivi għat-tnaqqis tal-impatt
tal-enerġija mill-oċeani fuq l-ambjent tal-baħar. Id-dejta dwar
l-impatti ambjentali u l-monitoraġġ jeħtieġ li
tiddaħħal fis-sistema mill-awtoritajiet nazzjonali bħala rutina,
skont l-iskopijiet tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma u d-Direttivi ta’ Qafas
dwar l-Istrateġija Marittima. Diġà hemm qafas komprensiv
tal-leġiżlazzjoni tal-UE li jkopri l-konservazzjoni tan-natura,
il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u l-enerġija rinnovabbli, u dan huwa
kkomplementat mill-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar l-Ippjanar
Spazjali Marittimu (MSP). Madankollu, din il-linja ta' azzjoni għandha
tevalwa l-ħtieġa għal linji gwida ta’ implimentazzjoni
speċifiċi għas-settur, bħal dawk li diġà ġew
żviluppati għall-enerġija mir-riħ, biex jikkomplementaw
id-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar, l-Artikolu 13
tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u Direttiva futura possibbli
dwar l-MSP. ii. Pjan Direzzjonali
Strateġiku għall-Enerġija mill-Oċeani Fuq il-bażi tar-riżultati tal-Forum
tal-Enerġija mill-Oċeani, se jiġi żviluppat Pjan
Direzzjonali Strateġiku li jistabbilixxi miri ċari
għall-iżvilupp industrijali tas-settur kif ukoll skeda ta’ żmien
għall-ksib tagħhom. Fl-iffissar tal-prijoritajiet
tat-teknoloġija, il-pjan għandu jikkunsidra l-prinċipji u
l-iżviluppi ewlenin imħabbra mill-Komunikazzjoni dwar
it-Teknoloġiji u l-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija[19] u se jagħti
kontribuzzjoni lill-"Pjan Direzzjonali Integrat"[20]u jsir parti minnu. Dan
il-pjan direzzjonali se jiġi elaborat b’mod konġunt mill-industrija,
l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali interessati, NGOs u partijiet
interessati relevanti oħra permezz ta’ proċess strutturat u
parteċipattiv, kif definit hawn fuq. Il-pjan direzzjonali se jlaqqa’
flimkien is-sejbiet mill-oqsma kollha rilevanti għall-iżvilupp
tal-industrija u jipprovdi pjan ta' azzjoni miftiehem sabiex is-settur
tal-enerġija mill-oċeani jiġi megħjun jimxi lejn
l-industrijalizzazzjoni. 5.2. It-tieni fażi ta’
azzjoni (2017-2020) iii. Inizjattiva Industrijali Ewropea Tista' tiġi żviluppata Inizjattiva
Industrijali Ewropea fuq il-bażi tar-riżultati tal-Forum
tal-enerġija mill-oċeani. Bosta Inizjattivi Industrijali Ewropej
(EIIs) diġà ġew stabbiliti bil-Pjan SET. L-EIIs huma sħubiji
bejn il-pubbliku u l-privat li jiġbru flimkien l-industrija,
ir-riċerkaturi, l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex flimkien
jistabbilixxu u jiksbu objettivi ċari u komuni fi skeda ta' żmien
speċifika. Dawn jistgħu jtejbu l-effettività tar-riċerka u
l-iżvilupp innovattivi u jipprovdu pjattaforma għall-qsim tar-riskju
tal-investiment. L-Inizjattiva Ewropea tal-Enerġija mir-Riħ,
pereżempju, diġà tat kontribut lill-isforzi tar-riċerka u
l-iżvilupp tal-UE fil-qasam tal-enerġija mir-riħ u
ħeġġet biex ikun hemm allinjament aħjar tal-fondi
pubbliċi nazzjonali u tal-UE rilevanti mal-prijoritajiet identifikati. Sabiex tiġi stabbilita Inizjattiva
Industrijali Ewropea vijabbli, madankollu, il-partijiet interessati
industrijali għandhom l-ewwel ikollhom strateġija ċara
għall-iżvilupp tas-settur u għandhom ikunu organizzati tajjeb
sabiex tkun tista’ tilħaq l-għanijiet tagħha. L-inizjattiva tkun
ir-riżultat ta’ proċess komuni, bil-parteċipazzjoni
tal-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-industrija u l-organizzazzjonijiet
tar-riċerka. Il-forma preċiża ta’ din il-kooperazzjoni
jeħtieġ li tiġi determinata fi stadju aktar tard, madankollu,
billi l-arranġament attwali fil-Pjan SET jista' jinbidel kif imħabbar
fil-Komunikazzjoni dwar it-Teknoloġiji u l-Innovazzjoni.[21] Minħabba l-istadju bikri
tal-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-enerġija mill-oċeani,
it-twaqqif ta’ sħubijiet pubbliċi-privati fuq skala kbira jista' jkun
mezz effiċjenti għall-qsim tar-riskju u
għall-ingranaġġ tal-investiment privat. Kif diskuss fil-valutazzjoni
tal-impatt, it-twaqqif ta’ Inizjattiva Industrijali Ewropea jew forma xierqa
oħra ta’ sħubija pubblika-privata, aktarx li jkun pass importanti
fit-triq lejn tnedija industrijali sħiħa. Dan jgħin
fl-ifformalizzar tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati, bir-riżultat
li jkun hemm aċċess iktar faċli għall-finanzi, u
fl-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Strateġiku mħabbar f’din
il-Komunikazzjoni. iv. Linji gwida speċifiċi
għas-settur għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni
relevanti Abbażi tal-esperjenza akkwistata
fil-linja ta' azzjoni tal-kwistjonijiet amministrattivi u l-finanzi u dik
tal-ambjent, jistgħu jiġu żviluppati linji gwida biex
jissimplifikaw u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar
il-Ħabitats u l-Għasafar u l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar
l-Enerġija Rinnovabbli kif ukoll biex jgħinu bil-proċessi
tal-ippjanar spazjali marittimu. L-għan ta’ dawn il-linji gwida se jkun li
titnaqqas l-inċertezza permezz tal-għoti ta’ gwida aktar ċara u
speċifika għal-liċenzjar tal-proġetti rilevanti u, b'hekk,
jittaffa l-piż fuq l-awtoritajiet pubbliċi u l-iżviluppaturi
tal-proġetti. 6. Analiżi tal-Progress Ladarba l-azzjonijiet imsemmija hawn fuq ikunu
nbdew u jkunu stabbiliti sew, ikun importanti li jiġi mmonitorjat
il-progress li jkun għamel is-settur tal-enerġija mill-oċeani
biex jissodisfa l-potenzjal tiegħu bħala teknoloġija
enerġetika strateġika. Dan jista’ jsir, pereżempju, billi
jitkejlu l-livell tal-kapaċità installata u tal-ġenerazzjoni
tal-enerġija, l-għadd ta’ proġetti implimentati u ppjanati,
l-iskala tal-investiment, l-ammont tat-tnaqqis fl-ispiża kapitali jew
l-għadd ta’ impriżi kollaborattivi. Se jkun importanti wkoll li
jiġi evalwat sa liema punt is-settur qed jikkontribwixxi
għall-għanijiet iktar wiesa’ tal-UE f'termini ta' impjiegi, tkabbir u
sostenibbiltà. Il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni
inizjali tal-progress fl-2017 u evalwazzjoni aktar komprensiva tal-istat ta’
żvilupp tal-enerġija mill-oċeani qabel l-2020. Il-proċess
tar-reviżjoni se jkollu jqis l-evalwazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri
tal-politika ġenerali tal-UE lejn l-iżvilupp tal-enerġija
rinnovabbli u l-politika dwar it-teknoloġija tal-enerġija. 7. Konklużjoni Hekk kif l-UE qed tikkontempla l-politika
tagħha dwar l-enerġija u l-bidla fil-klima għal wara l-2020,
huwa f’waqtu li tesplora l-għażliet kollha possibbli fi sforz sostnut
u kollettiv sabiex jittaffew l-effetti tal-bidla fil-klima u biex jiġi
ddiversifikat il-portafoll tal-Ewropa ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
L-appoġġ tal-innovazzjoni fit-teknoloġiji tal-enerġija
b’karbonju baxx jista' jgħin biex jingħelbu dawn l-isfidi. L-ebda
possibbiltà ma għandha tiġi ttraskurata. Biex l-enerġija
mill-oċeani tkun tista' tirrealizza l-potenzjal tagħha, wasal
iż-żmien biex l-Istati Membri, l-industrija u l-Kummissjoni
jaħdmu flimkien b'mod kollaborattiv biex jaċċelleraw
l-iżvilupp tagħha. Għalhekk, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi
pjan ta’ azzjoni biex tkompli tiggwida l-iżvilupp tas-settur
tal-enerġija mill-oċeani. It-tlestija ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni fil-perjodu
2014-2017 għandu jgħin l-industrijalizzazzjoni tas-settur, sabiex
ikun jista’ jipprovdi elettriku kosteffettiv b’livell baxx ta’ karbonju kif
ukoll impjiegi ġodda u tkabbir ekonomiku għall-ekonomija tal-UE. Għanijiet
komuni jistgħu jintlaħqu aħjar b’approċċ ikkoordinat u
inklussiv. Għalkemm illum is-settur tal-enerġija mill-oċeani
huwa relattivament żgħir, jista’ jikber fl-iskala sabiex ikun
f’pożizzjoni li jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u
l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE. Is-settur jista’ jikkontribwixxi wkoll
għall-ambizzjonijiet tat-tnaqqis tal-gassijiet serra tal-UE sal-2050 jekk
il-kundizzjonijiet adatti jiġu stabbiliti minn issa. Jekk jingħata
l-impetu politiku meħtieġ lil dan is-settur emerġenti, permezz
tal-miżuri deskritti hawn fuq, fit-terminu medju u fit-tul,
l-enerġija mill-oċeani għandha tkun tista' tikseb il-massa
kritika meħtieġa għall-kummerċjalizzazzjoni tagħha u
ssir storja ta’ suċċess industrijali Ewropea oħra. 8. Anness 1: Sommarju
tal-miżuri proposti Riżultati || Skeda Fażi 1 It-twaqqif ta’ Forum tal-Enerġija mill-Oċeani, li jinvolvi l-industrija u partijiet oħra interessati · Linja ta' Azzjoni għat-Teknoloġija u r-Riżorsi · Linja ta' Azzjoni għall-Kwistjonijiet amministrattivi u l-Finanzi · Linja ta' Azzjoni għall-Ambjent || 2014 - 2016 2014 - 2016 2014 - 2016 Abbozzar ta’ Pjan Direzzjonali Strateġiku || 2016 Fażi 2 It-twaqqif possibbli ta’ Inizjattiva Industrijali Ewropea || 2017 - 2020 L-abbozzar possibbli ta’ linji gwida biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti u biex jassistu fl-ippjanar spazjali marittimu || 2017 - 2020 [1] L-enerġija mill-oċeani tista' tinħasad
f’bosta għamliet. L-enerġija mill-mewġ tiddependi
mill-għoli, il-veloċità u t-tul tal-mewġa u d-densità tal-ilma.
L-enerġija mill-fluss tal-marea tiġi ġġenerata mill-fluss
tal-ilma f’kanali dojoq filwaqt li t-teknoloġiji tal-varjazzjoni tal-marea
(jew “stazzjonijiet mareomotriċi”) jisfruttaw id-differenza fl-għoli
tal-wiċċ f’estwarju jew bajja b'diga. L-enerġija
mill-oċeani tista’ tkun iġġenerata wkoll mid-differenzi
fit-temperatura bejn l-ilma tal-wiċċ u dak iktar fil-fond filwaqt li
l-enerġija tal-iskala tas-salinità tiddependi mid-differenza fis-salinità
bejn l-ilma mielaħ u l-ilma ħelu. [2] COM(2008), 13.11.2008 [3] COM(2010) 2020, 3.3.2010. [4] COM(2007) 575, 10.10.2007 [5] COM(2012) 494, 13.9.2012 [6] COM(2013) 253, 2.5.2013 [7] COM(2013) 279, 13.5.2013 [8] Carbon Trust (2011), Marine Renewables Green Growth
Paper [9] Renewable
UK (2013), Wave and Tidal Energy in the UK fis-sit:
http://www.renewableuk.com/en/publications/reports.cfm/wave-and-tidal-energy-in-the-uk-2013 [10] Is-Senat Franċiż (2012), Rapport dwar
l-Affarijiet Marittimi fis-sit: http://www.senat.fr/rap/r11-674/r11-6741.pdf [11] L-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Enerġija
mir-Riħ (2013), Wind in power: 2012 European statistics [12] Il-kapaċità installata attwali tiżdied għal
250 MW jekk wieħed jinkludi wkoll is-sistema tal-varjazzjoni
tal-marea La Rance, li ilha topera mill-1966. Is-sistemi tal-varjazzjoni
tal-marea huma teknoloġija matura iżda ma hemmx ħafna iktar lok
fejn dawn jintużaw minħabba n-nuqqas ta’ postijiet adattati u
l-impatt kbir li għandhom fuq l-ambjent. [13] COM(2009) 519, 7.10.2009 [14] Ir-Regolament 347/2013, 25.4.2013 [15] COM(2013) 279, 13.5.2013 [16] Ir-Regolament 347/2013, 25.4.2013 [17] SWD (2013) 439 finali, 5.11.2013. [18] Għażla mill-Pjan Direzzjonali ORECCA (2012) [19] COM (2013) 253 [20] Il-miżura implimentattiva proposta minn COM (2013)
253 [21] COM (2013) 253, 2.5.2013