Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014BP0905(40)

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 3 ta’ April 2014 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għas-sena finanzjarja 2012

    ĠU L 266, 5.9.2014, p. 297–299 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2014/905(40)/oj

    5.9.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 266/297


    RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tat-3 ta’ April 2014

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għas-sena finanzjarja 2012

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għas-sena finanzjarja 2012,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2014 (05849/2014 — C7-0054/2014),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta’ Frar 2007 li jwaqqaf l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5),

    wara li kkunsidra r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u b’mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

    wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjonijiet ta’ kwittanza preċedenti tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0184/2014),

    A.

    billi, skont l-istqarrijiet finanzjarji tagħha, il-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (“l-Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2012 kien ta’ EUR 20 376 000, ammont li jirrapreżenta żieda ta’ 0,97 % meta mqabbel mal-2011,

    B.

    billi l-Qorti tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2012 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari,

    Segwitu tal-kwittanza għall-2011

    1.

    Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li:

    għas-sena finanzjarja 2012, il-Qorti tal-Awdituri diġà nnotat ir-rati sodisfaċenti ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament għat-Titoli I u II (98 % u 89 % rispettivament); jirrikonoxxi li għat-Titolu III, ir-rata ta’ implimentazzjoni ta’ pagament ta’ 49 % kienet ġustifikata u r-riporti ta’ dan il-livell kienu inevitabbli u mhumiex ir-riżultat ta’ dewmien fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija;

    f’Mejju 2013, il-Bord Eżekuttiv adotta deċiżjoni (Deċiżjoni 2013/01) dwar it-tmexxija tal-investigazzjonijiet amministrattivi u tal-proċeduri dixxiplinari, u bħala konklużjoni l-Aġenzija kkonformat mat-talba tal-Parlament billi adottat din id-Deċiżjoni bi qbil mal-Kummissjoni, biex tadotta regoli sabiex tirrispetta l-interess leġittimu (inkluża l-anonimità) tal-partijiet,

    l-investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, li nfetħet fl-2012, ingħalqet mingħajr rakkomandazzjonijiet fl-2013, filwaqt li l-każ tal-Ombudsman Ewropew (0917/2011) għadu miftuħ,

    l-Aġenzija timplimenta politika elaborata kontra l-fastidju; jinsab sodisfatt li l-allegazzjonijiet kollha ta’ fastidju kienu eżaminati sew u li l-ebda każ ta’ fastidju ma kien identifikat,

    l-Aġenzija attwalment tapplika l-linji gwida tal-Kummissjoni wara deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv (Deċiżjoni 2012/04), jinnota li dawn il-linji gwida se jkunu sostitwiti hekk kif l-Aġenzija tadotta l-linji gwida mudell tal-Aġenziji Regolatorji dwar il-whistleblowing,

    dikjarazzjonijiet ta’ interess u CVs tat-tim ta’ tmexxija u ta’ bosta mill-membri uffiċjali tal-Bord ta’ Tmexxija ttellgħu fuq il-websajt tal-Aġenzija;

    Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

    2.

    Jinnota bi tħassib li fl-2012, is-servizzi tat-tindif tal-Aġenzija ngħataw permezz ta’ qafas ta’ sensiela ta’ kuntratti lil żewġ fornituri, u li minħabba żball klerikali matul l-evalwazzjoni tal-offerti, il-klassifika tal-kuntratturi kienet żbaljata; jinnota li bħala riżultat ta’ dan l-iżball, ingħata kuntratt wieħed speċifiku għal EUR 56 784 fl-2012 u li l-pagamenti relatati kienu irregolari; jirrikonoxxi li wara l-awditjar tal-Qorti tal-Awdituri, l-Aġenzija emendat il-klassifika tal-kuntratturi kif xieraq;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    3.

    Jinnota li l-isforzi għall-monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2012 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni baġitarja ta’ 100 %; jinnota bi tħassib li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 78,5 %;

    4.

    Jinnota li l-implimentazzjoni tal-baġit għat-Titolu III (nefqa operazzjonali) kienet baxxa b’49 % tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn; jirrikonoxxi, madankollu, li dan ma seħħx minħabba dewmien fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija u li dan il-livell baxx jirrifletti n-natura pluriennali tal-attivitajiet; jinnota li l-Aġenzija adottat modulu ta’ ppjanar baġitarju li hu direttament marbut mal-programm ta’ ħidma annwali tagħha u li l-pagamenti kienu ppjanati u mwettqa skont il-ħtiġijiet operazzjonali u li l-Qorti tal-Awdituri tqis tali sitwazzjonijiet bħala aċċettabbli;

    Impenji u riporti

    5.

    Jirrikonoxxi li l-eżerċizzju ta’ awditjar annwali tal-Qorti tal-Awdituri ma sab l-ebda kwistjoni notevoli fir-rigward tal-livell ta’ riporti fl-2012; ifaħħar lill-Aġenzija talli mxiet mal-prinċipju tal-annwalità u għall-eżekuzzjoni puntwali tal-baġit tagħha;

    Trasferimenti

    6.

    Jinnota b’sodisfazzjon li, skont ir-rapport annwali tal-attività, kif ukoll skont ir-riżultati tal-eżerċizzji ta’ awditjar li għamlet il-Qorti tal-Awdituri, il-livell u n-natura tat-trasferimenti fl-2012 baqgħu fil-limiti tar-regoli finanzjarji; ifaħħar lill-Aġenzija għall-ippjanar baġitarju tajjeb tagħha;

    Proċeduri ta’ akkwist u reklutaġġ

    7.

    Jinnota li, għas-sena 2012, la t-tranżazzjonijiet li ttieħed kampjun tagħhom u lanqas is-sejbiet l-oħra tal-eżerċizzju ta’ awditjar ma wasslu għal xi kumment dwar il-proċeduri ta’ akkwist tal-Uffiċċju fir-rapport tal-awditjar annwali tal-Qorti tal-Awdituri;

    8.

    Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ma għamlet l-ebda kumment fir-rapport tal-awditjar annwali tagħha għall-2012 fir-rigward tal-proċeduri ta’ reklutaġġ tal-Uffiċċju;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interessi u t-trasparenza

    9.

    Jirrikonoxxi li l-Aġenzija se teżamina mill-ġdid il-politika tagħha dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interessi abbażi tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġestjoni tal-Kunflitti ta’ Interessi fl-Aġenziji Deċentralizzati tal-UE; jappella lill-Aġenzija biex tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni ladarba jkunu disponibbli;

    Awditjar u kontrolli interni

    10.

    Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li, fl-2012, is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditjar dwar proċeduri ta’ akkwist fl-Aġenzija u għamel żewġ rakkomandazzjonijiet ferm importanti u sebgħa rakkomandazzjonijiet oħra importanti; jinnotal li l-Aġenzija pproponiet pjan ta’ azzjoni li kien aċċettat mill-IAS u li sad-data ta’ limitu tal-31 ta’ Diċembru 2012, tmienja minn dawk ir-rakkomandazzjonijiet kienu ngħalqu; jinnota li rakkomandazzjoni waħda importanti li kien fadal ingħalqet fl-2013;

    11.

    Jinnota bi tħassib li l-Aġenzija ma kelliex proċedura ta’ verifika ex post fis-seħħ matul l-2012; jinsab sodisfatt li wara analiżi komprensiva tar-riskju mwettqa mill-Aġenzija, kienet implimentata proċedura formali fil-bidu tal-2013;

    Prestazzjoni

    12.

    Jitlob li l-Aġenzija tikkomunika r-riżultati u l-impatt li l-ħidma tagħha għandha fuq iċ-ċittadini Ewropej b’mod aċċessibbli, prinċipalment permezz tas-sit tal-Internet tagħha;

    13.

    Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ April 2014 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


    (1)  ĠU C 365, 13.12.2013, p. 245.

    (2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

    (4)  ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1.

    (5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

    (6)  ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

    (7)  Testi adottati, P7_TA(2014)0299 (ara l-paġna 359 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top