Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014BP0083

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/014 FR/Air France, minn Franza) (COM(2014)0701 – C8-0247/2014 – 2014/2185(BUD))

ĠU C 294, 12.8.2016, p. 57–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 294/57


P8_TA(2014)0083

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2013/014 FR/Air France – Franza

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/014 FR/Air France, minn Franza) (COM(2014)0701 – C8-0247/2014 – 2014/2185(BUD))

(2016/C 294/20)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0701 – C8-0247/2014),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (1) (Regolament dwar il-FEG),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0065/2014),

A.

billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol;

B.

billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),

C.

billi l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (4) tirrifletti l-qbil li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiddaħħal mill-ġdid il-kriterju dwar il-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispiża totali stmata tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet tal-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għal valutazzjoni u approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jiġu introdotti dawk li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozji tagħhom stess;

D.

billi Franza ressqet l-applikazzjoni EGF/2013/014 FR/Air France għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal 5 213-il sensja, bi 3 886 persuna mistennija jipparteċipaw fil-miżuri, matul u wara l-perjodu ta' referenza mill-1 ta' Lulju 2013 sal-31 ta' Ottubru 2013, b'rabta mat-tnaqqis fis-sehem tas-suq tal-Unjoni fit-trasport bl-ajru,

E.

billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,

1.

Jinnota li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati; għaldaqstant jaqbel mal-Kummissjoni li Franza hi intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;

2.

Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fl-20 ta' Diċembru 2013, issupplementata b'informazzjoni addizzjonali sal-24 ta' Lulju 2014, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fil-11 ta' Novembru 2014;

3.

Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Franċiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fis-6 ta' Novembru 2012, ferm qabel id-deċiżjoni u saħansitra l-applikazzjoni dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

4.

Iqis li s-sensji fi ħdan Air France huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni, hekk kif is-sehem tas-suq tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru sejjer lura partikolarment fid-dawl tat-tkabbir spettakolari ta' tliet kumpaniji ewlenin fil-Golf Persjan, xejra li qed tkompli taggrava minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;

5.

Jinnota li s-sensji f'Air France mistennija jkollhom impatt negattiv fuq ir-reġjun ta' Île-de-France, li qed iħabbat wiċċu wkoll ma' sensja oħra tal-massa hekk kif l-impjant tal-produzzjoni Peugeot Citroën Automobile (PSA) f'Aulnay se jingħalaq kompletament fl-2014;

6.

Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li se jiġu kofinanzjati jinkludi l-miżuri li ġejjin għall-integrazzjoni mill-ġdid f'impjieg tat-3 886 ħaddiem li ngħataw is-sensja: servizzi ta' konsulenza u gwida vokazzjonali għall-ħaddiema, taħriġ, kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' negozju, attivitajiet ta' tagħrif u komunikazzjoni regolari, allowance għal bidla fl-impjieg u benefiċċju ta' mobilità;

7.

Jilqa' l-ammont ta' EUR 21 580 020 ddedikat lill-allowance għal bidla fl-impjieg li se jitħallas sal-aħħar tal-congé de reclassement u li jammonta għal 70 % tal-aħħar salarju gross tal-ħaddiem; jinnota l-fatt li r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 jillimita s-sehem ta' tali allowance għal 35 % tal-ammont totali mobilizzat tal-FEG f'każ partikolari iżda jenfasizza li Franza ressqet l-applikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 546/2009 (5), li japplika għal applikazzjonijiet imressqa sal-aħħar tal-2013, u li jippermetti użu ferm aktar ġeneruż ta' fondi għal allowances speċifiċi, bħalma huma l-allowance għal bidla fl-impjieg u l-kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' negozju;

8.

Jopponi l-użu tal-FEG bħala mezz ta' finanzjament għas-sensji; jippromwovi l-fatt li dan il-fond jintuża biex jgħin fir-riintegrazzjoni tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol;

9.

Ifakkar li l-fondi għandhom jgħinu fir-riintegrazzjoni tal-benefiċjarji fis-suq tax-xogħol minflok ma jipprovdulhom sostituzzjoni għas-salarju wara li jingħataw is-sensja; jinnota li dan l-għan jista' jintlaħaq aħjar permezz ta' dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 attwalment fis-seħħ;

10.

Jilqa' l-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira u s-sħab soċjali: taħriġ, servizzi ta’ konsulenza għall-ħaddiema; kontribuzzjonijiet għall-ħolqien ta' negozju, allowances għal bidla fl-impjieg, benefiċċji ta' mobilità;

11.

Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

12.

Jinnota b'dispjaċir li l-maġġoranza tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandhom bejn il-55 u l-64 sena; jilqa' l-inċentivi differenzjati fi ħdan il-miżura ta' kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' negozju għar-reklutaġġ ta' ħaddiema li għandhom aktar minn 55 sena;

13.

Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jiġi żgurat li l-FEG jappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid f'impjieg stabbli tal-ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg dejjiemi u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

14.

Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati mill-FEG ma tinkludix informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, iżda tirreferi għal ftehim bil-miktub mal-intrapriża li qed tagħti s-sensji dwar il-fatt li bl-implimentazzjoni tal-miżuri deskritti hawn fuq, din mhijiex se tirċievi kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni għall-istess miżuri; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta’ dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

15.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

16.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)  Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).

(5)  Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26).


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/014 FR/Air France, minn Franza)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/44.)


Top