Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AG0004

    Pożizzjoni (UE) Nru 4/2014 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004 li jippreskrivi miżuri li jikkonċernaw qabdiet inċidentali ta' ċetaċji fil-meded (żoni) tas-sajd Adottata mill-Kunsill fit- 3 ta' Marzu 2014

    ĠU C 100, 4.4.2014, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.4.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 100/1


    POŻIZZJONI (UE) Nru 4/2014 TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

    bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004 li jippreskrivi miżuri li jikkonċernaw qabdiet inċidentali ta' ċetaċji fil-meded (żoni) tas-sajd

    Adottata mill-Kunsill fit-3 ta' Marzu 2014

    2014/C 100/01

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),'

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004 (3) jikkonferixxi setgħat lill-Kummissjoni sabiex timplimenta xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament. Konsegwentement għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, huwa meħtieġ dawk is-setgħat jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    (2)

    Sabiex jiġi żgurat l-adattament effiċjenti ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 812/2004 għall-progress tekniku u xjentifiku, is-setgħa biex jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-kondizzjonijiet relatati mal-karatteristiċi tas-sinjal u mal-karatteristiċi ta' implimentazzjoni tal-użu tal-apparat akustiku deterrenti. Huwa importanti b'mod partikolari li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta' tħejjija tagħha, anke fil-livell ta' esperti. Meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (3)

    Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 812/2004 li jistabbilixxu r-regoli dwar il-proċedura u l-format għar-rappurtar mill-Istati Membri, għandhom jiġu kkonferiti setgħat implimentattivi lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    (4)

    Fid-dawl tar-rekwiżit li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi stabbilita sistema ta' protezzjoni stretta għaċ-ċetaċji f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 812/2004, u minħabba n-nuqqasijiet ta' dak ir-Regolament kif identifikati mill-Kummissjoni, l-adegwatezza u l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament għall-protezzjoni taċ-ċetaċji għandhom jiġu riveduti sal-31 ta' Diċembru 2015. Abbażi ta' dik ir-reviżjoni, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun kunsiljabbli, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta leġislattiva ġenerali sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effettiva taċ-ċetaċji, anke permezz tal-proċess ta' reġjonalizzazzjoni.

    (5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 812/2004 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 812/2004 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 3(1) jinbidel b'dan li ġej:

    “1.   L-apparati akustiċi deterrenti użati fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) għandhom ikunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-kondizzjonijiet tal-użu fl-Anness II. Sabiex jiġi żgurat li l-Anness II ikompli jirrifletti l-istat tal-progress tekniku u xjentifiku, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 8a, li jaġġornaw il-karatteristiċi tas-sinjal u l-karatteristiċi ta' implimentazzjoni korrispondenti fl-Anness II. Meta tadotta dawk l-atti delegati il-Kummissjoni għandha tipprovdi għal żmien biżżejjed għall-implimentazzjoni ta' tali adattamenti.”.

    (2)

    fl-Artikolu 7 jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “3.   Sal-31 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-effikaċja tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament u, jekk ikun il-każ, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta leġislattiva ġenerali sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effettiva taċ-ċetaċji.”.

    (3)

    l-Artikolu 8 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 8

    Implimentazzjoni

    Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabilixxu regoli ddettaljati dwar il-proċedura u l-format tar-rappurtar previst fl-Artikolu 6. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 8b(2).”.

    (4)

    jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 8a

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti ddelegati hija b'dan mogħtija lill-Kummissjoni suġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(1) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' erba' snin minn … (5). Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' erba' snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

    3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 3(1) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5.   Att delegat adottat taħt l-Artikolu 3(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 8b

    Proċedura ta' kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għas-sajd u l-akkwakultura stabbilit bl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/20115 (7).

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi …,

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    Għall-Kunsill

    Il-President


    (1)  ĠU C 11, 15.1.2013, p. 85.

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Pożizzjoni tal-Kunsill tat-3 ta' Marzu 2014. Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' ….

    (3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004 tas-26 ta' April 2004 li jippreskrivi miżuri li jikkonċernaw qabdiet inċidentali ta' ċetaċji fil-meded (żoni) tas-sajd u jemenda r-Regolament (KE) Nru 88/98 (ĠU L 150, 30.4.2004, p. 12).

    (4)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (5)  Data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament emendatorju.

    (6)  Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

    (7)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”.


    DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

    I.   INTRODUZZJONI

    Fit-8 ta' Awwissu 2012, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004 li jippreskrivi miżuri li jikkonċernaw qabdiet inċidentali ta' ċetaċji fil-meded (żoni) tas-sajd u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 88/98.

    Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fis-16 ta' April 2013.

    Wara saru negozjati bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar il-proposta. Dan il-qbil intlaħaq waqt trilogu li seħħ fit-30 ta' Jannar 2014. Dan il-qbil ġie sussegwentement approvat mill-Grupp ta' Ħidma dwar il-Politika Interna u Esterna tas-Sajd fis-6 ta' Frar 2014, u mill-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar is-Sajd fil-11 ta' Frar 2014.

    Fil-11 ta' Frar 2014, il-President tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar is-Sajd indirizza ittra lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Parti 1) fejn iddikjara li, jekk il-Kunsill jittrasmetti formalment il-pożizzjoni proprja fl-ewwel qari lill-Parlament fil-forma stipulata fl-Anness għal dik l-ittra, u kien ser, soġġett għall-verifika mill-ġuristi lingwisti taż-żewġ istituzzjonijiet, jirrakkomanda lis-sessjoni plenarja tal-Parlament li hi għandha, fit-tieni qari tal-Parlament, taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari mingħajr emenda.

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari hi tassew konformi mat-test ta' qbil imsemmi hawn fuq, kif emendat biex jirrifletti r-reviżjoni legali u lingwistika sussegwenti.

    Fit-twettiq ta' ħidmietu, il-Kunsill ħa kont debitu tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li ngħatat fl-14 ta' Novembru 2012 (1).

    II.   OBJETTIV

    L-għan tal-proposta hu li tallinja r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004 mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”), li jagħmel distinzjoni bejn is-setgħat delegati lill-Kummissjoni biex tadotta atti mhux leġislattivi ta' applikazzjoni ġenerali biex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġislattiv kif stipulat fl-Artikolu 290(1) tat-Trattat (atti delegati), u s-setgħat ikkonferiti lill-Kummissjoni biex tadotta kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-atti legalment vinkolanti tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 291(2) tat-Trattat (atti ta' implimentazzjoni).

    Permezz ta' din il-proposta, is-setgħat mogħtija attwalment lill-Kummissjoni permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004 ġew ikklassifikati mil-ġdid f'miżuri ta' natura delegata u f'miżuri ta' natura implimentattiva:

    Il-Kummissjoni pproponiet li għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati biex tadatta l-kondizzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-użu ta' apparat akustiku deterrenti;

    Il-Kummissjoni pproponiet li għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ta' implimentazzjoni rigward il-proċedura u l-format tal-obbligi ta' rappurtar għall-Istati Membri.

    III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

    A)   Osservazzjonijiet ġenerali

    Abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill wettqu negozjati li r-riżultat tagħhom kien li ż-żewġ koleġislaturi waslu għal qbil li għandu jiġi realizzat fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari. It-test tal-pożizzjoni tal-Kunsill jirrifletti bis-sħiħ il-kompromess li ntlaħaq bejn iż-żewġ koleġislaturi, li kien imniżżel fl-ittra tal-Parlament tal-11 ta' Frar 2014, u li kien ġie sussegwentement ikkoreġut biex jirrifletti r-reviżjoni legali u lingwistika.

    B)   Kwistjonijiet ewlenin

    Il-kompromess rifless fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari fih l-elementi ewlenin li ġejjin:

    a)   Kondizzjonijiet għad-delega ta' setgħat lill-Kummissjoni

    Il-Parlament Ewropew qabel mas-suġġeriment tal-Kunsill li jillimita d-delega ta' setgħat lill-Kummissjoni kemm fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni kif ukoll tat-tul ta' żmien tagħha:

    Il-kamp ta' applikazzjoni tad-delega għandu jkun limitat sabiex ikunu jistgħu jiġu aġġornati l-karatteristiċi ta' sinjal u l-karatteristiċi ta' implimentazzjoni korrispondenti tal-użu ta' apparat akustiku deterrenti, fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku;

    it-tul ta' żmien tad-delega għandu jkun limitat għal 4 snin, li jistgħu jiġu taċitament estiżi għal perijodi ta' tul ta' żmien identiku.

    b)   Rieżami

    Il-Kunsill aċċetta l-idea mressqa mill-Parlament Ewropew dwar rieżami mill-Kummissjoni, qabel tmiem l-2015, tal-adegwatezza u l-effettività tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 812/2004. Abbażi ta' dan u jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta leġislattiva ġenerali sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effettiva taċ-ċetaċji inkluż permezz tal-proċess ta' reġjonalizzazzjoni.

    IV.   KONKLUŻJONI

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tirrifletti bis-sħiħ il-kompromess li ntlaħaq fin-negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, iffaċilitat mill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU C 11, 15.01.2013, p.85.


    Top