Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE4756

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: investiment għat-tkabbir u l-impjiegi” (COM(2014) 473 final)

    ĠU C 242, 23.7.2015, p. 43–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.7.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 242/43


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: investiment għat-tkabbir u l-impjiegi”

    (COM(2014) 473 final)

    (2015/C 242/08)

    Relatur:

    Paulo BARROS VALE

    Nhar it-23 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: investiment għat-tkabbir u l-impjiegi”

    COM(2014) 473 final.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Diċembru 2014.

    Matul il-504 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Jannar 2015 (seduta tal-21 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’211-il vot favur, vot wieħed (1) kontra u 3 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”, iżda jixtieq jesprimi ċerti riżervi u preokkupazzjonijiet dwar suġġett daqstant importanti.

    1.2.

    Il-politika ta’ koeżjoni għandha tissokta bit-tilħiq tal-għan oriġinali tagħha, li jinsab fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tippromovi l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, billi tpoġġi l-kooperazzjoni u s-solidarjetà għas-servizz tal-iżvilupp armonjuż u l-ħolqien ta’ komunitajiet prosperużi. L-enfasi fuq l-Istrateġija Ewropa 2020 hija importanti, iżda mhux biżżejjed fil-konfront tal-isfidi attwali.

    1.3.

    Ir-rapport huwa xhieda tal-isforzi Ewropej biex l-Ewropa ssir aħjar, iżda jindika wkoll id-diffikultà li dan jinkiseb. Il-kriżi żiedet id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali, billi aggravat id-differenzi bejn l-Istati Membri (u anke fi ħdanhom) u kkonċentrat it-tkabbir u l-iżvilupp. Mhux biss il-kriżi interrompiet il-konverġenza li nkisbet, iżda f’ċerti każi, fil-fatt is-sitwazzjoni marret għall-agħar, u r-reċessjoni hija realtà fi kważi ż-żona tal-euro kollha.

    1.4.

    Fi żminijiet ta’ kriżi bħal dawn, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, b’mod partikolari dawk taż-żona tal-euro, mhumiex f’pożizzjoni li jippromovu l-investiment, u d-differenzi bejn ir-reġjuni periferiċi u dawk ċentrali (kemm bejn kif ukoll fi ħdan l-Istati Membri) qed jiżdiedu. Dan għandu l-effett pervers li jikkawża l-migrazzjoni u jiffoka l-investiment fuq żoni iżjed żviluppati, u żoni oħra jitħallew imorru lura u jiġu abbandunati.

    1.5.

    B’mod ġenerali, il-politiki ta’ awsterità adottati ma tawx ir-riżultati mixtieqa. Għalkemm jeħtieġ li niksbu bilanċ baġitarju, ma jistax jinkiseb ikun xi jkun ir-riskju, għax dan ikollu l-effett kontroproduttiv li jġib fix-xejn l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni.

    1.6.

    F’ħafna każi, il-politika ta’ koeżjoni ser tkun is-sors ewlieni tal-investiment; jeħtieġ li tkun iżjed ambizzjuża, jew saħansitra kkunsidrata mill-ġdid b’mod radikali, sakemm jirkupraw it-tkabbir u l-impjieg. Ir-riżultati miksuba s’issa jindikaw biċ-ċar li r-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni mhumiex biżżejjed biex isolvu l-problemi reali. Għalhekk, jeħtieġ li jinstabu forom alternattivi ta’ finanzjament ta’ konverġenza sabiex il-politika ta’ koeżjoni titressaq lejn stadju ġdid, mhux biss abbażi tas-solidarjetà Ewropa – kwistjoni sensittiva ħafna bħalissa. L-Ewropa qed tagħmel sforzi kbar rigward is-solidarjetà, iżda r-riżorsi li dan l-isforz jimmobilizza mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet reali ta’ konverġenza, fil-konfront tal-iskala tan-nuqqasijiet li jbatu minnhom ir-reġjuni li għadhom lura fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

    1.7.

    F’ekonomija globali, ir-reġjuni differenti qed ikollhom isofru l-konsegwenzi tal-effetti differenti tal-globalizzazzjoni. Ir-reġjuni jirreaġixxu b’mod differenti għall-investiment, u hemm bżonn ta’ analiżi għala ċerti reġjuni qed jikkonverġu mentri oħrajn le. Huwa kruċjali li, permezz tal-politika ta’ koeżjoni, jiġu stabbiliti forom ġodda ta’ governanza li jiżguraw li r-reġjuni jkunu jistgħu jilqgħu l-isfidi li jiffaċċjaw. Ir-rwol tal-Istat għandu jgħin biex jisfrutta l-attributi speċifiċi tar-reġjuni, jassigura l-prinċipji ta’ regolamentazzjoni intelliġenti, jiggarantixxi d-dinamika intraprenditorjali u jappoġġja l-iżvilupp, b’mod partikolari tal-SMEs, u jsaħħaħ il-kapaċità għall-innovazzjoni, jippromovi l-benesseri, il-kwalità tal-ħajja, il-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà ambjentali.

    1.8.

    Il-politika ta’ koeżjoni għandha tkompli tħabrek biex tippromovi t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività, filwaqt li ma tinsiex l-għanijiet soċjali li jappoġġjaw it-tkabbir intelliġenti u inklużiv. Il-KESE jappoġġja l-motto tas-sitt rapport “investiment għat-tkabbir u l-impjiegi”.

    2.   Proposti

    2.1.

    Il-politika ta’ koeżjoni għandha tikkanalizza u tinvesti l-fondi tagħha bil-għan fundamentali tal-promozzjoni ta’ pjan speċjali ta’ investiment għat-tkabbir u l-impjiegi. Flimkien mal-pjan tas-Sur Juncker, li issa ġie adottat, għandha tagħti prijorità lill-finanzjament tal-proġetti strutturali Ewropej ta’ natura transnazzjonali (pereżempju, netwerks differenti tat-trasport u l-broadband) u tipprovdi finanzjament dirett għall-intrapriżi (b’mod partikolari l-SMEs) f’setturi li huma kruċjali għall-iżvilupp soċjali u l-attivitajiet marbutin mal-ekonomija soċjali.

    2.2.

    Il-pjan ta’ Juncker, li għadu kif ġie adottat, joħloq Fond Ewropew ġdid għall-Investiment Strateġiku, iffinanzjat mill-fondi eżistenti tal-UE u mill-BEI. L-għan, li huwa ambizzjuż ħafna, huwa li jkun hemm l-aqwa użu possibbli tal-fondi privati u pubbliċi ta’ investiment, billi jintgħażlu proġetti li jistgħu jiġu implimentati malajr. Il-pjan jissupponi li teżisti domanda enormi li mhijiex sfruttata minn dan it-tip ta’ investiment. Iż-żmien biss jurina jekk il-pjan hux ser jirnexxi.

    2.3.

    Bil-ħsieb li jiġu kkunsidrati għanijiet usa’, il-politika ta’ koeżjoni tista’, flimkien mal-fondi disponibbli, issib forom awtonomi ta’ finanzjament bħas-sehem tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jew il-eurobonds, mingħajr ma jintlaqtu l-isforzi marbutin mal-konsolidazzjoni fiskali jew il-ksib tal-miri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

    2.4.

    Sabiex jiġi żgurat li l-investiment ikollu effett multiplikatur, proporzjon sostanzjali tal-Fondi Strutturali li jkun għad fadal mill-perjodu preċedenti (2007-2013), flimkien ma’ fondi mill-perjodu l-ġdid, għandhom jiġu allokati lill-BEI, sabiex jipprovdu injezzjoni ġdida ta’ kapital li jista’ jattira kapital ta’ riskju disponibbli fis-suq li jista’ jipprovdi ingranaġġ finanzjarju għall-politika ta’ koeżjoni (1).

    2.5.

    Jeħtieġ li l-politika ta’ koeżjoni tiġi kkoordinata mill-qrib flimkien ma’ inizjattivi oħra tal-UE, u l-iżjed mal-promozzjoni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja sabiex il-11-il għan stabbiliti jkunu jistgħu jintlaħqu u jkun jista’ jseħħ “l-investiment għat-tkabbir u l-impjiegi”.

    2.6.

    Il-politika ta’ koeżjoni ma għandhiex tixħet dubju fuq l-għanijiet tal-konsolidazzjoni baġitarja. Attwalment, l-ifqar pajjiżi ma għandhomx ir-riżorsi biex jippromovu l-investiment pubbliku, u għalhekk ma joffrux kundizzjonijiet attraenti għall-investituri privati. Il-prinċipju tal-addizzjonalità għandu jiġi applikat bil-galbu u adattat fl-Istati Membri li qed jagħmlu sforzi f’dan il-qasam, għax jekk dan il-prinċipju ma jiġix rispettat, tiġi affettwata l-allokazzjoni tal-fondi li, f’ċerti każi, huma l-uniku sors ta’ finanzjament għall-investiment. Il-KESE jappoġġja l-applikazzjoni tar-regoli tad-deheb biex jiġu esklużi b’mod provviżorju mill-patt fiskali (u/jew il-patt ta’ stabbiltà) il-kofinanzjament mill-Fondi Strutturali fir-reġjuni u l-Istati Membri li l-iżjed li ntlaqtu ħażin mir-reċessjoni (2).

    2.7.

    Huwa kruċjali li jsir monitoraġġ tar-riżultati miksubin. Il-KESE jtenni l-konvinzjoni ferma tiegħu li r-riżultati ta’ nofs it-term u dawk finali għandhom jiġu kkontrollati minn timijiet dinamiċi li jistgħu jressqu l-konklużjonijiet tagħhom f’summit Ewropew annwali (3) li jippromovi d-dibattitu u l-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura korrettiva meħtieġa.

    2.8.

    Il-politika ta’ koeżjoni għandha tiġi implimentata bis-sehem qawwi tal-imsieħba soċjali. Il-mudell ta’ governanza għall-programmi marbutin mal-politika ta’ koeżjoni għandhom jikkunsidraw l-allokazjoni ta’ għotjiet globali lis-soċjetà ċivili organizzata sabiex jipprovdu appoġġ li jkun qrib tal-komunitajiet u jimmira b’mod dirett lejn soluzzjoni għal problemi speċifiċi. Il-KESE ilu jirrakkomanda dan għal żmien twil iżda, sfortunatament, il-proposta tiegħu ma ntlaqgħetx mill-awtoritajiet tal-UE.

    2.9.

    Sabiex l-imsieħba soċjali jkunu jistgħu jsegwu l-progress miksub, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi adatti ta’ segwitu biex jiġi żgurat li ma jkunux biss sempliċement spettaturi, kif spiss jiġri, iżda jkunu jistgħu jaqdu rwol ġenwinament attiv. Il-kontribut tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata huwa kruċjali, mhux biss matul it-tfassil tal-programmi operattivi iżda wkoll waqt il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tar-riżultati. Is-sehem tal-imsieħba jinkoraġġixxi diskussjoni dwar id-diffikultajiet li jiffaċċjaw u l-proposti għat-titjib u s-semplifikazzjoni bil-għan li jtejbu l-aċċess għall-finanzjament Ewropew u għall-użu iżjed effiċjenti tal-fondi.

    2.10.

    Is-semplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tar-regoli marbutin mal-programmi, u l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri u l-formoli, huma kruċjali għat-titjib tar-riżultati. Il-Kummissjoni tista’ tissemplifika xi wħud mill-proċeduri, iżda r-rwol ewlieni huwa tal-Istati Membri, peress li r-regolamenti tal-UE jistabbilixxu possibbiltajiet u mhux obbligi. L-Istati Membri għandhom jiġu appoġġjati u inkoraġġiti jissemplifikaw il-proċeduri b’mod radikali u mhux iżidu dettalji bla bżonn; dawn l-isforzi jistgħu jiġu ssorveljati mill-Kummissjoni, preferebbilment permezz ta’ kontrolli rigorużi tar-riżultati pjuttost milli sempliċement kontrolli amministrattivi, fejn possibbli. Is-semplifikazzjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ miżura straordinarja (regolament ġdid) mill-Kunsill (4).

    2.11.

    Hemm diversi sitwazzjonijiet fejn wieħed jista’ japplika l-prinċipju tal-għoti ta’ investiment u l-valutazzjoni tal-eleġibbiltà tal-infiq bl-għażla li l-ħlas mill-ġdid isir abbażi ta’ spejjeż semplifikati (il-prinċipju tar-rata fissa), pereżempju rigward l-ispejjeż operattivi globali; l-infiq eliġibbli mbagħad jiddependi mir-riżultat, u mhux mill-allokazzjonijiet ta’ dokumenti abbazi tal-kriterji tal-allokazzjoni. L-Istati Membri għandhom jitħeġġew japplikaw din is-sistema fejn possibbli, u jiġu ssemplifikati l-proċeduri.

    2.12.

    Flimkien mas-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi li ma jżidu xejn mar-riżultati, għandu jiġi pprovdut taħriġ għall-intraprendituri (l-iżjed fi ħdan l-SMEs), l-impjegati tagħhom u l-uffiċjali pubbliċi. It-taħriġ huwa għodda fundamentali għall-komprensjoni tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament u għall-użu kif imiss tal-fondi disponibbli. B’mod partikolari, it-taħriġ tal-uffiċjali pubbliċi huwa kruċjali biex jintlaħaq l-għan tematiku ta’ amministrazzjoni pubblika aħjar.

    2.13.

    Ir-riżorsi li jiġu ffrankati bit-tnaqqis tal-burokrazija jistgħu jintużaw billi jitwaqqaf grupp fi ħdan il-Kummissjoni biex jgħin u jappoġġja l-pajjiżi u r-reġjuni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proġetti fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni. Dan il-grupp ta’ appoġġ lill-pajjiżi u r-reġjuni jista’, fl-aħħar istanza u f’każijiet ta’ inadempjenza, jieħu post l-awtoritajiet nazzjonali għall-ġestjoni tal-fondi Ewropej, fir-rigward kemm tal-ippjanar kif ukoll tal-implimentazzjoni tal-pjani u tal-iskedi.

    2.14.

    L-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni ma jistgħux jitkejlu biss minn indikaturi kwantitattivi. Il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali – l-aspett ċentrali tal-politika ta’ koeżjoni – tinkludi għanijiet li għandhom ikunu jistgħu jitkejlu wkoll permezz ta’ indikaturi kwalitattivi, li għandhom jitfasslu b’mod li jkejlu l-iżvilupp u mhux biss it-tkabbir. Pereżempju, mhuwiex biżżejjed li jitkejjel in-numru ta’ persuni qiegħda li kisbu taħriġ u impjieg; għandu jitkejjel ukoll l-impatt ta’ dan it-taħriġ fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien.

    2.15.

    Il-kundizzjonalità ex ante, li tintroduċi għadd ta’ kundizzjonijiet li għandhom ikunu fis-seħħ qabel ma l-fondi jkunu jistgħu jiġu lliberati, ma tistax tintuża biex jiġu esklużi wħud mill-iżjed reġjuni midjuna li ċ-ċirkustanzi ekonomiċi tagħhom jeskluduhom milli jinvestu jew jattiraw investiment sabiex joħolqu dawn il-kundizzjonijiet. Il-kundizzjonalità ex ante għandha tiġi applikata bl-akbar reqqa, jew anke tiġi sospiża għal ċertu perjodu, meta jkun hemm riskji ta’ kriżi u ta’ deflazzjoni, sabiex ma taggravax il-qagħda vulnerabbli ta’ ċerti reġjuni billi tinċaħdilhom il-possibbiltà li jiksbu finanzjament li jippromovi t-tkabbir, għax dan jaggrava l-problemi tagħhom.

    2.16.

    Il-kundizzjonalità makroekonomika ma għandhiex tintuża biex tippenalizza r-reġjuni u l-abitanti tagħhom għal deċiżjonijiet makroekonomiċi ħżiena meħudin fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-UE (5).

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    L-introduzzjoni ta’ riformi għall-politika ta’ koeżjoni diġà ġiet indirizzata fil-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u l-KESE kellu l-opportunità japprova l-approċċ ġenerali.

    3.2.

    Il-politika ta’ koeżjoni tiġi ppreżentata bħala l-ixprun prinċipali tat-tkabbir. Madankollu, ma għandniex ninsew li tirnexxi f’dan biss jekk timxi id f’id ma’ politiki oħra tal-UE. Għalkemm huwa importanti li l-politika ta’ koeżjoni tiffoka fuq il-miri tal-Ewropa 2020, dan mhuwiex biżżejjed: jeħtieġ li jiġu stabbiliti strateġiji konġunti ta’ implimentazzjoni mal-istrumenti u l-politiki ekonomiċi, soċjali u territorjali l-oħra.

    3.3.

    Tinħtieġ attenzjoni speċjali meta tkun qed tiġi implimentata l-politika ta’ koeżjoni fil-pajjiżi li l-iżjed li ntlaqtu ħażin mill-kriżi, li qegħdin jissieltu ma’ sforzi fil-qasam tal-koordinazzjoni fiskali li qed jaffettwaw l-investiment pubbliku. Il-bilanċ bejn l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-addizzjonalità u l-bżonn tal-konsolidazzjoni fiskali huwa fraġli; in-nuqqas li jiġu kkoordinati l-għanijiet u l-mezzi biex jintlaħqu jistgħu jaffettwaw il-konsolidazzjoni fiskali u/jew iġibu fix-xejn l-effetti potenzjali tal-politika ta’ koeżjoni.

    3.4.

    Għalkemm tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-politika ta’ koeżjoni fl-iżvilupp tal-iżjed reġjuni żvantaġġati, f’ċerti reġjuni dan it-tkabbir seta’ ssaħħaħ iżjed kieku kien hemm kundizzjonijiet orjentati iżjed lejn l-iżvilupp. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon u jappoġġja l-introduzzjoni tal-preokkupazzjoni f’dak li jirrigwarda l-governanza tajba, b’konformità mal-linji gwida maħruġin mill-OECD.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.

    Għad fadal ħafna xi jsir qabel ma l-Ewropa terġa’ lura għal-livelli li kienet laħqet qabel il-kriżi f’dak li jirrigwarda l-iżvilupp, l-impjieg u l-ġid. It-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv – prijorità tal-Istrateġija Ewropa 2020 – issa qed jiġi appoġġjat mill-allinjament mill-ġdid tal-politika ta’ koeżjoni.

    4.2.

    Is-sitt rapport għadu ma jivvalutax l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2007-2013, peress li l-valutazzjoni ex post mhux ser tibda qabel l-2015. Madankollu, skont id-data mressqa, huwa ċar li l-kriżi kellha impatt kbir ħafna u li l-politika ta’ koeżjoni ma kenitx kapaċi tiġġieled l-effetti tagħha b’mod adegwat; għalhekk, id-differenzi baqgħu hemm u f’xi każi saħansitra marru għall-agħar.

    4.3.

    Hija essenzjali definizzjoni ċara tal-istrateġiji għal kull qasam ta’ investiment, li tikkunsidra l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull reġjun. Kif tgħid il-Kummissjoni: “il-proġetti għandhom isegwu l-istrateġiji u mhux bil-maqlub”. Iżda, mhux biżżejjed li jiġu definiti l-istrateġiji. Jeħtieġ li jinħoloq qafas regolatorju adatt; dan irid ikun strett, mingħajr ma jimponi proċeduri burokratiċi bla bżonn u mingħajr l-ebda inċentiv. Kif tgħid il-Komunikazzjoni, huwa essenzjali li l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni joperaw f’ambjent favorevoli. Jeħtieġ li l-Kummissjoni tkun stretta mal-pajjiżi li jonqsu milli jikkonformaw, sabiex jiġi evitat li jinħlew il-fondi, peress li l-Istati Membri li huma l-kontributuri netti mhux ser jaċċettaw dan.

    4.4.

    Prinċipju ġdid tal-politika ta’ koeżjoni jikkonċerna l-benefiċċji li jiġi appoġġjat għadd limitat ta’ prijoritajiet, peress li ma hemmx riżorsi biżżejjed biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet kollha tar-reġjuni l-inqas żviluppati. Meta r-riżorsi jiġu ffukati fuq l-appoġġ għal proġetti li għandhom impatt qawwi u b’effetti soċjoekonomiċi dewwiema, hemm ċerti vantaġġi, fis-sens li jissolvew problemi speċifiċi. Madankollu, dan it-tip ta’ approċċ jista’ jkun kontroproduttiv f’ċerti każi: f’pajjiżi li r-reġjuni tagħhom għandhom livelli differenti ta’ żvilupp, fejn l-investiment privat huwa dgħajjef, il-konċentrazzjoni esaġerata tar-riżorsi tnaqqas it-tkabbir u l-iżvilupp f’żoni u setturi li kieku kienu jibbenefikaw mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, li jgħinuhom jikkonverġu u jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-iżvilupp integrat.

    4.5.

    Filwaqt li jiġi pprovduti ċifri differenti dwar l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni, l-impatt ġenwin tal-investiment għadu diffiċli biex jiġi kkwantifikat, u dan juri li l-għażla tal-indikaturi probabbli ma kenitx l-iżjed waħda adatta. Il-KESE bi pjaċir jinnota li dan donnu qed jinbidel, kif tixhed l-intenzjoni li jiġu definiti għanijiet u riżultati li jridu jinkisbu ċari u miżurabbli. Jeħtieġ li l-prijoritajiet, l-indikaturi u l-miri stabbiliti fil-ftehimiet ta’ sħubija jiġu ssorveljati matul iż-żmien sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri korrettivi fejn meħtieġ, għall-obbligu ġenwin ta’ rendikont min-naħa tal-Istati Membri dwar ir-riżultati u l-affidabbiltà tal-monitoraġġ tal-miżuri.

    4.6.

    Madankollu, l-għażla tal-indikaturi ma għandhiex tkun limitata għal dawk kwantitattivi biss. Għalkemm il-kwantità hija l-aspett ideali għall-kejl tat-tkabbir, l-iżvilupp jitlob l-użu ta’ indikaturi kwalitattivi u dawn ma għandhomx jingħataw il-ġenb.

    4.7.

    Il-Komunikazzjoni ssemmi l-bliet bħala xprun għat-tkabbir. Il-bliet ser jirċievu madwar nofs il-fondi disponibbli fil-qafas tal-FEŻR. L-investiment fil-bliet u fil-potenzjal tagħhom bħala xprun għandu jintlaqa’ tajjeb, iżda b’ċerti riżervi. Il-KESE josserva li dan l-investiment jitlob attenzjoni sabiex jiġi żgurat li ma jinkoraġġixxix tendenzi mhux mixtieqa ta’ ċentralizzazzjoni. Filwaqt li huwa minnu li l-ġibda tan-nies lejn il-bliet tista’ tħeġġeġ l-iżvilupp, huwa minnu wkoll li l-popolazzjoni eċċessiva taggrava l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ investiment f’reġjuni li ma humiex daqstant ċentrali jhedded il-kwalità ta’ ħajjet ir-residenti, li jwassal lil iżjed minnhom biex imorru jgħixu fil-bliet il-kbar u ma jibqgħux jaħdmu fl-agrikoltura, is-sajd jew is-setturi industrijali li huma essenzjali għall-iżvilupp tal-UE.

    4.8.

    L-inklużjoni aħjar tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili hija enfasizzata bħala prinċipju fundamentali tal-politika ta’ koeżjoni. F’Jannar 2014 il-Kummissjoni ppubblikat regolament ta’ delega dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (6). L-analiżi tad-dokument twassal għall-konklużjoni li ma fih l-ebda innovazzjoni maġġuri għall-prattika attwali. Huwa jelenka prinċipji fundamentali għall-għażla u s-sehem tal-imsieħba, flimkien ma’ xi prattiki tajbin, iżda ma jiddeskrivi l-ebda mekkaniżmu vinkolanti għal segwitu mill-imsieħba soċjali. Fil-fatt, f’ħafna Stati Membri l-atturi soċjali għadhom jaqdu biss rwol simboliku fid-deċiżjonijiet: il-konsultazzjoni ssir, iżda ma tiġix ikkunsidrata l-fehma ta’ dawk li jkunu l-eqreb tas-sitwazzjoni fil-post u l-iżjed midħla tal-problemi. Minkejja dawn id-diffikultajiet, il-KESE jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għat-tixrid tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi tal-Kondotta Ewropea.

    4.9.

    Il-KESE diġà stqarr il-konvinzjoni ferma tiegħu li l-parteċipazzjoni tal-imsieħba u l-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili organizzata kollha fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ex post tal-programmi u l-proġetti tgħin biex ittejjeb il-kwalità u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom (7).

    4.10.

    Jeħtieġ li titnaqqas il-burokrazija. Billi jużaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar, il-programmi għandhom jiffukaw fuq il-monitoraġġ tar-riżultati miksubin, bl-użu ta’ proċeduri amministrattivi kollhom xkiel li jitolbu strutturi kbar immens u għaljin, pubbliċi u privati. Il-burokrazija hija ostaklu ġenwin għall-parteċipazzjoni għal bosta intraprendituri, kif ukoll għal amministrazzjoni pubblika effiċjenti. Is-semplifikazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri, ir-regoli u l-formoli huma possibbli u mixtieqa.

    5.   Governanza tajba: sfida ġdida għall-perjodu 2014–20

    5.1.

    Għalkemm hemm żewġ modi ta’ ħsieb dwar l-importanza u l-influwenza tal-governanza tajba għat-tkabbir ekonomiku, iżjed u iżjed nies qed isiru tal-fehma li governanza tajba u istituzzjonijiet pubbliċi effiċjenti huma prerekwiżit għal tkabbir ekonomiku b’saħħtu. Il-KESE jaqbel ma’ din il-fehma.

    5.2.

    L-iżgurar taċ-ċertezza legali u ta’ sistema ġudizzjarja indipendenti u r-regolazzjoni b’mod adatt u stabbli inaqqsu l-ħela amministrattiva u joħolqu sens ta’ stabbiltà li jkun propizju għall-investiment, li jaffettwa b’mod dirett il-politika ta’ koeżjoni.

    5.3.

    Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni tal-preokkupazzjoni għall-governanza tajba fil-politika ta’ koeżjoni, kif minqux fil-prinċipji għal investiment pubbliku effettiv stabbiliti mill-OECD, peress li dan huwa bżonn trasversali. L-implimentazzjoni ta’ proġetti u negozji ġodda hija iżjed faċli għal ċerti Stati Membri milli għal oħrajn. Dawn id-diskrepanzi għandhom jispiċċaw, peress li l-governanza dgħajfa għandha impatt mhux biss fuq is-suq domestiku iżda wkoll fuq is-suq uniku tal-UE, u toħloq ostakli għall-operaturi minn Stati Membri oħra.

    5.4.

    F’ċerti Stati Membri hemm bżonn li tittejjeb il-koordinazzjoni fil-livell reġjonali, jiġifieri governanza reġjonali effettiva li taġixxi bħala pont bejn il-gvern nazzjonali u lokali, li tkun kapaċi tiddelinja strateġiji reġjonali li huma importanti għall-iżvilupp u l-konverġenza reġjonali. Ta’ spiss, il-gvern ċentrali ma jkunx jista’ jinterpreta l-bżonnijiet u l-prijoritajiet tar-reġjuni, iżda f’ċerti każi ma jagħtix is-setgħat meħtieġa lill-awtoritajiet reġjonali, li jaġixxu biss bħala mezz għat-tixrid tal-ideat tal-awtorità politika fil-livell nazzjonali, mingħajr l-ebda valur miżjud għar-reġjun.

    5.5.

    Fil-kuntest tal-preokkupazzjonijiet il-ġodda għall-governanza tajba, ma għandux jintesa li amministrazzjoni pubblika iżjed effiċjenti tinkiseb biss jekk it-taħriġ għall-uffiċjali pubbliċi jimxi id f’id mal-impenn politiku li jitwettaq it-tibdil regolatorju meħtieġ.

    Brussell, il-21 ta’ Jannar 2015.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 10.

    (2)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10.

    (3)  ĠU C 248, 25.8.2011, p. 68.

    (4)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 23.

    (5)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 30.

    (6)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 240/2014 (ĠU L 74, 14.3.2014, p. 1).

    (7)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 23.


    Top