EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XX1026(02)

Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta – Outokumpu/Inoxum (COMP/M.6471)

ĠU C 312, 26.10.2013, p. 5–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 312, 26.10.2013, p. 4–4 (HR)

26.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 312/5


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Outokumpu/Inoxum

(COMP/M.6471)

2013/C 312/05

1.   SFOND

(1)

Fl-10 ta' April 2012, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) (“ir-Regolament dwar l-Għaqdiet”) li permezz tagħha l-impriża Outokumpu Oyj (“il-Parti Notifikanti”) takkwista fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll sħiħ tal-impriża Inoxum GmbH u Nirosta GmbH (flimkien “Inoxum”), id-Diviżjoni tal-azzar inossidabbli ta' ThyssenKrupp AG (“TK”) permezz tax-xiri ta' ishma (“it-tranżazzjoni proposta”) (3). Il-Parti Notifikanti u Inoxum issir referenza għalihom minn hawn 'il quddiem bħala “il-Partijiet”.

2.   PROĊEDURA BIL-MIKTUB

(2)

Fuq il-bażi ta' investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni qajmet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tat-tranżazzjoni mas-suq intern u adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet fil-21 ta' Mejju 2012 (4). Il-Parti Notifikanti ssottomettiet il-kummenti tagħha bil-miktub fuq id-deċiżjoni tal-Artikolu 6(1)(c) fl-4 ta' Ġunju 2012. Matul il-fażi II tal-investigazzjoni, kien hemm skambji informali ta' informazzjoni fuq bażi regolari bejn id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (“id-DĠ Kompetizzjoni”) u l-Partijiet, kif ukoll telefonati ta' aġġornament ta' kull ġimgħa.

(3)

Id-DĠ Kompetizzjoni bagħat ukoll lill-Partijiet diversi talbiet formali għall-informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Laqgħa dwar is-sitwazzjoni attwali bejn id-DĠ Kompetizzjoni u l-Partijiet saret fit-8 ta' Ġunju 2012. It-tieni laqgħa dwar il-qagħda attwali seħħet fis-6 ta' Awwissu 2012.

(4)

Intbagħtet dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet lill-Partijiet fid-9 ta' Awwissu 2012 (“id-DO”).

2.1.   Aċċess għal fajl: tweġibiet redatti f’ċerti kwestjonarji dwar is-suq

(5)

Il-Parti Notifikanti rċeviet aċċess għall-fajl permezz ta' CD-ROM fl-10 ta' Awwissu 2012.

(6)

Fit-13 ta' Awwissu 2012, il-Parti Notifikanti talbet kjarifika rigward it-tweġibiet redatti f’ċerti kwestjonarji tas-suq u aktar aċċess għalihom. Sabiex ikunu indirizzati l-kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità potenzjali, il-Parti Notifikanti ssuġġeriet aċċess ristrett għall-konsulenti esterni tagħha biss. Wara skambju ta' emails u telefonati, id-DĠ Kompetizzjoni aċċetta li jagħti lill-konsulenti esterni tal-Parti Notifikanti aktar aċċess soġġett għal ftehim ta' kunfidenzjalità. L-aċċess ingħata fil-21 ta' Awwissu 2012. Fit-28 ta' Awwissu 2012, il-Parti Notifikanti lmentat lili li l-aċċess għall-fajl kien ġie ttardjat bla ġustifikazzjoni, u li dan kien dgħajjef il-kapaċità tal-Parti Notifikanti sabiex teżerċita b'mod sħiħ id-drittijiet ta' difiża tagħha.

Kuntest fattwali

(7)

Matul l-investigazzjoni tiegħu tal-każ, id-DĠ Kompetizzjoni bagħat għadd ta' kwestjonarji lill-kompetituri, lill-klijenti u lil parteċipanti oħra fis-suq. Dawn il-kwestjonarji ntbagħtu f’żewġ formati, jiġifieri bħala “kwestjonarji elettroniċi” u “kwestjonarji word” (jiġifieri f’format MS Word). It-tilwim proċedurali jikkonċerna biss il-kwestjonarji elettroniċi.

(8)

Il-kwestjonarji elettroniċi kien fihom prinċipalment żewġ tipi ta' mistoqsijiet; tal-ewwel tip kienu jirrikjedu tweġiba ttajpjata filwaqt li tat-tieni tip kienu jirrikjedu reazzjoni f’format ta' tabella. Il-kwestjonarji elettroniċi kienu akkumpanjati minn nota ta' spjegazzjoni dwar kif għandek twieġeb il-mistoqsijiet, partikolarment dwar kif jiġu ttrattati l-kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità. Fiż-żewġ formati ta' mistoqsijiet, il-kwestjonarju elettroniku, kien jitlob lil dawk li wieġbu sabiex jindikaw jekk it-tweġibiet kinux meqjusa bħala kunfidenzjali jew le u, jekk iva, sabiex jipprovdu verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tweġiba. Madankollu, meta rċieva l-kwestjonarji elettroniċi mimlija, id-DĠ għall-Kompetizzjoni sab li dawn ma kinux ġew mimlija sewwa minn ħafna minn dawk li wieġbu u ddeċieda li jwettaq redazzjonijiet addizzjonali sabiex jikkonforma mal-obbligu tiegħu li ma jiżvelax informazzjoni kunfidenzjali tal-partijiet. Id-DĠ Kompetizzjoni rċieva risposti li ġeneralment jistgħu jiġu kklassifikati fi tliet kategoriji:

L-ewwel kategorija kienet tinkludi dawk li wieġbu b'mod korrett għall-kwestjonarji elettroniċi u pprovdew verżjonijiet mhux kunfidenzjali xierqa meta mitluba mill-formoli (informazzjoni tal-kategorija I).

It-tieni kategorija kienet tinkludi lil dawk li wieġbu u li kienu indikaw li ċerti reazzjonijiet kienu kunfidenzjali, iżda pprovdew kopja eżatta tar-rispons kunfidenzjali tagħhom bħala r-rispons mhux kunfidenzjali tagħhom (jiġifieri minkejja li indikaw li r-risposta kienet kunfidenzjali, ma saru l-ebda redazzjonijiet għar-rispons kunfidenzjali) (informazzjoni tal-kategorija II) (5).

It-tielet kategorija inkludiet lil dawk li wieġbu u li kienu indikaw li ċerti risposti ma kinux kunfidenzjali, iżda fejn id-DĠ Kompetizzjoni kien tal-opinjoni li dawn it-tweġibiet kienu, fil-fatt, kunfidenzjali vis-à-vis l-partijiet (informazzjoni tal-kategorija III).

(9)

Id-DĠ Kompetizzjoni għalhekk għamel redazzjonijiet addizzjonali ex officio għall-informazzjoni tal-kategoriji II u III.

(10)

Fiż-żmien tal-aċċess għall-fajl fl-10 ta' Awwissu 2012, il-Partijiet ma ġewx infurmati b'dan l-eżerċizzju unilaterali ta' redazzjoni li twettaq mid-DĠ Kompetizzjoni. Kien biss matul il-kors tal-iskambji tal-email u l-konverżazzjonijiet telefoniċi li seħħew wara li ngħata aċċess għall-fajl li sar ċar lill-Partijiet li d-DĠ Kompetizzjoni kien għamel redazzjoni ta' informazzjoni li dawk li rrispondew ma kinux espressament immarkaw bħala kunfidenzjali. Id-DĠ Kompetizzjoni aċċetta s-suġġeriment tal-Parti Notifikanti li jiġi pprovdut aċċess għall-konsulenti esterni għall-verżjonijiet mhux redatti tar-risposti tal-kwestjonarju elettroniku li kien irċieva, viz. il-verżjonijiet li kienu ppreżentati minn dawk li wieġbu qabel l-eżerċizzju ta' redazzjon tad-DĠ Kompetizzjoni, bil-kundizzjoni li l-konsulenti esterni jiffirmaw ftehim ta' kunfidenzjalità. Tali aċċess ingħata fil-21 ta' Awwissu 2012.

Ilment

(11)

L-ilment tal-Parti Notifikanti kien jirreferi speċifikament għall-informazzjoni tal-kategorija III deskritta hawn fuq. Il-Parti Notifikanti ma qablitx mad-“deċiżjoni unilaterali tal-Kummissjoni li twettaq redazzjoni ta' għadd kbir ta' risposti li ma kinux meqjusa bħala kunfidenzjali minn dawk stess li wieġbu” u qalet li l-Kummissjoni kellha tindirizza din il-kwistjoni mal-Parti Notifikanti qabel ma ngħata l-aċċess għall-fajl.

(12)

Dwar l-ewwel punt, il-Parti Notifikanti ssottomettiet li l-Kummissjoni tista' biss tagħmel redazzjoni ta' dik l-informazzjoni li hija mmarkata bħala mhux kunfidenzjali f’sitwazzjonijiet fejn ma jkunx possibbli li jinkiseb il-kunsens tal-fornitur tad-dejta għar-redazzjonijiet proposti. Barra minn hekk, hija ressqet l-argument li l-Kummissjoni għandha tipprovdi raġunijiet speċifiċi għal kwalunkwe redazzjoni unilaterali.

Valutazzjoni

(13)

Wara li investigajt il-kwistjoni, jien konvint li, f’dan il-każ, kien hemm tħassib iġġustifikat li l-fornituri tal-informazzjoni tal-kategorija II ma kinux fehmu sewwa kif iħejju l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tat-tweġibiet li kienu mmarkaw bħala kunfidenzjali. Fir-rigward tal-informazzjoni tal-kategorija III, kien hemm ukoll tħassib iġġustifikat li dawk li pprovdew it-tagħrif kienu naqsu milli jidentifikaw l-informazzjoni li kienet kunfidenzali.

(14)

Minħabba l-obbligu tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li tipproteġi s-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra, u minħabba l-limiti taż-żmien li għamluha impossibbli li jiġu kkuntattjati l-fornituri kollha tal-informazzjoni sabiex tiġi ċċarata l-kwistjoni magħhom (6), kien fil-fehma tiegħi xieraq li d-DĠ Kompetizzjoni jagħmel redazzjonijiet ex officio.

(15)

Madankollu, id-DĠ Kompetizzjoni kellu jirreġistra fuq il-fajl aċċessibbli liema redazzjonijiet kien għamel, u r-raġunijiet għal dan, u kellu jinforma b'mod sħiħ lill-Partijiet. Tabilħaqq, filwaqt li l-ħtieġa għal veloċità fi proċeduri ta' fużjoni tista' tiġġustifika redazzjonijiet ex officio, ma tistax tiġġustifika li ma jiġux infurmati l-Partijiet fil-proċedimenti dwar dawn ir-redazzjonijiet, u r-raġunijiet għalihom (7). Kieku l-partijiet kienu ġew mgħarrfa dwar il-kwistjoni qabel l-aċċess għall-fajl, is-soluzzjoni tal-għoti ta' aċċess sħiħ biss lill-konsulenti esterni tal-Parti Notifikanti suġġett għal ftehim ta' kunfidenzjalità setgħet tinkiseb diġà f’dak il-punt.

(16)

Filwaqt li jista' jingħad li kien hemm irregolarità proċedurali fit-tmexxija ta' dan il-każ, inqis li tali irregolarità fil-proċedura fil-fatt ma kisritx id-drittijiet ta' difiża tal-Partijiet fil-każ preżenti, minħabba li (i) il-Partijiet aċċettaw il-proċedura tal-aċċess ristrett u b'hekk il-konsulenti esterni tagħhom setgħu jaraw u jikkummentaw dwar ir-risposti għall-kwestjonarju elettroniku fil-forma mhux kunfidenzjali oriġinali tagħhom kif ippreżentati minn dawk li ressqu d-dejta lill-Kummissjoni; (ii) Il-partijiet ma talbux estensjoni ta' żmien fir-rigward tal-aċċess addizzjonali; u (iii) ma hemmx indikazzjonijiet li l-partijiet ma kinux kapaċi jikkummentaw b’mod sħiħ dwar l-informazzjoni addizzjonali li ngħataw.

2.2.   Ittra tal-Fatti

(17)

Fit-23 ta' Awwissu 2012, fil-17h39 – inqas minn 24 siegħa qabel l-iskadenza għat-tweġiba għad-DO – id-DĠ Kompetizzjoni bagħat lill-Parti Notifikanti dokument intitolat “Ittra tal-Fatti”, li l-għan iddikjarat tagħha kien li tinforma lill-parti notifikanti dwar elementi fattwali pre-eżistenti li ma kenitx espressament qagħdet fuqhom fid-DO iżda li, fuq iktar analiżi tal-fajl, il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li kienu potenzjalment rilevanti sabiex jissostanzjaw id-deċiżjoni finali tagħha. Barra minn hekk, l-ittra indikat li l-Ittra tal-Fatti kienet stabbiliet ukoll għadd ta' korrezzjonijiet għad-DO, fejn kienu ġew identifikati żbalji f’ċerti paragrafi kif ukoll kjarifika tal-informazzjoni mniżżla fid-DO, li ma kinux jibdlu l-konklużjonijiet miġbura fih.

(18)

L-Ittra tal-Fatti fil-fatt kellha żewġ partijiet: L-ewwel parti tal-Ittra tal-Fatti kellha t-titolu “Informazzjoni/evidenza ġdida li tikkonferma l-oġġezzjonijiet diġà stabbiliti fid-DO”, u inkludiet lista ta' kwotazzjonijiet minn dokumenti fil-fajl tal-Kummissjoni, raggruppati taħt l-intestaturi bħal “Paragrafi 318-328 (BA)” jew “Paragrafi 383-403 ([kunfidenzjali])”, preċeduti biss minn stqarrija li “il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni ta' [il-Parti Notifikanti] fuq l-evidenza addizzjonali li ġejja fir-rigward tal-paragrafi tad-DO indikati hawn taħt”.

(19)

It-tieni parti tal-Ittra tal-Fatti kienet intitolata “Kjarifika tal-informazzjoni mniżżla fid-DO li ma tibdilx il-konklużjonijiet meħuda fid-DO” u kienet tikkonsisti prinċipalment f'sostituti testwali għal paragrafi speċifiċi tad-DO li kien intqal li fihom żbalji.

(20)

Il-Parti Notifikanti ngħatat sat-28 ta' Awwissu 2012 f'nofsinhar (jiġifieri, jum u nofs tax-xogħol wara l-iskadenza għat-tweġiba għad-DO) biex teżamina l-elementi fattwali addizzjonali u biex tagħti l-opinjonijiet tagħha fuq il-fatti kif ukoll fuq il-konklużjonijiet li t-tim inkarigat mill-każ silet minnhom.

Ilment

(21)

Il-Parti Notifikanti wieġbet għall-Ittra tal-Fatti fit-28 ta' Awwissu 2012. Fit-tweġiba tagħha, il-Parti Notifikanti qajmet “kwistjonijiet proċedurali serji” fir-rigward tal-approċċ segwit mit-tim inkarigat mill-każ. Permezz ta' ittra separata datata t-28 ta' Awwissu 2012, il-Parti Notifikanti lmentat lili dwar “irregolaritajiet proċedurali serji” billi (i) l-Ittra tal-Fatti ma introduċietx evidenza “ġdida”, iżda kienet tinkludi biss elementi diġà disponibbli lill-Kummissjoni qabel ma kkumpilat id-DO, (ii) l-Ittra tal-Fatti ma spjegatx il-konklużjonijiet misluta mill-Kummissjoni mill-evidenza “l-ġdida”, (iii) il-kjarifiki fit-tieni parti tal-Ittra tal-Fatti bidlu l-konklużjonijiet li wasal għalihom id-DO, u (iv), il-paragrafi l-ġodda sostitwiti tad-DO ukoll kien fihom żbalji (li għalihom il-Parti Notifikanti pprovdiet il-korrezzjonijiet).

Valutazzjoni

(22)

Fir-rigward tat-tieni parti tal-Ittra tal-Fatti (8), inqis li, fejn il-Kummissjoni tiskopri żbalji klerikali jew tal-għadd jew tal-kalkolu f'DO li tkun bagħtet, huwa normali li hija tinforma lid-destinatarji tad-DO b'dawn l-iżbalji u tikkoreġihom mill-aktar fis possibbli. Skont iċ-ċirkostanzi, dan jista' joħloq il-bżonn li tiġi estiża l-iskadenza għar-risposti għad-DO. Fil-każ preżenti, il-Parti Notifikanti ma talbitx estensjoni la tad-data tal-għeluq biex twieġeb għad-DO u lanqas tal-iskadenza addizzjonali biex tiġi mwieġba l-Ittra tal-Fatti. Kif huwa evidenti mir-rispons għall-Ittra tal-Fatti, il-Parti Notifikanti fil-fatt kienet kompletament kapaċi tirrispondi għall-corrigendum.

(23)

Rigward l-ewwel parti tal-ittra tal-fatti, hemm żewġ kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati: (i) il-fatt li l-Ittra tal-Fatti ntbagħtet qabel il-partijiet kienu wieġbu għad-DO u kien fiha informazzjoni li kienet diġà fil-fajl tal-Kummissjoni meta dan kien abbozzat, u (ii) in-nuqqas ta' spjegazzjonijiet rigward il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni kien bi ħsiebha tiġbed minn biċċiet ta' evidenza.

(24)

L-ewwel, il-qrati tal-UE għarfu li ma hemm l-ebda dispożizzjoni li twaqqaf lill-Kummissjoni milli tibgħat lill-partijiet wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dokumenti ġodda li tqis li jappoġġjaw l-argument tagħha, sakemm tagħti lill-impriżi ż-żmien meħtieġ biex jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom dwar is-suġġett (9).

(25)

Madankollu, fil-fehma tiegħi hemm differenza bejn is-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tidentifika u tikkomunika evidenza ġdida b'reazzjoni għar-risposta għad-DO mressqa mill-Partijiet, u sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tagħmel dan qabel il-partijiet ikunu rrispondew għad-DO. Jagħmel differenza rilevanti wkoll jekk l-evidenza l-ġdida tkunx saret disponibbli biss wara li tkun intbagħtet id-DO għal raġunijiet barra mill-kontroll tal-Kummissjoni, pereżempju minħabba reazzjoni tard minn parti terza li tipprovdi l-informazzjoni, jew jekk l-informazzjoni tkunx diġà disponibbli waqt l-abbozzar tad-DO.

(26)

Li tintbagħat ittra tal-fatti qabel tweġiba għad-DO, li jkun fiha tagħrif li kien diġà fil-fajl meta dan kien abbozzat, mingħajr ma jingħata limitu ta' żmien ġdid biex tingħata risposta għad-DO ta' tul indaqs bħal-limitu ta' żmien inizjali, jammonta fl-opinjoni tiegħi għal ċirkumvenzjoni tal-iskadenzi normali sabiex tintbagħat id-DO u r-reazzjoni għaliha. Għalhekk, dan għandu fil-fehma tiegħi jkun evitat.

(27)

It-tieni, huwa ċar li l-Kummissjoni ma tistax tuża evidenza fid-deċiżjoni finali tagħha li l-partijiet ma jkunux tħallew jagħtu l-fehmiet tagħhom dwarha. Skont il-każistika rilevanti, “il-punt importanti mhuwiex id-dokumenti bħala tali iżda l-konklużjonijiet li l-Kummissjoni tislet minnhom” (10).

(28)

Fil-fehma tiegħi, sempliċi referenza fl-ewwel parti tal-Ittra tal-Fatti għan-numri tal-paragrafi fid-DO (ara l-punt 18 hawn fuq) ma tkunx biżżejjed bħala spjegazzjoni ta' x'konklużjonijiet il-Kummissjoni kien bi ħsiebha tislet mill-biċċiet ta' evidenza kkwotati.

(29)

Madankollu, il-Kummissjoni ddeterminat fl-aħħar li l-evidenza li hemm fl-ewwel parti tal-Ittra tal-Fatti ma kenitx neċessarja sabiex tappoġġa l-abbozz tad-deċiżjoni. Peress li din l-evidenza ma ntużatx mill-Kummissjoni fl-abbozz tad-deċiżjoni, id-drittijiet proċedurali tal-Partijiet, speċifikament id-dritt tagħhom li jinstemgħu, għaldaqstant ma saritilhomx ħsara.

3.   PROĊEDURA ORALI

(30)

Is-seduta ta' smigħ orali formali saret fit-30 ta' Awwissu 2012 u attendew għaliha: il-Partijiet u l-konsulenti legali u ekonomiċi tagħhom; is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni; u rappreżentanti mill-awtoritajiet kompetenti ta' sitt Stati Membri, jiġifieri il-Ġermanja, Franza, l-Ungerija, il-Polonja, il-Finlandja u l-Isvezja.

4.   PROĊEDURA WARA S-SMIGĦ ORALI FORMALI

4.1.   Rimedji

(31)

Il-Kummissjoni u l-partijiet bdew diskussjonijiet dwar rimedji possibbli ftit qabel il-ħruġ tad-DO. Fid-19 ta' Settembru 2012, il-Parti Notifikanti ssottomettiet pakkett ta' rimedju formali li jikkonsisti fit-tneħħija ta' taħlita tal-assi tagħha fl-Isvezja, l-Italja, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u Franza. Il-Kummissjoni nediet test tas-suq dwar din il-proposta ta' rimedju fl-20 ta' Settembru 2012. Fuq is-suġġeriment tal-Kummissjoni, il-Partijiet ħatru wkoll esperti sabiex jagħtu analiżi indipendenti tar-rimedji. Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rimedji mressqa fid-19 ta' Settembru 2012 ma kinux isolvu t-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni, peress li qajmu dubji serji dwar jekk l-assi li kellhom jiġu divestiti kinux se jkunu kompetittivi u vijabbli fil-forma proposta mill-partijiet, jekk setax jinstab xerrej xieraq, u jekk tali xerrej kienx ikollu l-kapaċità u l-inċentiv li jikkompeti b’mod effettiv u fuq bażi għat-tul fis-suq tas-CR taż-ŻEE.

(32)

Il-partijiet, għalhekk, ressqu lill-Kummissjoni rimedji riveduti, rispettivament, fl-1 u d-9 ta' Ottubru 2012. Dawn l-offerti riveduti, madankollu, ma biddlux il-valutazzjoni inizjali tal-Kummissjoni.

(33)

Fid-19 ta' Ottubru 2012, il-Parti Notifikanti ssottomettiet aktar rimedji riveduti, li kienu jinkludu offerta iktar estiża ta' assi għaċ-ċessjoni, b'mod partikolari, fir-rigward ta' ċerti linji ta' produzzjoni fis-sit tal-produzzjoni ta' Inoxum f'Terni, l-Italja. Il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rimedji riveduti tad-19 ta' Ottubru 2012 kienu biżżejjed biex jindirizzaw it-tħassib li l-Kummissjoni kienet qajmet fir-rigward tal-kompatibbiltà tat-tranżazzjoni proposta mas-suq intern.

5.   ABBOZZ TA' DEĊIŻJONI

(34)

Skont l-Artikolu 16(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, ir-Rapport Finali għandu jikkunsidra jekk l-abbozz tad-deċiżjoni jittrattax biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ingħataw l-opportunità li jgħarrfu l-opinjonijiet tagħhom.

(35)

Wara reviżjoni tal-abbozz tad-deċiżjoni, jiena tal-fehma li din ma tittrattax xi oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ma ngħatawx l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.

6.   KONKLUŻJONI

(36)

Nikkonkludi li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-Partijiet f’dan il-każ ġie rrispettat.

Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2012.

Wouter WILS


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta' referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p.29) (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

(2)  ĠU L 24, 29.1.2004, p.1.

(3)  ĠU C 116, 20.4.2012, p.4.

(4)  ĠU C 154, 31.5.2012, p.2.

(5)  Il-kwestjonarji elettroniċi awtomatikament iwettqu copy/paste tar-rispons kunfidenzjali fil-kaxxa tar-rispons mhux kunfidenzjali meta min wieġeb jindika li r-rispons tiegħu huwa kunfidenzjali, għalhekk huwa f'idejn il-konvenut li jagħmel redazzjoni ta' kwalunkwe informazzjoni li tkun kunfidenzjali. Jekk ir-rispondent ma jirrispondix għat-talba mill-kwestjonarju elettroniku, il-verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tweġiba tirrifletti l-verżjoni kunfidenzjali.

(6)  Kif irrikonoxxew il-qrati tal-UE, it-tmexxija ta' proċeduri f'każijiet ta' fużjoni, inkluż l-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ, għandha tiġi addattata għall-ħtieġa għal veloċità, li tikkaratterizza l-iskema ġenerali tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u li tobbliga lill-Kummissjoni sabiex tikkonforma ma' limiti ta' żmien stretti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali: Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta' Novembru 1997 fil-Kawża T-290/94 Kaysersberg v il-Kummissjoni [1997] Ġabra II-2186, il-paragrafu 113, tat-28 ta' April 1999 fil-Kawża T-221/95, Endemol Entertainment v il-Kummissjoni [1999] Ġabra II-1330, paragrafu 84, tat-22 ta' Ottubru 2002 fil-Kawża T-310/01 Schneider Electric vs il-Kummissjoni [2002] Ġabra II-4071, paragrafu 100, u tal-4 ta' Frar 2009 fil-Kawża T-145/06 Omya v il-Kummissjoni [2009] Ġabra II-145, paragrafu 33, u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 2008, fil-Kawża C-413/06 P Bertelsmann u Sony Corporation of America vs il-Kummissjoni [2008] Ġabra I-4951, paragrafi 49 u 90-91.

(7)  Qabbel mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta' Ottubru 2002 fil-Kawża T-5/02 Tetra Laval v il-Kummissjoni [2002] Ġabra II-4389, paragrafu 105.

(8)  “Ittra tal-Fatti” jidher li hu isem żbaljat għal dak li fir-realtà kien Corrigendum għad-DO.

(9)  Kawża T-334/94 Sarrió vs Il-Kummissjoni [1998] Ġabra II-1439, paragrafi 40-41, u l-Kawża T-23/99 LR AF 1998 v il-Kummissjoni [2002] Ġabra II-1705, paragrafu 190.

(10)  Kawża 107/82, AEG Telefunken vs Il-Kummissjoni [1983] Ġabra 3151, paragrafu 27.


Top