EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XX0327(02)

Rapport finali tal-Uffiċjal tas-Seduta – COMP/39.230 – Réel/Alcan

ĠU C 89, 27.3.2013, p. 4–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/4


Rapport finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

COMP/39.230 – Réel/Alcan

2013/C 89/05

(1)

Dan il-proċediment jikkonċerna rabta kuntrattwali bejn it-teknoloġija tat-tidwib tal-aluminju ma’ tagħmir għall-maniġġ fil-funderiji tal-aluminju.

(2)

Il-każ joriġina minn ilment mibgħut fl-2005 mill-Group Réel, manifattur Franko-Ġermaniż ta’ krejnijiet speċjalizzati għall-impjanti ta’ riduzzjoni tal-aluminju. Wara investigazzjoni, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet li minnha dehrilha li Alcan (2) kienet kisret l-Artikolu 82 tat-Trattat (3) u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE mill-1 ta’ Jannar 1990. Saret seduta verbali fl-2008. Sussegwentement il-Kummissjoni investigat aktar u ppreparat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet Supplimentari.

(3)

Fil-11 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni adottat valutazzjoni preliminari, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (4) li jikkonċerna l-ksur allegat tal-produttur internazzjonali tal-aluminju Rio Tinto Alcan (“Alcan”).

(4)

Skont il-valutazzjoni preliminari, il-prattika ta’ Alcan li jorbot b’kuntratt il-liċenzji tat-teknoloġija tat-tidwib tal-aluminju (riduzzjoni) tiegħu max-xiri ta’ ċerti krejnijiet speċjalizzati għall-impjanti ta’ riduzzjoni tal-aluminju, l-hekk imsejħa il-pot tending assemblies (PTAs), fornuti mis-sussidjarja ta’ Alcan, l-ECL, tista’ tirriżulta fi ksur tal-Artikolu 101 u 102 tat-TFUE u l-Artikoli 53 u 54 tal-Ftehim taż-ŻEE. Skont il-valutazzjoni preliminari, Alcan għandha pożizzjoni dominanti fis-suq rilevanti għal-liċenzjar tat-teknoloġija tat-tidwib tal-aluminju. Il-valutazzjoni preliminari esprimiet it-tħassib li l-prattika kuntrattawli ta’ Alcan tista’ tipproduċi effetti negattivi fuq l-innovazzjoni u l-prezzijiet, u twassal għal esklużjoni antikompetittiva fis-suq tal-PTAs rilevanti.

(5)

Sabiex twieġeb għat-tħassib muri mill-Kummissjoni, Alcan offriet l-impenji (5). Fl-10 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni ppubblikat notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, li jagħti taqsira tal-każ, tal-impenji u tistieden lil partijiet terzi sabiex iressqu l-kummenti dwar il-proposta (6). L-eżami tas-suq indika li l-abbozz ta’ impenji jkun siewi sabiex jindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni, iżda ġew imqajmin diversi kwistjonijiet. F’Novembru tal-2012, Alcan offriet verżjoni riveduta tal-impenji, filwaqt li indirizzat dawn il-kwistjonijiet.

(6)

Fid-deċiżjoni tagħha skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tagħmel vinkolanti l-impenji li jidħlu għalihom l-impriżi u tikkonkludi li fid-dawl tal-impenji offruti, ma għadx hemm raġunijiet għall-azzjoni min-naħa tagħha, u għalhekk il-proċedimenti dwar dan il-każ għandhom jintemmu.

(7)

Jien ma rċivejt ebda talba jew ilment mingħand l-ebda parti fil-proċedimenti tal-każ preżenti (7). Fid-dawl ta’ dan, jien nikkunsidra li l-eżerċiżżju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet kollha f’dan il-każ ġie rispettat.

Brussell, id-29 ta’ Novembru 2012.

Michael ALBERS


(1)  Skont l-Artikolu 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u dwar it-termini ta’ referenza ta’ uffiċjali tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29).

(2)  Alcan Inc., Alcan France SAS, Aluminium Pechiney SAS and Electrification Charpente Levage SASU (ECL).

(3)  Issa l-Artikolu 102 tat-TFUE

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(5)  L-impenji offruti minn Alcan huma disponibbli fuq http://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/dec_docs/39230/39230_1873_5.pdf

(6)  Notifika ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolaament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ COMP/39.230 – Réel/Alcan (notifikata bid-dokument C(2012) 5758) (ĠU C 240, 10.8.2012, p. 23).

(7)  Skont l-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, il-partijiet għall-proċedimenti li joffru impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jistgħu jirrikorru għall-uffiċjal tas-seduta fi kwalunkwe stadju tal-proċedura sabiex ikun żgurat il-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali tagħhom.


Top