EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC1219(05)

Notifika ta' bidu ta' proċediment antisussidju dwar importazzjonijiet ta' staple fibres tal-poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indja u l-Vjetnam

ĠU C 372, 19.12.2013, p. 31–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 372/31


Notifika ta' bidu ta' proċediment antisussidju dwar importazzjonijiet ta' staple fibres tal-poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indja u l-Vjetnam

(2013/C 372/12)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta' ċerti staple fibres tal-poliesteri (“SFP”), li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indja u l-Vjetnam qed ikunu sussidjati u għaldaqstant qegħdin jikkawżaw ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni.

1.   L-ilment

L-ilment tressaq fl-4 ta' Novembru 2013 mill-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Fibri Sintetiċi (“CIRFS”) (“l-ilmentatur”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tas-SFP tal-Unjoni.

2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa staple fibres sintetiċi ta’ poliesteri, mhux mimxutin, imqardxin jew proċessati mod ieħor għal għażil (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

3.   L-allegazzjoni ta' sussidju

Il-prodott li allegatament qiegħed ikun sussidjat huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indja u l-Vjetnam (“il-pajjiżi kkonċernati”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM 5503 20 00. Dan il-kodiċi NM qed jingħata biss għall-informazzjoni.

L-evidenza prima facie li pprovda l-ilmentatur turi li l-produtturi tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Indja u l-Vjetnam gawdew minn għadd ta’ sussidji mogħtija mill-Gvernijiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indja u l-Vjetnam, rispettivament.

Fil-każ tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, is-sussidji jikkonsistu, fost l-oħrajn, fil-forniment tal-gvern ta' prodotti tal-input għal remunerazzjoni anqas minn adegwata u l-inkarigu u t-tmexxija mill-gvern tal-fornituri privati, is-self preferenzjali lill-industrija tas-SFP minn banek tal-Istat u l-inkarigu u t-tmexxija mill-gvern tal-banek privati, l-għotjiet għall-iżvilupp u s-sussidji tar-rata tal-imgħax għas-settur tat-tessuti, il-Fond Speċjali “Sir Globali”, il-Fond tal-Promozzjoni tal-Kummerċ għall-Agrikoltura, l-Industrija tad-Dawl u l-Prodotti tat-Tessuti, l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq l-introjtu għall-Impriżi barranin (tal-Investiment), l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq l-introjtu għall-introjtu minn dividendi bejn impriżi residenti kwalifikati, tnaqqis mit-taxxa fuq l-introjtu għal impriżi rikonoxxuti tat-teknoloġija avvanzata u ġdida, tnaqqis mit-taxxa fuq l-introjtu f'żoni ekonomiċi speċjali, tnaqqis mit-taxxa fuq l-introjtu għal impriżi orjentati lejn l-esportazzjoni, krediti tat-taxxa sa 40 % tal-valur tax-xiri tat-tagħmir prodott lokalment, tariffi u/jew eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-valur miżjud tat-tagħmir importat u tax-xiri ta' tagħmir prodott lokalment, il-forniment tal-gvern tad-drittijiet tal-użu tal-art, il-forniment tal-gvern tal-elettriku u d-dawl. Barra minn hekk, is-sussidji jikkonsistu, fost l-oħrajn, f'eżenzjonijiet ta' taxxa (u eżenzjonijiet oħrajn) f’żoni ta’ żvilupp fil-provinċja ta’ Jiangsu, inċentivi fiskali u kirjiet preferenzjali fil-belt ta’ Changzhou, inċentivi ta' esportazzjoni u għotjiet għat-teknoloġija fil-provinċja ta’ Zhejiang, inċentivi għat-taxxa u d-dazju f'żoni ta’ żvilupp, inċentivi għall-esportazzjoni, ħlas lura ta’ tariffi ġuridiċi, programm ta' fondi (speċjali) għal attivitajiet ta' kummerċ barrani, sussidji fuq l-imgħax ta’ self biex jappoġġja proġetti tal-innovazzjoni teknoloġika fil-provinċja ta’ Guangdong, rati ta’ taxxa preferenzjali f’żoni ta’ żvilupp u infrastruttura preferenzjali, politiki ta' self u ta' taxxa għal impriżi li huma orjentati lejn l-esportazzjoni, fil-provinċja ta’ Shanghai.

Fil-każ tal-Indja, is-sussidji jikkonsistu, fost l-oħrajn, fi krediti ta' dazju skont l-Iskema tas-Suq Iffukat u l-Iskema tal-Prodott Iffukat, l-Iskema ta' Awtorizzazzjoni bil-Quddiem, L-Iskema tal-Passbook għall-Intitolar tad-Dazji, l-Iskema għall-Ħlas Lura tad-Dazju, l-Iskema għall-Promozzjoni tal-Esportazzjoni ta' Oġġetti Kapitali, eżenzjonijiet u tnaqqis tat-taxxa u tad-dazji f’Unitajiet Orjentati lejn l-Esportazzjoni u ż-Żoni Ekonomiċi Speċjali, l-Iskema ta' Kreditu għall-Esportazzjoni, l-Iskema tal-Eżenzjoni mit-Taxxa fuq l-Introjtu, l-Iskema tal-Inċentivar tal-Esportazzjonijiet Inkrementali, l-Iskema ta’ Awtorizzazzjoni tal-Importazzjoni Ħielsa mid-Dazju, l-Iskema l-iżvilupp ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tas-Suq u garanziji ta’ self. Barra minn hekk, is-sussidji jikkonsistu, fost l-oħrajn, fi Skema ta' Inċentiv għall-Investiment Kapitali tal-Gvern ta’ Gujarat, l-Iskema ta’ Inċentiv għat-Taxxa fuq il-Bejgħ ta’ Gujarat u l-Iskema ta’ Eżenzjoni mid-Dazju fuq l-Elettriku, l-Iskemi ta' Sussidju għall-Bengal tal-Punent – inċentivi u konċessjonijiet fiskali, inklużi għotjiet u l-eżenzjoni mit-taxxa tal-bejgħ, l-Iskema ta’ Eżenzjoni mid-Dazju fuq l-Elettriku ta' Maharashtra.

Fil-każ tal-Vjetnam, is-sussidji jikkonsistu, fost l-oħrajn, fil-forniment ta' oġġetti għall-industrija tal-SFP tal-gvern permezz ta' impriżi tal-Istat għal remunerazzjoni anqas minn adegwata, inċentivi tal-gvern (fil-forma ta' eżenzjonijiet tat-taxxa u tad-dazju u self preferenzjali) fiż-Żona Industrijali Dinh Vu, self tal-gvern preferenzjali għall-industrija SFP minn banek tal-Istat u l-inkarigu u t-tmexxija mill-gvern tal-banek privati, il-forniment tal-gvern ta' art għal remunerazzjoni anqas minn adegwata u eżenzjonijiet jew tnaqqis minn kirjiet ta' art u ilma skont, fost l-oħrajn, id-Digriet Nru 142/2005/ND-CP, is-sussidji tar-rata tal-imgħax skont, fost l-oħrajn, id-Deċiżjoni Nru 131/2009-QD-TTg, ir-rata tat-taxxa fuq l-introjtu preferenzjali, l-eżenzjonijiet u t-tnaqqis tat-taxxa skont, fost l-oħrajn, id-Digriet Nru 164/2003/ND-CP emendat u supplimentat bid-Digrieti Nru 152/2004/ND-CP u Nru 149/2005/ND-CP, eżenzjonijiet/tnaqqis tat-taxxa u tal-kera, self tal-gvern, appoġġ għar-rata tal-imgħax, preferenzi għall-kreditu tal-esportazzjoni f'parks ta' teknoloġja avvanzata, żoni industrijali u parks industrijali skont, fost l-oħrajn, id-Deċiżjonijiet Nru 53/2004/QD-TTg u d-Digriet Nru 99/2003/ND-CP, inċentivi tat-taxxa fuq l-introjtu skont, fost l-oħrajn, id-Digriet 124-2008-ND-CP, eżenzjonijiet minn taxxa fuq l-importazzjoni u taxxa fuq l-esportazzjoni, u rimborsi tagħhom, skont, fost l-oħrajn, il-Liġi Nru 45/2005/QH-11 u d-Digriet Nru 87/2010/ND-CP. Barra minn hekk, is-sussidji jikkonsistu minn, fost l-oħrajn, il-benefiċċji li ġejjin skont id-Digriet Nru 51/1999/ND-CP, emendat u supplimentat bid-Digriet Nru 35/2002/ND-CP, id-Deċiżjoni Nru 55/2001/QD-TTg, il-Liġi Nru 59-2005-QH11 u l-Liġi dwar l-Investiment Barrani fil-Vjetnam, id-Digriet Nru 61/2010/ND-CP, id-Deċiżjonijiet Nru 1483/QD-TTg u d-Deċiżjoni Nru 12/2011: Eżenzjonijiet mid-Dazji tal-Importazzjoni fuq il-materja prima u l-provvisti, Eżenzjonijiet ta’ Taxxa u Dazju, deprezzament aċċelerat, u kreditu preferenzjali għal investiment barrani, Inċentivi tat-Taxxa fuq l-Introjtu Korporattiv, self preferenzjali, għotjiet, garanziji, benefiċċji fiskali u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi lil industriji appoġġjati għal remunerazzjoni anqas minn adegwata, l-appoġġ għall-investiment domestiku permezz ta’, pereżempju, krediti ta’ esportazzjoni, forniment ta’ infrastruttura u servizzi għal remunerazzjoni anqas minn adegwata, eżenzjoni minn taxxi u kiri tal-użu tal-art.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tinvestiga sussidji oħrajn li jistgħu jiġu żvelati matul l-investigazzjoni.

L-evidenza prima facie li pprovda l-ilmentatur turi li l-iskemi ta' hawn fuq huma sussidji billi jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvernijiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indja u l-Vjetnam jew gvernijiet reġjonali oħrajn (inklużi entitajiet pubbliċi) u tikkonferixxi benefiċċju lir-riċevituri. Huwa allegat li dawn huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni u/jew fuq l-użu ta’ oġġetti domestiċi fuq dawk importati u/jew huma limitati għal ċerti setturi u/jew għal ċerti tipi ta’ impriżi u/jew postijiet, u għaldaqstant huma speċifiċi u kumpensatorji.

4.   L-allegazzjoni tal-ħsara u l-kawżalità

L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u żdiedu f’termini ta’ sehem tas-suq.

L-evidenza prima facie li pprovda l-ilmentatur turi li l-volum tal-importazzjonijiet u l-prezzijiet tal-prodott li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba u s-sehem mis-suq miżmum mill-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f'effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali u l-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Il-proċedura

Wara li ddeterminat, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f'isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta' proċediment, il-Kummissjoni b'dan qiegħda tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati huwiex qed jiġi ssussidjat u jekk dawn l-importazzjonijiet sussidjati ikkawżawx ħsara għall-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fil-pożittiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

Il-Gvernijiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indja u l-Vjetnam ġew mistiedna għal konsultazzjonijiet.

5.1.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-għoti ta' sussidji

Il-produtturi esportaturi (2) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiżi kkonċernati u l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.1.1.1.   ll-proċedura għall-għażla ta' produtturi esportaturi biex jiġu investigati fil-pajjiżi kkonċernati

(a)   Kampjunar

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indja u l-Vjetnam li huma involuti f’dan il-proċediment, u sabiex titlesta l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi jingħażel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex jingħażel il-kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom mitluba fl-Anness I ma' din in-notifika.

Biex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta' produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati, u tista' tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra fir-rigward tal-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien stipulat. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u l-assoċjazzjonijiet ta' produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb informazzjoni li hi tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi li ntgħażlu fil-kampjun, lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex jiffurmaw parti mill-kampjun, u l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati, ikollhom jibagħtu kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi se jitlob informazzjoni dwar, fost l-oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/i tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, il-bejgħ totali tal-kumpanija/i u tal-prodott li qed jiġi investigat u l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja u l-benefiċċju mill-allegati sussidji jew programmi ta' sussidju u kwalunkwe miżura oħra simili jew relatata mill-qrib ma' dawn il-programmi.

Il-kwestjonarju għall-awtoritajiet se jitlob informazzjoni dwar, fost l-oħrajn, l-allegati sussidji jew programm(i) ta' sussidju, l-awtoritajiet responsabbli għall-operat tagħhom, il-mod u t-tħaddim ta' operat bħal dan, il-bażi ġuridika, il-kriterji ta' eliġibilità u termini u kundizzjonijiet oħrajn, ir-riċevituri u l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja u l-benefiċċju mogħti.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li qed jikkooperaw (“il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw”). Mingħajr preġudizzju għat-taqsima (b) ta' hawn taħt, id-dazju kompensatorju li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw mhux se jaqbeż il-marġini b'ponderazzjoni medja ta’ sussidju stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (3).

(b)   Il-marġini ta' sussidju individwali għall-kumpaniji li mhumiex inklużi fil-kampjun

Il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġini ta' sussidju individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal marġini ta’ sussidju individwali jridu jitolbu kwestjonarju u jirritornawh mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġini ta' sussidju individwali għandhom ikunu konxji li l-Kummissjoni tista' xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġini ta' sussidju individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta' produtturi esportaturi tant ikun kbir li tali determinazzjoni tkun partikolarment diffiċli u ma tkunx tippermetti li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

5.1.2.   L-investigazzjoni ta’ importaturi li mhumiex relatati  (4)  (5)

L-importaturi li mhumiex relatati tal-prodott li qed jiġi rivedut mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indja u l-Vjetnam, huma mistiedna jieħdu sehem f'din l-investigazzjoni.

Minħabba li jidher li hemm għadd potenzjalment kbir ta' importaturi li mhumiex relatati, li huma involuti f'dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni tista' tillimita l-importaturi li mhumiex relatati u li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu li jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jgħaddu l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom lill-Kummissjoni kif qed jintalab fl-Anness II ta' din in-notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta' importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista' tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra fir-rigward tal-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' bejgħ fl-Unjoni tal-prodott investigat, li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi kollha se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li hi tqis meħtieġa fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi. Dawn il-partijiet iridu jissottomettu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob informazzjoni dwar, fost oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-ħsara u l-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Id-determinazzjoni tal-ħsara hija bbażata fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżaminazzjoni oġġettiva tal-volum tal-importazzjonijiet sussidjati, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta' dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx ħsara materjali, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f'dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar jitwettaq skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jistgħu jinsabu fil-fajl li huwa disponibbli għall-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta' kuntatt mogħtija fit-Taqsima 5.6 hawn taħt). Produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi tagħrif rilevanti ieħor fir-rigward tal-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-produtturi tal-Unjoni kollha magħrufin u/jew l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni kollha se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji jkunu ntgħażlu finalment fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li hi tqis meħtieġa fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jissottomettu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob informazzjoni dwar, fost l-oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom u l-qagħda finanzjarja u ekonomika tal-kumpanija/i.

5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sussidju u ta' ħsara kkawżata minnu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri antisussidju tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur iridu juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel l-iskadenza ta' hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista' tingħata f'format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 31 se titqies biss jekk meta tiġi ppreżentata din tkun sostnuta b'evidenza fattwali fil-ħin tal-preżentazzjoni.

5.4.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-notifika, il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna biex juru fehmiethom, jippreżentaw it-tagħrif u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li għalihom tkun qiegħda ssir. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ trid tiġi ppreżentata fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    Struzzjonijiet dwar kif għandhom isiru s-sottomissjonijiet bil-miktub u kif għandhom jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristretti” (6).

Il-partijiet interessati li jagħtu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li se jkunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex tkun tista' tinftiehem b'mod raġonevoli s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b'mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni kunfidenzjali tista' titwarrab.

Il-partijiet interessati huma meħtieġa jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'format elettroniku (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefon u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kull Prokura, ċertifikazzjoni ffirmata, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet għall-kwestjonarju jridu jitressqu fuq karta, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista' tippreżenta s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, din trid tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna web rilevanti fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 08/020

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22985353

Posta elettronika dwar kwistjonijiet ta' sussidju għar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Anness I:

TRADE-PSF-SUBSIDY-CHINA@ec.europa.eu

Posta elettronika dwar kwistjonijiet ta' rati ta' sussidju għall-Indja u l-Anness I:

TRADE-PSF-SUBSIDY-INDIA@ec.europa.eu

Posta elettronika dwar kwistjonijiet ta' rati ta' sussidju għall-Vjetnam u l-Anness I:

TRADE-PSF-SUBSIDY-VIETNAM@ec.europa.eu

Posta elettronika dwar ħsara u l-Anness II:

TRADE-PSF-INJURY@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każi fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista' tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u għalhekk is-sejbiet jiġu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għall-aċċess tal-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet tat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, għandha tiġi ppreżentata talba għal smigħ fil-limiti taż-żmien speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, is-sussidjar, il-ħsara, ir-rabta ta' kawżalità u l-interess tal-Unjoni. Dan is-smigħ, bħala regola, isir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba' ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/degucht/contact/hearing-officer/

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 13-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   Ipproċessar ta’ dejta personali

Kwalunkwe dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (7).


(1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiżi kkonċernati li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, direttament jew permezz ta' parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

(3)  Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament bażiku, l-ammonti żero u de minimis kollha ta’ sussidji kompensatorji u ammonti ta’ sussidji kompensatorji stabbiliti skont iċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku jitwarrbu.

(4)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni jitqiesu li jkunu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozji ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu min jimpjega u impjegat; (d) kull persuna li direttamnt jew indirettament tipposjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta' kwoti ta' ishma jew tat-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien huma direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(5)  Id-dejta pprovduta minn importaturi mhux relatati tista' tintuża wkoll fir-rigward ta' aspetti ta' din l-investigazzjoni għajr id-determinazzjoni tas-sussidjar.

(6)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93) u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji. Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS I

Image

Image


ANNESS II

Image

Image


Top