Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC1123(02)

    Tweġiba għall-ilment CHAP(2013) 3076

    ĠU C 343, 23.11.2013, p. 21–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 343/21


    Tweġiba għall-ilment CHAP(2013) 3076

    2013/C 343/10

    1.

    Il-Kummissjoni Ewropea rċeviet, u qed tkompli tirċievi, serje ta' ilmenti dwar il-benessri u l-ġestjoni ta' klieb abbandunati fir-Rumanija, li rreġistrat bir-referenza CHAP(2013) 3076 (ara l-konferma ta' riċevuta fil-ĠU C 314, 29.10.2013, p. 9)

    2.

    Sabiex twieġeb malajr u tinforma dawk kollha kkonċernati, filwaqt li tagħmel użu tajjeb tar-riżorsi amministrattivi, il-Kummissjoni qed tippubblika din it-tweġiba fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fuq l-internet f':

    http://ec.europa.eu/eu_law/complaints/receipt/index_en.htm

    3.

    Il-benessri u l-ġestjoni ta' gruppi ta' animali abbandunati mhuwiex ġestit minn regoli tal-UE u huwa r-responsabbiltà unika tal-Istati Membri. B’mod partikolari l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jirrikjedi konsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' xi politiki tal-UE, ma jipprovdix bażi legali li tippermetti li jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' benessri tal-annimali.

    4.

    Il-Kummissjoni tappoġġja x-xogħol tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) dwar linji gwida għall-kontroll tan-numri ta' klieb abbandunati, b'enfasi fuq l-irwol importanti tal-aġenziji lokali tal-gvern għall-infurzar ta' leġiżlazzjoni relatata mas-sjieda tal-klieb u li tidentifika l-korpi responsabbli għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' taħriġ xieraq għar-regolamentazzjoni tal-kattura, it-trasport, u ż-żamma, kif ukoll ta' kriterji minimi ta' kwalità ta' akkomodazzjoni u ta' kura tal-klieb. Il-linji gwida jenfasizzaw il-ħtieġa għal approċċi paralleli fil-kontroll tan-numri ta' klieb abbandunati u jitolbu li l-qtil isir b'mod uman fejn meħtieġ, li waħdu mhux strateġija sostenibbli. Kull Stat Membru, bħala membru tal-OIE, jikkunsidra liema hu l-iktar mod xieraq kif jintużaw dawn il-linji gwida fil-kuntest nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa x-xogħol tal-Pjattaforma Reġjonali OIE dwar il-Benessri tal-Annimali għall-Ewropa, li tassisti l-Pajjiżi Membri fil-Lvant tal-Ewropa, inkluża r-Rumanija, biex tikseb konformità ma' dawn l-istandards.

    5.

    Strateġiji sistematiċi u komuni ta' informazzjoni u edukazzjoni fuq il-benessri tal-klieb huma appoġġjati mill-Kummissjoni li qed tikkoopera ma' oħrajn biex tiżviluppa s-sit tal-“CARODOG” (http://www.carodog.eu), pjattaforma informattiva dwar il-ġestjoni tan-numru ta' klieb li twassal għal sjieda responsabbli ta' annimali bħala prinċipju bażiku għall-promozzjoni tal-benessri ta' annimali ta' kumpanija fl-UE.

    6.

    Ir-regoli tal-UE dwar il-ħarsien tal-annimali fil-mument tal-qtil (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009) għandhom x'jaqsmu direttament mal-qtil ta' annimali f'biċċeriji u dawk li jinżammu għal skopijiet ta' trobbija. Annimali maqtula skont ċirkostanzi oħrajn mhumiex koperti minn dan ir-regolament.

    7.

    Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi x-xogħol imsemmi hawn fuq, li qed tingħata ċerta importanza minnha, imma se tagħlaq l-ilmenti minħabba li dawn jaqgħu lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-UE.


    Top