Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC0920(04)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    ĠU C 272, 20.9.2013, p. 11–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.9.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 272/11


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    2013/C 272/11

    Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

    IR-REGOLAMENT (KE) Nru 510/2006 TAL-KUNSILL

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodott agrikoli u għall-oġġetti tal-ikel  (2)

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

    “CAROTA DELL’ALTOPIANO DEL FUCINO”

    Nru KE: IT-PGI-0105-0988-17.04.2012

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Intestatura fl-Ispeċifikazzjonijiet tal-prodott affettwata mill-emenda

    Isem il-prodott

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta’ produzzjoni

    Rabta

    Tikkettar

    Rekwiżiti nazzjonali

    Oħrajn

    2.   Tip ta’ emenda

    Emenda tad-Dokument Uniku jew tas-Sommarju

    Emenda tal-Ispeċifikazzjonijiet tad-DPO jew tal-IĠP irreġistrati li għalihom ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku jew Sommarju

    Emenda tal-Ispeċifikazzjonijiet li ma teħtieġ l-ebda emenda tad-Dokument Uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3), tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    Emenda temporanja tal-ispeċifikazzjonijiet li tirriżulta mill-adozzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4), tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    3.   Emenda/i

    3.1.   Deskrizzjoni tal-prodott

    L-ispeċifikazzjoni tal-prodott tispeċifika li l-karrotti eliġibbli biex isiru “Carota dell’Altopiano del Fucino” IĠP huma dawk li jappartjenu għall-koltivazzjonijiet tal-ispeċi “Daucus carota L.”, u li ġejjin mill-varjetajiet Maestro, Presto u Concerto (Vilmorin), Napoli (Bejo), Nandor (Clause) u Dordogne (SG). Din id-dispożizzjoni effettivament teskludi l-użu ta’ kultivazzjonijiet jew ibridi oħra li llum huma disponibbli fis-suq u li fiż-żona ta’ produzzjoni wrew mhux biss l-istess karatteristiċi u kwalitajiet tal-prodott stabbiliti mill-ispeċfikazzjonijiet tal-“Carota dell’Altopiano del Fucino” iżda f’ċerti każijiet ukoll urew titjib fir-rigward ta’ ċerti aspetti agronomiċi (reżistenza qawwija għal ċertu mard tal-pjanti) u ta’ konservabbiltà.

    Għaldaqstant, abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet tqies li hu xieraq li jiġu mmodifikati l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott sabiex jinkludu wkoll kultivazzjonijiet u ibridi oħrajn diment li, permezz ta’ testijiet sperimentali dokumentati, tintwera konformità mal-parametri kwalitattivi deskritti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tal-“Carota dell’Altopiano del Fucino”.

    Jitqies li hu xieraq li jiġu aġġornati l-valuri tal-ß-karotene minħabba r-riżultati ta’ testijiet li saru fit-territorju. It-testijiet li saru fit-territorju wrew li l-kontenut ta’ ß-karotene huwa influwenzat mill-ammont ta’ fertilizzant użat u b’mod partikolari mit-teknika ta’ fertilizzazzjoni. Instabu livelli ogħla ta’ ß-karotene meta tiżdied il-fertilizzazzjoni bin-nitroġenu speċjalment meta ssir bil-metodu ta’ fertirrigazzjoni qrib il-ħsad. Dawn il-prattiki, minbarra li huma għaljin u ma jipprovdu l-ebda benefiċċju għar-rendiment tal-prodott finali, spiss jagħmlu l-għerq aktar vulnerabbli għall-mard waqt il-konservazzjoni u jmorru kontra l-impenn biex jonqos l-użu tan-nitroġenu u biex ikun hemm konsum aktar responsabbli tar-riżorsi idriċi fl-agrikultura. Ir-restrizzjoni proposta issa tipprevedi kontenut ta’ ß-karotene ta’ aktar minn 60 mg/kg għall-“Carota dell’Altopiano del Fucino”. Dan il-valur jippermetti s-salvagwardja tal-ispeċifiċità tal-prodott peress li jqiegħed il-produzzjoni tal-“Carota dell’Altopiano del Fucino” lil hinn mill-valur medju ta’ referenza tal-karrotti rrappurtat fil-letteratura.

    Jitqies li hu xieraq li l-valur tal-kontenut ta’ proteina tal-karrotti jitbaxxa minn 1,2 % għal 0,5 %. It-tnaqqis tal-kontenut ta’ proteini għandu valur kwalitattiv irrilevanti peress li l-konsumatur ma jassoċjax il-karrotta ma’ ħaxixa li minnha jieħu ammont konsistenti ta’ proteina. Barra minn hekk il-valur propost ma għandu l-ebda effett fuq il-karatteristiċi tal-prodott u wisq inqas fuq il-kummerċjabbiltà u r-rikonoxxibbiltà tiegħu fuq is-suq.

    Inħass li kien xieraq li jitneħħew ir-referenzi għall-kategoriji Extra u Prima, wara r-revoka tar-Regolament (KE) Nru 730/1999 li jippreskrivi l-marketing standards għall-karrotti.

    DOKUMENT UNIKU

    IR-REGOLAMENT (KE) Nru 510/2006 TAL-KUNSILL

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (3)

    “CAROTA DELL’ALTOPIANO DEL FUCINO”

    Nru KE: IT-PGI-0105-0988-17.04.2012

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Isem

    “Carota dell’Altopiano del Fucino”

    2.   Stat membru jew pajjiż terz

    L-Italja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.6:

    Frott, ħxejjex u ċereali friski jew ipproċessati

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

    L-IĠP “Carota dell’Altopiano del Fucino” tirreferi għall-karrotti tal-kultivazzjonijiet tal-ispeċi Daucus carota L., li ġejjin minn dawn il-varjetajiet: Maestro (Vilmorin); Presto (Vílmorin); Concerto (Vilmorin); Napoli (Bejo); Nandor (Clause); Dordogne (SG).

    Jistgħu jintużaw ukoll kultivazzjonijiet li jirreferu għall-grupp ta’ varjetà ta’ Nantes u l-ibridi tagħhom diment li l-produtturi jkunu wrew, permezz ta’ testjiet sperimentali ddokumentati, il-konformità mal-parametri kwalitattivi tal-IĠP “Carota dell’Altopiano del Fucino”. L-użu tal-grupp ta’ varjetà ta’ Nantes u l-ibridi tagħhom bl-iskop li tiġi prodotta l-“Carota dell’Altopiano del Fucino” huwa permess wara li ssir evalwazzjoni pożittiva tat-testijiet sperimentali min-naħa tal-Ministeru tal-Agrikultura, l-Ikel u l-Forestrija li jkun jista’ jikseb l-opinjoni teknika tal-Korp tal-kontroll jew ta’ xi entità oħra.

    Il-prodott għandu jkollu l-karatteristiċi mniżżla hawn taħt:

    forma: ċilindrika bil-ponta għat-tond, mingħajr ħjut ta’ għeruq;

    lewn: oranġjo qawwi inkluż l-għonq;

    kontenut ta’:

    sukrożju > 3 %;

    beta karotene > 60 mg/kg;

    aċidu askorbiku > 5 mg/kg;

    proteini > 0,5 %;

    fibra > 1,2 %

    karatteristiċi fiżiċi: polpa tqarmeċ u tinqasam lixxa.

    3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    3.4.   Għalf għall-annimali (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

    3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita

    Ix-xogħol kollu marbut mal-kultivazzjoni tal-“Carota dell’Altopiano del Fucino” għandu jseħħ fiż-żona ġeografika ta’ produzzjoni ddefinita fil-punt 4.

    3.6.   Regoli speċifiċi applikabbli għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.

    Minnufih wara l-ħsad, il-karrotti għandhom jintbagħtu fiċ-ċentri tal-ippakkjar, fi żmien erba’ sigħat, fejn qabel ma jinħaslu u jiġu ppakkjati, jitkessħu biex ikun żgur li jibqgħu jqarmċu u jżommu l-lewn u t-togħma karatteristiċi tagħhom.

    3.7.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar

    II-prodott għandu jinbiegħ f’pakketti ġodda, magħmula mill-injam, kartun jew plastik u jkun jintgħaraf permezz tat-tikketta apposta li fuqha jkollha l-informazzjoni li ġejja:

    l-isem “Carota dell'Altopiano del Fucino” flimkien mat-taqsira IĠP u l-kliem “Indicazione geografica protetta”, miktubin f’ittri mill-inqas kbar id-doppju ta’ kull kliem ieħor.

    kull dettall meħtieġ biex jiġu identifikati l-isem, l-isem tan-negozju, l-indirizz tal-produttur/ta’ min jippakkja l-prodott u kull informazzjoni oħra awtorizzata mir-regoli.

    mhumiex permessi kwalifikazzjonijiet oħrajn.

    Il-prodotti li fihom tintuża bħala materja prima il-“Carota dell'Altopiano del Fucino” flimkien mat-taqsira IĠP, anki wara l-ipproċessar u t-trasformazzjoni, jistgħu jinbiegħu f’pakketti li jkollhom referenza għal dan l-isem, mingħajr ma jitwaħħal is-simbolu tal-Unjoni Ewropea, diment li:

    il-“Carota dell'Altopiano del Fucino” flimkien mat-taqsira IĠP iċċertifikata bħala tali, tkun il-komponent esklussiv tal-kategorija ta’ prodott;

    min juża l-“Carota dell'Altopiano del Fucino” flimkien mat-taqsira IĠP ikun irreġistrat fir-reġistru attivat apposta, miżmum u aġġornat mill-korp awtorizzat mill-Ministeru tal-Agrikultura, l-Ikel u l-Forestrija u kkontrollat minnu stess għall-isem protett biss.

    L-użu mhux esklussiv tal-“Carota dell'Altopiano del Fucino” flimkien mat-taqsira IĠP jippermetti biss referenza għaliha, skont il-leġiżlazzjoni attwali, fost l-ingredjenti tal-prodott li jkun fih minnha jew li tiġi ttrasformata jew ipproċessata fih.

    Logo

    Il-marka ta’ identifikazzjoni hija rrappreżentata, fin-naħa ta’ fuq, mill-kelmiet ta’ lewn aħdar Pantone P.C.S. (S 274-1 CVS), b’burdura sewda, Carota dell'Altopiano del Fucino, bil-karattri Cooper blk hd bt, bl-ittri jikbru ftit ftit san-nofs tal-frażi bħallikieku qishom xi għolja (Altopiano) u jerġgħu jiċkienu fl-aħħar tal-frażi (Fucino). Taħt din, ikun hemm il-kliem Indicazione geografica protetta, b’karattri Arial rounded mt bold, ta’ lewn abjad fuq sfond ikħal, Pantone reflex blue. Fuq ix-xellug tal-frażijiet jinstab is-simbolu tal-Unjoni Ewropea.

    4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Iż-żona ta’ produzzjoni tal-“Carota dell’Altopiano del Fucino” tikkonsisti fid-distrett kollu ta’ Altopiano del Fucino.

    Il-limiti huma ddefiniti mit-triq Strada Provinciale Circonfucense u jinkludu porzjonijiet ta’ art, mifruda minn toroq li jgħaddu minn bejn l-irziezet u biċċiet ta’ art enumerati, li jinstabu fil-muniċipji tal-provinċja ta’ L’Aquila: Avezzano u l-irħula tal-madwar; Celano u l-irħula tal-madwar; Cerchio; Aielli; Collarmele; Pescina u l-irħula tal-madwar; S.Benedetto dei Marsi; Gioia nei Marsi u l-irħula tal-madwar; Lecce dei Marsi; Ortucchio; Trasacco; Luco dei Marsi.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

    L-Altopiano del Fucino, żona partikolarment magħrufa għall-produzzjoni tal-ħxejjex, tinsab ġeografikament fin-naħa ċentrali u ta’ isfel tal-Italja, f’dak li huwa meqjus bħala r-Reġjun tal-Ġonna, l-Abruzzo.

    Iż-żona li hija kompletament ċatta, f’altitudni ta’ 700 metru mil-livell tal-baħar, bis-16-il elf ettaru tagħha, hija mdawra b’muntanji ta’ interess ambjentali partikolari bħal dawk tal-“Parco nazionale d’Abruzzo”, tal-“Velino-Sirente” u tal-“Ernici-Símbruini”.

    L-oriġini tagħha, bħala żona agrikola, tmur lura għall-aħħar tal-1800 meta tlesta x-xogħol ta żvujtar, ordnat mill-prinċep Alessandro Torlonia, ta’ dak li kien meqjus bħala t-tielet l-akbar lag fl-Italja, f’dak li jirrigwarda l-estensjoni tiegħu: il-Lago del Fucino.

    Il-ħamrija hija ramlija u tajba bi kwantità għolja ta’ ġir attiv, ir-reazzjoni (pH) hija bejn sub-alkalina u alkalina, b’livelli għoljin ta’ materja organika attribwibbli wkoll għall-ammont kbir ta’ demel li jitfgħu l-bdiewa ta’ Fucino kull sentejn.

    II-klima hija affettwata mill-preżenza ta’ firxiet ta’ muntanji madwar iż-żona, mill-altitudni u mill-umdità relattiva maħluqa mill-għadd kbir ta’ kanali li jiżguraw kemm il-provvista ta’ ilma meħtieġa waqt it-tkabbir tal-uċuħ kif ukoll il-ġbir tal-ilma żejjed matul ix-xitwa. Bażikament ix-xtiewi huma kesħin u bix-xita filwaqt li fis-sajf is-sħana taffettwa lit-territorju kollu, l-aktar f’Lulju u f’nofs Awwissu, barra minn hekk, minħabba l-altitudni, iż-żona hija kkaratterizzata minn differenzi kbar fit-temperatura bejn il-lejl u n-nhar.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott

    Il-“Carota dell’Altopiano del Fucino” hija kkaratterizzata mill-forma tal-għerq, li huwa prinċipalment ċilindriku bil-ponta fit-tond, mingħajr ħjut ta’ għeruq u mingħajr daqqiet fondi fil-qorriegħa, qoxra lixxa, lewn oranġjo qawwi tul l-għerq kollu. Karatteristiċi oħrajn jinsabu fil-kontenut ta’ nutrijenti: fil-“Carota dell’Altopiano del Fucino” wieħed jinnota l-kontenut għoli ta’ aċidu askorbiku u zokkor totali b’relazzjoni bilanċjata bejniethom.

    Il-vitamini fil-“Carota dell’Altopiano del Fucino” huma element ieħor karatteristiku li jagħmlu lil din il-karrotta distingwibbli; it-tijamina, ir-riboflavina u b’mod partikolari l-karotene huma preżenti f’livelli għoljin.

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għall-IĠP)

    Fucino sab fil-karrotta tal-Altopiano del Fucino il-kultivazzjoni ewlenija tiegħu, bis-saħħa wkoll tal-kwalitajiet uniċi li l-art innifisha jirnexxielha tagħti lill-prodott.

    Fil-fatt, bis-saħħa tal-kundizzjonijiet tat-temp, tan-natura u t-tip ta’ ħamrija, ħamrija laxka ħafna u mingħajr biċċiet kbar, iż-żona ta’ kultivazzjoni jirnexxielha tagħti lill-“Carote dell’Altopiano del Fucino” karatteristiċi organolettiċi u nutrittivi kif deskritti hawn fuq stmati u rikonoxxuti mill-konsumaturi Ewropej.

    Fiż-żona inkwistjoni biss, id-disponibbiltà wiesgħa tal-prodott għenet lill-attivitajiet relatati ta’ preparazzjoni u ppakkjar tal-prodott kif ukoll il-ħolqien ta’ stabbilimenti tal-ipproċessar tal-karrotti kemm f’biċċiet żgħar kif ukoll f’meraq. Dan kollu għen sabiex tinħoloq sistema li tgħaqqad il-karatteristiċi eċċellenti tal-klima u tal-ħamrija taż-żona, il-grad għoli ta’ speċjalizzazzjoni tal-operaturi tas-settur, kemm bdiewa kif ukoll negozjanti u l-abbundanza ta’ faċilitajiet tal-ipproċessar li tagħti liż-żona il-fama ta’ żona tal-karrotta per eċċellenza.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

    (L-Artikolu 5(7), tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4))

    Il-Ministeru nieda l-proċedura nazzjonali ta’ oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għal emenda tal-ispeċifikazzjonijiet tal-IĠP “Carota dell’Altopiano del Fucino” fuq il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Taljana Nru 51 tal-1 ta’ Marzu 2012.

    It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku:

    http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

    Jew

    inkella tista’ tmur direttament fil-paġna ewlenija tas-sit tal-Ministeru tal-Agrikultura, l-Ikel u l-Forestrija (http://www.politicheagricole.it), tikklikkja fuq “Qualità e sicurezza” (fil-kantuniera ta' fuq tal-lemin tal-iskrin) u mbagħad fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (3)  Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 3.


    Top