Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC0629(04)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    ĠU C 187, 29.6.2013, p. 19–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 187/19


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    2013/C 187/13

    Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għall-oġġezzjoni għall-applikazzjoni, skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    DOKUMENT UNIKU

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

    “ACEITE SIERRA DEL MONCAYO”

    Nru tal-KE: ES-PDO-0005-0797-17.02.2010

    DPO( X ) IĠP ( )

    1.   Denominazzjoni

    “Aceite Sierra del Moncayo”

    2.   Stat Membru jew pajjiż terz

    Spanja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta' prodott

    Klassi 1.5.

    Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żjut, eċċ.)

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li tapplika għalih id-denominazzjoni fil-punt 1

    Żejt taż-żebbuġa straverġni meħud mill-frotta taż-żebbuġ (Olea europea L) tal-varjetajiet Empeltre, Arbequina, Negral, Verdial u Royal, bi proċess mekkaniku jew b'metodi fiżiċi oħrajn li ma jbiddlux il-kwalità taż-żejt, iżommu t-togħma, ir-riħa u l-karatteristiċi taż-żebbuġ li minnu jintgħasar iż-żejt mqassam f'perċentwali mill-varjetajiet kif jidher hawn taħt:

    L-Empeltre huwa preżenti għal mill-inqas 70 %

    L-Arbequina huwa preżenti għall-massimu ta' 25 %

    Fih mill-inqas waħda mill-varjetajiet minuri magħrufin (Negral, Verdial jew Royal). Flimkien, dawn it-tliet varjetajiet ma jaqbżux il-5 %.

    Il-valuri massimi permessi fiż-żejt taż-żebbuġa straverġni tad-denominazzjoni tal-oriġini “Aceite Sierra del Moncayo”

    Acidità

    Li ma taqbiżx iż-0,5°

    Valur ta’ perossidu

    Li ma jaqbiżx is-16-il meq O2/kg

    K232

    Massimu ta' 2,0

    K270

    Li ma jaqbiżx iż-0,12

    L-evalwazzjoni organolettiku

     

    Medja tad-difetti

    Md = 0

    Il-medja ta' kontenut ta' frott

    Mf > 2,5

    Analiżi organolettika taż-żejt “Aceites Sierra del Moncayo” tagħti riżultat ta' togħma tal-frott b'valur ta' Mf > 2,5 u qawwa minima tad-deskrittur tal-lewż ta' 2,5. Il-karatterizzazzjoni organolettika tissawwar ukoll minn ħjiel ta' togħmiet morri u pikkanti li l-valur massimu tagħhom huwa ta' 4,5.

    Il-kontenut tal-aċidu xaħmi taż-żejt huwa valur minimu ta' 70 %, filwaqt li l-kontenut massimu tal-aċidu xaħmi linolejku tal-“Aceites Sierra del Moncayo” huwa madwar 11 %.

    3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    Il-kultivazzjoni taż-żebbuġ trid issir fiż-żona deskritta fil-punt 4.

    3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

    3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    Il-kultivazzjoni taż-żebbuġ u t-tagħsir taż-żejt iridu jsiru fiż-żona deskritta fil-punt 4.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar il-qtugħ, l-għerik, l-ippakkjar, eċċ.

    Bl-għan li jinżammu l-karatteristiki tipiċi tal-prodott fil-fażijiet kollha, il-proċess tal-ippakkjar isir fiż-żona ġeografika awtorizzata. B’hekk, jista’ jinżamm kontroll totali tal-produzzjoni min-naħa tal-awtoritajiet ta' kontroll filwaqt li l-proċess finali jibqa’ r-responsabbiltà tal-produtturi taż-żona. Dawn huma n-nies li l-iktar jifhmu kif dan iż-żejt jirreaġixxi b'modi speċifiċi għall-metodi tal-ippakkjar, għaż-żmien u l-metodu tat-tferrigħ, għall-filtrazzjoni, għall-art li għandha mid-dijatoma, għaċ-ċellulosa, għat-temperatura tal-ippakkjar, ir-reazzjoni tiegħu għall-bard, u għall-ħżin. L-għan ta' dan kollu huwa li jinżammu l-karatteristiċi tipiċi tal-prodott.

    Min hu responsabbli mill-ibbuttiljar irid ikollu sistema separata apposta għall-ibbuttiljar taż-żjut bid-DPO, apparti mis-sistema li tintuża għal żjut oħra.

    Iż-żejt irid jitferra f'kontenituri tal-ħġieġ, tal-metall addattat biex jikkonserva oġġetti tal-ikel, tal-plastika PET, taċ-ċeramika vitrifikata u f'pakketti kwadri li l-kapaċità tagħhom ma tkunx aktar minn 5 litri.

    3.7.   Regoli speċifiċi li jirrigwardaw l-ittikkettar

    It-tikketta tal-kontenituri taż-żjut għandha turi, flimkien mal-isem li bih jinbiegħ iż-żejt, il-logo tad-DPO bil-kliem “Denominación de Origen Protegida (ó DOP) Aceite Sierra del Moncayo”, u l-marka tal-konformità tal-entità ta’ ċertifikazzjoni tal-prodott mill-korp responsabbli għall-kontrolli.

    Image

    Barra minn hekk, il-prodott għandu jkollu l-marka tal-konformità, tikketta ta' wara bid-denominazzjoni, li għanda tiggarantixxi t-traċċabbiltà tal-prodott, li tkun identifikata permezz ta' kodiċi alfanumeriku, u li għandha titwaħħal fl-azjenda li tibbuttilja ż-żejt b'tali mod li ma tkunx tista' tintuża għal darba oħra.

    4.   Deskrizzjoni qasira taż-żona ġeografika

    Iż-żona ġeografika testendi mill-wied ta' Ebro u l-viċinat muntanjuż ta' Moncayo. Dawn jiffurmaw unità omoġenea morfoloġika, ġeografika u storika li tinkludi r-reġjuni ta' Tarazona, Moncayo u Campo de Borja, fejn jinsabu aktar minn 2 500 ettari ta' msaġar taż-żebbuġ mifruxin ma' 34 muniċipju.

    Il-muniċipji huma dawn li ġejjin: Alcalá de Moncayo, Añón de Moncayo, El Buste, Los Fayos, Grisel, Litago, Lituénigo, Malón, Novallas, San Martín de la Virgen de Moncayo, Santa Cruz de Moncayo, Tarazona, Torellas, Trasmoz, Vera de Moncayo, Vierlas, Agón, Ainzón, Alberite de San Juan, Albeta, Ambel, Bisimbre, Borja, Bulbuente, Bureta, Fréscano, Fuendejalón, Magallón, Maleján, Mallén, Novillas, Pozuelo de Aragón, Tabuenca u Talamantes.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

    Iż-żona ta' produzzjoni maħsuba għall-ibbuttiljar taż-żejt protett, tinfirex bejn il-wied ta' Ebre u ż-żona muntanjuża ta' Moncayo.

    Din hija żona li tvarja mill-pjanuri mtarrġin kbar ta' Ebre u l-katina ta' muntanji Iberiċi. Il-muniċipji magħżulin għall-ibbuttiljar jinsabu fil-baċir tax-xmajjar Queiles u Huecha, li hija żona unika minħabba l-partikularitajiet tal-ħamrija u tal-klima.

    Iż-żebbuġ jinġabar direttament mis-siġar malli jkun wasal f'maturazzjoni xierqa għall-ġabra bikrija. Il-kultivazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ f'din iż-żona hija dik tradizzjonali f'art mhux irrigata.

    Il-metodi tradizzjonali jipproduċu wkoll varjetajiet żgħar li huma maħsubin biex jittieklu fuq il-mejda għall-forniment awtonomu ta' ekonomija li tmantni lilha nnifisha.

    Hija predominanti l-preżenza ta' konglomerazzjonijiet ta' materjal kalkarju iebes.

    Il-ħamrija kollha hija fonda u għandha pH bażiku, minħabba l-preżenza kullimkien ta' karbonji tal-kalċju. Il-ħamrija hija karatterizzata mill-konsistenza tagħha taflija, ramlija mħallta, flimkien ma' materjal ta' ħxejjex midbiela u ftit materjal organiku.

    Iż-żona ġeografika hija steppa kbira ċatta bi klima Mediterranja kontinentali b'medja ta' xita annwali ta' bejn 450 u 467 millimetri, fil-biċċa l-kbira kkonċentrata fix-xhur tal-ħarifa u tar-rebbiegħa.

    It-temperatura medja tvarja bejn is-7 u l-14-il grad Celsius, u l-iżjed żmien xemxi huwa bejn Lulju u Awwissu, b'temperaturi li jilħqu massimu ta' 40 grad Celsius. Fis-sajf ikun hemm għadd ta' tempesti. L-iżjed żmien kiesaħ huwa bejn Diċembru u Frar, b'temperaturi li jistgħu jwasslu sa 16-il grad Celsius taħt iż-żero fi Frar.

    Il-valuri medji ta' vapotraspirazzjoni rreġistrati mill-istazzjonijiet meterjoloġiċi tar-reġjun ikkonċernat huma bejn 600 u 750 millimetru fis-sena. Tqabbil ta' dan mal-inżul tax-xita nnotat fiż-żewġ baċiri juri biċ-ċar in-nuqqas ta' ilma li hemm.

    Id-differenza li hemm fil-pressjoni tal-arja bejn il-baħar ta' Cantabria u l-baħar Mediterran tipprovoka riħ kiesaħ u niexef magħruf bħala Cierzo, li hu karatteristiku ta' dan ir-reġjun. Dan ir-riħ l-iżjed li jaħbat huwa fix-xitwa u fir-rebbiegħa, u jikkawża nżul qawwi fit-temperatura, anki minħabba l-qawwa u l-persistenza tiegħu jinħass aktar kiesaħ milli fil-fatt hu, u jikkawża nixfa tal-arja li tnixxef ħafna l-art, u dan il-fattur jinfluwenza l-attività agrikola ġenerali tar-reġjun (Cuadrat, J.M - 1999).

    Il-Cierzo jipprevjeni l-formazzjoni tas-sħab u tas-silġ, fatt tajjeb ħafna għat-tkabbir tas-siġar taż-żebbuġ.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott

    Il-varjetajiet ta' żebbuġ ikkoltivati fiż-żona ġeografika huma: Empeltre, Arbequina, Negral, Verdial u Royal, dawn huma varjetajiet li addattaw ruħhom tul is-sekli bħala riżultat tas-selezzjoni naturali. Filwaqt li huma kompletament addattati għar-reġjun, dawn il-varjetajiet ta' żebbuġ jiggarantixxu prodott finali varjat bil-proprejtajiet uniċi li ma jeżisti f'ebda reġjun ieħor fejn hu kkoltivat u prodott iż-żebbuġ.

    Fil-ħin tal-ħsad, dawn il-varjetajiet ikollhom indiċi ta' maturazzjoni ta' bejn 3 u 6.

    Iż-żejt mill-frott taż-żebbuġa Sierra del Moncayo fih mill-inqas 70 % mill-varjetà ta' żebbuġ Empeltre, massimu ta' 25 % miż-żebbuġ Arbequina u 5 % bħala massimu mill-varjetajiet minuri. Din it-taħlita hija esklussiva u unika għal dan ir-reġjun.

    Skont ir-riżultati li ħarġu mit-teħid ta' kampjuni, il-valur minimu tal-kontenut ta' aċidu xaħmi linolejku jilħaq is-70 %, dan huwa aktar milli jinsab fi żjut u varjetajiet oħrajn (il-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ, l-Enciclopedia Mundial del Olivo). Ta' min iżid ma' dan li l-valuri medji ta' aċidu linolejku li nkiseb minn studji tal-varjetajiet Empeltre u Arbequina kienu inferjuri għal dawk li nkisbu fi studji dwar dawk li jiġu kkoltivati f'reġjuni oħra. Il-valuri minimi permessi ta' 70 % aċidu xaħmi olejku u l-kontenut baxx ta' aċidu xaħmi linolejku, fejn il-valur massimu permess huwa ta' 11 %, jissarfu f'indiċi għoli ta' saturazzjoni li jagħti stabbiltà kbira lil dan iż-żejt taż-żebbuġa.

    Iż-żejt taż-żebbuġa Sierra del Moncayo jippreżentaw valuri baxxi tal-istat ossiġinat u awto-ossiġinament bil-mod li jissarraf f'valuri ta' K270 inqas minn 0,12 għall-koeffiċjent tal-estinzjoni molari li huma l-karatteristiċi ta' dan iż-żejt taż-żebbuġa.

    L-“Aceite Sierra del Moncayo” fil-profil tiegħu għandu togħma tal-frott b'valur minimu ta' 2,5 u qawwa minima ta' 2,5 tad-deskrittur tal-lewż. Il-karatterizzazzjoni organolettika tkompli tissawwar minn ħjiel ta' togħmiet morri u pikkanti li fil-massimu tagħhom iwasslu sa 4,5 u ma jaqbżux iż-żewġ punti aktar mill-attribwit fruttiferu, u dan huwa li jagħti l-karattru bbilanċjat lil dan iż-żejt.

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għall-IĠP)

    L-art fonda u kalkarja, il-fatt li ftit tinżel xita matul is-sena, u li s-sjuf huma sħan u jkun hemm perjodi twal ta' kesħa flimkien mal-preżenza dejjiema tal-Cierzo, jiffurmaw ekosistema li tat lok għall-manteniment, permezz tas-selezzjoni naturali, tal-varjetajiet li hemm fl-“Aceite Sierra del Moncayo” li addattaw rwieħhom perfettament għal dan l-ambjent (Rallo et al. 2005).

    Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni qiegħda bejn żoni ta' produzzjoni fejn f'kull wada tippredomina varjetà waħda ta' żebbuġ. Din iż-żona qiegħda magħluqa bejn iż-żona fejn l-iktar li tikber hija l-Arbequina, fil-Katalonja, u dik fejn tikber l-Empeltre, fl-Aragona ta' Isfel, u hemm ukoll il-varjetajiet minuri Negral, Verdial u Royal, li huma varjetajiet ta' żebbuġ ta' konsum fuq il-mejda għall-forniment awtonomu ta' ekonomija li tmantni lilha nnifisha.

    Il-kundizzjonijiet klimattiċi u tal-ħamrija (ix-xita ma tinżilx fi żmien il-ħsad u ftit li xejn waqt l-iżvilupp tal-frott, it-temperaturi huma għoljin fis-sajf u baxxi fix-xitwa, flimkien mal-karatteristiċi tal-ħamrija) jinfluwenzaw il-kompożizzjoni aċiduża ta' dan iż-żejt u jsarraf f'kontenut għoli ta' aċidu xaħmi olejku (Civantos, 1999) ta' aktar minn 70 %. Il-ħsad bikri jagħti valur aktar baxx minn 11 % ta' aċidu grass linolejku lil dan iż-żejt, dan jissarraf f'indiċi għolja ta' saturazzjoni li tagħti stabbiltà ossidattiva (l-Enciclopedia Mundial del Olivo, 1996).

    Il-Cierzo ma jħallix jifforma s-silġ, li huwa l-element li jipprovoka l-istat ta' ossiġinament fil-frott, u dan jippermetti li jittieħed żejt bi stat baxx ta' ossiġinament, b'valuri ta' K270 inqas minn 0,12.

    Il-valuri tal-indiċi tal-maturità ta' dawn il-varjetajiet huma r-riżultat tal-ħsad bikri tradizzjonali dirett mis-siġra, li hija teknika li tirriżulta f'żejt “Aceite Sierra del Moncayo” b'karatteristiċi fruttiferi ogħla minn dawk meħtieġa mid-deskrizzjoni organolettika.

    Minħabba l-ħamrija niexfa bi pH bażiku, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta' xita u t-taħlit tal-varjetajiet, iż-żejt “Aceite Sierra del Moncayo” jippreżenta profil sensorjali b'karatteristiki fruttiferi li huma ogħla minn 2,5, u qawwa minima ta' 2,5 għad-deskrittur tal-lewż.

    Fl-aħħar nett, dawn il-kundizzjonijiet ambjentali deskritti hawn, jikkawżaw nuqqas ta' idratazzjoni u ta' nutrizzjoni matul it-tkabbir taż-żebbuġ li jagħtu qawwa lid-deskritturi sensorjali ta' dan iż-żejt (Civantos et al., 1999) u jġibu 'l quddiem bilanċ ta' togħmiet perċettibbli morri u pikkanti li fil-medja ma jaqbżux iż-żewġ punti aktar mit-togħma fruttifera fiż-żejt “Aceites Sierra del Moncayo”.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

    (L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))

    http://www.aragon.es/estaticos/GobiernoAragon/Departamentos/AgriculturaGanaderiaMedioAmbiente/AgriculturaGanaderia/Areas/08_Calidad_Agroalimentaria/02_Alimentos_calidad_diferenciada/Pliego_aceite_moncayo_09_12.pdf


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Mibdul permezz tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.


    Top