Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC0629(03)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    ĠU C 187, 29.6.2013, p. 14–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 187/14


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    2013/C 187/12

    Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona għat-talba skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    DOKUMENT UNIKU

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

    “OBST AUS DEM ALTEN LAND”

    Nru tal-KE: DE-PGI-0005-0877-04.05.2011

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Isem

    “Obst aus dem Alten Land”

    2.   Stat Membru jew pajjiż terz

    Il-Ġermanja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   It-tip ta’ prodott

    Il-kategorija 1.6 –

    Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1

    Il-frott irqiq frisk, jiġifieri t-tuffieħ, il-lanġas, iċ-ċiras, il-pruna u l-għajnbaqar, huwa maħsub biex jittiekel frisk.

    Il-varjetajiet imsemmija kollha huma kkaratterizzati minn qoxra rqiqa ferm u minn bilanċ bejn l-ammont ta’ zokkor u ta’ aċidità fihom. Ukoll meta l-frott tagħhom ikun ħelu, dawn il-varjetajiet dejjem ikunu kemm kemm aċidużi.

    Fost il-prodotti koperti minn din l-ispeċifikazzjoni nsibu l-varjetajiet tat-tuffieħ li ġejjin:

     

    il-varjetà msejħa “Braeburn”: din hija kemm kemm ħelwa u tiffriskak. Laħamha huwa sod u mmerraq u fih ħafna vitamina Ċ;

     

    il-varjetà msejħa “Delbarestivale”: din għandha togħma tajba ħelwa. Din il-varjetà ta’ tuffieħ tagħti l-frott kmieni fl-istaġun, u laħamha, li jagħti fl-abjad, ikun iqarmeċ u jkun immerraq ħafna;

     

    il-varjetà msejħa “Elstar”: din għandha togħma aromatika li tiffriskak. Laħamha abjad li jagħti fl-isfar ċar għandu togħma tajba ħafna;

     

    il-varjetà msejħa “Gala”: meta tittiekel, din hija soda u mmerrqa u għandha togħma tajba ħelwa u aromatika. Din hija kkaratterizzata mill-qoxra tagħha, li tixbah kemm kemm ix-xama’;

     

    il-varjetà msejħa “Golden Delicious”: din għandha togħma ħelwa u aromatika, Din tingħaraf mill-varjetajiet l-oħra bis-saħħa tal-qoxra tagħha li tagħti mill-aħdar ċar għall-isfar u li jkun fiha bħal nemex irqaq;

     

    il-varjetà msejħa “Gravensteiner”: din hija mmerrqa u għandha togħma kemm kemm aromatika. Laħamha ta’ lewn isfar ċar ikun mgħotti b’qoxra safra bi tbajja’ ħomor;

     

    il-varjetà msejħa “Holsteiner Cox”: din għandha togħma ħelwa u aromatika ħafna. Laħamha jvarja minn abjad għal isfar u jkun iqarmeċ;

     

    il-varjetà msejħa “Jonagold”: din it-tuffieħa tkun tqarmeċ meta tkun għadha kemm tinqata’, imma iktar tard issir ratba. Laħamha isfar huwa partikularment ħelu u mmerraq;

     

    il-varjetà msejħa “Jonagored”: din hija l-varjetà relatata mal-varjetà msejħa “Jonagold” u hija mtarrża l-iktar bl-aħmar skur. Laħamha isfar huwa wkoll ħelu u mmerraq, bħal dak tal-varjetà msejħa “Jonagold”.

    Fost il-prodotti koperti minn din l-ispeċifikazzjoni nsibu l-varjetajiet tal-lanġas li ġejjin:

     

    il-varjetà msejħa “Alexander Lucas”: din hija lanġasa tal-mejda, li tagħmel frott ta’ lewn isfar li jkun ħelu u mmerraq;

     

    il-varjetà msejħa “Bürgermeister”: din hija lanġasa li tagħmel fil-Ħarifa, li jkollha qoxra ħamranija u tkun immerrqa u ħelwa ħafna;

     

    il-varjetà msejħa “Clapps Liebling”: din il-varjetà ta’ lanġas tagħti l-frott kmieni fl-istaġun u l-frott tagħha jkun isfar b’qoxra ħamra u jkun immerraq u jkollu togħma tajba;

     

    il-varjetà msejħa “Condo”: din hija lanġasa li tagħmel fil-Ħarifa, li tkun ta’ daqs medju, u tkun immerrqa, ħelwa u tinħall f’ħalqek, u li ma tmurx malajr;

     

    il-varjetà msejħa “Williams Christ”: din hija lanġasa tal-mejda ta’ daqs medju, li tintuża kemm biex tittiekel friska u kemm biex minnha jsiru l-ġammijiet, u li tkun immerrqa u ħelwa u tkun ta’ lewn isfar dehbi u mtektka.

    Fost il-prodotti koperti minn din l-ispeċifikazzjoni nsibu l-varjetajiet taċ-ċiras li ġejjin:

     

    il-varjetà msejħa “Oktavia”: din il-varjetà tagħmel frott li ma jmurx malajr, u li jkun ħelu, aromatiku u sod;

     

    il-varjetà msejħa “Regina”: din il-varjetà ta’ ċiras tagħti l-frott tard fl-istaġun u l-frott tagħha jkun sod, ħelu u aromatiku;

     

    il-varjetà msejħa “Viola”: din il-varjetà tagħmel frott bnin li jkun immerraq ħafna.

    Il-varjetajiet tal-pruna u tal-għajnbaqar koperti minn din l-ispeċifikazzjoni huma kkaratterizzati minn togħma partikulari li wkoll ġejja mill-ammont ta’ zokkor meta mqabbel mal-ammont ta’ aċidità fihom. Dawn il-varjetajiet huma dawn li ġejjin:

     

    il-varjetà msejħa “Fellenberger”: din il-varjetà tagħmel frott li huwa pjuttost sod u pjuttost ħelu, li l-għadam tiegħu jinqala’ faċilment minn mal-frotta u li għandu togħma qawwija u tajba ħelwa u aċiduża

     

    il-varjetà msejħa “Ortenauer”: din il-varjetà tagħmel frott li huwa pjuttost ħelu, imma li jkun aċiduż ferm;

     

    il-varjetà msejħa “Schönberger Zwetsche”: din il-varjetà ta’ għajnbaqar tagħmel frott kbir ħafna li jkun ħelu u mmerraq u li l-għadam tiegħu jinqala’ faċilment minn mal-frotta;

     

    il-varjetà msejħa “Zimmers Frühzwetsche”: din il-varjetà tagħmel frott kbir u ħelu li jkun partikularment aromatiku.

    3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

    3.5.   L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata

    Il-frott jitkabbar fiż-żona ġeografika identifikata.

    3.6.   Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.

    3.7.   Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar

    4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Ir-reġjun tat-tkabbir tal-frott imsejjaħ “Altes Land” jinsab, fil-parti l-kbira tiegħu, fir-reġjuni ta’ Niedersachsen u ta’ Hamburg u fit-Tramuntana jmiss max-xmara Elbe bejn il-belt ta’ Wehldorf bei Cuxhaven fil-Punent u l-belt ta’ Geesthacht fil-Lvant. Il-konfini l-oħra ta’ din iż-żona ġeografika huma ddefiniti mit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, filwaqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet imsemmija:

     

    il-muniċipalità ta’ Jork;

     

    il-muniċipalità amministrattiva ta’ Lühe;

     

    il-muniċipalitajiet ta’ Nottensdorf u Bliedersdorf, li jiffurmaw parti mill-muniċipalità amministrattiva ta’ Horneburg, kif ukoll iż-żoni ta’ din il-muniċipalità amminstrattiva li jinsabu fit-Tramuntana tal-linja tal-ferrovija li minn Cuxhaven tmur għal Hamburg;

     

    il-muniċipalità ta’ Apensen li tifforma parti mill-muniċipalità amministrattiva ta’ Apensen;

     

    id-distretti ta’ Schölisch, Götzdorf, Bützfleth u Abbenfleeth, li jinsabu fil-muniċipalità ta’ Stade, tul it-triq ta’ Stader Moor sal-muniċipalità amministrattiva ta’ Himmelpforten;

     

    il-muniċipalità amministrattiva ta’ Himmelpforten;

     

    il-muniċipalità ta’ Drochtersen;

     

    il-muniċipalità amministrattiva ta’ Nordkehdingen;

     

    it-territorju tal-muniċipalitajiet ta’ Hechthausen u Osten li jinsab fit-Tramuntana tat-triq federali B73, li jifforma parti mill-muniċipalità amministrattiva ta’ Hemmoor;

     

    iż-żoni tal-muniċipalità amministrattiva ta’ Dobrock li jinsabu fil-Lvant tat-triq federali B73 u fit-Tramuntana tat-triq tal-ferrovija (li tgħaqqad il-muniċipalità ta’ Oberndorf an der Oste ma’ din it-triq federali fil-parti fl-għoli tal-mitħna tal-ilma);

     

    il-muniċipalità ta’ Cadenberge li tifforma parti mill-muniċipalità amministrattiva;

     

    iż-żoni tal-muniċipalità ta’ Bülkau li jinsabu fit-Tramuntana tat-triq ta’ Zollbaum/Landmark-Mühlenweg;

     

    il-muniċipalità ta’ Ihlienworth li tifforma parti mill-muniċipalità amministrattiva ta’ Sietland;

     

    il-muniċipalitajiet ta’ Neuenkirchen u Otterndorf li jiffurmaw parti mill-muniċipalità amministrattiva ta’ Hadeln;

     

    iż-żoni tal-muniċipalità ta’ Cuxhaven li jinsabu fit-Tramuntana tat-triq ta’ Osterende u fil-Lvant tat-triq ta’ Am Kanal;

     

    iż-żoni tal-belt ta’ Buxtehude li jinsabu fit-Tramuntana tal-linja tal-ferrovija li minn Hamburg tmur għal Cuxhaven;

     

    iż-żoni tal-muniċipalità ta’ Neu Wulmsdorf li jinsabu fit-Tramuntana tal-linja tal-ferrovija li minn Hamburg tmur għal Cuxhaven;

     

    iż-żoni tal-belt ta’ Hamburg li jinsabu fin-Nofsinhar tax-xmara Elbe u fit-Tramuntana tal-linja tal-ferrovija li minn Hamburg tmur għal Lüneburg;

     

    il-belt ta’ Winsen/Luhe;

     

    iż-żoni tal-muniċipalità ta’ Winsen li jinsabu fit-Tramuntana tal-linja tal-ferrovija li minn Hamburg tmur għal Lüneburg;

     

    il-muniċipalità ta’ Drage li tifforma parti mill-muniċipalità amministrattiva ta’ Elbmarsch.

    Parti iżgħar mir-reġjun tat-tkabbir tal-frott imsejjaħ “Altes Land” tinsab fit-Tramuntana tax-xmara Elbe fir-reġjun ta’ Schleswig Holstein u tkopri

    l-muniċipalitajiet ta’ Haseldorf, Haselau, Hetlingen u Seestermühe.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika

    L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala IĠP tissejjes fuq il-fama tal-frott. Minħabba t-tradizzjoni twila ta’ tkabbir tal-frott f’dan ir-reġjun u l-qoxra rqiqa u ta’ lewn intens tal-frott imkabbar hawn u l-bilanċ bejn l-ammont ta’ zokkor u ta’ aċidità fih, li ġejjin minn din it-tradizzjoni, il-frott imkabbar fir-reġjun imsejjaħ “Altes Land” igawdi minn fama tajba fost il-konsumaturi u minn reputazzjoni tajba li tmur ferm lil hinn mir-reġjun innifsu.

    Il-klima ta’ dan ir-reġjun hija influwenzata mill-qrubija tal-Baħar tat-Tramuntana. It-temperatura ma tvarjax b’mod estrem u fis-sajf ma tkunx daqshekk sħana. L-iljieli kesħin jinbidlu bi ġranet sħan. Minħabba l-Baħar tat-Tramuntana, l-arja fiha l-melħ.

    Il-ħamrija f’dan ir-reġjun hija tqila u tixbah lil dik tal-artijiet mistagħdra.

    5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott

    It-tuffieħ huwa kkaratterizzat minn qoxra rqiqa u minn bilanċ notevoli bejn l-ammont ta’ zokkor u ta’ aċidità fih. Dan ifisser li, ikun kemm ikun ħelu, il-frott ikollu togħma aċiduża partikulari li ma ssibhiex fi frott tal-istess varjetà mkabbar f’reġjuni oħrajn. It-tuffieħ ikollu lewn qawwi.

    Il-lanġas huwa kkaratterizzat minn qoxra rqiqa u minn bilanċ notevoli bejn l-ammont ta’ zokkor u ta’ aċidità fih. Dan ifisser li, ikun kemm ikun ħelu, il-frott ikollu togħma aċiduża partikulari li ma ssibhiex fi frott tal-istess varjetà mkabbar f’reġjuni oħrajn.

    Iċ-ċiras huwa kkaratterizzat minn qoxra rqiqa u minn bilanċ notevoli bejn l-ammont ta’ zokkor u ta’ aċidità fih. Dan ifisser li, ikun kemm ikun ħelu, il-frott ikollu togħma aċiduża partikulari li ma ssibhiex fi frott tal-istess varjetà mkabbar f’reġjuni oħrajn.

    Il-pruna u l-għajnbaqar huma kkaratterizzati minn qoxra rqiqa u minn bilanċ notevoli bejn l-ammont ta’ zokkor u ta’ aċidità fihom. Dan ifisser li, ikun kemm ikun ħelu, il-frott ikollu togħma aċiduża partikulari li ma ssibhiex fi frott tal-istess varjetà mkabbar f’reġjuni oħrajn.

    5.3.   Ir-rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra tal-prodott (għall-IĠP)

    Iż-żona ġeografika deskritta fid-dettall hawn fuq hija kkaratterizzata mill-karatteristiċi tal-klima u tal-ħamrija spjegati hawn taħt.

    Iċ-ċiras b’mod naturali ma jkollux dud tad-dubbien tal-frott taċ-ċirasa għax din id-dubbiena ma tattakkax il-pjantaġġuni li jkunu mħawlin f’ħamrija tqila.

    Il-frott irqiq imkabbar f’dan ir-reġjun – it-tuffieħ, il-lanġas, iċ-ċiras, il-pruna u l-għajnbaqar – jixxiebhu fil-fatt li m’għandhomx għalfejn irabbu qoxra ħoxna biex tipproteġihom mir-raġġi tax-xemx, minħabba li ma jkunux esposti għal raġġi qawwijin tax-xemx fis-sajf, u allura jgħaddu b’qoxra rqiqa minflok.

    Il-bidla minn iljieli kesħin għal ġranet sħan u viċiversa twassal biex il-frott ikollu lewn partikularment qawwi u biex dan ikun fih bilanċ notevoli bejn l-ammont ta’ zokkor u ta’ aċidità fih.

    Dawn is-siġar jitkabbru fi ħbula żgħar tar-raba’ b’wisgħa ta’ madwar 16-il metru, li jkunu mdawrin bil-kanali. F’dawn il-ħbula jkun hemm kanali trasversali ewlenin tat-tisqija li minnhom jgħaddi l-ilma mix-xmara Elbe. B’hekk il-bdiewa li jkabbru s-siġar tal-frott jużaw l-ilma li dejjem huwa disponibbli għat-tisqija tas-siġar u għat-tisqija tagħhom bl-isprinkli biex is-siġar jiġu protetti mill-ġlata. Din il-karatteristika ġeografika wasslet biex, tul is-sekli, ġie żviluppat għarfien espert dwar l-aħjar mod kif jitkabbru s-siġar tal-frott irqiq. Fis-snin disgħin, dan l-iżvilupp laħaq il-qofol tiegħu bl-istabbiliment formali tal-produzzjoni integrata.

    Il-bdiewa li se jkabbru s-siġar tal-frott fil-ġejjieni se jitħarrġu bħala ġardinara speċjalizzati fit-tkabbir tas-siġar tal-frott f’ċentru tat-taħriġ, tar-riċerka u tal-konsulenza apposta (iċ-ċentru għat-tkabbir tas-siġar tal-frott ta’ Jork imsejjaħ “Esteburg”). F’dan iċ-ċentru jiġu ttestjati varjetajiet adattati għall-kundizzjonijiet lokali u l-bdiewa li jkabbru s-siġar tal-frott jingħataw pariri speċjalizzati dwar it-tkabbir u t-trawwim tal-varjetajiet speċifiċi tal-frott sabiex tittejjeb kemm jista’ jkun il-kwalità tal-frott.

    Il-Grupp għar-riċerka dwar it-tkabbir tas-siġar tal-frott, bil-Ġermaniż imsejjaħ l-“Obstbauversuchsring” (OVR), li jiġbor fih il-bdiewa kollha li jkabbru s-siġar tal-frott f’dan ir-reġjun u li ilu jeżisti għal dawn l-aħħar 75 sena, waqqaf dan iċ-ċentru.

    Huma proprju dawn il-karatteristiċi tal-kwalità li jwasslu għall-fama tajba li minnha jgawdi l-frott imkabbar fir-reġjun imsejjaħ “Altes Land” fost il-konsumaturi.

    Minħabba t-tradizzjoni twila ta’ tkabbir tal-frott f’dan ir-reġjun, il-frott imkabbar fir-reġjun imsejjaħ “Altes Land” igawdi minn fama tajba fost il-konsumaturi u minn reputazzjoni tajba li tmur ferm lil hinn mir-reġjun innifsu. Mil-lat tat-tkabbir tas-siġar tal-frott, ir-reġjun imsejjaħ “Altes Land” jinkludi l-artijiet mistagħdra u l-artijiet moxa b’ħamrija ramlija li jinsabu maġenb il-parti l-baxxa tax-xmara Elbe. Hemm provi li juru li l-frott ilu jitkabbar f’dan ir-reġjun għal iktar minn 600 sena. Pereżempju, f’dokument bin-numru 376 tal-25 ta’ Mejju 1359 li jinsab fl-arkivji tal-monasteru ta’ Scharnebeck jissemma l-isem Heyno Bůmgharde, tradott bħala Heino Baumgarten (ara l-kummenti dwar id-dokument bin-numru 1398 fil-volum 2 tal-ktieb ta’ Carl Röper imsejjaħ “Urkunden – Regesten – Nachrichten Über das Alte Land und Horneburg” (“Dokumenti - inventarji - aħbarijiet dwar ir-reġjun imsejjaħ ‘Altes Land’ u l-muniċipalità amministrattiva ta’ Horneburg”), Jork 1986). Fis-seklu 14, il-kunjomijiet tan-nies kienu jirreferu biss għall-proprjetà u l-mestier tagħhom, u għalhekk Heino Baumgarten żgur li kellu dak li bil-Ġermaniż kien jissejjaħ “Baumgarten”, li llum il-ġurnata bil-Ġermaniż jissejjaħ “Obstgarten”, jiġifieri ġnien tas-siġar tal-frott. Avviż tal-bejgħ tal-1374 jikkonferma li fir-reġjun imsejjaħ “Altes Land” kienu jeżistu ġonna tas-siġar tal-frott (ara l-kummenti dwar id-dokument bin-numru 1672 fil-volum 3 tal-ktieb ta’ Carl Röper imsejjaħ “Urkunden – Regesten – Nachrichten Über das Alte Land und Horneburg” (“Dokumenti – inventarji – aħbarijiet dwar ir-reġjun imsejjaħ “Altes Land” u l-muniċipalità amministrattiva ta’ Horneburg”), Jork 1990). Fil-fatt, skont dan l-avviż, fl-1374 Johann Cok biegħ l-azjenda agrikola u l-ġnien tas-siġar tal-frott tiegħu li kienu jinsabu f’Bassenfleth lil Peter vam Berghe. Dawn iż-żewġ dokumenti jagħtuna idea dwar l-istabbiliment u l-iżvilupp, tul iż-żmien, tat-tkabbir tas-siġar tal-frott fir-reġjun imsejjaħ “Altes Land”. Dan ir-reġjun huwa l-ikbar reġjun kontigwu tat-tkabbir tas-siġar tal-frott fl-Ewropa ta’ Fuq.

    Fid-dizzjunarju ta’ Bertelsmann (Gütersloh, Berlin, München, Wien 1970 A, Bestell-Nr. 8911/087), it-terminu “Altes Land” huwa ddefinit kif ġej: “art mistagħdra fertili li tinsab maġenb il-parti t’isfel tax-xmara Elbe, bejn Hamburg u Stade, li fiha jgħixu ħafna nies; agrikoltura, tkabbir tal-frott u tal-ħaxix; post prinċipali: Jork”. Hemm provi li juru li l-frott ilu jitkabbar f’dan ir-reġjun għal iktar minn 600 sena, hekk li, hekk kif issemma hawn fuq, dan ir-reġjun huwa l-ikbar reġjun kontigwu tat-tkabbir tas-siġar tal-frott fl-Ewropa ta’ Fuq.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

    (L-Artikolu 5(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (3))

    Fit-taqsima 7a-aa/c tal-volum 14 tal-“Markenblatt” tad-9 ta April 2010, p. 5753

    http://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/13301


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Mibdul permezz tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.


    Top