EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC0327(01)

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta’ Diċembru 2012 dwar proċediment skont l-artikoli 101 u 102 tat-trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-artikoli 53 u 54 tal-Ftehim taż-ŻEE (Il-każ COMP/39.230 – Rio Tinto Alcan) (notifikata bid-dokument C(2012) 9439) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU C 89, 27.3.2013, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/5


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-20 ta’ Diċembru 2012

dwar proċediment skont l-artikoli 101 u 102 tat-trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-artikoli 53 u 54 tal-Ftehim taż-ŻEE

(Il-każ COMP/39.230 – Rio Tinto Alcan)

(notifikata bid-dokument C(2012) 9439)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 89/06

Fl-20 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 53 u 54 tal-Ftehim taż-ŻEE. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1), il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut prinċipali tad-Deċiżjoni, inklużi kull penalità imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Verżjoni mhux konfidenzjali tad-deċiżjoni hija disponibbli fis-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=1_39230

1.   DAĦLA

(1)

Id-deċiżjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 hija indirizzata lil Rio Tinto plc (“Rio Tinto”), Rio Tinto International Holdings Limited, Rio Tinto Alcan Inc, Rio Tinto France SAS, Aluminium Pechiney SAS (“AP”) u Electrification Charpente Levage SASU (“ECL”) (kollettivament, “Rio Tinto Alcan”). Hija tirrendi vinkolanti l-impenji offruti minn Rio Tinto Alcan sabiex jindirizzaw il-problemi relatati mal-kompetizzjoni li jirriżultaw minn investigazzjoni mill-Kummissjoni fis-swieq għat-teknoloġija tat-tidwib tal-aluminju u l-pot tending assemblies.

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Tħassib preliminari dwar il-kompetizzjoni

(2)

Il-Pot tending assemblies (“PTAs”) huma krejnijiet speċjalizzati użati f'impjanti ta’ riduzzjoni tal-aluminju (funderiji), fejn jiġi prodott l-aluminju primarju. L-AP, sussidjarja ta’ Rio Tinto Alcan, kuntrattwalment torbot il-liċenzjar li jwassal għat-teknoloġija tat-tidwib tal-aluminju tagħha max-xiri ta’ tagħmir ta’ pot handling (b’mod partikolari l-PTAs) minn ECL, is-sussidjarja tagħha. Il-Kummissjoni kienet imħassba li b’hekk il-kumpanija tista’ tkun kisret ir-regoli antitrust tal-UE li jipprojbixxu prattiki tan-negozju restrittivi u abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq.

(3)

Fl-20 ta’ Frar 2008 il-Kummissjoni fetħet proċedimenti bil-ħsieb li tieħu deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u ġiet innotifikata Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet lil Alcan Inc, Alcan France SAS, AP u ECL.

(4)

Wara li għamlet investigazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni adottat, fil-11 ta’ Lulju 2012, Valutazzjoni Preliminari kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, li stabbilixxiet it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni. Dan it-tħassib marbut mal-kompatibbiltà tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) u l-Artikoli 53 u 54 tal-Ftehim taż-ŻEE tar-rabta kuntrattwali tal-liċenzjar tat-teknoloġija tat-tidwib tal-aluminju għall-akkwist tal-PTAs.

(5)

Il-Kummissjoni kkonkludiet fuq bażi preliminari li Rio Tinto Alcan kien dominanti fis-suq tal-prodott marbut (jiġifieri fil-liċenzjar tat-teknoloġija tal-aluminju), li dan tal-aħħar u l-prodott marbut (jiġifieri l-PTAs) kienu prodotti distinti u li l-prattika ta’ Rio Tinto Alcan tista’ twassal għal marġinalizzazzjoni u, potenzjalment, il-ħruġ mis-suq tal-ilmentatur, Réel, li s’issa huwa l-uniku kompetitur kredibbli ta’ Rio Tinto Alcan fis-suq għall-PTAs. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod preliminari li l-għażla tal-klijenti għall-fornituri tal-PTAs kienet diretta u limitata b’mod sinifikanti mir-rabta tal-prattika ta’ Rio Tinto Alcan, b’implikazzjonijiet negattivi dwar l-innovazzjoni u l-potenzjalment, il-prezzijiet tal-PTA u fis-swieq tat-teknoloġiji tat-tidwib. Dan joħloq esklużjoni antikompetittiva fis-suq tal-PTA minn Rio Tinto Alcan bi ksur tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE u l-Artikoli 53 u 54 tal-Ftehim taż-ŻEE.

2.2.   L-Impenji

(6)

Fit-3 ta’ Awwissu 2012, bħala tweġiba għat-tħassib tal-Kummissjoni espress fil-valutazzjoni preliminari, Rio Tinto Alcan ressqet impenji lill-Kummissjoni. Fl-10 ta’ Awwissu 2012, ġie ppubblikat avviż skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 f'’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li jagħti taqsira tal-kawża u tal-impenji u li jistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-impenji fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni.

(7)

Il-Kummissjoni infurmat lil Rio Tinto Alcan bil-kummenti li waslu mingħand partijiet terzi interessati. Fid-9 ta’ Novembru 2012, Rio Tinto Alcan ressqet proposta dwar l-impenji riveduti li indirizzaw bosta kwistjonijiet imqajma minn partijiet terzi.

(8)

Fit-28 ta’ Novembru 2012, il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli. Fid-29 ta' Novembru 2012, l-Uffiċjal tas-Seduta ħareġ ir-rapport finali tiegħu.

(9)

Fl-20 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni rendiet obbligatorji l-impenji riveduti ta’ Rio Tinto Alcan b’deċiżjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Rio Tinto Alcan tieħu l-impenn, għal perjodu ta’ ħames snin, li tneħħi l-klawżoli marbutin mal-Ftehimiet dwar it-Trasferiment tat-Teknoloġija futura tagħha (2) u li tintroduċi proċess oġġettiv u mhux diskriminatorju għall-għażla ta’ fornituri kwalifikati tal-PTAs. Min ikollu l-liċenzja ta’ Rio Tinto Alcan imbagħad se jkun kapaċi jagħżel minn fost fornituri tal-PTAs rakkomandati, li se jiġu provduti minn Rio Tinto Alcan mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa biex jiżguraw li l-PTAs tagħhom jkunu kapaċi joperaw f'funderiji bl-użu tat-teknoloġiji AP. Il-konformità ma’ dawn l-impenji se tiġi kkontrollata minn espert indipendenti.

(10)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-impenji huma biżżejjed u meħtieġa sabiex jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikata fil-valutazzjoni preliminari mingħajr ma jkunu disproporzjonati.

3.   KONKLUŻJONIJIET

(11)

Fid-dawl tal-impenji riveduti proposti, il-Kummissjoni tqis li ma għadx hemm raġunijiet għal azzjoni min-naħa tagħha u, bla ħsara għall-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-proċedimenti f'dan il-każ għandhom għalhekk jintemmu. L-impenji għandhom jorbtu sal-20 ta’ Jannar 2018.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  L-istess japplika għall-espansjonijiet futuri tal-funderiji eżistenti b 'mod partikolari, l-offerti għall-PTAs assoċjati mal-immodifikar jew aġġornar ta' xi tidwib jew pot line eżistenti.


Top