EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC0315(06)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 50, paragrafu 2a tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kwalità tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 77, 15.3.2013, p. 25–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 77/25


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 50, paragrafu 2a tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kwalità tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2013/C 77/09

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (1)

DOKUMENT UNIKU

REGOLAMENT (KE) Nru 510/2006

tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel  (2)

“PASTA DI GRAGNANO”

Nru tal-KE: IT-PGI-0005-0870-23.03.2011

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Pasta di Gragnano”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta’ prodott:

Klassi 2.7

Għaġin

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li jġib l-isem mogħti fil-punt 1:

Il-“Pasta di Gragnano” huwa l-prodott miksub minn taħlita ta’ semolina tal-qamħ durum flimkien ma’ ilma lokali ta’ taħt l-art.

L-għamliet li jinħarġu għall-konsum huma ta’ kull tip, u dawn jirriżultaw mill-fantasija ta’ dawk li jagħmlu l-għaġin fi Gragnano.

Il-prodott fil-mument li jinħareġ għall-konsum għandu jkollu dawn il-karatteristiċi li ġejjin:

Karatteristiċi fiżiċi

dehra minn barra: omoġenju mingħajr tbajja' bojod jew suwed, mingħajr bżieżaq tal-arja, qsim jew qtugħ, moffa, dud jew parassiti u organiżmi barranin;

qatgħa trażversali: vitruża;

kulur: isfar ċar;

tikmix: preżenti bħala karatteristika tal-użu tal-forom tal-bronż;

Meta tissajjar, il-“Pasta di Gragnano” IĠP ikollha

konsistenza: soda u elastika;

omoġeneità tat-tisjir: uniformi;

felħan għat-tisjir: tajjeb u fit-tul;

viskożità: assenti jew ma tinħasx;

Karatteristiċi kimiċi

umdità: mhux aktar minn 12,5 % meta l-prodott ikun lest;

valuri nutrittivi minimi għal kull 100 g tal-prodott xott:

valur ta’ enerġija

1 486 KJ

350 Kcal

proteini

13 g

karboidrati

73 g

xaħam

1 g

rmied

massimu ta’ 0,86 %

Karatteristiċi organolettiċi

togħma: bnina b’togħma qawwija ta’ qamħ durum;

riħa: ta’ qamħ matur.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

Il-qamħ durum użat għall-produzzjoni tal-“Pasta di Gragnano” IĠP għandu jkollu l-karatteristiċi li ġejjin:

umdità: mhux aktar minn 15 % meta l-prodott ikun lest;

valuri nutrittivi minimi għal kull 100 g tal-prodott xott:

valur ta’ enerġija

1 486 KJ

350 Kcal

proteini

13 g

karboidrati

73 g

xaħam

1 g

rmied

massimu ta’ 0,86 %

Il-prodott intermedju tat-taħlita tal-qamħ durum li jinkiseb jiġi mħallat mal-ilma, f’perċentwal li ma jaqbiżx 30 %. Fil-fażi suċċessiva tal-għaġna, wara li l-għaġina tkun inħadmet sew din issir omoġenja u elastika.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita:

Il-proċess ta’ manifattura għall-produzzjoni tal-Pasta di Gragnano jikkonsisti mill-fażijiet li ġejjin: taħlit u għaġna, estrużjoni jew qtugħ tal-forma, tnixxif, tkessiħ u stabbilizzazzjoni, u dawn jitwettqu fit-territorju tal-Muniċipalità ta’ Gragnano fil-provinċja ta’ Napli.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar il-qtugħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.:

L-ippakkjar għandu jsir fil-fabbriki ta’ produzzjoni, jew fuq il-post tal-produzzjoni, mhux aktar tard minn erbgħa u għoxrin siegħa mill-produzzjoni, kemm biex jiġi evitat it-telf ta’ umdità, liema ħaġa tikkomprometti l-kwalitajiet organolettiċi speċjali tal-prodott, kif ukoll minħabba li t-telf ta’ umdità u l-manipulazzjoni waqt it-trasferiment tirriżulta fil-ksur u l-ħsara tad-diversi forom miksubin.

Il-kontenituri użati għall-Pasta di Gragnano huma: kaxex tal-kartun jew boroż trasparenti, jew kontenituri magħmulin mill-pjanti jew minn materjal riċiklabbli ieħor, kif permess mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità. Il-pakketti ssiġillati għandhom piż ta’ 125 g, 250 g, 500 g, 1 kg jew 2 kg.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

It-tikketti li jitwaħħlu fuq il-pakketti b’dawn il-qisien għandhom juru b’ittri stampati ċari u li jinqraw, l-indikazzjonijiet:

(a)

“Pasta di Gragnano” u “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” jew l-akronimu “IĠP”;

(b)

l-isem, l-isem tan-negozju u l-indirizz tal-kumpanija tal-ippakkjar u tal-produzzjoni;

(c)

il-logo tad-denominazzjoni “Pasta di Gragnano”

Image

għandu jintuża flimkien mal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta u s-simbolu tal-Unjoni.

Il-logo tad-denominazzjoni jista’ jintuża b’verżjoni bajda u sewda, monokromatika jew fin-negattiva.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona tal-produzzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta I.Ġ.P. “Pasta di Gragnano” tinkludi t-territorju kollu tal-Muniċipalità ta’ Gragnano fil-Provinċja ta’ Napli.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Sa mis-seklu 15, il-belt ta’ Gragnano ilha magħrufa għall-produzzjoni tal-għaġin tal-qamħ durum. L-importanza storika tal-produzzjoni tal-għaġin fi Gragnano kienet tant kbira li influwenzat id-disinn tal-ispazji urbani. Fil-fatt, f’nofs is-seklu 18, matul it-tfassil ta’ pjan urban ġdid, il-wisa’ tat-toroq u l-għoli tal-bini ġew ippjanati b’tali mod li jiffaċilitaw il-fluss tar-riħ u l-operazzjonijiet ta’ tnixxif tal-għaġin.

Fil-muniċipalità ta’ Gragnano, il-produzzjoni tal-għaġin twettqet dejjem permezz tal-forom tal-bronż. Din il-karatteristika partikolari stimulat il-ħolqien ta’ diversi forom li permezz tagħhom setgħu jiġu prodotti tipi differenti ta’ għaġin, li mbagħad l-immaġinazzjoni tan-nies kienet tassoċja ma’ ġrajjiet jew ma’ avvenimenti li għandhom x’jaqsmu mal-istorja lokali.

Minbarra dan, fi Gragnano, l-ilma li ġej mill-Muntanji Lattari, li jinsabu fil-qrib, kien riżorsa li minn dejjem kienet preżenti b’mod abbundanti. Din ir-riżorsa, żgur li tat vantaġġ lill-produzzjoni tal-għaġin kemm minħabba li kienet ingredjent li kellu jiġi miżjud mad-dqiq biex tinkiseb it-taħlita tal-għaġina, kif ukoll minħabba li ntużat biex iddawwar l-imtieħen użati għat-tħin taċ-ċereali u għalhekk għall-produzzjoni tad-dqiq.

Xhieda ta’ dak li ntqal huwa l-“Wied tal-Imtieħen ta’ Gragnano” fejn wieħed għadu jista’ jammira l-fdalijiet ta’ dawn l-artifatti li darba kienu jintużaw fil-proċess tal-produzzjoni tal-“Pasta di Gragnano”.

Grazzi għat-tradizzjoni twila tagħha fil-produzzjoni tal-għaġin, illum il-ġurnata l-belt ta’ Gragnano hija famuża bħala l-“Belt tal-għaġin”.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Il-“Pasta di Gragnano” hija kkaratterizzata mis-superfiċje ħarxa tagħha li tagħti lill-prodott il-kapaċità li jitħallat mal-ħwawar differenti u li jiflaħ għat-tisjir (al dente).

Barra minn hekk, l-oriġinalità tal-forom ta’ għaġin, frott l-immaġinazzjoni ta’ dawk li l-aktar jafu jagħmlu l-għaġin fi Gragnano, wasslet sabiex dan il-prodott jintgħaraf mill-ewwel mill-konsumaturi.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO), jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn tal-prodott (għall-IĠP):

It-talba għar-rikonoxximent tal-“Pasta di Gragnano” IĠP hija ġġustifikata mir-reputazzjoni u l-fama tal-prodott. Il-“Pasta di Gragnano” hija magħrufa għall-metodu ta’ produzzjoni tradizzjonali li jinvolvi l-użu ta’ forom tal-bronż.

Il-forom tal-bronż jagħtu lill-għaġin ċerta ħruxija li tiffaċilita l-qbid taz-zlazi u l-kondimenti. Il-bronż tal-forom matul il-fażi ta’ estrużjoni jirnexxielu jżomm l-għaġina fil-punti ta’ kuntatt mal-forma stess biex b’hekk ikun hemm ħruxija ħafifa li tippermetti lill-għaġin ladarba jissajjar, jaqbad u jżomm iz-zalza faċilment u jkabbar il-wiċċ ta’ kuntatt maċ-ċelluli tat-tegħim biex b’hekk titgawda aktar ukoll il-materja prima u tinżamm it-togħma tipika li għandu l-qamħ frisk.

Dawn il-karatteristiċi, flimkien man-numru kbir ta’ għamliet oriġinali maħluqa minn dawk li jagħmlu l-għaġin, iwasslu biex il-“Pasta di Gragnano” tiġi apprezzata ħafna mill-koki u mill-konsumaturi kif huwa indikat fl-artikli ppubblikati fir-rivisti tal-kċina u dawk kulinari. Bħala eżempju nistgħu nsemmgħu “La pasta dei grandi chef”, ippubblikat fir-rivista “Kitchen Gourmet” (pġ 122-124, Ed Edifim, 2010), l-artiklu “La pasta di Gragnano” ippubblikat fuq il-gwida gastronomika “L’Italia del Gambero Rosso” (pġ 89, Ed. Sole 24 Ore, 2007), l-artiklu “La pasta Artigianale: aziende storiche” ippubblikat fuq il-gwida “Adesso pasta” (pġ 54-55, Altraecomomia, 2010). Ma’ dawn il-pubblikazzjonijiet wieħed jista’ jsemmi artikli oħra ppubblikati fil-gazzetti bħal “Sfida fra chef con la pasta di Gragnano” (La Repubblica – 21 ta’ Ġunju 2012), “Italie: À Gragnano la vie des patè rêvée” (Le Monde -17 ta’ Diċembru 2010), “A Gragnano tutti pazzi per la pasta” (Corriere della Sera - Doveviaggi.it – Frar 2012), “Spaghetti, penne e rigatoni: dalla ‘base’ alle 5 stelle” (Corriere della Sera – 25 ta’ April 2012), “Pasta Diva” (Corriere della Sera – itinerarji gastronomiċi – 6 ta’ Ottubru 2010).

Fi Gragnano, maż-żmien inżamm l-użu tal-forom tal-bronż minkejja l-prevalenza tal-forom tat-teflon. Għalkemm dan il-materjal jiffaċilita l-proċess ta’ produzzjoni, mhuwiex kompatibbli mal-karatteristiċi tal-produzzjoni antika ta’ Gragnano li magħhom hija marbuta r-reputazzjoni tal-“Għaġin ta’ Gragnano.”

Barra minn hekk, għandha tiġi enfasizzata l-attenzjoni li jagħtu dawk li jagħmlu l-għaġin fi Gragnano fil-kontroll tal-eżekuzzjoni tajba tal-fażi tat-tnixxif, wirt ta’ żminijiet antiki, meta l-għaġina kienet titqiegħed fuq nixxiefa barra fit-toroq ta’ Gragnano. Permezz ta’ ġestjoni xierqa tal-fażi tat-tnixxif, huwa possibbli li jittejjeb il-felħan għat-tisjir tal-għaġin u tiġi ppreservata r-riħa tfuħ u t-togħma tiegħu.

Fi Gragnano, għal ħafna snin jiġi organizzat avveniment b’tema fejn jiġu rrappreżentati fit-toroq, il-proċessi antiki ta’ kif kienet tinħadem il-“Pasta di Gragnano”.

It-testi storiċi u l-letteratura dwar il-“Pasta di Gragnano” juru li l-produzzjoni tal-“Pasta di Gragnano” tmur lura għas-seklu XVI-XVII. Matul ir-“Regno delle Due Sicilie” (Renju taż-Żewġ Sqalliji) f’nofs is-seklu dsatax, l-għaġin ta’ Gragnano u l-attività ħawtiela u għaqlija taċ-ċittadini involuti f’dan il-proċess saru famużi madwar ir-Renju kollu.

Qrib ħafna l-unifikazzjoni tal-Italja, l-attività produttiva tal-għaġin ta’ Gragnano kienet tinvolvi madwar 100 post ta’ produzzjoni tal-għaġin li kienu jimpjegaw lil 70 % tal-popolazzjoni attiva ta’ Gragnano.

Sa mill-bidu tas-seklu li għadda l-isem “Pasta di Gragnano” sar tant jintuża fil-lingwaġġ ta’ kuljum u fil-kummerċ li l-“Pasta di Gragnano” ilha snin tintalab fi kwantitajiet kbar kemm mill-bejjiegħa bl-imnut f’Firenze, f’Turin u f’Milan, kif ukoll lil hinn mill-konfini nazzjonali.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

Il-Gvern nieda proċedura nazzjonali ta’ oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tal-“Pasta di Gragnano” IĠP fuq il-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana (Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana) Nru 198 tal-25 ta’ Awwissu 2010. It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-produzzjoni jista’ jiġi kkonsultat fuq il-websajt:

http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

Jew

billi tidħol direttament fil-paġna ewlenija tal-Ministero delle politiche agricole (Ministeru tal-Agrikoltura u l-Foresterija) (http://www.politicheagricole.it) billi tikklikkja fuq “Qualità e sicurezza” (fuq in-naħa ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin) u mbagħad “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2012, dwar skemi ta’ kwalità tal-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.


Top