EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC0308(03)

Il-pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50, il-paragrafu 2, il-punt a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

ĠU C 68, 8.3.2013, p. 48–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 68/48


Il-pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50, il-paragrafu 2, il-punt a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2013/C 68/05

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

“GÂCHE VENDÉENNE”

Nru tal-KE: FR-IĠP-0005-0860-23.02.2011

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Gâche vendéenne”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta’ prodott:

Klassi 2.4.

Ħobż, pasti, kejkijiet, ħlewwiet, gallettini u prodotti oħra tal-furnara

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem fil-punt 1:

Il-“Gâche vendéenne” hu prodott tal-viennoiserie li jiġi ppreżentat frisk u sħiħ. Hu għandu jkun f’forma ovali. Qoxritu hija fina, imdehba u b’qasma minn tulu. Il-kulur tal-qoxra hu aktar ċar tul il-qasma u aktar skur mad-dawra.

Il-qalba tal-“Gâche vendéenne” hija kompatta u kulurita b’mod omoġenju. Hi ta’ għamla li ddub u ratba fil-ħalq u b’togħma tal-ħalib. L-aromi tal-krema friska u tal-butir jispikkaw b’mod partikolari. Dawn jistgħu jkunu akkumpanjati minn aromi tal-vanilla jew taż-żahar tal-larinġ u mtejba biż-żieda fakultattiva tal-alkoħol fil-proċess tal-produzzjoni.

Il-“Gâche vendéenne” huwa ppakkjat individwalment u ma jitqattax qabel il-marketing tiegħu. Il-piż minimu tiegħu hu ta’ 300 g. Ma jistax jinħadem minn għaġina ffriżata.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

Ir-riċetta ta’ kif jinħadem il-“Gâche vendéenne” għandha tuża biss il-materja prima li ġejja. Il-karatteristiċi tagħhom u r-rati ta’ inkorporazzjoni huma deskritti hawn taħt.

Materja Prima

Ir-Rati ta’ Inkorporazzjoni u l-Karatteristiċi

Dqiq

42 % minimu, inkluż d-dqiq tal-bidu

Id-dqiq tal-qamħ li jagħmel il-ħobż tat-tip 55

Kapaċità minima tal-forn W=200

Il-kontenut globali tal-proteini għandu jkun ta’ mill-inqas 10,5 %

Żidiet awtorizzati fid-dqiq: Gluten, dqiq tax-xgħir tal-qamħ: massimu ta’ 0,3 %; dqiq tas-sojja: massimu ta’ 0,3 %; aċidu assorbiku: mhux iktar minn 300 mg/kg

Aġenti li jtejbu d-dqiq: mhux permessi

Bajd

minimu ta’ 10 %

Bajd frisk jew likwidu intier tal-bajd frisk b’minimu ta’ 23 % tal-estratt niexef

Butir

minimu ta’ 10 %

Butir frisk jew konċentrat espress bħala butir rikostitwit

Krema friska

minimu ta’ 5 %

Krema friska li mill-anqas 30 % minnha hu xaħam

Zokkor

minimu ta’ 10 %

Sukrożju u/jew zokkor invertit

Kultura ta’ fermentazzjoni

Il-preżenza obbligatorja. Il-kultura tal-fermentazzjoni tiġi prodotta f’faċilitajiet ta' produzzjoni

Ħmira friska tal-furnar

Massimu ta’ 2 %

Melħ tal-baħar

Minn minimu ta’ 0,8 % sa massimu ta’ 1 %

Aromi jew alkoħol

Fakultattiv

Jekk jintuża:

l-alkolħol b’minimu ta’ 40 %

aromi: Aroma tal-vanilla naturali jew ta’ natura identika, ilma taż-żahar tal-larinġ

Ħalib, ilma

Massimu ta’ 10 %, inkluż il-ħalib jew l-ilma tal-kultura tal-fermentazzjoni

3.4.   L-għalf għall-annimali (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Il-passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jittieħdu fiż-żona ġeografika definita:

Il-produzzjoni tal-“Gâche vendéenne” titwettaq biss fiż-żona ġeografika definita.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.:

L-ippakkjar tal-“Gâche vendéenne” għandu jitwettaq biss fiż-żona ġeografika definita. Din il-ħtieġa tiggarantixxi l-freskezza tal-prodott filwaqt li tnaqqas iċ-ċans li jinxef. Fl-istess ħin, il-kwalità tal-prodott hija salvagwardata permezz ta’ ppakkjar malajr li jevita tibdil fl-aromi tal-butir jew tal-krema friska, li huma karatteristiċi tal-prodott. Għalhekk, il-prodott għandu jiġi ppakkjat f'borsa non-perforated immedjatament wara li jissajjar fil-forn u mhux aktar tard minn sagħtejn u nofs wara s-sajran sabiex ikun jista’ jiffriska.

3.7.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tikkettjar:

It-tikkettjar tal-“Gâche vendéenne” għandu jkollu l-informazzjoni li ġejja:

L-isem tal-IĠP: “Gâche vendéenne”;

L-isem u l-indirizz tal-korp li ħareġ iċ-ċertifikat;

Il-logo tal-IĠP tal-Unjoni Ewropea u/jew il-kliem “Indication Géographique Protégée”.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika definita:

Din li ġejja hija ż-żona ġeografika meqjusa:

 

Id-Dipartiment tal-Vendée: il-cantons kollha tad-dipartiment

 

Id-dipartiment ta’ Loire-Atlantique: Inkluż it-territorju kollu tad-dipartiment taħt il-Loire, jiġifieri il-cantons: Clisson, Aigrefeuille sur Maine, Légé, Machecoul, Saint-Philbert de Grand Lieu, Bourgneuf en Retz, Pornic, Paimboeuf, Saint Pere en Retz, Le Pellerin, Bouaye, Rezé, Vertou, Basse Goulaine, Vallet, Le Loroux Bottereau, Nantes (il-parti fuq in-Nofsinhar tal-Loire), Saint Herblain Ouest-Indre (il-parti fuq in-Nofsinhar tal-Loire)

 

Id-dipartiment ta’ Maine et Loire: Inkluż it-territorju kollu tad-dipartiment taħt il-Loire (sa Saumur), jiġifieri il-cantons: Champtoceaux, Montevrault, Beaupréau, Montfaucon, Cholet, Cholet 1, Cholet 2, Cholet 3, Chemillé, Saint-Florent-Le-Vieil, Vihiers, Montreuil-Bellay, Saumur, Saumur Sud, Doué la Fontaine, Gennes, Ponts-de-Cé, Thouarcé.

 

Id-dipartiment ta’ Deux-Sèvres: Il-cantons ta’: Mauléon, Argenton Chateau, Bressuire, Cerizay, Montcoutant, Parthenay, Secondigny, Coulonges sur l’Autize, Mazières en Gâtine, Champdeniers, Saint Maixent, Niort, Fontenay-Rohan-Rohan, Mauzé Le Mignon, Thouars, Saint Varent, Prahecq.

 

Id-dipartiment ta' Loire-Atlantique: Il-cantons ta’: Marans, Courçon, La Rochelle, La Jarrie, Surgères, Aigrefeuille d’Aunis, Tonnay-Charente, Rochefort.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika hi magħmula mid-dipartiment ta’ Vendée u mid-dipartimenti kollha ta’ Loire-Atlantique u Maine-et-Loire fin-Nofsinhar tal-Loire kif ukoll fuq il-parti tal-Punent tad-Deux-Sèvres u l-parti tat-Tramuntana tal-Charente-Maritime.

Din tikkorrispondi għaż-żona tradizzjonali tal-produzzjoni tal-“Gâche vendéenne”, żona b’densità għolja ta’ intrapriżi tal-viennoiserie li jipproduċu l-“Gâche vendéenne” b’mod regolari fi kwantitajiet kbar, b’informazzjoni ċara dwar din id-denominazzjoni.

Fatturi umani

Il-manifattura tal-“Gâche vendéenne” hija l-kontinwità tal-produzzjoni fid-djar konnessa mat-tradizzjonijiet festivi marbuta mal-bocage vendéen: il-kejk tal-Għid il-Kbir, jew il-“pacaude” u l-kejk tat-tieġ; tradizzjoni stabbilita li tmur lura sas-seklu 19 jekk mhux aktar bikri.

Magħġun nhar il-Ġimgħa l-Kbira u moħmi nhar Sibt il-Għid, il-“pacaude” jittiekel id-dar mill-Kattoliċi wara l-quddiesa tal-Għid il-Kbir. Mill-1920, il-produzzjoni domestika tal-“Gâche vendéenne” ħaduha f’idejhom il-furnara-dulċiera li stabilixxew irwieħhom fiż-żoni rurali xi ħamsin sena qabel.

Il-produzzjoni tal-“Gâche vendéenne” ssir skont l-għarfien lokali permezz ta’ tagħġin bil-mod u fermentazzjoni kkontrollata tal-għaġina u billi din tkun iffurmata f’forma ovali.

Il-fermentazzjoni għandha ssir f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi tissejjaħ “pointage” u sseħħ bejn tmiem l-għaġna u l-bidu tal-formazzjoni. It-tieni fażi tissejjaħ “apprêt” u sseħħ bejn il-formazzjoni u l-furnata.

Il-produtturi, li għandhom strutturi differenti ta’ produzzjoni, jistgħu jwettqu l-fermentazzjoni (“pousse”) f'wieħed miż-żewġ modi li ġejjin: il-“pousse directe” għal minimu ta’ erba’ sigħat u l-“pousse dirigée” għall-massimu ta’ 24 siegħa. Il-proċess it-twil hu l-aktar addatt għall-furnara artiġjanali li jistgħu jwettqu l-“pousse” parzjalment f’kamra kiesħa u jaħmu l-prodott f’diversi furnati. Fiż-żewġ tipi ta’ fermentazzjoni hu essenzjali li, b’sengħa kbira, tinżamm l-attività naturali tal-fermenti sabiex jinkiseb prodott finali bi kwalità identika. Il-fermentazzjoni hija bbażata fuq attività ta’ fermenti lattiċi u fuq l-użu ta’ fermentazzjoni tal-bidu manifatturata f’faċilitajiet speċjali ta’ produzzjoni u minn ħmira tal-furnara.

Peress li r-reġjun tal-Vendée huwa storikament importanti għall-produzzjoni tal-ħalib, huwa naturali li l-ingredjenti tal-“Gâche vendéenne” jinkludu l-krema. Il-produzzjoni tal-“Beurre Charente-Poitou” DPO fiż-żona ġeografika tal-“Gâche vendéenne” hija evidenza ulterjuri tat-tradizzjoni tal-produzzjoni tal-krema friska.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott:

Fuq kollox, hija l-preżentazzjoni tal-“Gâche vendéenne” li tiddistingwih minn prodotti oħra tal-viennoiserie u minn kejkijiet oħra ta’ Vendée: Dan hu f’forma ovali u għandu qasma minn tulu fuq il-wiċċ.

Il-qalba hija soda, kompatta u differenti ħafna minn dik tal-“Brioche vendéenne” li hu prodott ferm eħfef u li jinqasam faċilment. Fil-ħalq, idub u jinħass artab b’togħma tal-ħalib.

Tabilħaqq, il-“Gâche vendéenne” huwa aktar rikk fil-krema friska, il-butir, il-bajd u z-zokkor. Il-krema friska tagħti lill-“Gâche vendéenne” aromi tal-ħalib partikolarment qawwija tal-krema friska u l-butir.

Il-preżenza obbligatorja tal-krema friska tispjega r-reputazzjoni tiegħu u għaliex dan tradizzjonalment jittiekel matul l-Għid, żmien meta n-nies tkun trid prodotti aktar fini.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO), jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn tal-prodott (għall-IĠP):

Ir-rabta mal-oriġini ġeografika tal-“Gâche vendéenne” tistrieħ fuq il-kwalità tal-prodott u fuq ir-reputazzjoni antika u storika tiegħu.

5.3.1.   Kwalità tal-prodott

Il-kwalità u l-ispeċifiċità tal-“Gâche vendéenne” hija bbażata fuq il-ħila żviluppata mill-produtturi matul is-snin. L-għaġina, li tiġi magħġuna bil-mod il-mod u li madankollu togħla biżżejjed minħabba t-taħlita tal-fermentazzjoni tal-bidu u l-ħmira, tagħti lill-“Gâche vendéenne” qoxra tipikament magħquda.

L-azzjoni konġunta taż-żewġ tipi ta’ fermentazzjoni, “pointage” u “apprêt”, tirriżulta f’aromi u fl-għamla speċifika tal-“Gâche vendéenne”.

Il-krema friska, karatteriska tar-riċetta tal-“Gâche vendéenne”, tintuża għaliex fil-fatt tiġi prodotta fir-reġjun kollu u għaliex in-nies trid tagħmel kejk rikk għall-btajjel reliġjużi. Din tagħti lill-“Gâche vendéenne” l-aromi tal-ħalib.

L-għarfien żviluppat mill-produtturi tal-Vendéens, kif ukoll id-dinamiżmu tagħhom għamlu possibbli l-espansjoni tal-produzzjoni tal-“Gâche vendéenne”. B’hekk il-produzzjoni domestika gradwalment inbidlet fi produzzjoni professjonali iżda l-ispeċificitajiet tal-prodott inżammu.

Il-produtturi professjonali riedu jżommu bilanċ sottili bejn it-tradizzjoni u l-modernità sabiex iżommu l-awtentiċità ta’ dan il-prodott li hu ankrat sew fit-tradizzjonijiet tal-antenati.

It-taħlita tat-tradizzjonijiet flimkien mal-ħiliet tal-furnara għinet biex tkun żviluppata u promossa d-dehra u r-reputazzjoni tal-“Gâche vendéenne”. Bis-salvagwardja tat-tradizzjonijiet b’dan il-mod, il-produtturi tal-“Gâche vendéenne” għamluh pilastru tal-wirt kulinari tar-reġjun.

5.3.2.   Reputazzjoni

It-tradizzjoni tal-konsum tal-“Gâche vendéenne” matul l-Għid, hija mifruxa mal-bocage vendéen kollu.

Flimkien ma’ dawn id-drawwiet, il-produzzjoni u l-konsum tal-prodott huma diffużi ħafna fir-reġjun. Tradizzjonalment manifatturat min-nisa tad-dar, kienu l-furnara artiġjanali li aktar tard ħadu f’idejhom il-produzzjoni tal-“Gâche vendéenne”. B’riżultat ta’ dan, il-“Gâche vendéenne” beda jiġi kkunsmat is-sena kollha u issa jista’ jinstab fi Franza u barra.

Bis-saħħa tad-dinamiżmu tal-operaturi differenti tal-vendéens, il-“Gâche vendéenne” issa qed jinbiegħ matul is-sena kollha għand il-furnara u fil-ktajjen ta’ distribuzzjoni tal-viennoiseries.

Ir-riċetta oriġinali tal-“Gâche vendéenne” tagħtih status ta’ viennoiserie tradizzjonali flimkien mal-“Brioche vendéenne”.

Ħafna kitbiet jikklassifikaw il-“Gâche vendéenne” bħala prodott tradizzjonali tar-reġjun. Il-ktieb “Produits du terroir et recettes traditionnelles de Vendée” (2003) jirreferi għat-tradizzjoni twila tal-produzzjoni tal-kejk brioché f'Vendée. Fix-xogħol tiegħu “Pains et gâteaux traditionnels de Vendée” (1999), Jean Pierre Bertrand jispjega l-oriġini tat-terminu “Gâche” u jippreżenta riċetta tradizzjonali.

Għalhekk, il-fama ta’ dan il-prodott hija marbuta sewwa ma’ ismu u ġejja miż-żona ġeografika. L-elementi differenti kollha flimkien tal-“Gâche vendéenne” jqegħduh f'post speċjali fid-dinja tal-kejkijiet briochés.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5, il-paragrafu 7 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))

https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCIGPGachevendeenneV2.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Inbidel bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.

(3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.


Top