EUR-Lex Baza aktów prawnych Unii Europejskiej

Powrót na stronę główną portalu EUR-Lex

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 52013TA1213(39)

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

ĠU C 365, 13.12.2013, str. 283—289 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 365/283


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

2013/C 365/39

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”, magħrufa wkoll bħala r-“REA”), li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/46/KE (1). L-Aġenzija ġiet stabbilita għal perjodu limitat li beda fl-1 ta’ Jannar 2008 u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2017 bl-għan li tmexxi attivitajiet speċifiċi tal-Unjoni fil-qasam tar-riċerka (2). Fil-15 ta’ Ġunju 2009 l-Aġenzija uffiċjalment ingħatat l-awtonomija amministrattiva u operazzjonali tagħha mill-Kummissjoni Ewropea.

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Skont l-Artikoli 33 u 43 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (5), il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi:

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Aġenzija wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fihom huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi sorveljanza adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2012 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2012 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kumment li ġej ma jixħitx dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENT DWAR IL-KONTROLLI INTERNI

11.

Fl-2012 uffiċjal tar-REA ffirma ordnijiet ta’ ħlas li ammontaw għal EUR 8,86 miljun (19 % tal-baġit 2012 tar-REA) bħala uffiċjal awtorizzanti waqt li kien qed jissostitwixxi lill-Kap ta’ Unità tiegħu. L-uffiċjal ma rċeviex sottodelega formali u lanqas ma kien nominat uffiċjalment mill-uffiċjal awtorizzanti bħala d-deputat tiegħu. Dan mhuwiex konformi mas-sistema ta’ sottodelegazzjoni stabbilita fir-Regolament Finanzjarju.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

12.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-17 ta’ Settembru 2013.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 11, 15.1.2008, p. 9.

(2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata / Għadha għaddejja / Pendenti / M/A)

2011

Riporti li ammontaw għal EUR 1,2 miljun (li jirrappreżentaw 35 % tal-approprjazzjonijiet kollha riportati għall-2011) ġew ikkanċellati fl-2011. Dan ikkonċerna b’mod partikolari t-Titolu I (Nefqa għall-persunal) fejn EUR 0,3 miljun (52 % tal-approprjazzjonijiet) u t-Titolu II (Nefqa għall-infrastruttura u għall-operat), fejn EUR 0,7 miljun (41 % tal-approprjazzjonijiet) ġew ikkanċellati. Din is-sitwazzjoni tmur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità.

Ikkompletata

2011

Bosta trasferimenti tal-baġit saru lejn tmiem is-sena. L-approprjazzjonijiet li jikkonċernaw l-IT u n-nefqa operazzjonali żdiedu b’mod sinifikanti (1). Din is-sitwazzjoni tindika d-dgħufijiet fl-ippjanar u l-programmazzjoni tal-baġit u tmur kontra l-prinċipju tal-ispeċifikazzjoni.

Ikkompletata

2011

Hemm lok għal titjib fit-trasparenza tal-proċeduri tar-reklutaġġ. Il-mistoqsijiet għat-testijiet bil-miktub u għall-intervisti ġew stabbiliti wara li l-applikazzjonijiet kienu ġew eżaminati mill-bord tal-għażla; il-punteġġi tal-limitu minimu biex wieħed ikun inkluż fil-lista ta’ riżerva ma kinux ġew stabbiliti minn qabel; il-bord tal-għażla ma ddokumentax bis-sħiħ il-laqgħat u d-deċiżjonijiet kollha tiegħu.

Għadha għaddejja


(1)  L-approprjazzjonijiet li jikkonċernaw l-ispejjeż tal-IT (linja tal-baġit 2103) żdiedu bi 80 % minn EUR 1,9 miljun għal EUR 3,4 miljun. L-approprjazzjonijiet għall-pjattaforma komuni ta’ evalwazzjoni tal-FP7 (linja tal-baġit 3303) żdiedu b’194 % minn EUR 0,7 miljun għal EUR 2,1 miljun.


ANNESS II

Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (Brussell)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(L-Artikoli 179 u 180 tat-TFUE)

Ġbir ta’ informazzjoni

L-Unjoni għandha jkollha l-objettiv li ssaħħaħ is-sisien xjentifiċi u teknoloġiċi tagħha billi tistabbilixxi żona ta' riċerka Ewropea li fiha r-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġiji jiċċirkolaw liberament, u li tinkoraġixxi l-iżvilupp tal-kompetittivita tagħha u tal-industrija tagħha.

Għal dan l-għan l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi lill-impriżi inklużi l-SMEs, liċ-ċentri ta' riċerka u lill-universitajiet fl-attivitajiet tagħhom ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku ta' livell għoli; għandha wkoll tappoġġa l-isforzi tagħhom li jikkooperaw ma' xulxin, u timmira fuq kollox li tippermetti lir-riċerkaturi li jikkooperaw liberament lil hinn mill-fruntieri u lill-impriżi li jisfruttaw il-potenzjal kollu tas-suq intern, speċjalment […] bid-definizzjoni ta' standards komuni u bit-tneħħija ta' xkiel legali u fiskali għal dik il-kooperazzjoni. […]

Filwaqt li tfittex li tikseb dawn l-għanijiet, l-Unjoni għandha twettaq dawn l-attivitajiet li ġejjin, li jikkomplementaw l-attivitajiet li jsiru fl-Istati Membri:

(a)

l-implimentazzjoni ta' programmi ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni, billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma' u bejn l-impriżi, ċentri ta' riċerka u universitajiet;

(b)

il-promozzjoni ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali fl-oqsma tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni tal-Unjoni;

(c)

id-disseminazzjoni u l-valorizzazzjoni tar-riżultati ta' attivitajiet fir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni tal-Unjoni;

(d)

l-istimulazzjoni tat-taħriġ u l-mobilità tar-riċerkaturi fl-Unjoni.

Kompetenzi tal-Aġenzija

(Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/46/KE)

Għanijiet

L-għan tal-Aġenzija huwa l-ġestjoni tal-Programmi fdati lilha taħt is-Seba’ Programm Kwadru tal-Unjoni għal Attivitajiet ta’ Riċerka, ta’ Żvilupp Teknoloġiku u ta’ Dimostrazzjoni (2007-2013) (minn issa 'l quddiem imsejjaħ l-FP7) (il-Programm Nies, l-azzjonijiet tal-SMEs tal-Programm Kapaċitajiet, u t-temi ta’ Spazju u Sigurtà tal-Programm Kooperazzjoni) b’mod effiċjenti u effettiv, biex twassal servizzi effiċjenti u effettivi lill-komunità tar-riċerka u l-forniment ta’ servizzi ċentralizzati ta’ sostenn tal-FP7 lis-servizzi rispettivi tal-Kummissjoni għall-oqsma kollha tal-Programmi Speċifiċi Kapaċitajiet, Kooperazzjoni u Nies.

Rigward l-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-Programmi, l-Aġenzija – bħala promotur taż-Żona Ewropea tar-Riċerka – timmira lejn it-titjib fil-ġestjoni ta' proġetti, l-istabbiliment ta' kuntatt mill-qrib ma' benefiċjarji finali u l-provvediment ta' viżibbiltà għolja għall-Unjoni Ewropea.

Kompiti

Rigward il-ġestjoni ta’ proġetti, l-Aġenzija tikkonkludi u tmexxi ftehimiet ta’ għotjiet, li tinvolvi l-operazzjonijiet li ġejjin:

tħejjija u pubblikazzjoni ta’ sejħiet għal proposti,

evalwazzjoni ta’ proposti,

tħejjija u ffirmar ta’ ftehimiet ta’ għotjiet,

monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ proġetti inkluża l-aċċettazzjoni ta’ rapporti u riżultati oħra,

pagamenti, rkupri, u applikazzjoni ta’ sanzjonijiet fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 114(4) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, b’mod notevoli meta jkunu ġew identifikati żbalji fi spejjeż iddikjarati wara awditi ex post fil-livell tal-benefiċjarji finali,

pubbliċità u disseminazzjoni tar-riżultati ex post.

Rigward is-Servizzi ta’ Sostenn tal-FP7, l-Aġenzija twettaq il-kompiti li ġejjin:

sostenn amministrattiv għall-pubblikazzjoni ta' sejħiet,

ġestjoni tal-ilqugħ elettroniku ta’ proposti,

sostenn għal evalwazzjonijiet remoti u fuq il-post,

sostenn għat-tħejjija ta’ ittri ta' ħatra u ta’ pagamenti għal esperti,

ġestjoni tad-database Ċentrali tal-parteċipanti tal-FP7 (Faċilità tar-Reġistrazzjoni Unika – URF), inkluż sostenn għal kontrolli tal-kapaċità finanzjarja tal-benefiċjarji magħżula,

ġestjoni tas-Servizz ta’ Tagħrif dwar ir-Riċerka.

Tmexxija

Kumitat ta’ Ġestjoni

Magħmul minn ħames membri maħtura mill-Kummissjoni Ewropea. Jadotta t-tabella tal-organizzazzjoni (organigramma) tal-Aġenzija u l-Programm ta’ Ħidma Annwali tagħha wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, jadotta l-baġit amministrattiv tal-Aġenzija u r-Rapport Annwali tal-Attività tagħha.

Direttur

Maħtur mill-Kummissjoni, imexxi l-Aġenzija flimkien mal-Kumitat ta’ Ġestjoni, jimplimenta l-baġit amministrattiv, jistabbilixxi sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll intern adattati għall-kompiti fdati lill-Aġenzija u jħejji r-rapporti li jkunu se jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni.

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awtorità ta' kwittanza

Il-Parlament Ewropew li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill Ewropew. Fir-rigward tal-implimentazzjoni mill-Aġenzija tal-baġit amministrattiv tagħha, id-deċiżjoni ta’ kwittanza tiġi indirizzata lid-Direttur. Għall-implimentazzjoni tal-baġit operazzjonali ddelegata mill-Kummissjoni lill-Aġenzija, il-Kummissjoni tibqa’ responsabbli.

Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2012 (2011)

Baġit Operazzjonali 2012 (2011)

EUR 1 479,9(1 340,6) miljun ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 1 459,6(1 059) miljun ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament. L-Aġenzija timplimenta l-baġit operazzjonali tal-Kummissjoni taħt deċiżjoni ta' delega mill-Kummissjoni:

Baġit Amministrattiv 2012 (2011)

EUR 46,4 (39,2) miljun. L-Aġenzija timplimenta l-baġit amministrattiv b’mod awtonomu.

Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2012(2011)

Postijiet ta’ persunal temporanju: 128 (117) elenkati fit-tabella tal-persunal li minnhom 122 (103) okkupati

Persunal kuntrattwali: 385 (349) membru tal-persunal ippjanati li minnhom 374 (351) kienu fil-post fil-31 ta’ Diċembru 2012

Total tal-persunal fil-post: 496 (454) responsabbli mill-kompiti li ġejjin:

implimentazzjoni tal-programmi: 330 (287)

servizzi ta’ sostenn tal-FP7: 90 (88)

funzjonijiet maniġerjali u amministrattivi: 76 (79)

Prodotti u servizzi 2012 (2011)

Għall-Programm Nies, ingħalqu 10 (9) sejħiet fl-2012 u ġew ikkompletati 10 (9) evalwazzjonijiet. 1 899(1 615-il) ftehim ġdid ta’ għotjiet ġew iffirmati u saru 3 599(2 676) pagament (esklużi pagamenti għal evalwaturi esperti). L-Aġenzija issa tmexxi total ta’ 5 492(5 159) proġett taħt dan il-programm.

Għall-azzjonijiet tal-SMEs tal-Programm Kapaċitajiet, ingħalqet sejħa 1 (1) u ġiet ikkompletata evalwazzjoni 1 (1). 201 (162) ftehim ġdid ta’ għotjiet ġew iffirmati u saru 508 (385) pagament (esklużi pagamenti għal evalwaturi esperti). L-Aġenzija issa tmexxi total ta’ 625 (522) proġett taħt din l-iskema.

Għat-temi Spazju u Sigurtà tal-Programm Kooperazzjoni, ingħalqu 2 (2) sejħiet fl-2012 u ġew ikkompletati 2 (2) evalwazzjonijiet. 80 (118-il) ftehim ġdid ta’ għotjiet ġew iffirmati u saru 258 (183) pagament (esklużi pagamenti lil evalwaturi esperti). L-Aġenzija issa tmexxi total ta’ 317-il (271) proġett taħt dawn it-temi.

Fir-rigward tas-servizzi ta’ sostenn tal-FP7, ir-riżultati miksuba għall-2012 huma kif ġej:

89 (64) pubblikazzjoni ta' sejħiet sostnuti;

32 286(26 838) proposta riċevuti permezz tal-għodda elettronika għall-bgħit ta’ proposti;

6 462(3 897) evalwatur espert ikkuntrattati u saru 4 217(3 620) pagament lil esperti (għal programmi mmexxija mill-Aġenzija biss);

6 616(6 252) validazzjoni ta’ parteċipanti kkompletati;

5 871(7 123) tweġiba mibgħuta wara mistoqsijiet lis-Servizz ta’ Tagħrif dwar ir-Riċerka.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija.


IT-TWEĠIBIET TAL-AĠENZIJA

11.

L-arranġamenti ta’ supplenza għall-awtorizzazzjoni tal-pagamenti fl-assenza tal-uffiċjal iddelegat għall-awtorizzazzjoni huma mniżżla fid-deċiżjoni tad-Direttur dwar ir-regoli għas-supplenza (aġġornata l-aħħar fit-23.01.2013).

Madankollu, wara l-kumment tal-Qorti, ir-REA sadanittant esplorat il-possibiltà li tiddelega s-setgħat għall-awtorizzazzjoni tal-pagamenti għall-membru addizjonali tal-persunal fi ħdan l-Unità tal-Finanzi u riċentement ħatret it-tieni AOD għall-pagamenti u kuntratti ta’ valur baxx li jaqa’ taħt il-baġit amministrattiv.


Góra