Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013TA1213(31)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposta tal-Fondazzjoni

    ĠU C 365, 13.12.2013, p. 221–227 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 365/221


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposta tal-Fondazzjoni

    2013/C 365/31

    INTRODUZZJONI

    1.

    Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (minn hawn 'il quddiem “il-Fondazzjoni”, magħrufa wkoll bħala l-“EUROFOUND”), li tinsab f’Dublin, ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 (1). Il-kompitu tal-Fondazzjoni huwa li tikkontribwixxi għall-ippjanar u t-twaqqif ta' kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol aħjar fl-Unjoni billi żżid u xxerred għarfien li huwa rilevanti għal dan is-suġġett (2).

    INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    2.

    L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Fondazzjoni. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

    DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

    (a)

    il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012, u

    (b)

    il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    Ir-responsabbiltà tal-maniġment

    4.

    Skont l-Artikoli 33 u 43 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (5), il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi:

    (a)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fihom huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Fondazzjoni fl-aspetti materjali kollha.

    (b)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi sorveljanza adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

    Ir-responsabbiltà tal-awditur

    5.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

    6.

    L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi, u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

    7.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

    Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    8.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2012 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adotatti mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

    Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    9.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2012 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    10.

    Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

    11.

    Ir-rati ta’ implimentazzjoni tal-baġit għat-Titoli I u II kienu għolja f’livell ta’ 98 % u 82 %, rispettivament. Filwaqt li l-ammont ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati għat-Titolu III huwa għoli f’livell ta’ 50 % (EUR 3 688 996), dan jikkorrispondi għall-iskedi ta’ pagament u jirrifletti n-natura pluriennali tal-operazzjonijiet tal-Fondazzjoni. Il-parti l-kbira tal-ammonti riportati għat-Titolu III (71 %) tikkonċerna żewġ proġetti (8) li għalihom l-attivitajiet ġew implimentati kif ippjanat u kif stipulat fil-Programm ta’ Ħidma Annwali.

    SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

    12.

    Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-10 ta’ Settembru 2013.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    (1)  ĠU L 139, 30.5.1975, p. 1.

    (2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Fondazzjoni. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

    (4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

    (5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

    (6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

    (7)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).

    (8)  Il-proġett Netwerk ta’ Osservatorji Ewropej (NEO) u l-proġett Stħarriġ dwar il-Kumpaniji Ewropej.


    ANNESS I

    Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

    Sena

    Kumment tal-Qorti

    Status tal-azzjoni korrettiva

    (Ikkompletata / Għadha għaddejja / Pendenti / M/A)

    2011

    Il-Fondazzjoni rriportat 47 % tal-approprjazzjonijiet tat-Titolu III (nefqa operazzjonali). Din is-sitwazzjoni tmur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità.

    Ikkompletata

    2011

    Il-Qorti identifikat il-ħtieġa li ttejjeb it-trasparenza tal-proċeduri tar-reklutaġġ: il-laqgħat tal-bord tal-għażla mhux dejjem ġew dokumentati b’mod suffiċjenti u ma hemm ebda evidenza li l-mistoqsijiet għall-intervisti jew għat-testijiet bil-miktub kienu stabbiliti qabel l-eżamijiet.

    Ikkompletata


    ANNESS II

    Fondazzjoni Ewropea għal Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Dublin)

    Kompetenzi u attivitajiet

    Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

    (L-Artikolu 151 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

    L-Unjoni u l-Istati Membri, waqt li jżommu f’moħħhom id-drittijiet soċjali fundamentali bħalma huma dawk stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea li kienet iffirmata f’Turin fit-18 ta' Ottubru 1961 u l-Karta tal-Komunità tal-1989 dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, għandu jkollhom bħala mira l-promozzjoni tal-impjieg, it-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla t-titjib, il-protezzjoni soċjali xierqa, id-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema, l-iżvilupp tar-riżorsi umani bil-mira ta' livell għoli ta' impjieg li jdum għal żmien twil u l-ġlieda kontra l-esklużjoni. […]

    Kompetenzi tal-Fondazzjoni

    (Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1111/2005)

    Objettivi

    L-għan tal-Fondazzjoni għandu jkun li tikkontribwixxi għat-twaqqif ta' kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol aħjar billi żżid u xxerred għarfien li huwa rilevanti għal dan is-suġġett. B'mod partikolari, hija meħtieġa tikkunsidra l-oqsma li ġejjin:

    il-bniedem meta jkun fuq ix-xogħol,

    l-organizzazzjoni tax-xogħol u partikolarment id-disinn tal-impjieg,

    il-problemi li jirrigwardaw ċerti kategoriji ta' ħaddiema,

    l-aspetti fit-tul dwar it-titjib tal-ambjent,

    it-tqassim ta' attivitajiet umani fl-ispazju u fiż-żmien.

    Kompiti

    Li ssaħħaħ l-iskambju ta' informazzjoni u esperjenza f'dawn l-oqsma,

    li tiffaċilita l-kuntatt bejn l-universitajiet, l-istituzzjonijiet ta' studju u riċerka, organizzazzjonijiet u amministrazzjonijiet soċjali u ekonomiċi,

    li twettaq studji jew tikkonkludi kuntratti ta’ studji u li tipprovdi assistenza għal proġetti pilota,

    li tikkoopera mill-qrib kemm jista’ jkun ma’ istituzzjonijiet speċjalizzati eżistenti fl-Istati Membri u fil-livell internazzjonali.

    Tmexxija

    Bord Governattiv (BG)

    minn kull Stat Membru: rappreżentant wieħed tal-gvern, rappreżentant wieħed mill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u rappreżentant wieħed tal-ħaddiema,

    tliet rappreżentanti mill-Kummissjoni,

    laqgħa regolari kull sena.

    Bureau tal-BG

    jikkonsisti fi 11-il membru; tliet membri minn kull wieħed mill-imsieħba soċjali u l-gvernijiet, tnejn mill-Kummissjoni,

    jissorvelja l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-BG u jieħu miżuri biex jiżgura tmexxija tajba bejn il-laqgħat tal-BG,

    sitt laqgħat regolari kull sena.

    Id-Direttur u d-Deputat Direttur jinħatrar mill-Kummissjoni minn lista ta’ kandidati mressqa mill-BG. Id-Direttur jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-BG u tal-Bureau tiegħu u jamministra l-Fondazzjoni.

    Awditu intern

    Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

    Awditu estern

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

    Awtorità ta' kwittanza

    Il-Parlament Ewropew li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

    Riżorsi disponibbli għall-Fondazzjoni fl-2012 (2011)

    Baġit

    EUR 21,4 (20,6) miljun

    Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2012

    Uffiċjali u persunal temporanju:

    101 post previsti fit-tabella tal-persunal, li minnhom 98 (97) kienu okkupati fil-31 ta’ Diċembru 2012.

    Persunal ieħor:

     

    Esperti Nazzjonali Sekondati: 0 (0)

     

    Persunal kuntrattwali: 12 (9)

     

    Total tal-persunal impjegat: 110 (106)

    Allokati lil:

     

    Attivitajiet operazzjonali: 77 (72)

     

    Kompiti amministrattivi: 28 (29)

     

    Imħallta: 5 (5)

    Attivitajiet u servizzi provduti fl-2012

    Monitoraġġ u stħarriġ

    Netwerk ta’ Osservatorji Ewropej (NEO):

    Osservatorju Ewropew għar-Relazzjonijiet Industrijali (EIRO): 279 aġġornament ta' informazzjoni miżjuda; sitt studji ta' rappreżentanza; żewġ aġġornamenti annwali dwar il-paga u l-ħin tax-xogħol; Relazzjonijiet Industrijali u żviluppi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa 2011; erba' rapporti analitiċi komparattivi; żewġ rapporti ta' stħarriġ.

    Osservatorju Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol (EWCO): 90 aġġornament ta' informazzjoni miżjuda; erba' rapporti analitiċi komparattivi; Relazzjonijiet Industrijali u żviluppi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa 2011; seba' rapporti ta' stħarriġ.

    Osservatorju Ewropew tar-Ristrutturar (ERM): 1 566 skeda informattiva ta’ ristrutturar; żewġ rapporti analitiċi komparattivi.

    Stħarriġiet:

    il-Ħames Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol: ġie ppubblikat Rapport ta' ħarsa ġenerali; ġew ippubblikati żewġ rapporti ta' analiżi sekondarja: Xejriet fil-kwalità tal-impjiegi fl-Ewropa; Xogħol sostenibbli u forza tax-xogħol li qiegħda tixjieħ.

    it-Tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja: xogħol fuq il-post ikkompletat f’34 pajjiż, ġie ppubblikat Rapport ta’ ħarsa ġenerali.

    it-Tieni Stħarriġ Ewropew dwar il-Kumpaniji: tliet rapporti: Rilevanza politika u implikazzjonijiet għal stħarriġiet fil-futur; Djalogu soċjali fuq il-post tax-xogħol fl-Ewropa; il-prattiki tal-HRM u l-prestazzjoni tal-persunal; it-tħejjija tat-tielet edizzjoni tal-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kumpaniji (2013).

    Impjiegi u kompetittività

    Osservatorju Ewropew ta' Ristrutturar: Rapport tal-ERM 2012 – Wara r-ristrutturar: is-swieq tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sodisfazzjon tal-ħajja.

    Rapporti dwar il-NEETs – Żgħażagħ mhux fl-Impjieg, edukazzjoni jew taħriġ: Karatteristiċi, spejjeż u reazzjonijiet politika fl-Ewropa u dwar l-Effettività ta' miżuri ta’ politika biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-impjieg taż-żgħażagħ.

    Rapport dwar “Xejriet tal-impjieg u politiki għal ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien fir-riċessjoni” u studji tal-każijiet.

    Rapport: it-tieni fażi ta’ flessigurtà: analiżi ta’ prattiki u politiki fl-Istati Membri.

    Ristrutturar tad-database tal-leġiżlazzjoni.

    Relazzjonijiet industrijali u żviluppi fuq il-post tax-xogħol

    Relazzjonijiet industrijali u żviluppi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa 2011.

    Organizzazzjoni tax-xogħol u innovazzjoni.

    Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol: Implikazzjonijiet għall-produttività u l-kundizzjonijiet tax-xogħol – Rapport ta’ Ħarsa Ġenerali.

    Kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

    Djalogu soċjali fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika globali.

    Flessigurtà: Azzjonijiet fil-Livell ta’ Kumpaniji.

    Koeżjoni soċjali u kwalità tal-ħajja

    Inklużjoni attiva taż-żgħażagħ b’diżabilità jew problemi ta’ saħħa.

    Introjtu minn xogħol wara l-irtirar fl-UE.

    Appoġġ għat-trobbija tat-tfal fl-Ewropa.

    Mobilità tal-ħaddiema fi ħdan l-UE: L-impatt ta’ migrazzjoni lura.

    Servizzi ta' konsulenza dwar id-dejn ta' unitajiet domestiċi fl-Unjoni Ewropea.

    Komunikazzjoni u kondiviżjoni ta' ideat u esperjenza

    94 238 tniżżil ta'rapporti mill-websajt tal-Eurofound. 2 118 666 żjara minn utenti.

    86 163 pubblikazzjoni stampati disseminatai 932 pubblikazzjoni ġdida fuq il-websajt u stampati.

    21 attività tal-midja laħqu aktar minn 92 miljun ċittadin Ewropew u rriżultaw f’269 mistoqsija mill-ġurnalisti u aktar minn 1 460 kwotazzjoni fil-midja Ewropea.

    1 178 kuntatt u laqgħat ta’ informazzjoni ma’ dawk li jfasslu l-politika fil-livell Ewropew.

    204 dokumenti ta’ politika tal-UE li jikkwotaw referenzi li jkunu saru għas-sejbiet u l-għarfien espert tal-Eurofound.

    39 wirja u 32 żjara lill-Eurofound, li kkonsistew f’99 viżitatur.

    Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Fondazzjoni.


    IT-TWEĠIBA TAL-EUROFOUND

    11.

    Il-kumment tal-Qorti jintlaqa’ b’sodisfazzjon minħabba li jikkonferma n-natura multiannwali tal-biċċa l-kbira tal-proġetti ta’ riċerka tal-Eurofound. L-Eurofound ser tkompli tagħmel skrutinju tar-riport tal-approprjazzjonijiet impenjati billi kull sena, tistabbilixxi ammont ta’ approprjazzjonijiet li għandhom jiġu riportati abbażi tal-programm ta’ ħidma annwali tagħha (‘riporti ppjanati’) u tqabblu mal-ammont mhux ippjanat minħabba dewmien jew bidliet fl-implimentazzjoni tal-Programm ta’ ħidma (‘riporti mhux ippjanati’).


    Top