EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013TA1213(20)

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti tal-Istitut

ĠU C 365, 13.12.2013, p. 142–149 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 365/142


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti tal-Istitut

2013/C 365/20

INTRODUZZJONI

1.

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (minn hawn ’il quddiem "l-Istitut", magħruf ukoll bħala l-“EIT”), li jinsab f’Budapest, inħoloq permezz tar-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). L-objettiv tal-Istitut huwa li jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-kompetittività ekonomika fl-Ewropa b’mod sostenibbli bit-tisħiħ tal-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea. L-Istitut jagħti għotjiet lil tliet "Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni" (KKI), li jorbtu flimkien is-setturi tal-edukazzjoni superjuri, tar-riċerka u tan-negozju u b’hekk jagħtu spinta lill-innovazzjoni u l-intraprenditorija (2). Il-KKI jikkordinaw l-attivitajiet ta’ mijiet ta’ msieħba. L-għotjiet ipprovduti mill-EIT jirrimborżaw l-ispejjeż tal-imsieħba u l-ispejjeż li ġejjin mill-attivitajiet ta’ koordinazzjoni tal-KKI.

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Istitut. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Istitut, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Skont l-Artikoli 33 u 43 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (5), il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Istitut u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi:

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Istitut jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Istitut wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tiegħu jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fihom huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Istitut fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi sorveljanza adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Istitut jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Istitut jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2012 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu u l-flussi tal-flus tiegħu għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tiegħu u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Bażi għall-opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

9.

Fl-2012, l-Istitut wettaq pagamenti finali u approvazzjonijiet ta’ prefinanzjamenti (tranżazzjonijiet) għal għotjiet li jammontaw għal EUR 11,3 miljun (attivitajiet 2010) u EUR 48,6 miljun (attivitajiet 2011).

10.

It-tranżazzjonijiet kollha ta’ għotjiet huma suġġetti għal analiżi mill-Kummissjoni qabel ma jiġu awtorizzati mill-EIT. L-Istitut innifsu għamel sforzi konsiderevoli biex jimplimenta verifikazzjonijiet ex ante effettivi bil-għan li jipprovdi aċċertament raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ għotjiet. Madwar 80 % tan-nefqa għal għotjiet ikklejmjata mill-KKI hija koperta minn ċertifikati maħruġa minn ditti tal-awditjar indipendenti kkuntrattati mill-KKI u s-sħab tagħhom. L-EIT innifsu wettaq verifikazzjonijiet ex ante li jikkonsistu f’kontrolli komprensivi fl-uffiċċju. Id-dokumenti ta’ sostenn miksuba mill-KKI u s-sħab tagħhom ġew inizjalment analizzati mill-EIT biss fil-każ ta’ riskji partikolari identifikati.

11.

Madankollu, il-Qorti sabet li l-kwalità taċ-ċertifikati tal-awditjar hija inadegwata f’ħafna każijiet (8). Sabiex ikollu t-tieni saff ta’ aċċertament dwar il-legalità u r-regolarità ta’ tranżazzjonijiet ta’ għotjiet, fi tmiem l-2012 l-Istitut introduċa verifikazzjonijiet ex post kumplementari għal għotjiet relatati mal-attivitajiet 2011. Huma twettqu minn ditti indipendenti tal-awditjar kuntrattati mill-EIT u huma vvalutati bħala affidabbli. Ir-riżultati tal-awditjar ex post ikkonfermaw li l-verifikazzjonijiet ex ante mhumiex effettivi b’mod sħiħ. Madankollu l-Istituzzjoni rkuprat il-pagamenti irregolari misjuba, u r-rata tal-iżball residwu għat-tranżazzjonijiet tal-għotjiet 2011 mhijiex materjali.

12.

L-ebda verifikazzjoni ex post ma twettqet s’issa għat-tranżazzjonijiet relatati ma’ għotjiet għall-attivitajiet 2010 (EUR 11,3 miljun). Barra minn hekk, fid-dawl tal-aċċertament limitat li jista’ jinħareġ mill-verifikazzjonijiet ex ante, ma hemm l-ebda aċċertament raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. Il-Qorti ma setgħetx tikseb evidenza suffiċjenti u xierqa għall-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ għotjiet awditjati relatati mal-attivitajiet 2010.

Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

13.

Fl-opinjoni tal-Qorti, bl-eċċezzjoni tal-effetti possibbli tal-kwistjonijiet deskritti fil-paragrafi 9 sa 12 tal-bażi għall-opinjoni kwalifikata, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2012 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

14.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjoni tal-Qorti dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet jew l-opinjoni kwalifikata tagħha dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi.

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI INTERNI

15.

Barra mill-kwistjoni deskritta fil-paragrafi 9 sa 13, il-baġits għal ftehimiet ta’ għotja iffirmati fl-2010 u l-2011, li rriżultaw f’pagamenti fl-2012, ma kinux speċifiċi b’mod suffiċjenti. Ma kien hemm l-ebda rabta bejn il-fondi approvati u l-attivitajiet li għandhom jiġu implimentati. Il-ftehimiet ta’ għotja ma stabbilixxewx livelli limiti individwali għal kategoriji speċifiċi ta’ spejjeż (jiġifieri, spejjeż għall-persunal, sottokuntrattar, servizzi legali, eċc.) u ma inkludewx regoli għall-akkwist ta’ prodotti u servizzi mill-KKI u s-sħab tagħhom.

16.

L-EIT wettaq ukoll verifikazzjonijiet tekniċi għall-proġetti ffinanzjati kollha bħala parti mill-verifikazzjonijiet ex ante tiegħu. Madankollu, kien hemm nuqqas ta’ miri kwantifikabbli li xekklu valutazzjoni effettiva ta’ attivitajiet ta’ proġetti u riżultati. Il-pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju ma ddefinixxewx fid-dettall l-attivitajiet li għandhom jiġu implimentati; u lanqas ma stabbilixxew għanijiet ċari, riżultati tanġibbli għal kull attività jew kriterji ta’ kwalità.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

17.

Mill-approprjazzjonijiet impenjati riportati mill-2011 li jammontaw għal madwar EUR 22 miljun, madwar EUR 10 miljun (45 %) ġew ikkanċellati fl-2012. Il-livell għoli ta’ kanċellazzjonijiet huwa prinċipalment minħabba spejjeż aktar baxxi milli stmati mitluba mill-benefiċjarji taħt il-ftehim dwar għotjiet tal-2011 (EUR 9,2 miljun jew 92 % tal-ammonti riportati kkanċellati).

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

18.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-10 ta’ Settembru 2013.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 1.

(2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Istitut. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).

(8)  Jiġifieri, iċ-ċertifikati tal-awditjar mhux dejjem indikaw il-klejm għall-ispejjeż awditjat. Mhux il-kategorjii ta’ spejjeż kollha kellhom jiġu awditjati f’biżżejjed dettall (pereżempju, spejjeż indiretti reali, li jistgħu jiġu ddikjarati mingħajr livell limitu ma ġewx iċċekkjati abbażi ta’ evidenza oriġinali ta’ sostenn). Ir-riskju ta’ finanzjament doppju ta’ tagħmir iddikkjarat bħala spiża ma kienx iċċekkjat b’mod komprensiv. Il-parti l-kbira taċ-ċertifikati tal-awditjar ma semmewx il-kopertura tal-ispejjeż awditjati u ma kien hemm l-ebda metodoloġija komuni biex tidentifika l-iżball kumplessiv fil-klejms għall-ispejjeż.


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata / Għadha għaddejja / Pendenti / M/A)

2011

Ir-rata ta’ eżekuzzjoni tal-baġit tal-Istitut għall-perjodu awditjat ta’ awtonomija finanzjarja (ara l-paragrafu 2) kienet baxxa. Meta l-pagamenti jiġu mqabbla mal-approprjazzjonijiet impenjati, ir-rata kienet tammonta għal 56 % għat-Titolu I (nefqa għall-persunal), 30 % għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) u 11 % għat-Titolu III (nefqa operazzjonali).

Ikkompletata

2011

Ftehimiet dwar għotjiet li rriżultaw f’pagamenti fl-2011 kieni ffirmati sistematikament mill-Kummissjoni Ewropea (Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura) u l-Istitut wara li l-parti l-kbira tal-attivitajiet kienu diġà ġew implimentati. Bejn Settembru u Diċembru 2011, l-Istitut għamel pagamenti finali (1) li ammontaw għal EUR 4,2 miljun, relatati ma’ tliet ftehimiet ta’ għotja li ġew iffirmati ferm wara li nbdew l-attivitajiet (2). Din hija problema f’termini ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.

Għadha għaddejja


(1)  Pagamenti bil-quddiem kienu saru mill-Kummissjoni Ewropea.

(2)  Fkaż wieħed, il-kuntratt ġie ffirmat 14-il jum qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ 13-il xahar.


ANNESS II

Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (Budapest)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(L-Artikolu 173 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni.

Għal dan il-għan, skont is-sistema ta' swieq miftuħa u kompetittivi, l-azzjoni tagħhom għandha tfittex li:

tħaffef l-adattament tal-industrija għal bidliet strutturali,

tinkoraġġixxi ambjent favorevoli għall-inizjattiva u għall-iżvilupp tal-impriżi fi ħdan l-Unjoni kollha, partikolarment ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju,

tinkoraġġixxi ambjent favorevoli għall-kooperazzjoni bejn l-impriżi,

tikkoltiva l-isfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali tal-politika ta' innovazzjoni, riċerka u żvilupp teknoloġiku.

Kompetenzi tal-Istitut

(Ir-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

Għanijiet

L-għan tal-Istitut huwa li jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-kompetittività ekonomika fl-Ewropa, b’mod sostenibbli, bit-tisħiħ tal-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-Istati Membri u tal-Komunità. Dan għandu jagħmlu billi jippromwovi u jintegra edukazzjoni superjuri, riċerka u innovazzjoni u tal-ogħla standards.

Kompiti

Sabiex jikseb l-għan tiegħu, l-Istitut għandu:

(a)

jidentifika l-oqsma prijoritarji tiegħu;

(b)

iqajjem kuxjenza fost organizzazzjonijiet imsieħba potenzjali u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tiegħu;

(c)

jagħżel u jinnomina il-KKI fl-oqsma prijoritarji u jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tagħhom bi ftehim; jipprovdihom bl-appoġġ xieraq; japplika l-miżuri xierqa ta’ kontroll tal-kwalità; kontinwament jimmonitorja u perjodikament jevalwa l-attivitajiet tagħhom; u jiżgura livell xieraq ta’ koordinazzjoni bejniethom;

(d)

jimmobilizza fondi minn sorsi pubbliċi u privati u juża r-riżorsi tiegħu skont dan ir-Regolament. B’mod partikolari huwa għandu jfittex li jżid proporzjon sinifikanti u li dejjem jiżdied tal-baġit tiegħu minn sorsi privati u minn dħul ġenerat mill-attivitajiet tiegħu stess;

(e)

iħeġġeġ ir-rikonoxximent fl-Istati Membri ta’ lawrji u diplomi li jkunu ġew mogħtija minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri li huma organizzazzjonijiet imsieħba, u li jistgħu jiġu indikati bħala lawrji u diplomi tal-EIT;

(f)

jippromwovi d-disseminazzjoni tal-aħjar prattika għall-integrazzjoni tat-trijanglu tal-konoxxenza sabiex jiżviluppa kultura komuni ta’ innovazzjoni u ta’ trasferiment tal-konoxxenza;

(g)

ifittex li jsir korp ta’ klassi dinjija għall-eċċellenza fl-edukazzjoni superjuri, fir-riċerka u fl-innovazzjoni;

(h)

jiżgura l-komplementarjetà u s-sinerġija bejn l-attivitajiet tal-Istitut u programmi Komunitarji oħrajn.

Tmexxija

Bord tat-Tmexxija

Kompożizzjoni

Il-Bord tat-Tmexxija (BT) tal-Istitut huwa magħmul minn 18-il membru maħtur li jipprovdu bilanċ bejn l-esperjenza u l-eċċellenza fin-negozju, l-edukazzjoni superjuri u r-riċerka, u erba’ membri rappreżentattivi proposti mill-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI). Il-Kummissjoni Ewropea għandha status ta’ osservatur.

Kompiti

Il-Bord tat-Tmexxija huwa wkoll responsabbli għat-tmexxija tal-attivitajiet tal-Istitut, għas-selezzjoni, in-nomina, l-allokazzjoni tal-għotjiet u l-valutazzjoni tal-KKI, u għad-deċiżjonijiet strateġiċi l-oħrajn kollha.

Kumitat Eżekuttiv

Kompożizzjoni

Il-Kumitat Eżekuttiv huwa magħmul minn ħames membri tal-Bord tat-Tmexxija, inklużi l-President u l-Viċi President. Huwa ppresedut mill-President tal-Bord tat-Tmexxija.

Kompiti

Il-Kumitat Eżekuttiv jissorvelja t-tmexxija tal-Istitut u jieħu d-deċiżjonijiet li jkunu meħtieġa bejn il-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija.

Direttur

Huwa maħtur minn u responsabbli għall-Bord tat-Tmexxija għall-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja; ir-rappreżentant legali tal-Istitut.

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Riżorsi disponibbli għall-Istitut fl-2012 (2011)

Baġit Finali

EUR 95,30 miljun għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 77,09 miljun għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament.

Persunal fil-31 ta' Diċembru 2012

Postijiet awtorizzati: 52 (52)

Postijiet okkupati: 47 (40)

Postijiet oħra: 0 (0)

Total tal-persunal: 47 (40) assenjati għad-dmirijiet segwenti:

kompiti operazzjonali: 26 (19)

kompiti amministrattivi u ta’ sostenn: 21 (21)

Prodotti u servizzi fl-2012

Organizzazzjoni ta’ tliet laqgħat ta’ Forum tal-EIT mal-KKI (pjattaforma maħluqa biex tistabbilixxi djalogu regolari bejn id-Direttur tal-Istitut u s-CEOs (Uffiċjali Kapijiet Eżekuttivi) tal-KKI).

Deċiżjoni tal-Bord tat-tmexxija fit-13 ta’ Diċembru 2012 għall-allokazzjoni ta’ baġit li jammonta għal total ta’ EUR 120 miljun għall-iffinanzjar tal-Attivitajiet b’Valur Miżjud tal-KKI għat-tliet KKI fis-sena 2013, wara l-implimentazzjoni għall-ewwel darba ta’ proċess ta’ Finanzjament Kompetittiv li jikkorrispondi għal terz tal-baġit kumplessiv.

Fl-2012 it-tliet KKI amministraw baġit totali b’ammont ta’ EUR 89 814 878 għall-finanzjament tal-EIT tal-attivitajiet b’Valur Miżjud tal-KKI u baġit ta’ EUR 300 009 659 għall-Finanzjament mhux tal-EIT tal-attivitajiet tal-KAVA u attivitajiet kumplimentari.

Għall-ewwel darba l-KKI pprovda data konsolidata għal Indikaturi Ewlenin ta’ Prestazzjoni) (KPIs) Attivitajiet ta’ Innovazzjoni b’Valur Miżjud u b’mod retroattiv għas-sena 2010 u 2011 u stimi għall-2012.

Fl-2012 l-għadd totali ta’ msieħba tal-KKI involuti fit-tliet KKI ġew f’293 istituzzjoni mil-Laboratorji tal-ICT tal-EIT (87), mill-Klima KKI (100) u mill-InnoEnerġija KKI (106).

Kontribuzzjoni konġunta mill-President tal-Bord tat-Tmexxija tal-Istitut, id-Direttur tal-Istitut u l-Kap tal-Unità tal-Operazzjonijiet KKI u tas-CEOs tal-KKI fil-Konferenza tal-Partijiet Interessati tal-EIT tal-Presidenza Ċiprijotta tal-Unjoni Ewropea organizzata mill-Kummissjoni Ewropea, f’Larnaca, mit-8 sad-9 ta’ November 2012.

Għadd kbir ta’ stejjer ta’ suċċess wara l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet tal-KKI.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Istitut.


IT-TWEĠIBIET TAL-ISTITUT

10.

L-EIT jilqa’ r-rikonoxximent mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-isforzi konsiderevoli li saru mill-EIT biex jimplimenta verifikazzjonijiet ex ante effettivi bl-għan li jipprovdi aċċertament raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ għotjiet.

11.

L-EIT jilqa’ r-rikonoxximent mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-affidabbiltà tal-verifikazzjonijiet ex post ta’ għotjiet għall-attivitajiet tal-2011. Fir-rigward ta’ ċertifikati, awdituri li jiċċertifikaw kellhom jivverifikaw l-eliġibbiltà ta’ spejjeż indiretti reali rrappurtati skont it-Termini ta’ Referenza għaċ-Ċertifikati dwar Dikjarazzjonijiet Finanzjarji. Barra minn dan, il-maġġoranza tan-nefqa kienet soġġetta għal verifikazzjonijiet ibbażati fuq kampjun mill-awdituri li jiċċertifikaw. Finalment, it-Termini ta’ Referenza ġew aġġornati u mtejba għall-Ftehimiet ta’ Għotja 2012.

12.

Fid-dawl tal-aċċertament li jista’ joħroġ minn verifikazzjonijiet ex ante ta’ tranżazzjonijiet relatati ma’ għotjiet għall-attivitajiet tal-2010, l-EIT kien ippreveda l-ħtieġa li jsaħħaħ verifikazzjoni ex ante biex jimmitiga r-riskji relatati mal-ewwel sena tal-operazzjoni KKI. Sabiex jikseb aċċertament raġonevoli, l-EIT, minbarra ċ-ċertifikati tal-awditjar mill-KKI qed jitlob dokumenti ta’ sostenn verifikati relatati ma’ perċentwal importanti ta’ nefqa bbażata fuq kampjun aleatorju. B’riżultat ta’ dan, spejjeż ineliġibbli ġew korretti qabel il-pagamenti finali. L-aċċertament kombinat miksub miċ-ċertifikati u l-verifikazzjonijiet imsaħħa tal-EIT’s tqies bħala suffiċjenti biex jiġu evitati żbalji materjali fil-pagamenti finali li saru skont il-Ftehimiet ta’ Għotja tal-2010. Eventwalment il-verifikazzjonijiet ex post dwar il-Ftehimiet ta’ Għotja tal-2010 ġew imnedija mill-EIT u r-riżultati finali huma mistennija f’Ottubru 2013. Kwalunkwe irregolaritajiet se jiġu korretti u ammonti li ma kellhomx jitħallsu se jiġu rkuprati fl-2013.

15.

Ir-rabta bejn l-għotjiet u l-attivitajiet li għandhom jiġu implimentati ġiet stabbilita f’livell strateġiku permezz ta’ ffokar fuq ir-riżultati u l-impatt kif ukoll fil-livell operazzjonali permezz tal-portafoll ta’ attivitajiet ta’ KKI. Dan l-approċċ jikkonforma bis-sħiħ mar-Regolament EIT u jitħalla jesperimenta approċċi simplifikati ġodda għat-titjib tal-flessibbiltà u l-effiċjenza tal-KKI. Il-ftehimiet ta’ għotja ma stabbilixxewx limiti individwali għal kategoriji speċifiċi ta’ spejjeż (jiġifieri, spejjeż għall-persunal, sottokuntrattar, servizzi legali, eċc.) minħabba li dawn mhumiex mitluba mir-Regolament Finanzjarju u, barra minn dan, dawn ma jgħinux biex jissodisfaw l-objettivi u l-ħtiġijiet operazzjonali tal-EIT/KKI. Rigward is-sottokuntrattar, il-Ftehimiet ta’ Għotja jistipulaw li l-kuntratti għandhom jingħataw fuq l-aħjar valur għal bażi ta’ flus u għandhom jiġu evitati kunflitti ta’ interess. Dan huwa konsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju.

16.

Fir-rigward ta’ miri kwantifikabbli fil-Pjanijiet ta’ direzzjoni tan-Negozju ta’ KKI, l-EIT ippubblika Linji gwida lil KKI għat-tħejjija ta’ Pjanijiet ta’ direzzjoni tan-Negozju f’Marzu 2012 u talab id-data tagħhom dwar il-livell ta’ suċċess tal-Indikaturi Ewlenin ta’ Prestazzjoni matul l-2010 u l-2011. Dawn il-linji gwida ġew riveduti dan l-aħħar fl-2013 għall-Pjanijiet ta’ direzzjoni tan-Negozju tal-2014 sabiex tkompli titjieb il-kwalità tal-ippjanar u r-rappurtar mill-KKI kif ukoll il-valutazzjoni tal-EIT tal-prestazzjoni tagħhom.

17.

L-EIT tirrikonoxxi l-kumment tal-Qorti. Sal-aħħar tal-2012 il-KKI temmew il-fażi inizjali tagħhom li hija riflessa wkoll fl-użu ta’ għotjiet (ara wkoll l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fil-punt 15). Għalkemm hemm livell għoli ta’ riporti mill-2012 sal-2013, huwa mistenni progress sinifikanti minħabba li l-kanċellazzjonijiet ta’ riporti ser jitnaqqsu b’mod konsiderevoli minn 45 % (riporti tal-2011) għal 13 % stmati (riporti tal-2012). L-EIT ser isegwi din il-kwistjoni aktar mill-qrib.


Top