Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013TA1213(14)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

    ĠU C 365, 13.12.2013, p. 97–105 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 365/97


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

    2013/C 365/14

    INTRODUZZJONI

    1.

    L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”, magħrufa wkoll bħala l-“ECHA”), li tinsab f’Ħelsinki, ġiet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompiti prinċipali tagħha huma li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi fis-suq intern filwaqt li jiġu mtejba l-kompetittività u l-innovazzjoni. L-Aġenzija tippromovi wkoll l-iżvilupp ta’ metodi alternattivi għall-istima ta’ perikli relatati mas-sustanzi (2).

    INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    2.

    L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

    DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

    (a)

    il-kontijiet annwali tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012, u

    (b)

    il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    Ir-responsabbiltà tal-maniġment

    4.

    Skont l-Artikoli 33 u 43 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (5), il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi:

    (a)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Aġenzija wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fihom huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-aspetti materjali kollha.

    (b)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi sorveljanza adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

    Ir-responsabbiltà tal-awditur

    5.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

    6.

    L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

    7.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

    Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    8.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2012 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

    Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    9.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2012 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    10.

    Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI INTERNI

    11.

    Ir-riżultati tal-inventarju fiżiku juru dgħufijiet serji fis-salvagwardja u fl-insegwiment ta’ assi fissi. Ma hemm ebda proċedura ta’ insegwiment għas-softwer u għall-komponenti interni (2 370 oġġett mill-5 878 assi fiss rreġistrati). Barra minn hekk, 306 oġġetti ma setgħux jinstabu, fosthom 93 laptop u 29 kompjuter.

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

    12.

    Ir-rati ta’ implimentazzjoni tal-baġit għas-sena 2012 kienu sodisfaċenti għat-Titoli I u II. Filwaqt li r-rata ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati kienet għolja għat-Titolu III f’livell ta’ 50 % (EUR 11,3 miljun), din hija relatata primarjament man-natura pluriennali ta’ proġetti sinifikanti ta’ żvilupp tal-IT (EUR 3,7 miljun), valutazzjonijiet tas-sustanzi bi skadenza regolatorja annwali ffissata għal Frar N+1 (EUR 1,8 miljun), traduzzjonijiet li kienu għadhom ma twasslux sa tmiem is-sena (EUR 1,3 miljun) u l-bidu ta’ żewġ attivitajiet ġodda Biocides (Bijoċidi) (EUR 1,2 miljun) u PIC (EUR 1,3 miljun) fit-tieni nofs tas-sena.

    SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

    13.

    Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li tieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tad-9 ta’ Lulju 2013.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    (1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

    (2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

    (4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

    (5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

    (6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

    (7)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).


    ANNESS I

    Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

    Sena

    Kumment tal-Qorti

    Status tal-azzjoni korrettiva

    (Ikkompletata / Għadha għaddejja / Pendenti / M/A)

    2011

    Il-baġit 2011 tal-Aġenzija ammonta għal EUR 93,2 miljun, li minnhom EUR 14,9 miljun (16 %) ġew riportati għall-2012. Ir-riporti relatati mat-Titolu III (nefqa operazzjonali) ammontaw għal EUR 11,5 miljun (55 %). Il-livell ta’ riporti huwa eċċessiv u jmur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità.

    Għadha għaddejja

    2011

    Ir-riżultati tal-inventarju fiżiku l-aktar reċenti mwettaq fl-2011 juru bosta nuqqasijiet, speċjalment fir-rigward tal-proporzjon baxx ta’ assi tal-ICT iċċekkjati fir-rigward tal-valur. Ma hemm l-ebda politika formali fis-seħħ dwar l-inventarju ta’ assi fissi.

    Għadha għaddejja

    2011

    L-Aġenzija tirreġistra bħala nefqa dawk l-ispejjeż relatati ma’ proġetti tal-ICT li diġà qegħdin jintużaw minflok ma tirrikonoxxihom bħala assi fissi.

    Ikkompletata

    2011

    Il-Qorti identifikat nuqqasijiet fil-proċeduri tar-reklutaġġ. Ma hemm l-ebda evidenza li l-limiti minimi biex wieħed jgħaddi d-diversi stadji tal-proċeduri jew il-mistoqsijiet għal intervisti jew testijiet bil-miktub kienu ġew stabbiliti qabel ma ġew eżaminati l-applikazzjonijiet. Id-dikjarazzjonijiet ta’ interessi kienu inadegwati għall-qbid u l-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interessi ta’ membri tal-bord ta’ għażla. F’każ minnhom il-proċedura tal-għażla kienet irregolari peress li l-aġent ġie rreklutat għal post differenti minn dik ippubblikata.

    Ikkompletata


    ANNESS II

    Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (Ħelsinki)

    Kompetenzi u attivitajiet

    Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

    Ġbir ta’ informazzjoni

    Il-bażi legali tar-regolament li fuqu hija msejsa l-ECHA – ir-Regolament REACH (KE) Nru 1907/2006 – hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

    Kompetenzi tal-Aġenzija

    (kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament REACH), fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Il-klassifikazzjoni,l-ittikkettar u l-imballaġġ ta’ sustanzi u taħlitiet), fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali) u fir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Kunsens informat minn qabel)

    Objettivi

    L-għan tar-Regolamenti REACH u CLP huwa li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluża l-promozzjoni ta' metodi alternattivi għall-istima ta' perikli ta' sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni (l-Artikolu 1(1) tar-Regolament REACH, l-Artikolu 1 tar-Regolament CLP).

    L-ECHA hija stabbilita għall-finijiet tal-ġestjoni, u f'xi każijiet, għat-twettiq tal-aspetti tekniċi, xjentifiċi u amministrattivi tar-Regolament REACH u sabiex tiġi żgurata konsistenza fil-livell tal-Unjoni fir-rigward ta' dawn l-aspetti (l-Artikolu 75 tar-Regolament REACH) u għall-ġestjoni ta’ kompiti relatati mal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta' sustanzi kimiċi li ġejjin mir-Regolament CLP.

    Kompiti

    Li tirċievi reġistrazzjonijiet u dossiers oħra ta’ sustanzi kimiċi u twettaq kontroll tal-kompletezza tagħhom (it-Titolu II tar-Regolament REACH).

    Li tipproċessa domandi fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet u tieħu deċiżjonijiet fuq kwistjonijiet dwar kondiviżjoni ta’ data (it-Titolu III tar-Regolament REACH).

    Li teżamina dossiers tar-reġistrazzjoni għal konformità mar-Regolament REACH u l-proposti ta’ ttestjar fihom, u li tikkoordina l-proċess ta’ evalwazzjoni tas-sustanza (it-Titolu VI tar-Regolament REACH).

    Li tipproċessa proposti dwar sustanzi ta' tħassib serju ħafna għal-Lista ta’ Kandidati u tagħmel rakkomandazzjonijiet biex xi wħud minn dawn is-sustanzi jiġu inklużi fil-Lista ta’ Awtorizzazzjoni u li tittratta applikazzjonijiet tal-awtorizzazzjoni (it-Titolu VII tar-Regolament REACH).

    Li tipproċessa dossiers ta’ restrizzjonijiet (it-Titolu VIII tar-Regolament REACH).

    Li tistabbilixxi u żżomm database(s) pubbliċi b’informazzjoni dwar is-sustanzi reġistrati kollha u tagħmel ċerta informazzjoni disponibbli għall-pubbliku fuq l-Internet (l-Artikoli 77, 119 tar-Regolament REACH).

    Li tipprovdi gwida u għodda tekniċi u xjentifiċi fejn ikun il-każ (l-Artikolu 77 tar-Regolament REACH, l-Artikolu 50(2) tar-Regolament CLP).

    Li tipprovdi lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE bl-aqwa parir xjentifiċi u tekniċi possibbli dwar kwistjonijiet relatati ma’ sustanzi kimiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha u li jiġu riferuti lilha skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti REACH u CLP (l-Artikolu 77(1) tar-Regolament REACH, l-Artikolu 50(1) tar-Regolament CLP).

    Li tirċievi notifiki C&L (klassifikazzjoni u ttikkettar), iżżomm inventarju pubbliku C&L, tittratta talbiet għal ismijiet alternattivi u tipproċessa proposti għall-klassifikazzjoni u għall-ittikkettar armonizzati ta' sustanzi (CLP).

    Li timplimenta kompiti tekniċi u xjentifiċi b’konformità mar-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali meta dan jiġi fis-seħħ.

    Li timplimenta kompiti taħt ir-Regolament PIC (‘Kunsens Informat minn Qabel’) meta dan jiġi fis-seħħ.

    Tmexxija

    Bord ta’ Tmexxija

    Rappreżentant minn kull Stat Membru maħtur mill-Kunsill u massimu ta' sitt rappreżentanti maħtura mill-Kummissjoni, inklużi tliet individwi mill-partijiet interessati mingħajr drittijiet ta' votazzjoni, kif ukoll żewġ persuni indipendenti maħtura mill-Parlament Ewropew. (l-Artikolu 79 tar-Regolament REACH).

    Kompiti

    L-Artikolu 78 tar-Regolament REACH u r-regolament finanzjarju qafas għall-aġenziji, prinċipalment li jadotta l-programmi ta’ ħidma annwali u pluriennali, il-baġit finali, rapport ġenerali, ir-regoli ta’ proċedura interni u li jaħtar id-Direttur Eżekuttiv u jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuqu. Barra minn dan, jaħtar il-Bord tal-Appell u l-membri tal-Kumitati.

    Direttur Eżekuttiv

    Kompiti

    L-Artikolu 83 tar-Regolament REACH.

    Kumitati

    L-Aġenzija tinkludi tliet Kumitati Xjentifiċi (tal-Istima tar-Riskji, tal-Istati Membri u ta’ Analiżi Soċjo-Ekonomika).

    Kompiti

    L-Artikolu 76(1)(c-e) tar-Regolament REACH.

    Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar

    Kompiti

    L-Artikolu 76(1)(f) tar-Regolament REACH.

    Segretarjat

    Kompiti

    L-Artikolu 76(1)(g) tar-Regolament REACH.

    Bord tal-Appell

    Kompiti

    L-Artikolu 76(1)(h) tar-Regolament REACH.

    Awditu estern

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

    Awditu intern

    Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

    Awtorità ta' kwittanza

    Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill (l-Artikolu 97(10) tar-Regolament REACH).

    Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2012 (2011)

    Baġit (inklużi l-baġits emendatorji)

    EUR 98,9 (93,2) miljun, inklużi:

    Dħul mit-tariffi: EUR 26,6 (33,5) miljun;

    Kontribuzzjoni mill-Unjoni: EUR 4,9 (0,0) miljun għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (EUR 3,2 miljun), ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi (EUR 1,5 miljun) u l-istrument ta’ qabel l-adeżjoni – IPA (EUR 0,2 miljun).

    Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2012

    Għadd ta’ postijiet fit-tabella tal-persunal: 470 (456)

    Għadd ta' postijiet okkupati: 447 (441)

    Persunal ieħor: 65 (90) (aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati)

    Total tal-persunal: 506 (537), assenjati għall-kompiti li ġejjin:

    Kompiti operazzjonali: 352 (333);

    Kompiti amministrattivi u ta’ sostenn: 185 (173)

    Attivitajiet u servizzi pprovduti fl-2012 (2011)

    Il-Programm ta’ Ħidma tal-ECHA kien maqsum fis-16-il Attività li ġejjin:

    Reġistrazzjoni, Prereġistrazzjoni u Kondiviżjoni ta' data

    Għadd ta’ dossiers tar-reġistrazzjoni pproċessati: 9 773(6 100)

    Għadd ta’ valutazzjonijiet ta’ talbiet ta’ kunfidenzjalità kkompletati: 871 (630) [nota: 639 (229) talba ta’ kunfidenzjalità b’konformità mal-Artikolu 119(2)]

    Għadd ta’ domandi milqugħa: 1 632(1 970)

    Għadd ta’ deċiżjonijiet maħruġa fuq tilwim dwar il-kondiviżjoni ta’ data: 1 (3)

    Għadd ta’ sustanzi li l-informazzjoni dwarhom ġiet disponibbli għall-pubbliku (għajr informazzjoni kunfidenzjali): 7 884(4 100)

    Evalwazzjoni

    Għadd ta’ kontrolli ta’ konformità kkompletati: 198 (146)

    Għadd ta’ deċiżjonijiet finali dwar proposti ta’ ttestjar: 171 (22)

    Ġestjoni tar-Riskju

    Għadd ta’ sustanzi identifikati għall-inklużjoni fil-Lista tal-Kandidati: 67 (28)

    Għadd ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ sustanzi biex jiġu inklużi fil-Lista ta’ Awtorizzazzjoni: 0 (1)

    Għadd ta’ dossiers ta’ restrizzjonijiet ppreżentati għal deċiżjoni mill-Kummissjoni: 1 (4)

    Għadd ta’ applikazzjonijet għal awtorizzazzjoni milqugħa: 0 (0)

    Għadd ta’ notifiki dwar sustanzi tal-Lista tal-Kandidati f’artikli: 31 (203)

    Klassifikazzjoni u Ttikkettar (C&L)

    Għadd ta’ notifiki C&L milqugħa: 5,7 miljun għal aktar minn 120 000 sustanza

    Għadd ta’ proposti milqugħa għal klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati: 27 (56)

    Għadd ta’ talbiet għal ismijiet alternattivi għal sustanzi f’taħlitiet: 13 (0)

    Pariri u assistenza

    Għadd ta’ mistoqsijiet imwieġba mill-helpdesk: 5 684

    Għadd ta’ dokumenti ta’ gwida ġodda maħruġa: 0 (3) u l-għadd ta’ aġġornamenti ta’ gwida maħruġa: 30 inklużi 17-il rettifika (14)

    Għodod Xjentifiċi tal-IT

    Modifiki ta’ REACH-IT għall-iskadenza tal-2013.

    Titjib ulterjuri u rilaxx ta’ Għodod tal-IT: IUCLID, CHESAR, Odyssey.

    Soluzzjonijiet tal-IT għal Stati Membri biex ikollhom aċċess għad-data tad-dossier u tas-sustanzi.

    Tkabbir ulterjuri tal-ambitu tal-informazzjoni mxerrda dwar is-sustanzi.

    Rilaxx u manutenzjoni tal-Inventarju C&L.

    Żvilupp ta’ pjattaforma C&L għall-kollaborazzjoni.

    Rilaxx tal-appoġġ mill-IT għall-proċess ta’ ħidma tal-proċessi ta’ evalwazzjoni.

    Pariri Xjentifiċi u Tekniċi lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-UE

    Kuntratt iffirmat għall-appoġġ ta’ żvilupp ulterjuri ta’ metodoloġiji tal-ġestjoni tar-riskju għal sustanzi ‘kumplessi’.

    Metodi komputazzjonali jiġu applikati fuq bażi regolari b’appoġġ tal-proċessi differenti.

    Ġiet organizzata l-ewwel laqgħa tal-GAARN (Grupp ta’ Valutazzjoni ta’ Nanomaterjali li huma diġà Reġistrati).

    Pubblikazzjoni ta’ “Best Practices on physicochemical and substance identity information for nanomaterials” (L-Aħjar Prattiki fir-rigward ta’ informazzjoni fiżikokimika u dwar l-identità tas-sustanzi għal nanomaterjali) u aġġornament ta’ dokumenti oħra ta’ gwida.

    Laqgħa tal-esperti tal-OECD saret fejn l-istrateġija tal-ittestjar għal irritanti tal-ġilda ġiet abbozzata.

    Kontributi pprovduti għall-iżvilupp ta’ metodi ewlenin ta’ ttestjar tal-ġenotossiċità previsti fir-REACH ITS (Strateġija tal-Ittestjar Integrat) u għax-xogħol ta’ PARERE (Analiżi Preliminari ta’ Rilevanza Regolatorja).

    Kumitati u Forum

    Għadd ta’ ftehimiet unanimi tal- MSC: 179 (2)

    Għadd ta’ opinjonijiet tar-RAC: 34 (36)

    Għadd ta’ opinjonijiet tas-SEAC: 1 (0)

    Bord tal-Appell

    Għadd ta’ appelli mressqa: 8 (6)

    Għadd ta’ deċiżjonijiet fuq appelli: 1 (6) u Għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ proċedura: 6 (10)

    Komunikazzjoni

    4 Avvenimenti tal-partijiet interessati organizzati:

    L-Ewwel Sessjoni Pilota ta’ Ħidma għar-Reġistranti fi Frar (74 + 175 permezz ta’ web-stream),

    It-Tieni Sessjoni Pilota ta’ Ħidma għar-Reġistranti f’Ottubru (76 + 200 permezz ta’ web-stream),

    Is-Seba’ edizzjoni ta’ Jum il-Partijiet Interessati f’Mejju (287 parteċipant estern + 353 permezz ta’ web-stream),

    Sessjoni ta’ Ħidma għal Partijiet Interessati Akkreditati f’Novembru (21 parteċipant).

    16-il webinar organizzati b’2 999 parteċipant.

    276 dokument tradotti.

    92 pubblikazzjoni;

    39 stqarrija għall-istampa, 62 avviż tal-aħbarijiet, 6 bullettini.

    3 miljun viżitatur tal-websajt.

    Kooperazzjoni Internazzjonali

    Kooperazzjoni xjentifika u teknika mal-OECD (eż. ChemPortal; Sett ta’ għodod QSAR).

    Ġestjoni

    Żvilupp u titjib kontinwu tas-sistemi amministrattivi u ta’ ġestjoni, inkluża l-IQMS.

    Finanzi, Akkwist u Kontabbiltà

    Ġestjoni rigoruża tal-baġit u tar-riżervi tal-flus kontanti.

    Għadd kbir ta’ azzjonijiet ta’ akkwist imwettqa, eż. biex tiġi stabbilita ġenerazzjoni ġdida ta’ kuntratti qafas għal servizzi tal-IT u kuntratti qafas fl-oqsma ta’ servizzi xjentifiċi, komunikazzjoni u servizzi amministrattivi.

    Għadd totali ta’ kumpaniji vverifikati fir-rigward tal-istatus SME: 315.

    Riżorsi umani u servizzi korporattivi

    23 (24) proċeduri tal-għażla ffinalizzati; 65 (93) membru tal-persunal reklutati (TA u CA).

    Teknoloġija tal-Informatika u tal-Komunikazzjoni

    Forniment ta’ servizzi biex l-infrastruttura tal-ICT u r-riżorsi tal-ICT jibqgħu operazzjonali u fil-livell xieraq ta’ prestazzjoni.

    Stabbiliment ta’ soluzzjoni għall-Kontinwità tan-Negozju għal sistemi tal-IT kritiċi għall-missjoni li jiddependu fuq servizzi esternalizzati ta’ hosting.

    Tnedija ta’ sistema għar-reġistrazzjoni tal-ħin.

    Migrazzjoni tas-softwer tal-istazzjonijiet tax-xogħol kollha għal verżjonijiet aġġornati.

    Bijoċidi

    Analiżi, tfassil u implimentazzjoni tar-Reġistru għall-Prodotti Bijoċidali (R4BP).

    Żvilupp tal-ewwel abbozz ta’ dokumenti ewlenin ta’ gwida.

    Pjan preliminari ta’ ħidma għall-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali.

    L-Istati Membri ġew mistiedna biex jaħtru Membri, jipprovdu l-President u s-Segretarjat għall-Kumitat il-ġdid u biex jibdew jippreparaw għall-Grupp ta’ Koordinazzjoni.

    PIC

    Attivitajiet preparatorji.

    Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija.


    IT-TWEĠIBIET TAL-AĠENZIJA

    11.

    F’Lulju 2012 tnediet verżjoni ġdida tal-ABAC Assets (v. 2.7.2.) li tippermetti ntraċċar aħjar tal-komponenti interni li ma jkunux jistgħu jiġu aċċessati fiżikament. Madankollu, dan il-proċess jirrikjedi ħafna xogħol manwali, u ma setax jitlesta fiż-żmien għall-eżerċizzju tal-inventarju tal-assi tal-2012. L-Aġenzija tikkonferma li l-ġestjoni tal-inventarju tal-assi se tissaħħaħ. Il-verifika fiżika tal-inventarju għaldaqstant ser issir kmieni fl-2013 biex ikun hemm analiżi xierqa u ntraċċar sħiħ tal-assi kollha. Sadanittant, diġà nbeda proġett biex tinħoloq sistema ta’ softwer għall-ġestjoni tal-liċenzja li tippermetti segwitu xieraq tal-assi intanġibbli.

    12.

    L-Aġenzija tapprezza l-konklużjoni ta’ hawn fuq mill-Qorti u ser tibqa' kawta biex tassigura l-ġustifikazzjoni tal-operazzjonijiet miġjuba 'l quddiem f’Titolu III.


    Top