Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013TA1213(13)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti taċ-Ċentru

    ĠU C 365, 13.12.2013, p. 89–96 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 365/89


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti taċ-Ċentru

    2013/C 365/13

    INTRODUZZJONI

    1.

    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (minn hawn ’il quddiem “iċ-Ċentru”, magħruf ukoll bħala l-“ECDC”), li jinsab fi Stokkolma, ġie stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompiti prinċipali taċ-Ċentru huma li jiġbor u jxerred data dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard tal-bniedem u li jagħti opinjonijiet xjentifiċi dwar dan is-suġġett. Huwa meħtieġ ukoll jikkoordina n-netwerk Ewropew tal-korpi li joperaw f’dan il-qasam (2).

    INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    2.

    L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll taċ-Ċentru. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

    DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

    (a)

    il-kontijiet annwali taċ-Ċentru, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012, u

    (b)

    il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    Ir-responsabbiltà tal-maniġment

    4.

    Skont l-Artikoli 33 u 43 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (5), il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali taċ-Ċentru u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi:

    (a)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali taċ-Ċentru jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali taċ-Ċentru wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tiegħu jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fihom huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja taċ-Ċentru fl-aspetti materjali kollha.

    (b)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi sorveljanza adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

    Ir-responsabbiltà tal-awditur

    5.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali taċ-Ċentru jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

    6.

    L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

    7.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

    Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    8.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali taċ-Ċentru jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2012 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu u l-flussi tal-flus tiegħu għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tiegħu u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

    Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    9.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2012 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    10.

    Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-LEGALITÀ U R-REGOLARITÀ TAT-TRANŻAZZJONIJIET

    11.

    L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet taċ-Ċentru kienet kwalifikata għas-sena 2011 minħabba li ċ-Ċentru ma rrispettax l-ammont massimu ta’ kuntratt qafas mill-2009. Skont dan il-kuntratt qafas, iċ-Ċentru seta’ jiffirma kuntratti speċifiċi ma’ fornituri magħżula sa ammont massimu ta’ EUR 9 miljun. Madankollu sa tmiem l-2011, kienu saru pagamenti ta’ EUR 12,2 miljun.

    12.

    Sabiex jixtri servizzi essenzjali għat-tkomplija tal-proġett relatat, iċ-Ċentru fl-2012 ikkonkluda kuntratti speċifiċi addizzjonali għal ammont ta’ EUR 2,5 miljun. Flimkien mal-pagamenti ta’ EUR 2,7 miljun li saru fl-2012 għal kuntratti ffirmati diġà fl-2011, il-pagamenti li saru ammontaw għal total ta’ EUR 17,4 miljun sa tmiem l-2012. Filwaqt li pagamenti ’l fuq mil-limitu massimu ta’ EUR 9 miljun stabbilit fil-kuntratt qafas huma irregolari, iċ-Ċentru ħa azzjoni korrettiva fl-2012 u ffirma kuntratt qafas ta’ sostituzzjoni f’Ġunju 2012 (mhumiex se jsiru aktar pagamenti taħt il-kuntratt qadim) u tejjeb il-monitoraġġ tal-konsum ta’ kuntratti qafas inġenerali.

    13.

    Fl-2012 pagamenti li jammontaw għal EUR 5,2 miljun jirriżultaw minn nuqqasijiet fis-snin preċedenti meta l-limitu massimu tal-kuntratt qafas ma ġiex osservat. Dawn jirrelataw ma’ obbligi kuntrattwali li rriżultaw minn snin preċedenti (EUR 2,7 miljun) jew saru fl-2012 għal raġunijiet ta’ kontinwità tan-negozju (EUR 2,5 miljun) sal-finalizzazzjoni tal-proċedura ta’ akkwist għall-kuntratt qafas ġdid. Meta wieħed iqis l-azzjoni korrettiva meħuda miċ-Ċentru fl-2012, il-Qorti ma kkwalifikatx l-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet din is-sena.

    KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI INTERNI

    14.

    Fl-2012, iċ-Ċentru ta għotjiet lil istituzzjonijiet li jwettqu r-riċerka u individwi. In-nefqa totali tal-għotjiet ammontat għal EUR 752 000, li tirrappreżenta 1,4 % tan-nefqa operattiva 2012. Il-verifikazzjonijiet ex ante taċ-Ċentru qabel ir-rimborż tal-ispejjeż ikklejmjati mill-benefiċjarji jikkonsistu minn analiżi fl-uffiċċju tal-klejms tal-ispejjeż u parzjalment ukoll minn ċertifikati tal-awditjar maħruġa minn ditti indipendenti tal-awditjar ikkuntrattati mill-benefiċjarji. Iċ-Ċentru normalment ma jottjeni ebda dokument mill-benefiċjarji biex jissostanzja l-eliġibbiltà u l-preċiżjoni tal-ispejjeż ikklejmjati. Sabiex isaħħaħ il-kontrolli, iċ-Ċentru adotta strateġija ta’ verifikazzjoni ex post u ppjana għall-implimentazzjoni tagħha fl-2012. Madankollu, huwa esperjenza dewmien ta’ 10 xhur biex jikseb aċċess għal kuntratt tal-awditjar interistituzzjonali u, fiż-żmien tal-awditu, kienet għadha ma saret ebda verifikazzjoni ex post tan-nefqa tal-għotjiet fl-2012. Għat-tranżazzjonijiet awditjati mill-Qorti, inkisbet dokumentazzjoni ta’ sostenn miċ-Ċentru f’isem il-Qorti u din ipprovdiet aċċertament raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tagħhom.

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

    15.

    L-implimentazzjoni tar-rati tal-baġit kienu sodisfaċenti għat-Titolu I (nefqa tal-persunal) u għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) b’97 % u 80 % tal-approprjazzjonijiet impenjati rispettivament. Filwaqt li l-livell ta’ ammonti riportati relatat mat-Titolu III huwa għoli f’livell ta’ EUR 8,3 miljun (41 % tal-approprjazzjonijiet impenjati tat-Titolu III), dan ma seħħx minħabba d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma Annwali taċ-Ċentru, imma jirrifletti n-natura pluriennali tal-attivitajiet. Iċ-Ċentru adotta modulu ta’ ppjanar baġitarju li huwa marbut direttament mal-Programm ta’ Hidma Annwali tiegħu u l-pagamenti ġew ippjanati u magħmula skont il-bżonnijiet operazzjonali.

    SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

    16.

    Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kumenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-10 ta’ Settembru 2013.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    (1)  ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1.

    (2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet taċ-Ċentru. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

    (4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

    (5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

    (6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

    (7)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).


    ANNESS I

    Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

    Sena

    Kumment tal-Qorti

    Status tal-azzjoni korrettiva

    (Ikkompletata / Għadha għaddejja / Pendenti / M/A)

    2011

    Bħal fis-sena ta’ qabel, livell għoli ta’ ammonti riportati huwa rrappurtat għall-2011. Dan il-livell għoli ta’ ammonti riportati, flimkien ma’ livell baxx ta’ nfiq dovut (EUR 5,4 miljun), imur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità.

    Ikkompletata

    2011

    Fil-paragrafu 10 hemm irrappurtati irregolaritajiet fil-ġestjoni ta’ kuntratt qafas wieħed, u dawn wasslu għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet. Il-Qorti sabet każijiet addizzjonali fejn il-kontrolli taċ-Ċentru ma pprevenewx il-ġestjoni fqira tal-kuntratti.

    Ikkompletata

    2011

    F’każ minnhom, taħt kuntratt qafas multiplu, ġie emendat kuntratt speċifiku miċ-Ċentru fl-2010 u għal darb’oħra fl-2011. L-emendi kienu koperti mill-kundizzjonijiet tal-kuntratt qafas, iżda ma kkonformawx mar-Regoli ta’ Implimentazzjoni taċ-Ċentru għar-Regolament Finanzjarju tiegħu. L-emendi kienu relatati mat-tul u ż-żidiet kemm fis-servizzi kif ukoll fl-ammonti ta’ kuntratti. Pagamenti li jeċċedu l-valur tal-kuntratt oriġinali ammontaw għal EUR 0,2 miljun.

    Ikkompletata

    2011

    Għal kuntratt qafas ieħor konkluż għal ammont massimu ta’ EUR 1,7 miljun, l-erba’ kuntratti speċifiċi ffirmati fl-2011 li kienu qegħdin jimplimentawh ma għamlu l-ebda referenza għall-volum jew għall-valur ta’ servizzi li għandhom jingħataw. Fl-2011 il-pagamenti relatati ma’ dawn il-kuntratti speċifiċi ammontaw għal EUR 0,06 miljun. Il-kuntratt qafas innifsu kellu tul massimu eċċessiv ta’ tmien snin u ċ-Ċentru naqas milli joħloq rabta ċara bejn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-kriterji ta’ għotja u l-istruttura tal-ipprezzar kif imniżżla fid-dokumenti tal-offerta mibgħuta lill-fornituri għall-akkwist tas-servizzi kuntrattati.

    Ikkompletata

    2011

    Ftehim wieħed ta’ għotja għal ammont ta’ EUR 0,2 miljun ġie ffirmat fl-2011 aktar minn erba’ xhur wara li kienu bdew l-attivitajiet. Attivitajiet imwettqa u nfiq imġarrab qabel l-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja huma ineliġibbli.

    Ikkompletata

    2011

    Bħal fis-sena ta’ qabel, il-Qorti identifikat dgħufijiet fir-rigward tal-proċeduri tar-reklutaġġ tal-persunal. Ma kien hemm l-ebda evidenza li l-mistoqsijiet għat-testijiet bil-mitkub u l-intervisti u l-ponderazzjonijiet tagħhom kienu ġew stabbiliti qabel l-eżami tal-applikazzjonjiet. Il-kriterji tal-għażla parzjalment ma kinux ġew iċċekkjati u nbidlu r-rekwiżiti tal-eliġibbiltà fl-istadju tal-valutazzjoni.

    Ikkompletata


    ANNESS II

    Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (Stokkolma)

    Kompetenzi u attivitajiet

    Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

    (L-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

    Il-livell (Livell) għoli ta' ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni.

    L-azzjoni tal-Unjoni, li għandha tikkomplementa l-politika nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, lejn il-prevenzjoni tal-mard u l-infirmità tal-bniedem, u li jevitaw (jiġu evitati) il-fonti ta’ periklu għas-saħħa umana (fiżika u mentali). Din l-azzjoni għandha tkopri l-ġlieda kontra l-flaġelli kbar tas-saħħa, billi tinkoraġġixxi riċerka fuq il-kawża tagħhom, it-tixrid tagħhom u l-prevenzjoni tagħhom, kif ukoll informazzjoni u edukazzjoni dwar is-saħħa, kif ukoll il-monitoraġġ ta' theddid transkonfinali serju għas-saħħa, l-allert (bikri) għal dan it-theddid u l-ġlieda kontrih.

    Kompetenzi taċ-Ċentru

    (Ir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

    Objettivi

    Biex isaħħaħ id-difiżi tal-Ewropa kontra mard trasmissibbli; speċifikament, biex jidentifika, jivvaluta u jikkomunika danni (theddid) attwali u li jistgħu jinqalgħu għas-saħħa tal-bniedem minn mard trasmissibbli.

    Għalhekk, iċ-Ċentru għandu jħaddem netwerks ta’ sorveljanza dedikati, jagħti opinjonijiet xjentifiċi, iħaddem is-sistema ta’ twissija bikrija u tweġiba (EWRS) u jagħti għajnuna xjentifika u teknika u taħriġ.

    Kompiti

    Li jħaddem in-netwerks ta’ sorveljanza ddedikata għall-mard u jtejjeb l-attivitajiet ta’ netwerking. Iċ-Ċentru għandu rwol speċifiku fil-ġabra, validazzjoni, analiżi u tixrid ta' data.

    Li jagħti pariri awtorevoli u esperti u opinjonijiet xjentifiċi u studji dwar mard trasmissibbli.

    Li jħaddem is-Sistema ta’ Twissija Bikrija u Tweġiba. Jiżviluppa proċeduri għall-identifikazzjoni ta’ theddid għas-saħħa li jista' jinqala'.

    Li jsaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri fil-pjanifikazzjoni u fit-taħriġ.

    Li jinforma lill-pubbliku ġenerali u l-partijiet interessati bix-xogħol tiegħu.

    Tmexxija

    Bord tal-Amministrazzjoni

    Kompożizzjoni

    Membru nnominat minn kull Stat Membru, żewġ membri nnominati mill-Parlament Ewropew u tliet rappreżentanti tal-Kummissjoni.

    Kompiti

    Il-Bord jadotta l-programm annwali u l-baġit taċ-Ċentru u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom.

    Direttur

    Maħtur mill-Bord tal-Amministrazzjoni fuq il-bażi ta’ lista ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni.

    Forum Konsultattiv

    Kompożizzjoni

    Rappreżentant ta’ kull Stat Membru u tliet rappreżentanti tal-Kummissjoni mingħajr id-dritt għall-vot.

    Kompiti

    Il-Forum għandu jiżgura l-eċċellenza xjentifika tax-xogħol u l-indipendenza tal-attivitajiet u l-opinjonijiet taċ-Ċentru.

    Awditu estern

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

    Awditu intern

    Is-servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

    Awtorità ta' kwittanza

    Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

    Riżorsi disponibbli għaċ-Ċentru fl-2012 (2011)

    Baġit Finali

    EUR 58,2 (56,6) miljun

    Persunal fil-31 ta' Diċembru 2012

    Postijiet awtorizzati: 200 (200)

    Postijiet okkupati: 187 (177)

    Postijiet oħra: 91 (88)

    Total: 278 (265), assenjati għad-dmirijiet li ġejjin:

    kompiti operazzjonali: 183 (174)

    kompiti amministrattivi u ta’ sostenn: 95 (91)

    Prodotti u servizzi fl-2012 (2011)

    69 (64) theddida identifikata u monitorjata permezz tal-Għodda tat-Traċċar tat-Theddid (Threat Tracking Tool) (TTT).

    52 (52) rapport ta’ theddid kull ġimgħa dwar mard trasmissibbli, mibgħut lil 334 (331) riċevitur. Barra minn hekk, mill-2012 ’il hawn, ir-rapport huwa disponibbli wkoll fuq il-websajt tal-ECDC kull ġimgħa.

    Għoti ta’ appoġġ lill-intelliġenza dwar l-epidemiji għal 3 (3) avvenimenti kbar li jiġbdu l-massa.

    Barra minn dan, 3 (5) avvenimenti ta’ natura eċċezzjonali/importanza pubblika ġew monitorjati wkoll.

    Tħejjija ta’ 6 valutazzjonijiet tar-riskju, 16-il (17-il) valutazzjoni rapida tar-riskju ġdida u 16-il (11-il) aġġornament dwar il-valutazzjonijiet rapidi tar-riskju.

    1 (2) sessjonijiet ta’ ħidma ta’ eżerċizzju ta' simulazzjoni mwettqa għall-ittestjar u t-titjib tat-tħejjija u t-tweġiba għal mard trasmissibbli.

    94 (98) sieħeb imħarreġ skont il-Programm Ewropew dwar it-Taħriġ dwar Interventi Epidemjoloġiċi (EPIET).

    10 (8) imsieħba mħarrġa fit-Taħriġ Ewropew dwar il-Mikrobijoloġija tas-Saħħa Pubblika (EUPHEM).

    114-il (181) espert dwar is-saħħa pubblika minn 30 pajjiż tal-UE-ŻEE pparteċipaw f’moduli qosra ta’ taħriġ taċ-Ċentru.

    780 000(500 000) viżitatur fuq il-portal tal-web taċ-Ċentru.

    240 (122) pubblikazzjoni xjentifika ppubblikati.

    Fifth European Antibiotic Awareness Day (Il-Ħames Ġurnata Ewropea fuq Sensibilizzazzjoni dwar l-Antibijotiċi) organizzata bil-parteċipazzjoni ta’ 43 (37) pajjiż; bi sforz għal turija ta’ solidarjetà globali, il-Ġimgħa tal-Istati Uniti “Get Smart About Antibiotics” (Ikseb Intelliġenza dwar l-Antibijotiċi), l-inizjattiva Kanadiża “AntibioticAwareness.ca” (Sensibilizzazzjoni dwar l-Antibijotiċi.ca) u l-Australian Antibiotic Awareness Week (il-Ġimgħa Awstrajlana fuq is-Sensibilizzazzjoni dwar l-Antibijotiċi) ġew varati wkoll matul l-istess ġimgħa.

    13-il (11,2-il) miljun rekord uniku fid-databases ta’ TESSy; 1 324(845) utent attiv minn 56 (53) pajjiż.

    Sorveljanza mtejba; integrazzjoni fiċ-Ċentru ta’ 15 (15) mis-17-il netwerk tas-sorveljanza ddedikata fi tmiem l-2011; (wieħed ma tkompliex u l-ieħor ġie mogħti ’l barra).

    Pubblikazzjoni tar-Rapport Annwali dwar l-Epidemjoloġija.

    Pubblikazzjoni tar-rapporti annwali dwar it-Tuberkulosi, l-HIV/AIDS u kontra l-mikrobijoreżistenza.

    40 (32) bullettin ta’ kull ġimgħa dwar l-influwenza/deskrizzjonijiet ġeneriċi ta' kull ġimgħa lejn is-sorveljanza tal-influwenza għall-2012.

    34 (27) opinjoni xjentifika prodotti, ibbażati fuq talbiet ta’ partijiet interessati.

    Organizzazzjoni tas-sitt Konferenza Ewropea Xjentifika dwar l-Epidemjoloġija tal-Mard Li Jittieħed Applikat (European Scientific Conference on Applied Infectious Disease Epidemiology) (ESCAIDE) bejn l-24 u s-26 ta’ Ottubru 2012 fi Edinburgh, b’511-il (500) parteċipant.

    Organizzazzjoni tal-ewwel konferenza tal-vaċċin Ewropew (Eurovaccine.net) b’200 parteċipant.

    Pubblikazzjoni kull ġimgħa tal-ġurnal xjentifiku Eurosurveillance, b’14 000(13 302) abbonat online.

    L-Eurosurveillance rċieva l-ewwel fattur tal-impatt tiegħu. Iċ-ċifra impressjonanti ta’ 6,15 ġiet mogħtija għas-sena 2011. Din tqiegħed lill-Eurosurveillance fi klassifikazzjoni 6 fost is-70 ġurnal fil-kategorija ta’ Mard Infezzjuż madwar id-dinja kollha.

    Sors: Informazzjoni mogħtija miċ-Ċentru.


    IT-TWEĠIBIET TAĊ-ĊENTRU

    11–13.

    Iċ-Ċentru sar konxju ta’ dan il-każ f’Settembru 2011 u ressqu għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Awdituri matul l-awditu tagħhom f’Ottubru 2011. Iċ-Ċentru eżerċita trasparenza totali dwar din il-kwistjoni biex ifittex gwida u parir mill-Qorti tal-Awdituri. Wara d-diskussjonijiet dak iż-żmien, iċ-Ċentru kien stabbilixxa l-miżuri kollha meħtieġa: tnedija minnufih ta’ sejħa għal offerti ġdida biex jiġi stabbilit Kuntratt Qafas ġdid (FWC) u reġistrazzjoni ta’ eċċezzjoni. F’Diċembru 2011, flimkien mat-tweġiba taċ-Ċentru għal din is-sejba preliminari, inkluda, informazzjoni dettaljata relatata mal-volumi tal-kuntratt li għandhom jiġu ffirmati xorta taħt l-FWC attwali sabiex jiżgura l-kontinwità tan-negozju tiegħu, skeda taż-żmien għall-FWC l-ġdid u l-miżuri stabbiliti biex fil-futur dan jiġi evitat bħall-ġestjoni tal-FWC l-ġdid minn Uffiċjal tal-Awtorizzazzjoni wieħed u l-konsum tiegħu minn Uffiċjal tar-Riżorsi wieħed. Iċ-Ċentru jenfasizza li ma ntilef l-ebda fond u l-ebda parti ma ġiet żvantaġġata.

    14.

    Il-Politika tal-ECDC dwar il-Verifika tal-Għotjiet waslet biex tiġi riveduta f’Lulju 2013. Il-politika riveduta ser tikkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Il-verifiki kollha tal-infiq tal-għotjiet ippjanati għall-2012 minflok ser isiru fl-2013, flimkien mal-verifiki magħżula għal din is-sena. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-kuntratt qafas interistituzzjonali għall-awditi mhuwa ser iwassal għall-ebda tnaqqis fil-kontrolli li jsiru.

    15.

    Il-kumment tal-Qorti jintlaqa’ b’sodisfazzjon peress li jikkonferma n-natura pluriennali tal-biċċa l-kbira tal-attività operattiva taċ-Ċentru.


    Top