EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013TA1213(04)

Rapport dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti taċ-Ċentru

ĠU C 365, 13.12.2013, p. 21–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 365/21


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti taċ-Ċentru

2013/C 365/04

INTRODUZZJONI

1.

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (minn hawn ’il quddiem “iċ-Ċentru”, magħruf ukoll bħala s-“Cedefop”), li jinsab f’Tessalonika, ġie stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75 (1). Il-mandat prinċipali tiegħu huwa li jservi l-iżvilupp tat-taħriġ vokazzjonali fil-livell tal-Unjoni. Sabiex jilħaq dan l-objettiv, huwa għandu l-kompitu li jiġbor u li jxerred dokumentazzjoni dwar is-sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali (2).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll taċ-Ċentru. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali taċ-Ċentru, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Skont l-Artikoli 33 u 43 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (5), il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali taċ-Ċentru u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi:

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali taċ-Ċentru jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali taċ-Ċentru wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tiegħu jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fihom huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja taċ-Ċentru fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi sorveljanza adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali taċ-Ċentru jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali taċ-Ċentru jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2012 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu u l-flussi tal-flus tiegħu għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tiegħu u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2012 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI INTERNI

11.

Iċ-Ċentru jagħti għotjiet fuq bażi annwali lil netwerk ta’ sħab nazzjonali (8) (il-firxa tal-għotjiet għal kull ftehim hija bejn EUR 23 615 u EUR 43 620). In-nefqa għall-għotjiet (li hija prinċipalment relatata mal-ispejjeż għall-persunal tal-benefiċjarji) fl-2012 ammontat għal EUR 695 337 (9), jew 4 % tan-nefqa operazzjonali totali. Il-verifikazzjonijiet ex ante tal-għotjiet taċ-Ċentru jikkonsistu f’analiżi komprensiva tad-dokumenti tal-klejms għall-ispejjeż ippreżentati mill-benefiċjarji tal-għotjiet, kif ukoll eżaminar taċ-ċertifikati miksuba minn awdituri esterni li kienu kkuntrattati mill-benefiċjarji jew taċ-ċertifikati minn uffiċjali pubbliċi indipendenti. Madankollu, iċ-Ċentru normalment ma jivverifikax l-ispejjeż għall-persunal ikklejmjati mill-benefiċjarji abbażi ta’ dokumentazzjoni oriġinali ta’ sostenn. L-aħħar li twettqu verifikazzjonijiet ex post relatati kien fl-2009. B’riżultat ta’ dan, il-verifikazzjonijiet ex ante jipprovdu biss aċċertament limitat.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

12.

Ir-rati ta’ implimentazzjoni tal-baġit kienu għoljin f’livell ta’ 100 % għat-Titoli I u III u 98 % għat-Titolu II. Filwaqt li l-ammonti riportati tal-approprjazzjonijiet impenjati kienu għoljin għat-Titolu II f’livell ta’ 39 % (EUR 673 392), dan irriżulta prinċipalment minn raġunijiet barra mill-kontroll taċ-Ċentru, bħal dewmien f’xogħlijiet ta’ tiswija mwettqa mill-awtoritajiet Griegi fil-bini taċ-Ċentru. Dawn wasslu għal posponiment tal-manutenzjoni, it-tiswija u l-armar relatati tal-bini (madwar EUR 124 000), kif ukoll dewmien fl-akkwist ta’ tagħmir għas-swali tal-konferenzi taċ-Ċentru (madwar EUR 242 000). Parti mill-ammonti riportati tista’ tiġi attribwita għal dewmien fl-akkwist ta’ tagħmir tal-IT (madwar EUR 172 000).

KUMMENTI OĦRA

13.

Żewġ proċeduri ta’ reklutaġġ għall-post tad-Direttur futur taċ-Ċentru kienu ġew varati fl-2010 u fl-2011 u kien iddikjarat li t-tnejn li huma ma kellhomx suċċess (10). Fi tmiem l-2012 ġiet varata t-tielet proċedura ta’ reklutaġġ u din għadha għaddejja. Il-Qorti sabet li fl-ewwel żewġ proċeduri ta’ reklutaġġ il-membri tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni ma ffirmawx dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess u li l-mistoqsijiet għall-intervisti u l-ponderazzjoni tagħhom, kif ukoll il-punteġġi minimi għall-inklużjoni fil-lista ta’ kandidati xierqa ġew stabbiliti wara l-iskrinjar tal-kandidati.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

14.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tad-9 ta’ Lulju 2013.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 39, 13.2.1975, p. 1.

(2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet taċ-Ċentru. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).

(8)  Prinċipalment aġenziji nazzjonali u istituti ta’ riċerka.

(9)  Dawn irriżultaw minn pagamenti finali u approvazzjonijiet ta’ prefinanzjamenti relatati ma’ ftehimiet ta’ għotjiet mis-snin preċedenti. Għall-ftehimiet ta’ għotjiet għall-2012, kienu saru biss prefinanzjamenti fl-2012 li kienu għadhom ma wasslux għal infiq.

(10)  Fl-ewwel proċedura ta’ reklutaġġ, ebda wieħed mill-kandidati li tqieghed fuq il-lista mqassra mill-Bord Governattiv taċ-Ċentru ma nħatar mill-Kummissjoni Ewropea. Fit-tieni proċedura ta’ reklutaġġ, il-Kumitat ta’ Preselezzjoni qies li ebda wieħed mill-kandidati proposti ma ssodisfa r-rekwiżiti biex ikun fuq il-lista mqassra u ma ppreżentax lista ta’ kandidati xierqa lill-Bord Governattiv.


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata / Għadha għaddejja / Pendenti / M/A)

2011

Il-livell eċċessiv ta’ ammonti riportati għat-Titolu II jmur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità.

Għadha għaddejja

2011

Sar għadd sinifikanti ta’ trasferimenti baġitarji li kienu kkonċentrati l-aktar fi tmiem is-sena (1). Il-ġustifikazzjoni għal dawn it-trasferimenti baġitarji kienet insuffiċjenti, peress li ma saret l-ebda stima tal-ħtiġijiet. Din is-sitwazzjoni tindika dgħufijiet fl-ippjanar u l-programmazzjoni tal-baġit u tmur kontra l-prinċipju tal-ispeċifikazzjoni.

Għadha għaddejja

(ikkompletata fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tat-trasferimenti)

2011

Kull sena, il-finanzjament miċ-Ċentru ta’ għotjiet għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) (2) jammonta għal madwar EUR 1 miljun (3). Kien hemm dewmien sinifikanti fl-għeluq ta’ għotjiet għas-sena 2010, għax il-benefiċjarji ppreżentaw ir-rapporti finali tagħhom dwar l-attivitajiet tard. Iċ-Ċentru stess ittardja fil-verifikazzjoni ta’ dawn ir-rapporti u fl-ipproċessar tal-pagamenti finali (4).

Ikkompletata


(1)  B’kollox, saru 77 trasferiment baġitarju, li jammontaw għal total ta’ EUR 1,5 miljun, li minnhom 67 trasferiment (EUR 1,3 miljun) saru f’Novembru u f’Diċembru 2011.

(2)  Iċ-Ċentru jagħti għotjiet lil netwerk Ewropew ta’ referenza u ħila esperta (‘ReferNet’), biex tingħata informazzjoni dwar is-sistemi u l-politiki nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-Istati Membri, fin-Norveġja u fl-Islanda.

(3)  2011 u 2010: EUR 0,9 miljun.

(4)  Bħala medja, il-pagamenti finali ttardjaw b’madwar 50 jum.


ANNESS II

Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħrig Vokazzjonali (Tessalonika)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(L-Artikolu 166(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

Ġbir ta’ informazzjoni

L-Unjoni għandha timplimenta politika ta' formazzjoni vokazzjonali, li għandha tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tal-formazzjoni vokazzjonali.

Kompetenzi tas-Cedefop

(L-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75)

Għanijiet

Fil-kapaċità tiegħu bħala ċ-ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, is-Cedefop jipprovdi lil min ifassal il-politika, lir-riċerkaturi u lill-professjonisti b’evidenza dwar xejriet attwali biex ikunu jistgħu jilħqu deċiżjonijiet u azzjonijiet b’bażi soda. Is-Cedefop jassisti lill-Kummissjoni Ewropea fil-promozzjoni u fl-iżvilupp ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali fil-livell tal-Unjoni.

Kompiti

Li jiġbor dokumentazzjoni magħżula u jipproduċi analiżi tad-data,

li jagħti sehem fl-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta' riċerka,

li jutilizza u jxerred informazzjoni rilevanti,

li jħeġġeġ u jappoġġa ħidma koordinata għal kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp ta’ taħriġ vokazzjonali,

li jipprovdi forum għal pubbliku wiesa’ u divers.

Tmexxija

Bord Governattiv

Kompożizzjoni

Għal kull Stat Membru:

(a)

Membru wieħed li jirrappreżenta l-Gvern.

(b)

Membru wieħed li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem.

(c)

Membru wieħed li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet tal-impjegati.

Għall-Kummissjoni Ewropea: tliet membri.

Il-membri msemmija f’(a), (b) u (c) jinħatru mill-Kunsill. Il-Kummissjoni taħtar il-membri li għandhom jirrappreżentawha.

Koordinaturi mill-Organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u mill-Organizzazzjonijiet tal-impjegati fil-livell Ewropew u osservaturi mill-pajjiżi taż-ŻEE wkoll jattendu għal-laqgħat tal-Bord Governattiv u tal-Bureau.

Doveri

Li jadotta l-baġit, il-prijoritajiet fuq perjodu medju (l-ippjanar pluriennali tas-Cedefop), il-programm ta’ xogħol u li jivvaluta u janalizza r-rapport annwali tal-attività u l-kontijiet annwali. Li jadotta l-baġit finali u l-pjan ta’ stabbiliment (it-tabella tal-persunal).

Bureau

Kompożizzjoni

Il-president u t-tliet viċi presidenti tal-Bord Governattiv, koordinatur wieħed għal kull grupp u rappreżentant addizzjonali tal-Kummissjoni.

Direttur

Maħtur mill-Kummissjoni minn lista’ ta’ kandidati mogħtija mill-Bord Governattiv; huwa responsabbli għall-ġestjoni tas-Cedefop u jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Bord Governattiv u tal-Bureau.

Awditu intern

Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awtorità ta' kwittanza

Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Riżorsi disponibbli għaċ-Ċentru fl-2012 (2011)

Baġit finali

EUR 19,22 (18,83) miljun

Kontribuzzjoni tal-Unjoni (1): 97,6 % (97,5 %)

Persunal fil-31 ta' Diċembru 2012

Għadd ta’ postijiet fit-tabella tal-persunal: 101 (101)

Postijiet okkupati: 98 (2) (97)

Persunal ieħor:

persunal kuntrattwali: 23 (3) (25)

esperti nazzjonali sekondati: 3 (3)

Total tal-persunal: 124 (125)

persunal operazzjonali: 90 (90)

persunal amministrattiv: 34 (35)

Prodotti u servizzi fl-2012 (2011)

Analiżi tal-politika u rappurtar

Ir-rapport tas-Cedefop Trends in VET policy in Europe 2010-12: Progress towards the Bruges Communiqué (Xejriet fil-politika tal-ETV fl-Ewropa 2010-12: Progress lejn il-Communiqué ta’ Bruges) ġie ppubblikat u ppreżentat lid-Diretturi Ġenerali tat-Taħriġ Vokazzjonali (DĠTV) f’Ċipru. Is-Cedefop ipprovda informazzjoni aġġornata dwar is-sistemi tal-ETV, flimkien ma’ aħbarijiet dwar inizjattivi u żviluppi tal-politiki fl-Istati Membri. ‘Statistika tax-xahar’ diversa b’data madwar l-Ewropa ffukat fuq il-valutazzjoni tal-impatt tal-kriżi. Biex tiġi ssodisfata d-domanda tal-Kummissjoni Ewropea għal analiżi tal-iżviluppi fl-ETV ibbażati fuq il-pajjiż għas-‘semestru Ewropew’, is-Cedefop reġa’ ffoka l-ħidma tiegħu u introduċa Spotlajts fuq l-ETV għall-pajjiżi kollha. Għal-laqgħat tad-DĠTV taħt il-Presidenza Daniża u dik Ċiprijotta huwa ħejja deskrizzjoni qasira tal-iżviluppi fl-ETV-kooperazzjoni man-negozju u nota ta’ informazzjoni dwar Permeable education and training systems: reducing barriers and increasing opportunity (Sistemi permeabbli ta’ edukazzjoni u taħriġ: it-tnaqqis ta’ ostakoli u ż-żieda ta’ opportunitajiet).

Għodod komuni Ewropej, kwalifiki u eżiti tat-tagħlim

Is-Cedefop ikkordina l-Grupp Konsultattiv dwar il-QEK (Qafas Ewropew tal-Kwalifiki) b’mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea u (kko)abbozza 23 dokument ta’ sfond li pprovdew informazzjoni għad-dibattiti dwar il-politika. In-nota ta’ informazzjoni Qualifications frameworks in Europe: an instrument for transparency and change (Qafas tal-kwalifiki fl-Ewropa: strument għat-trasparenza u l-bidla) maħruġa għal-laqgħa tad-DĠTV f’Ċipru tat sommarju tar-riżultati tar-raba’ rapport annwali tas-Cedefop dwar l-iżviluppi fl-NQF. Is-Cedefop analizza wkoll ir-rapporti minn 10 pajjiżi fejn fissru kif huma jorbtu l-kwalifiki nazzjonali tagħhom mal-QEK. Ir-riżultati tat-tielet rapport ta’ monitoraġġ tal-ECVET ġew ippreżentati fil-laqgħa tad-DĠTV f’Ċipru. L-appoġġ għall-EQAVET kompla. Il-websajt Europass – ġestita mis-Cedefop – qed tintuża aktar u aktar miż-żgħażagħ tal-Ewropa. Minn meta ġiet varata sa issa, ġewirreġistrati madwar 60 miljun żjara (2012: 14,8 miljun (2011) 12,9 miljun) u l-utenti ġġeneraw 25 miljun CV onlajn (2012: 8,3 miljun; 2011: 5,8 miljun). L-istudju Curriculum reform in Europe: the impact of learning outcomes (ir-riforma tal-kurrikulu fl-Ewropa: l-impatt tal-eżiti tat-tagħlim) ġie ppubblikat u diskuss f’sessjoni ta’ ħidma internazzjonali. Fl-2011/12, is-Cedefop ikkoordina 215-il żjara ta’ studju għal 2 448 speċjalista minn 33 pajjiż. L-istudji ta’ impatt jissottolinjaw rata għolja ta’ sodisfazzjon (96 %).

Tagħlim tal-adulti u tranżizzjonijiet

L-istudju Adult learning in the workplace: skill development to promote innovation in enterprises (Tagħlim tal-adulti fuq il-post tax-xogħol: żvilupp ta’ ħiliet għall-promozzjoni ta’ innovazzjoni f’intrapriżi) inħareġ għal sessjoni ta’ ħidma dwar din il-kwistjoni. Biex jikkontribwixxi għas-sena Ewropea għat-tixjiħ attiv, is-Cedefop organizza sessjoni ta’ ħidma dwar is-sostenn tal-impjegabbiltà permezz tat-tagħlim fi ħdan il-konferenza tad-DĠ Edukazzjoni u Kultura ‘One Step Up in later life’ (Pass 'il Fuq aktar tard fil-ħajja). Huwa ħareġ ukoll il-pubblikazzjoni tiegħu Working and ageing – the benefits of investing in an ageing workforce (Xogħol u tixjiħ – il-benefiċċju ta’ investiment f’forza tax-xogħol li qed tixjieħ). Tliet pubblikazzjonijiet ffukaw fuq l-iffinanzjar u inċentivi oħra għas-CVET. Biex tiġi appoġġata l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, is-Cedefop ikkontribwixxa għall-avveniment li sar fuq l-inizjattiva tal-Ġermanja għall-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ bosta pajjiżi bħala parti mill-‘European alliance for apprenticeship’ (Alleanza għall-apprendistat). Il-kontribut silet ukoll mill-evidenza fir-rapport From education to working life – The labour market outcomes of VET (Mill-edukazzjoni għall-ħajja tax-xogħol – L-eżiti tal-ETV fuq is-suq tax-xogħol).

Analiżi tal-ħiliet

Is-Cedefop ippreżenta l-aħħar previżjoni tiegħu dwar id-domanda u l-provvista tal-ħiliet fl-UE għall-2010-2020 fin-nota ta’ informazzjoni Europe’s skill challenge – Lagging skill demand increases risks of skill mismatch (L-isfida tal-ħiliet fl-Ewropa – Domanda għall-ħiliet li taqa’ lura żżid ir-riskju ta’ nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet) u l-pubblikazzjoni Future skills supply and demand in Europe – Forecast 2012 (Provvista u domanda tal-ħiliet fl-Ewropa fil-ġejjieni – Previżjoni 2012). Is-Cedefop ikkontribwixxa għall-Panorama ta’ Ħiliet fl-UE u ħareġ żewġ pubblikazzjonijiet dwar ħilet ekoloġiċi. Għar-rapport tal-Kummissjoni dwar L-Impjieg u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa 2012, is-Cedefop abozza kapitolu dwar in-nuqqas ta’ tlaqqigħ ta’ ħiliet. Sar dibattitu dwar ir-rapport Skill mismatch: the role of the enterprise (Nuqqas ta’ tlaqqigħ ta’ ħiliet: ir-rwol tal-intrapriża) f’sessjoni ta’ ħidma. Inħarġet ukoll nota ta’ informazzjoni dwar Preventing skill obsolescence (Prevenzjoni tal-obsolenza tal-ħiliet). Għall-inizjattiva tiegħu fil-ħolqien ta’ għodda ta’ monitoraġġ reġjonali għall-antiċipazzjoni ta’ ħiliet, is-Cedefop ipprovda kompetenza esperta lill-muniċipalità ta’ Tessalonika.

Impatt organizzattiv

Indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin juru impatt organizzattiv għoli: kwotazzjonijiet f’169 dokument tal-politka tal-UE u 68 dokument tal-politika internazzjonali, li xi wħud minnhom jiġbdu b’mod sostanzjali mill-ħidma tas-Cedefop; kontributi għal 26 dokumenti tal-politika tal-UE, 158 avveniment tal-Presidenza u oħrajn fil-livell tal-UE; 150 avveniment organizzati mis-Cedefop; 120 pubblikazzjoni; 525 artiklu fil-midja dwar il-ħidma tas-Cedefop irreġistrati (+ 38 %); 636 000 pubblikazzjoni mniżżla mill-internet (+ 33 %); 415-il pubblikazzjoni f’litteratura xjentifika; tkabbir sinifikanti fil-midja soċjali (+ 127 % Facebook; + 170 % Twitter). Għall-iffrankar fuq l-ispejjeż, tqiegħdet enfasi fuq vidjokonferenzi u Skype ntuża b’mod esperimentali fi proċeduri ta’ reklutaġġ għall-intervisti.

Għal aktar informazzjoni ara www.cedefop.europa.eu (ir-Rapport Annwali u r-Rapport Annwali tal-Attività 2012).

Sors: Informazzjoni mogħtija miċ-Ċentru.


(1)  

Nota:

il-kontribuzzjoni tal-Unjoni tinkludi sussidju mill-Unjoni kif ukoll BRS.

(2)  Dan jinkludi postijiet li huma effettivament mimlija (92) u offerti għall-impjieg li saru (6) għal postijiet battala (f’konformità mal-approċċ ta’ Pjan Multiannwali għall-Politika tal-Persunal).

(3)  Dan jinkludi 22 membru tal-persunal kuntrattwali u offerta waħda għall-impjieg li saret.

Sors: Informazzjoni mogħtija miċ-Ċentru.


IT-TWEĠIBIET TAĊ-ĊENTRU

11.

Iċ-Ċentru jiskrutinizza fit-dettall il-proposti u l-istimi tal-ispejjeż meta jkun qed jivvaluta l-applikazzjonijiet għall-għotja. Fil-proċess ta’ verifika, il-kwalità u l-kompletezza tas-servizz jiġu vverifikati fid-dettall.

Biex ikunu indirizzati d-dubji tal-Qorti, minn din is-sena, is-Cedefop ser jintroduċi, flimkien maċ-ċertifikati ta’ verifika, verifiki ddettaljati tal-ispejjeż tal-persunal u ħinijiet tax-xogħol għal tliet każi magħżula għall-għarrieda mis-26 sa 29 ħlas ta’ għotja.

12.

Ittieħdet nota tal-osservazzjoni tar-riporti f’Titolu 2 u ġie kkonfermat l-impenn kontinwu biex jitbaxxew dawn ir-riporti.

13.

Iċ-Ċentru nnota li minkejja li jipprovdi assitenza lill-kumitat tal-preselezzjoni ma għandux kontroll fuq il-proċedura u d-deċiżjonijiet tal-kumitat tal-preselezzjoni jew tal-Kummissjoni.

L-evidenza wriet li l-membri tal-penil kienu konxji mill-ħtieġa ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess. Madankollu, il-membri tal-kumitat ta’ preselzzjoni fil-frattemp iffirmaw dikjarazzjonijiet formali wara s-suġġerimenti tal-Qorti.


Top