EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013TA1213(01)

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

ĠU C 365, 13.12.2013, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 365/1


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

2013/C 365/01

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”, magħrufa wkoll bħala l-“ACER”), li tinsab f’Ljubljana, inħolqot permezz tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompitu prinċipali tal-Aġenzija huwa li tgħin lill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali fl-eżerċizzju, fil-livell tal-Unjoni, tal-kompiti regolatorji li huma jwettqu fl-Istati Membri u, fejn ikun meħtieġ, li tikkoordina l-azzjonijiet tagħhom. Skont ir-Regolament REMIT (2), l-Aġenzija ngħatawlha responsabbiltajiet addizzjonali ġodda, flimkien mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, fir-rigward tal-monitoraġġ tas-suq Ewropew tal-enerġija bl-ingrossa (3).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (4) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Skont l-Artikoli 33 u 43 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (6), il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi:

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (7); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Aġenzija wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fihom huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi sorveljanza adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (8) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi, u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2012 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2012 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-LEGALITÀ U R-REGOLARITÀ TAT-TRANŻAZZJONIJIET

11.

Sabiex tkopri tariffi ogħla tal-iskola, l-Aġenzija tagħti lill-persunal li għandhom tfal jattendu skola primarja jew sekondarja benefiċċju komplementari b’żieda mal-benefiċċji tal-edukazzjoni previsti fir-Regolamenti tal-Persunal (9). It-total tal-benefiċċji komplementari fl-2012 ammonta għal madwar EUR 23 000. Dawn mhumiex koperti bir-Regolamenti tal-Persunal u għalhekk huma irregolari.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

12.

L-Aġenzija rriportat approprjazzjonijiet impenjati skont it-Titolu II (Spejjeż relatati mal-bini tal-aġenzija) tal-baġit tagħha li jammontaw għal EUR 1,7 miljun, li jirrappreżenta 81 % tal-approprjazzjonijiet totali impenjati fit-Titolu II. Dawn ir-riporti huma marbutin l-aktar mal-implimentazzjoni mar-Regolament REMIT li għadha għaddejja. Billi l-implimentazzjoni hija konnessa mal-attivitajiet operazzjonali tal-Aġenzija, normalment din kellha tkun ibbaġitjata skont it-titolu III.

13.

Fl-2012, l-Aġenzija għamlet 20 trasferiment baġitarju ta’ madwar EUR 1 miljun u li jaffettwaw 43 linja baġitarja. Dan jindika dgħufijiet fl-ippjanar tal-baġit.

KUMMENTI OĦRA

14.

L-Aġenzija kellha EUR 4,2 miljun flus kontanti fl-aħħar tas-sena, inkluż il-bilanċ favorevoli fil-baġit tal-2011 ta’ EUR 1,6 miljun li rriżulta minn sejħa eċċessiva għall-fondi fl-2011 u li ġie rkuprat mill-Kummissjoni f’Jannar 2013. Dan mhuwiex konsistenti mal-immaniġġjar rigoruż ta’ flus.

15.

Il-proċeduri ta’ reklutaġġ awditjati żvelaw nuqqasijiet li jaffettwaw it-trasparenza u trattament indaqs tal-kandidati: il-mistoqsijiet għal intervisti u testijiet ma ġewx stabbiliti qabel ma ġew eżaminati l-applikazzjonijiet. Il-kundizzjonijiet għal-ammissjoni għal testijiet bil-miktub u intervisti u għall-inklużjoni fil-lista ta’ kandidati adatti ma kinux speċifikati biżżejjed fid-dettall u l-miżuri meħuda biex tiġi żgurata l-anonimità tal-kandidati li se jagħmlu testijiet bil-miktub kienu inadegwati.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

16.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi meħuda b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-10 ta’ Settembru 2013.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1) li jagħti rwol importanti lill-Aġenzija fis-sorveljanza tan-negozjar fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa madwar l-Ewropa.

(3)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(5)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(6)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(7)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(8)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).

(9)  L-Artikolu 3 tal-Anness VII jipprovdi d-doppju tal-benefiċċju bażiku ta’ EUR 252,81 = EUR 505,62.


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata / Għadha għaddejja / Pendenti / M/A)

2011

Il-livell għoli ta’ approprjazzjonijiet mhux użati u ta’ riporti kif ukoll il-livell baxx ta’ pagamenti jindikaw li hemm nuqqasijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u jmorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità.

Għadha għaddejja

2011

Hemm lok għal titjib tat-trasparenza tal-proċeduri ta’ reklutaġġ. Bħala eżempju, l-avviżi ta’ postijiet battala ma speċifikawx l-għadd massimu ta’ kandidati li għandhom jitqiegħdu fuq il-lista ta’ riżerva u ma għamlu l-ebda referenza għall-possibbiltà li wieħed jappella. Barra minn hekk, il-mistoqsijiet għat-testijiet bil-miktub u l-intervisti u l-marki tagħhom ma kinux ġew ippreparati qabel ma ġew eżaminati l-applikazzjonijiet.

Għadha għaddejja

2011

Fl-2011, l-Aġenzija ħallset gratifiki għas-sussistenza li jammontaw għal EUR 10 839 lil esperti ssekondati li kienu ċittadini tal-Istat fejn tinsab l-Aġenzija. Dan il-pagament imur kontra r-Regoli dwar l-Issekondar tal-Esperti Nazzjonali adottati mill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija, li jippermetti l-għoti ta’ dawn il-gratifiki lill-persunal temporanju biss li mhumiex ċittadini tal-Istat Membru fejn huma impjegati; dawn il-pagamenti huma irregolari.

Ikkompletata


ANNESS II

Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (Ljubljana)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(L-Artikolu 114 (eks Artikolu 95 TKE) u l-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b'regolamenti jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.

Fil-kuntest tal-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u b'kont meħud tal-ħtieġa ta' preservazzjoni u titjib tal-ambjent, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija għandha timmira li, fi spirtu ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri:

(a)

tassigura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija;

(b)

tassigura s-sigurtà tal-provvista tal-energija fl-Unjoni;

(c)

tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta' forom ta' enerġija ġodda u rinnovabbli; u

(d)

tippromwovi l-interkonnessjoni ta' netwerks tal-enerġija.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-kisba ta’ dawn l-objettivi. Dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni.

Kompetenzi tal-Aġenzija

(Kif speċifikati fir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill; Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 838/2010; ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

Objettivi

L-għan tal-Aġenzija hu li tgħin lill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali fl-eżerċizzju, fil-livell tal-Unjoni, tal-kompiti regolatorji li jwettqu fl-Istati Membri u, fejn ikun meħtieġ, li tikkoordina l-azzjoni tagħhom.

Kompiti

tikkomplementa u tikkoordina x-xogħol tal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali,

tipparteċipa fil-ħolqien ta’ regoli dwar in-netwerk Ewropew,

tieħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, deċiżjonijiet individwali vinkolanti dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-aċċess u s-sigurtà operattiva tal-infrastruttura transkonfinali,

tagħti pariri dwar diversi kwistjonijiet relatati mal-enerġija lill-istituzzjonijiet Ewropej,

timmonitorja u tirrapporta żviluppi fis-swieq tal-enerġija,

tifformula proposta lill-Kummissjoni tal-UE dwar is-somma ta’ kumpens annwali għall-infrastruttura transkonfinali għall-mekkaniżmu tal-ITC,

tikkoopera mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-ESMA, l-awtoritajiet finanzjarji kompetenti tal-Istati Membri u fejn xieraq mal-awtoritajiet għall-kompetizzjoni nazzjonali sabiex jiġu mmonitorjati s-swieq tal-enerġija bl-ingrossa,

tivvaluta l-operat u t-trasparenza ta’ kategoriji differenti ta’ swieq u metodi ta’ negozjar,

tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni fir-rigward tar-regoli tas-suq, ir-rekords tat-tranżazzjonijiet, l-ordnijiet għan-negozju, l-istandards u l-proċeduri li jistgħu jtejbu l-integrità tas-suq u l-funzjonament tas-suq intern.

Tmexxija

Bord tal-Amministrazzjoni

Kompożizzjoni

Żewġ membri maħtura mill-Parlament Ewropew, żewġ membri maħtura mill-Kummissjoni u ħames membri maħtura mill-Kunsill. Kull membru għandu sostitut.

Kompiti

Il-Bord tal-Amministrazzjoni jadotta l-programm annwali u l-baġit tal-Aġenzija u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom.

Direttur

Maħtur mill-Bord tal-Amministrazzjoni wara opinjoni favorevoli mill-Bord tar-Regolaturi u abbażi ta’ lista ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni.

Bord tar-Regolaturi

Kompożizzjoni

Rappreżentant għoli tal-awtoritajiet regolatorji minn kull Stat Membru u rappreżentant tal-Kummissjoni li ma jkollux dritt tal-vot. Kull membru għandu sostitut maħtur mill-awtorità regolatorja nazzjonali minn kull Stat Membru.

Kompiti

il-Bord għandu jipprovdi opinjonijiet lid-Direttur dwar l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet li huma kkunsidrati għall-adozzjoni,

iservi ta’ gwida lid-Direttur fit-twettiq tal-kompiti tiegħu,

jagħti opinjoni lill-Bord tal-Amministrazzjoni dwar il-kandidat li jkun se jinħatar bħala direttur, u

japprova l-programm ta’ ħidma għall-Aġenzija.

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awtorità ta’ Kwittanza

Il-Parlament Ewropew li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2012 (2011)

Baġit 2012 (2011)

EUR 7,2 (4,8) miljun

Persunal fil-31 ta' Diċembru 2012(2011)

Postijiet elenkati fit-tabella tal-persunal: 43 (40)

Postijiet okkupati fil-31 ta’ Diċembru: 42 (39)

Persunal ieħor: 14 (12)

Total tal-persunal: 57 (39), li minnhom allokati lil:

kompiti operazzjonali: 34 (28)

kompiti amministrattivi: 23 (11)

Prodotti u servizzi 2012

Żewġ Linji Gwida ta’ qafas (Elettriku: Linji Gwida ta’ qafas dwar l-Ibbilanċjar; Gass: Linji Gwida ta’ Qafas dwar l-Interoperabbiltà). Konsultazzjonijiet pubbliċi organizzati kif mitlub skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009, inklużi sessjonijiet ta’ ħidma.

Kodiċijiet tan-netwerk

(a)

Tliet Opinjonijiet Motivati dwar il-Kodiċijiet tan-Netwerk (Electtriku: Kodiċi tan-Netwerk għar-Rekwiżiti dwar il-Konnessjoni tal-Grilja Applikabbli għall-Ġeneraturi kollha u Kodiċi tan-Netwerk dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċitajiet u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni; Gass: Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmu tal-Allokazzjoni tal-Kapaċitajiet).

(b)

Żewġ Rakkomandazzjonijiet Kwalifikati dwar il-Kodiċijiet tan-Netwerk (it-tnejn li huma dwar il-Kodiċi tan-Netwerk tal-Gass dwar il-Mekkaniżmu tal-Allokazzjoni tal-Kapaċitajiet).

Opinjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma ENTSOG għall-2012.

Opinjoni dwar il-Prospettiva dwar il-Provvista tax-Xitwa 2011-2012 tal-ENTSOG.

Opinjoni dwar il-Prospettiva dwar il-Provvista tas-Sajf 2012 tal-ENTSOG.

Opinjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma Annwali 2013 tal-ENTSOG.

Opinjoni dwar l-ENTSO-E TYNDP 2012.

Opinjoni dwar ir-Rapport tal-Prospettiva tas-Sajf 2012 tal-ENTSO-E u l-Eżami tax-Xitwa 2011/2012.

Opinjoni dwar ir-Rapport Annwali 2011 tal-ENTSO-E.

Rapport tal-Monitoraġġ tas-Suq Konġunt ACER-CEER (l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009) inħareġ fid-29 ta’ Novembru; saret preżentazzjoni fi Brussell.

Rakkomandazzjoni dwar l-Artikolu 2(1)(n) tal-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li tirrevoka d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KUMM(2011) 656 finali).

Rakkomandazzjoni dwar ir-Rekords tat-Tranżazzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 (REMIT) ġiet adottata.

Deċiżjoni marbuta mal-Format ta’ Reġistrazzjoni Skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 ġiet adottata.

It-tieni edizzjoni tal-Gwida dwar l-applikazzjoni tad-definizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 2 tar-REMIT inħarġet fit-28 ta’ Settembru 2012.

Konklużjoni b’suċċess tat-tliet kuntratti qafas fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-REMIT.

L-Eżami tal-Istatus tal-Inizjattivi Reġjonali għall-2011 ġie ppubblikat f’Marzu.

Tliet rapporti trimestrijali dwar l-Inizjattivi Reġjonali tal-Gass Online (GRIs) u erba’ rapporti trimestrijali dwar l-Inizjattivi Reġjonali tal-Elettriku Online (ERIs) ġew ippubblikati.

Żewġ Gruppi ta’ Ħidma ġodda tal-Aġenzija ġew stabbiliti (Grupp ta’ Ħidma għall-Implementazzjoni, il-Monitoraġġ u l-Proċeduri (AIMPWG) u Grupp ta’ Ħidma għall-Integrità tas-Swieq u t-Trasparenza (AMITWG), u r-Regoli għall-funzjonament tal-Gruppi ta’ Ħidma ġew aġġornati.

Fl-14 ta’ Marzu 2012 l-Aġenzija organizzat il-Konferenza Annwali tagħha “Nagħmlu is-suq tal-Enerġija Interna realtà - liema rwol għall-ACER?”; attendew 220 parteċipant.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija.


IT-TWEĠIBIET TAL-AĠENZIJA

11.

Fl-assenza ta’ skola Ewropea fis-Slovenja u l-ħtieġa ta’ miżura ta’ natura soċjali biex ikunu assimilati l-kondizzjonijiet ta’ xogħol mhux ugwali (konformi ma’ Artikolu 1(e) tar-Regolamenti tal-Persunal) li għalihom huma suġġetti l-persunal tal-Aġenzija, meta mqabbla mal-persunal li jaħdmu f’istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea, fejn hemm l-iskejjel Ewropej, il-Bord Amministrattiv adotta d-deċiżjoni AB Nru 01/2011 tal-11 ta’ Frar 2011“fuq l-appoġġ mogħti lill-membri tal-persunal tal-ACER għal dak li jirrigwarda l-ħlasijiet tal-kindergardin u l-iskejjel”. Il-livell massimu ta’ appoġġ mogħti lill-membri tal-persunal eliġibbli, għal kull tifel jew tifla eliġibbli, ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ flus imħallsa għall-iskola Ewropea fi Brussell.

12.

L-Aġenzija ġiet infurmata mill-Kummissjoni biex tuża Titolu II għall-proġett REMIT peress li ħafna mill-spejjeż tal-bidu għandhom x’jaqsmu mal-applikazzjonijiet tal-IT. L-Aġenzija ddeċidiet li tuża Titolu III għall-infiq relatat mar-REMIT mill-2014 meta l-monitoraġġ mill-Aġenzija tas-suq tal-enerġija huwa mistenni li jibda.

13.

Wara valutazzjoni komprensiva, l-Aġenzija saret taf li l-baġit imwarrab fl-istqarrija finanzjarja tar-REMIT mhux biżżejjed biex tkun żviluppata sistema effettiva ta’ IT għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011. Għaldaqstant, l-Aġenzija ppruvat, diġà fl-2012, tidentifika minn fejn jistgħu jinġiebu riżorsi addizzjonali mill-baġit tagħha biex ikunu ddedikati għar-REMIT. Peress li l-baġit tal-Aġenzija kien diġà eżatt, ammonti żgħar biss setgħu ġew trasferiti minn linji baġitarji oħra. Dan l-eżerċizzju twettaq b’mod sistematiku u rriżulta f’numru għoli ta’ trasferimenti baġitarji ta’ ammonti baxxi.

14.

Il-bilanċ ta’ EUR 4,2 m fil-kont bankarju tal-Aġenzija fl-aħħar tas-sena kien jinkludi ż-żieda baġitarja tal-2011 ta’ EUR 1,6 m mogħtija lura f’Jannar 2013, minħabba li l-Aġenzija rċeviet it-talba mill-Kummissjoni fit-8 ta’ Jannar 2013, iż-żieda baġitarja ta’ EUR 0,6 m li trid titħallas lura lill-Kummissjoni meta tintalab, kif ukoll l-ammont ta' EUR 1,9 m biex tissetilja l-obbligazzjonijiet legali tal-Aġenzija qabel tmiem is-sena u li ġew riportati fl-2013. Il-ġestjoni finanzjarja tal-Aġenzija timmira li tassigura li l-fondi jkunu disponibbli biex ikopru l-ispejjeż pendenti kif jinqalgħu.

15.

L-Aġenzija qiegħda ssegwi mill-qrib il-proċeduri ta’ eżaminazzjoni bil-miktub u l-intervisti kif imsemmija fid-dettall fid-deċiżjoni rilevanti tad-Direttur 2012-17 dwar il-Linjigwida fuq il-proċeduri ta’ reklutaġġ u x-xogħol tal-Kumitati ta’ Selezzjoni tal-20 ta’ Marzu 2012, billi tassigura li l-kriterji tal-mistoqsijiet u l-valutazzjoni jkunu fissi qabel il-bidu tal-eżamijiet u l-intervisti. Biex ikunu kkonsidrati l-kummenti tal-awditur, l-Aġenzija qablet li tirrevedi l-proċedura attwali. L-Aġenzija kkunsidrat li l-anonimità tal-eżamijiet mhix kruċjali għall-oġġettività kollha tal-proċedura ta’ selezzjoni. Il-kriterji tal-marki biex ikunu valutati l-eżamijiet huma stabbiliti mill-penil ta’ selezzjoni minn qabel biex ikun assigurat punteġġ oġġettiv tal-eżamijiet bil-miktub. Barra minn hekk, ċerti eżemijiet ma jistgħux ikunu organizzati anonimament, minħabba li l-kandidati jew jintalbu jippreżentaw l-esperjenza tagħhom fit-tweġiba jew inkella jintalbu jippreparaw preżentazzjoni biex jagħmluha quddiem il-penil ta' selezzjoni fil-bidu tal-intervista.


Top