Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013TA0110(02)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

    ĠU C 6, 10.1.2013, p. 9–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.1.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 6/9


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

    2013/C 6/02

    INTRODUZZJONI

    1.

    L-Impriża Konġunta Clean Sky, li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita f’Diċembru 2007 (1) għal perjodu ta’ 10 snin.

    2.

    L-objettiv tal-Impriża Konġunta Clean Sky huwa li taċċelera l-iżvilupp, il-validazzjoni u d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji nodfa għat-trasport bl-ajru fl-UE għall użu mill-aktar fis possibbli (2). L-attivitajiet ta’ riċerka koordinati mill-Impriża Konġunta huma maqsumin f’sitt oqsma teknoloġiċi jew ‘Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata’ (ITDs).

    3.

    Il-Membri Fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni, u msieħba industrijali bħala l-mexxejja tal-ITDs, flimkien mal-membri assoċjati tal-ITDs.

    4.

    Il-kontribuzzjoni massima tal-UE lill-Impriża Konġunta Clean Sky biex tkopri l-ispejjeż operazzjonali u l-attivitajiet ta’ riċerka hi ta’ EUR 800 miljun li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-Seba’ Programm Kwadru (3). Membri oħrajn tal-Impriża Konġunta għandhom jikkontribwixxu riżorsi li minn tal-inqas huma ugwali għall-kontribuzzjoni tal-UE, inklużi kontributi in natura.

    5.

    L-Impriża Konġunta bdiet taħdem b’mod awtonomu fis-16 ta’ Novembru 2009.

    INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    6.

    L-approċċ tal-verifika meħud mill-Qorti fih proċeduri tal-verifika analitiċi, ittestjar tat-tranżazzjonijiet fil-livell tal-Impriża Konġunta u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll. Dan huwa supplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn huwa relevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

    ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    7.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (4) tal-Impriża Konġunta Clean Sky, li jikkonsistu fir-“rapporti finanzjarji” (5) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (6) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011, u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    8.

    Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (7).

    Ir-responsabbiltà tal-Maniġment

    9.

    Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (8). Id-Direttur huwa responsabbli milli jistabbilixxi (9) l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni relevanti għat-tħejjija ta’ kontijiet finali (10) li jkunu ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba fi frodi u sew jekk minħabba xi żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

    Ir-responsabbiltà tal-Awditur

    10.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

    11.

    Il-Qorti mexxiet l-awditu (verifika) tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (Verifika) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-ISSAI (11). Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti etiċi u professjonali u li tippjana u twettaq l-awditu (verifika) sabiex tikseb aċċertament (assigurazzjoni) raġonevoli dwar jekk il-kontijiet ikunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

    12.

    L-awditu (verifika) tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar (verifika) dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet (żvelar) fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula, inkluża l-valutazzjoni tagħha tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet jew ta’ tranżazzjonijiet illegali jew irregolari, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball, jiddependu fuq il-ġudizzju tagħha tal-awditu (verifika). Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqiesu l-kontrolli interni relevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet mill-entità sabiex jitfasslu l-proċeduri tal-awditjar (verifika) li jkunu xierqa skont iċ-ċirkostanzi. L-awditu (verifika) tal-Qorti jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi magħmula mill-maniġment, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

    13.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar (verifika) miksuba hija suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet imniżżlin hawn taħt.

    Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    14.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2011 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus (likwidità) tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjoni tar-regoli finanzjarji tagħha.

    Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    15.

    L-istrateġija tal-verifika ex-post tal-Impriża Konġunta ġiet adottata b’deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija fis-17 ta’ Diċembru 2010 u hija kontroll ewlieni għall-valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (12). Il-verifiki ex-post ikkompletati f’Settembru 2012 koprew EUR 44,3 miljun (18,8 % tal-klejms tal-ispejjeż kollha li waslu għand l-Impriża Konġunta fl-2008, l-2009 u l-2010 (13)). Ir-rata ta’ żball li tirriżulta minn dawn il-verifiki ex-post kienet 6,16 % (14).

    Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    16.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, għajr għall-effetti tal-kwistjonijiet deskritti fil-paragrafu 15, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma, legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    17.

    Il-kummenti segwenti fil-paragrafi 18 sa 32 ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

    Implimentazzjoni tal-baġit

    18.

    Il-baġit emendatorju finali 2011 (15) kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 175 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 159,8 miljun. Ir-rata ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn kienet 94 % filwaqt li r-rata għal approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet 64 %. Ir-rata għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament tirrifletti dewmien fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta. Hemm dewmien sinifikanti bejn il-pubblikazzjoni tas-sejħiet għall-proposti u l-firma tal-ftehimiet ta’ għotjiet (16). L-implimentazzjoni baxxa tal-baġit hija riflessa wkoll fil-bilanċ tal-flus, li kien ta’ EUR 51 miljun fi tmiem is-sena (32 % tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament disponibbli fl-2011) (17).

    19.

    L-Impriża Konġunta, għal kuntrarju tar-regoli finanzjarji tagħha, irriportat ’il fuq minn EUR 68 miljun ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-2012 mingħajr deċiżjoni mill-Bord ta’ Tmexxija (18).

    Preżentazzjoni tal-kontijiet

    20.

    L-Impriża Konġunta esperjenzat dewmien sinifikanti fil-wasla tal-klejms tal-ispejjeż minn Ftehimiet tal-Għotjiet mal-Membri għall-2011. Minħabba fid-dewmien, il-validazzjoni ta’ għadd kbir ta’ klejms ma setgħux jiġu kkompletati għall-Kontijiet Finali 2011. Il-kontributi in natura relatati (EUR 52 miljun) ma ġewx approvati mill-Bord ta’ Tmexxija fi żmien xieraq u b’konsegwenza ta’ dan, ma setgħux jiġu rreġistrati taħt l-attivi netti u kellhom jiġu riflessi taħt il-passivi (“kontribuzzjonijiet li jridu jiġu vvalidati”). L-Impriża Konġunta għalhekk irrapportat attivi netti negattivi ta’ EUR 18,5 miljun. Il-Kontijiet Finali b’mod xieraq jirriflettu din is-sitwazzjoni tranżizzjonali li ma tindika ebda riskju ta’ solvenza għall-Imrpiża Konġunta.

    KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI EWLENIN TAS-SISTEMI TA’ SORVELJANZA U KONTROLL TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

    21.

    Minkejja l-progress li sar matul l-2011, l-Impriża Konġunta s’issa għadha ma stabbilietx b’mod sħiħ sistemi affidabbli ta’ kontroll intern u ta’ informazzjoni finanzjarja. B’mod partikolari, jinħtieġ aktar xogħol fuq il-proċeduri ta’ kontroll ex-ante applikati għall-validazzjoni tal-klejms għall-ispejjeż.

    22.

    Fl-2011 l-Impriża Konġunta kienet għadha ma implimentatx l-għodda l-ġdida (19) biex timmaniġġa d-data relatata mal-klejms għall-ispejjeż ippreżentati mill-membri u l-benefiċjarji.

    23.

    Il-Qorti eżaminat il-proċeduri ta’ kontroll ex-ante applikati għal klejms għall-ispejjeż ippreżentati skont tliet ftehimiet ta’ għotjiet ma’ Membri tal-Clean Sky (20). Ġew identifikati d-dgħufijiet li ġejjin:

    il-listi ta’ kontroll użati għall-kontroll ex-ante fuq il-klejms għall-ispejjeż mhux dejjem kienu kompluti (21).

    f’każ minnhom, iċ-ċertifikat tal-verifika li jakkumpanja l-klejm għall-ispejjeż ta’ assoċjat inkluda eċċezzjonijiet li jolqtu l-ispejjeż tal-persunal u tas-sottokuntrattar. Ma sar ebda aġġustament għall-klejm għall-ispejjeż bħala riżultat ta’ dawn l-eċċezzjonijiet.

    għal kuntrarju tal-manwal tal-proċeduri finanzjarji (22), m’hemm ebda evidenza li l-aġenti operazzjonali qegħdin ukoll jikkonfermaw l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-kuntratti.

    f'minn tal-inqas tliet tranżazzjonijiet, il-funzjonijiet tal-verifikazzjoni finanzjarja u l-uffiċjal awtorizzanti kienu r-responsabbiltà tal-kap tal-amministrazzjoni, għal kuntrarju tad-dispożizzjonijiet tal-manwal tal-proċeduri finanzjarji u l-prinċipju ta’ segregazzjoni tad-doveri.

    24.

    L-Uffiċjal tal-Kontabilità f’Marzu 2012 kkompleta l-eżerċizzju ta’ validazzjoni tal-proċessi ta’ negozju ta’ bażi hekk kif meħtieġ mir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta (23). Saru għadd ta’ rakkomandazzjonijiet fir-rapport ta’ validazzjoni tal-Uffiċjal tal-Kontabilità, b’mod partikolari l-bżonn li titjieb is-sistema għall-validazzjoni tal-klejms għall-ispejjeż u l-implimentazzjoni ta’ għodda biex isir rappurtar b’mod xieraq lill-maniġment, dwar kwistjonijiet baġitarji u kontabilistiċi.

    KWISTJONIJIET OĦRAJN

    Uffiċċju tal-awditjar (verifika) intern u s-Servizz tal-Awditjar (verifika) Interna tal-Kummissjoni

    25.

    Matul l-2011, u bħala riżultat ta’ limiti ta’ riżorsi fi ħdan l-organizzazzjoni, l-awditur intern kellu jaħdem fuq il-proċessi fundamentali tal-Impriża Konġunta, inkluż l-istabbiliment tal-kontijiet tal-2010 u 2011 u l-validazzjoni tal-klejms għall-ispejjeż li waslu mingħand il-membri.

    26.

    Fl-2011 is-Servizz tal-Awditjar (Verifika) Intern tal-Kummissjoni wettaq eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskju. Ibbażat fuq ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju, il-pjan strateġiku tal-verifika għall-2012-2014 ġie ppreżentat lill-Bord ta’ Tmexxija għall-adozzjoni fl-14 ta’ Diċembru 2011.

    27.

    Il-karta tal-missjoni tas-Servizz tal-Awditjar (Verifika) Intern tal-Kummissjoni ġiet adottata mill-Bord ta’ Tmexxija fil-31 ta’ Marzu 2011. Madankollu, ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta s’issa għadhom ma ġewx emendati sabiex jinkludu d-dispożizzjoni tar-Regolament Strutturali (24) li jirreferi għas-setgħat tal-awditur intern tal-Kummissjoni.

    Pagamenti tal-kontribuzzjonijiet tal-membri

    28.

    Il-proċedura għal ħruġ ta’ ordnijiet ta’ rkupru relatati mal-ispejjeż operazzjonali tal-Impriża Konġunta ma kinitx applikata b’mod xieraq. It-talba lill-membri biex iħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom tal-2011 ma kinitx akkumpanjata bil-previżjoni tal-likwidità hekk kif inhuwa meħtieġ skont il-ftehim ta’ finanzjament.

    Segwitu tal-osservazzjonijiet preċedenti

    29.

    Sa tmiem l-2011, l-Impriża Konġunta kienet għadha ma kkompletatx il-proċeduri interni li jridu jintużaw għas-sorveljanza tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni, l-użu u t-tixrid ta’ riżultati ta’ riċerka (25).

    30.

    Fl-Opinjoni 2011 tagħha dwar ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, il-Qorti identifikat għadd ta’ oqsma li kellhom bżonn jiġu emendati (26). Ir-regoli finanzjarji ma ġewx emendati biex jirriflettu l-kwistjonjiet imqajma fl-Opinjoni tal-Qorti.

    31.

    Matul l-2011 l-Impriża Konġunta stabbilixxiet Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju u għamlet progress fil-formalizzazzjoni tal-politiki tas-sigurtà tal-IT. Filwaqt li ġew definiti elementi essenzjali (27) ta’ Pjan ta’ Rkupru minn Diżastru matul l-2011, jinħtieġ li jsir iktar xogħol sabiex dan jiġi ffinalizzat u approvat.

    32.

    Il-Ftehim mal-Istat Ospitanti (28) bejn l-Impriża Konġunta u l-awtoritajiet Belġjani dwar spazju għall-uffiċċji, privileġġi u immunitajiet u appoġġ ieħor ġie ffirmat fit-2 ta’ Frar 2012.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-13 ta’ Novembru 2012.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    (1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 1).

    (2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi, l-attivitajiet u r-riżorsi disponibbli tal-Impriża Konġunta. Huwa jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (3)  Is-Seba' Programm Kwadru, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1) tat-18 ta’ Diċembru 2006, jiġbor flimkien taħt saqaf wieħed l-inizjattivi kollha tal-UE relatati mar-riċerka u għandu rwol kruċjali fil-kisba tal-miri ta’ tkabbir, kompetittività u impjiegi. Huwa wkoll pilastru ewlieni għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

    (4)  Il-Qorti rċeviet il-kontijiet annwali proviżorji fl-1 ta’ Marzu 2012. Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet.

    (5)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rapport tat-tibdil fl-attivi netti u l-anness għar-rapporti finanzjarji, li jinkludi deskrizzjoni tal-politiki tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

    (6)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

    (7)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (8)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

    (9)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

    (10)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-korpi tal-UE huma stabbiliti fil-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23), u huma integrati hekk fir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta.

    (11)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

    (12)  L-Artikolu 12(4) tar-Regolament li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta jiddikjara li "L-Impriża Konġunta "Clean Sky"għandha twettaq kontrolli fuq il-post u verifiki finanzjarji fost id-destinatarji tal-finanzjament pubbliku tal-Impriża Konġunta "Clean Sky" ". Verifiki ex-post jistgħu jidentifikaw nefqiet ineliġibbli kklejmjati mill-benefiċjarji li mbagħad huma soġġetti għal proċeduri ta’ rkupru.

    (13)  Il-klejms tal-2010 ġew imħallsa matul l-2011

    (14)  Ir-rata ta’ żball tiġi kkalkolata billi tintuża medja tad-dikjarazzjonijiet eċċessivi li jinstabu fil-klejms differenti tal-ispejjeż ippeżati skont l-ammont tagħhom.

    (15)  Adottat mill-Bord ta’ Tmexxija fl-14 ta’ Diċembru 2011.

    (16)  Il-ħin medju bejn il-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-proposti u l-firma tal-ftehimiet ta’ għotja tal-Impriża Konġunta kien ta’ 418-il ġurnata għas-sejħiet varati fl-2010 u 291 ġurnata għall-ewwel sejħa varata fl-2011.

    (17)  Il-bilanċ tal-flus fi tmiem l-2010 ammonta għal EUR 53 miljun (41 % mill-approprjazzjonijiet ta’ pagament disponibbli fl-2010).

    (18)  L-Artikolu 10(1) tar-regoli finanzjarji jiddikjara li approprjazzjonijiet li ma jkunux intużaw fi tmiem is-sena finanzjarja li għaliha jkunu ddaħħlu għandhom jiġu kkanċellati. Fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-Impriża Konġunta, l-approprjazzjonijiet ikkanċellati jistgħu jiddaħħlu fl-estimi tad-dħul u l-infiq sa mhux aktar tard mit-tliet snin finanzjarji segwenti, f'konformità mal-Artikolu 27.

    Madankollu, permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija meħuda mhux aktar tard mill-15 ta' Frar, huma jistgħu jiġu riportati biss għas-sena finanzjarja li jkun imiss, …”.

    (19)  L-Impriża Konġunta qed tiżviluppa għodda ġdida biex timmaniġġa d-data relatata mal-Membri.

    (20)  Kull klejm tal-Membri tal-Clean Sky inkluda medja ta’ 30 klejm għall-ispejjeż ta’ assoċjati.

    (21)  Elementi kritiċi bħal ma hija l-firma tal-uffiċjali tal-verifikazzjoni operazzjonali u l-eżami tal-kompletezza tal-lista ta’ kontroll operazzjonali mill-uffiċjal tal-verifikazzjoni finanzjarja mhux dejjem ġew iddokumentati.

    (22)  Il-manwal tal-proċeduri finanzjarji tal-Impriża Konġunta jiddikjara li r-rwoli tal-uffiċjal tal-verifikazzjoni operazzjonali u finanzjarja u tal-uffiċjal awtorizzanti għandhom ikunu separati u mifruxa madwar il-ġestjoni tan-nefqa operazzjonali u li:

    l-aġent tal-verifikazzjoni operazzjonali għandu jikkonferma li l-aspetti operazzjonali (tekniċi u finanzjarji) tal-fajl huma konformi mal-parametri miftiehma.

    l-aġent tal-verifikazzjoni (il-kap tal-amministrazzjoni) għandu jikkonferma l-konformità tal-aspetti operazzjonali mar-regoli eżistenti u r-regolarità kumplessiva tal-operazzjoni.

    id-direttur eżekuttiv għandu jwettaq il-kontroll kumplessiv finanzjarju u operazzjonali tal-fajl sħiħ.

    (23)  L-Artikolu 43 tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta jistipola li l-uffiċjal tal-kontabilità għandu jkun responsabbli għall-istabbiliment u l-validazzjoni tas-sistemi kontabilistiċi, u, fejn xieraq, jivvalida sistemi stabbiliti mill-uffiċjal awtorizzanti biex iforni jew jiġġustifika informazzjoni kontabilistika.

    (24)  Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

    (25)  Il-paragrafu 23 tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali 2010 tal-Impriża Konġunta Clean Sky (ĠU C 368, 16.12.2011, p. 8).

    (26)  L-Opinjoni Nru 2/2011 tal-Qorti tal-Awdituri dwar ir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta Clean Sky (http://eca.europa.eu).

    (27)  (a) ċirkuwiti finanzjarji fil-każ ta’ diżastru; (b) proċedura ta’ riżerva (back-up) għas-sigurtà tad-databases b’riżerva regolari u frekwenti u ħażna ’l barra mis-sit (off-site storage); (c) ftehim inizjali biex jintużaw l-installazzjonijiet tal-KE sabiex ikun hemm aċċess għas-sistemi finanzjarji (ABAC, SAP) u l-internet.

    (28)  Il-paragrafu 25 tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali 2010 tal-Impriża Konġunta Clean Sky.


    ANNESS

    Impriża Konġunta Clean Sky (Brussell)

    Il-kompetenzi u l-attivitajiet

    L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

    (Siltiet mill-Artikoli 187 u 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

    Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tipprevedi kontribut tal-Komunità għat-twaqqif ta’ sħubiji pubbliċi-privati fit-tul f'forma ta’ Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti li jistgħu jkunu implimentati permezz ta’ Impriżi Konġunti skont it-tifsira tal-Artikolu 187 tat-Trattat.

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta “Clean Sky’” (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 1).

    Il-kompetenzi tal-Impriża Konġunta

    (Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008)

    L-objettivi

    L-Impriża Konġunta Clean Sky għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru u b'mod partikolari tat-Tema 7, Trasport (inkluża l-Aeronawtika) tal-Programm Speċifiku Kooperazzjoni.

    li taċċelera fl-UE l-iżvilupp, il-validazzjoni u d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji nodfa għat-Trasport bl-Ajru għall-użu mill-aktar fis possibbli;

    li tiżgura l-implimentazzjoni koerenti tal-isforzi tar-riċerka Ewropej li jimmiraw għat-titjib ambjentali fil-qasam tat-Trasport bl-Ajru;

    li toħloq Sistema tat-Trasport bl-Ajru radikalment innovattiva, abbażi tal-integrazzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati u dimostrazzjonijiet fuq skala kbira (ITDs), bil-mira li jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport bl-ajru permezz ta’ tnaqqis sinifikanti tal-ħoss u l-emissjonijiet ta’ gass, flimkien ma’ titjib tal-ekonomija tal-fjuwil fl-ajruplani;

    li taċċellera l-ħolqien ta’ konoxxenza ġdida, l-innovazzjoni u l-użu tar-riċerka bi prova tat-teknoloġiji rilevanti u sistema ta’ sistemi kompletament integrata, fl-ambjent operattiv adegwat, li jwasslu għal kompetittività industrijali aktar b'saħħitha.

    It-tmexxija

    Il-korp ta’ tmexxija tal-Impriża Konġunta huwa l-Bord ta’ Tmexxija. It-tim Eżekuttiv huwa mmexxi minn Direttur Eżekuttiv. L-industrija hija rrappreżentata permezz ta’ diversi mezzi bħalma huma l-kumitati ta’ tmexxija ITD u Grupp ta’ Rappreżentanti ta l-Istati Nazzjonali.

    Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2011

    Il-Baġit

    EUR 192 350 991

    Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2011

    24 kariga li hemm stipulazzjoni dwarhom fit-tabella tal-persunal (18-il membru tal-persunal temporanju u 6 membri tal-persunal b'kuntratt), li minnhom 23 kienu okkupati; dawn kienu allokati għal: Attivitajiet operazzjonali: 9; Kompiti amministrattivi: 14; Kompiti mħallta: 5

    L-attivitajiet u s-servizzi mogħtija fl-2011

    Ara r-Rapport ta’ Attività Annwali 2011 tal-Impriża Konġunta Clean Sky Joint Undertaking fuq www.cleansky.eu

    Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta Clean Sky.


    TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA “CLEAN SKY”

    Bażi għal opinjoni kkwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonjiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    Paragrafu 15

    L-Impriża Konġunta Clean Sky (CSJU) tilqa’ l-konklużjoni pożittiva tal-Qorti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet kollha li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-2011 bl-unika eċċezzjoni tat-tranżazzjonijiet relatati mal-validazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż.

    Il-validazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż mill-benefiċjarji tal-JU twassal għal pagamenti interim/finali u l-approvazzjoni tal-prefinanzjament. L-awditi ex-post imwettqa mill-CSJU fl-2011 koprew l-ispejjeż validati mill-amministrazzjoni tal-Impriża Konġunta (JU) fir-rigward tat-twettiq tal-proġetti għall-2008, l-2009 u l-2010. Fil-pagamenti operattivi akkumulati li ħallset il-JU mill-bidu tal-programm CS sa Diċembru 2011, 49,5 % biss (1) kienu relatati mal-eżekuzzjoni tal-proġetti għall-2008, l-2009 u l-2010.

    L-iżball misjub mill-awditi ex-post tal-JU mwettqa fl-2011 ilaħħaq is-6,16 %. Madankollu, filwaqt li jitqiesu l-azzjonijiet korrettivi mill-JU kif deskritt aktar ’l isfel f’dan il-kumment, minbarra r-rata ta’ żball misjuba, għandu jitqies indikatur ieħor għall-valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż validati: ir-rata ta’ żball residwa. Skont il-metodoloġija deskritta fl-istrateġija approvata ta’ awditu ex-post tal-CSJU, ir-rata ta’ żball residwu tindika l-iżball li jifdal fil-pretensjonijiet tal-ispejjeż validati, wara li jkun iddaħħal il-mekkaniżmu ta’ rkupru. Għall-awditi ex-post imwettqa fl-2011 għall-pretensjonijiet tal-ispejjeż tas-snin preċedenti, ir-rata ta’ żball residwa tlaħħaq l-4,09 %, li twassal għal ammont komparattivament limitat f’riskju fir-rigward tal-pagamenti operattivi akkumulati li ntefqu għall-programm CS sa tmiem l-2011 (2,02 % (2)).

    Il-JU tirrikonoxxi r-rilevanza tar-rati ta’ żball misjuba u residwi relatati mal-pretensjonijiet tal-ispejjeż awditjati u għandha l-għan li ssaħħaħ aktar il-kwalità tal-proċess tagħha ta’ validazzjoni ex-ante.

    Il-JU implimentat il-proċess ta’ awditu ex-post fis-sena 2011, madwar sena wara li kisbet l-awtonomija tagħha f’Novembru 2009. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel awditi jkopri l-proċess ta’ validazzjoni tas-sena 2010, li kien l-ewwel wieħed imwettaq mill-JU. Fis-sena 2010, il-JU kienet għadha f’fażi tal-bidu filwaqt li l-kontrolli ex-ante relatati mal-ġestjoni tal-għotjiet ma kinux kompletament maturi biex jimmaniġġjaw il-volum kbir ta’ għotjiet.

    B’ħarsa lejn ir-riżultati tal-ewwel eżerċizzju tal-awditu ex-post imwettaq, il-JU tixtieq tenfasizza l-effikaċja ta’ dan l-element mis-sistema ta’ kontroll intern tagħha, li permezz tagħha l-amministrazzjoni skopriet u kkoreġa l-iżbalji li saru matul il-validazzjoni ex-ante tal-JU tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż. Għadhom għaddejjin azzjonijiet korrettivi finali.

    Sa mill-2010, il-JU żviluppat b’mod sinifikanti l-proċessi tagħha li jirregolaw il-validazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż billi stabbilixxiet proċeduri apposta inkluż database għall-ġestjoni tal-għotjiet li tipprovdi mekkaniżmu ta’ approvazzjoni tal-istandards tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż mill-uffiċjali Finanzjarji u tal-Proġett.

    Wara l-ewwel eżerċizzju ta’ awditu ex-post, il-JU stabbilixxiet il-miżuri ta’ rkupru xierqa biex tikkoreġi l-pagamenti żejda li saru fil-passat, inkluż l-estrapolazzjoni tal-iżbalji sistematiċi misjuba fl-awditi fuq il-pretensjonijiet tal-ispejjeż mhux awditjati. Jeħtieġ li jiġi nnotat, li 75 % tal-fondi tal-JU huma mogħtija lill-benefiċjarji nnominati (il-membri tal-CSJU), li jieħdu sehem fil-proġetti CS sal-aħħar tal-programm. Din is-sitwazzjoni tiffaċilita l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu mill-JU permezz ta’ rkupri fl-okkażjoni tal-pagamenti sussegwenti lill-benefiċjarji.

    Bħala miżura preventiva, il-proċeduri applikati llum għall-validazzjoni ex-ante ta’ pretensjonijiet għall-ispejjeż iqisu r-riżultati tal-awditi ex-post tas-snin preċedenti, b’mod partikolari f’każijiet ta’ żbalji sistematiċi. Għall-perjodu 2008 sa 2010, aktar minn 80 % tal-iżbalji misjuba kienu ta’ natura sistematika. Dan jippermetti wkoll lill-JU biex tagħti linji gwida lill-benefiċjari nnominati, u għalhekk tevita li jkun hemm żbalji fi pretensjonijiet tal-ispejjeż futuri.

    Parti sinifikanti mill-iżball misjub fl-awditi ex-post tal-2011 (madwar 50 %) kien minħabba l-użu tad-dejta tal-kontabbiltà tas-sena preċedenti, peress li dak iż-żmien ma kinitx disponibbli dejta attwali, meta kienu dovuti d-dikjarazzjonijiet finanzjarji. Il-JU qiegħda tissorvelja l-proċess tal-aġġustamenti sussegwenti fil-kontrolli ex-ante u sejra tassigura li fil-perjodi ta’ rappurtar li ġejjin, l-aġġustamenti tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż preċedenti jiġu sottomessi mingħajr dewmien.

    L-amministrazzjoni tal-JU tqis importanti li tiġi żgurata arkitettura ta’ kontroll multiannwali għall-ġestjoni tal-għotjiet tal-JU Clean SKU, li tqis l-opportunitajiet għall-proċeduri standard ta’ rkupru kif ukoll għall-miżuri preventivi. Din hija raġuni għala l-amministrazzjoni tal-JU stabbilixxiet mekkaniżmi u objettivi għat-tul multiannwali tal-proġetti, li jitkejlu minn indikaturi li jkopru d-dewmien sħiħ tal-programm.

    Kummenti dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    Paragrafu 18

    Il-JU tiddependi fuq l-eżitu effiċjenti u b’suċċess tan-negozjati relatati mas-sejħiet għal proposti u ħadet passi fuq livell intern biex ittejjeb u tħaffef il-proċess madwar dan l-aspett importanti tal-pagamenti lill-imsieħba l-ġodda. Il-JU qiegħda tara titjib globali fiż-żmien għall-għotja u qiegħda tissorvelja dan mill-viċin fil-livell tal-amministrazzjoni (3).

    Paragrafu 19

    Il-JU tirrikonoxxi d-dewmien mid-deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija li tapprova t-trasferiment tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-pjan tal-baġit tas-sena 2012 (4). L-iskeda taż-żmien għall-ippjanar tal-baġit tal-JU u ċ-ċiklu ta’ rappurtar ġew riveduti biex jieħdu ħsieb tal-approvazzjoni xierqa u f’waqtha tal-Bord ta’ Tmexxija għat-trasferimenti għas-sena 2013.

    Paragrafu 20

    Il-JU ltaqgħet ma’ sitwazzjoni eċċezzjonali fl-ewwel nofs tal-2012 fir-rigward tal-irċevuta tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż mill-membri tagħha għall-eżekuzzjoni tal-proġetti fl-2011. Id-dikjarazzjonijiet finanzjarji għall-GAMs 2011, li kienu dovuti fl-1 ta’ Marzu 2012, ġew sottomessi mill-benefiċjarji b’dewmien mhux tas-soltu li laħaq it-3-4 xhur. Il-JU analizzat ir-raġuni prinċipali għal dan id-dewmien mal-koordinaturi ITD (mexxejja ta’ konsorzji) u ħadet azzjoni biex tevita li jkun hemm żvilupp simili fl-2013. Ġie deċiż li jittieħdu dawn l-azzonijiet li ġejjin:

    Bi qbil mal-Bord ta’ Tmexxija (Ġunju 2012), sejra tiġi stabbilita skeda ċara għall-proċess tal-2013 (Jannar - Ġunju 2013) li tindika l-iskadenzi u ż-żminijiet għal tweġiba mistennija mill-industrija u l-JU.

    Permezz ta’ linji gwida u taħriġ, il-JU sejra tikkontribwixxi biex ittejjeb il-kompletezza u l-kwalità tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż u ċ-Ċertifikati tad-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji (CFS) relatati;

    Il-JU sejra ssaħħaħ il-monitoraġġ mill-qrib, billi tipprovdi assistenza proattiva lill-membri għall-mistoqsijiet individwali dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż. Dan ma kienx possibbli minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi fl-ewwel nofs tal-2012;

    Għodda tal-IT ġdida għall-ġestjoni tal-għotjiet sejra tiffaċilita l-proċess ta’ sottomissjoni u validazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż.

    Wara l-validazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż li jiġu rċevuti finalment mill-amministrazzjoni u l-approvazzjoni mill-Bord ta’ Tmexxija aktar tard fl-2012, il-kontribuzzjonijiet in natura relatati sejrin jiġu ttrasferiti fl-Assi Netti tal-JU fil-Kontijiet finali tal-2012. Għaldaqstant, l-istatus tal-Assi Netti kif ippreżentati fil-Kontijiet finali tal-2011 għandu jiġi kkunsidrat bħala wieħed tranżitorju.

    Kummenti dwar kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Impriża Konġunta

    Paragrafu 21

    Matul l-ewwel kwart tas-sena 2012 u wara r-rakkomandazzjonijiet tal-ECA tas-sena preċedenti, il-JU żviluppat proċedura apposta għall-proċessi relatati mal-validazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż, li tintegra l-POs fil-proċess ta’ validazzjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji (5). Minbarra l-validazzjoni tar-rapporti tekniċi, il-POs jivverifikaw l-informazzjoni disponibbli dwar l-użu tar-riżorsi u jinnotifikaw ir-riżultati tal-validazzjoni tagħhom lill-Uffiċjali Finanzjarji. Ġew żviluppati regoli ċari li jiżguraw l-evidenza tal-awtorizzazzjoni tal-verifika finanzjarja u operattiva rispettiva għall-validazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż. Il-format tal-lista ta’ verifika li ntużat preċedentement ittejjeb, biex tingħata evidenza tal-passi ta’ validazzjoni li effettivament twettqu u biex tintwera l-interazzjoni bejn it-taqsimiet finanzjarji u operattivi.

    Paragrafu 22

    Il-JU, wara l-esperjenzi tagħha u l-osservazzjonijiet preċedenti tal-Qorti dwar l-ipproċessar tad-dejta relatata mal-benefiċjarji, żviluppat għodda apposta għall-ġestjoni tad-dejta tal-benefiċjarji għall-Ftehimiet ta’ għotja għall-membri (GMT) fl-aħħar kwart tal-2011. Din l-għodda ntużat għall-ipproċessar tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż tal-2011 fit-tieni kwart tal-2012 u - wara l-ittestjar tal-affidabbiltà tad-dejta kkodifikata u tar-rapporti li jirriżultaw mill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-JU flimkien ma’ kumpanija esterna tal-awditjar - ir-riżultati ġew applikati għall-Kontijiet Finali 2011.

    Paragrafu 23

    Il-JU tieħu nota tar-rimarki tal-Qorti u ħadet passi biex ittejjeb il-proċess intern ta’ approvazzjoni kemm għall-atturi finanzjarji kif ukoll dawk operattivi; anzi, issa permezz tal-għodda ta’ ġestjoni tal-għotjiet imsemmija hawn fuq, hemm approċċ aktar integrat għall-validazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż u r-rapporti tekniċi annwali mill-atturi finanzjarji u operattivi rispettivi u dan huwa aktar viżibbli fil-proċess.

    Fir-rigward tas-segregazzjoni tad-dmirijiet, il-JU bħalissa qiegħda taħdem fuq modifika taċ-ċirkwiti finanzjarji biex tiżgura s-segregazzjoni bejn l-verifika finanzjarja u l-awtorizzazzjoni f’każijiet fejn ma jkunx hemm atturi finanzjarji li normalment ikunu previsti.

    Paragrafu 24

    Il-JU ħadet nota tar-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà u kif intqal qabel, għamlet passi sinifikanti biex timplimenta l-GMT li sejrin jippermettu titjib fil-validazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż u biex tkun tista’ tirrapporta b’mod komprensiv u regolarment lill-amministrazzjoni tal-JU.

    Kwistjonijiet oħra

    Paragrafu 25

    F’Awwissu 2011, il-Bord ta’ Tmexxija u l-amministrazzjoni tal-JU permezz tal-Uffiċjal tal-Awditjar Intern (IAO) saru jafu bl-involviment tal-IAO f’xi wħud mill-proċessi ewlenin fil-ġestjoni finanzjarja tal-JU u l-konsegwenzi potenzjali tal-indipendenza tal-IAO. Jekk ikun hemm bżonn, ir-riskju ta’ nuqqas ta’ assigurazzjoni potenzjali fir-rigward tal-proċessi kkonċernati sejjer jitnaqqas permezz tal-involviment tal-IAS.

    Paragrafu 27

    Il-JU sejra temenda r-regoli finanzjarji wara l-aġġornament li jmiss għall-qafas tar-regolament finanzjarju li għaddej bħalissa (ara wkoll il-punt 30).

    Paragrafu 28

    It-talba għall-pagament tal-kontribuzzjonijiet tal-2011 lill-Kummissjoni (bħala wieħed mill-Membri tal-JU) kienet akkumpanjata b’mod xieraq minn tbassir ta’ fluss ta’ flus adegwat. Filwaqt li ma ġie inkluż l-ebda fluss ta’ flus, it-talba lil Membri oħra minbarra l-KE ġiet akkumpanjata minn spjegazzjoni tal-ammont mitlub u r-ripartizzjoni ewlenija, li turi s-sehem ta’ kull membru jew kumpanija assoċjata. Barra minn hekk, permezz tal-informazzjoni dwar il-kontijiet annwali tas-sena preċedenti u l-baġit annwali approvat tas-sena 2011, mogħtija fil-minuti tal-Bord ta’ Tmexxija, il-membri kollha ngħatawlhom id-dettalji finanzjarji rilevanti. Il-JU sejra tassigura, li fil-futur, it-tbassir tal-fluss ta’ flus sejjer jiġi inkluż mat-talbiet għall-pagamenti anki għall-membri minbarra l-Kummissjoni.

    Paragrafu 29

    L-implimentazzjoni adegwata tad-dispożizzjonijiet iddettaljati fl-Anness II, il-Kundizzjonijiet ġenerali, tal-ftehimiet tal-għotja tal-JU Clean Sky għall-Membri dwar il-protezzjoni, l-użu u d-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka għadha għaddejja.

    Fi żmien xieraq sejra tiġi stabbilita proċedura apposta, li tiġbor fil-qosor l-elementi tar-rwol superviżorju tal-JU u l-kontrolli fis-seħħ.

    Paragrafu 30

    Il-JU sejra temenda r-regoli finanzjarji wara l-aġġornament li jmiss għall-qafas tar-regolament finanzjarju li għaddej bħalissa. Dan sejjer jippermetti lill-JU biex tallinja ruħha mar-regoli aċċettati b’mod komuni u tieħu vantaġġ biex tiċċara, fejn ikun possibbli, il-kwistjonijiet imqajma mill-Qorti.

    Paragrafu 31

    Flimkien mal-Impriżi Konġunti ġirien fil-bini komuni tagħhom, il-JU Clean Sky ħadmet aktar fuq il-finalizzazzjoni tal-Pjan ta’ Rkupru minn Diżastru. Huwa previst, li dan jitlesta sa tmiem l-2012.


    (1)  Il-pagamenti operattivi akkumulati mill-2008 sal-2011 jlaħħqu Eur 261 358 871, il-pagamenti finali flimkien mal-approvazzjoni tal-prefinanzjament għas-snin 2008 sa 2010 jlaħħqu Eur 129 295 956.

    (2)  = 4,09 % ta’ (Eur 129 295 956 /Eur 261 385 871)*100

    (3)  Mit-twaqqif tal-JU, iż-żmien għall-għotja tjieb minn 418 jum għal 268 jum mill-aktar sejħa riċenti (Sejħa 10). Dan juri titjib ulterjuri minn dak ivvalutat mill-Qorti.

    (4)  Il-Bord ta’ Tmexxija ma adottax il-pjan tal-baġit annwali 2011 f’Diċembru 2010 fejn ġiet inkluża stima tal-ammont ittrasferit.

    (5)  Proċedura CS Nru 2.9.1, Proċedura Interim għall-validazzjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji rċevuti mill-Membri għall-eżekuzzjoni tal-GAMs 2011 u għall-aġġustamenti rċevuti għall-GAMs tas-snin preċedenti


    Top