Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013SC0182

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas fuq l-aċċess għas-suq għas-servizzi portwarji u t-trasparenza finanzjarja tal-portijiet

    /* SWD/2013/0182 final */

    52013SC0182

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas fuq l-aċċess għas-suq għas-servizzi portwarji u t-trasparenza finanzjarja tal-portijiet /* SWD/2013/0182 final */


    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

    SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    Li jakkumpanja d-dokument

    Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    li jistabbilixxi qafas fuq l-aċċess għas-suq għas-servizzi portwarji u t-trasparenza finanzjarja tal-portijiet

    DĠ LEAD: DIRETTORAT ĠENERALI GĦALL-MOBILITÀ U T-TRASPORT

    1.           Il-kuntest ġenerali

    L-Ewropa hija wieħed mill-iktar reġjuni portwarji densi madwar id-dinja.

    Bħala l-blokk kummerċjali ewlieni fid-dinja, l-UE tiddependi ħafna fuq is-sistema tat-trasport marittimu. 37% tal-prodotti skambjati fi ħdan is-suq intern tagħha jgħaddu mill-portijiet. F'termini ta' trasport tal-passiġġiera, il-portijiet jaqdu t-traffiku reġjonali u lokali biex jgħaqqdu żoni periferali u tal-gżejjer. Il-portijiet huma faċilitaturi essenzjali għall-ekonomija peress li għandhom funzjoni kruċjali fil-loġistika u huma ġeneratur importanti ta' impjiegi.

    It-319-il port tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) li jammontaw għal 96% tal-merkanzija u 93% tal-passiġġiera li jgħaddu mill-portijiet tal-UE għandhom rwol importanti fis-sistema Ewropea tat-trasport.

    2.           Definizzjoni tal-problema

    Il-problema ewlenija hija d-distakk fil-prestazzjoni strutturali f'uħud mill-portijiet marittimi tat-TEN-T. Il-problema tkompli tinħass iktar minħabba l-bżonn li l-portijiet jiġu adattati għal rekwiżiti tat-trasport u loġistiċi ġodda fi żmien ta' finanzjament pubbliku skars. Dan joħloq riskju ta' konġesjoni u jixħet f'riskju TEN-T effiċjenti, interkonnessa u sostenibbli u b'hekk anki l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

    F'xenarju ta' żamma tal-istatus quo, it-tkabbir mistenni fit-trasport, il-bidliet fir-rekwiżiti loġistiċi u tat-trasport u d-distakki strutturali fil-prestazzjoni attwali tal-portijiet ser jikkaġunaw problemi fil-kapaċità tal-portijiet u jgħarrqu l-użu żbilanċjat attwali tan-netwerk. Dan ser iwassal għal problemi ta' sottokapaċità f'ċerti portijiet u konġestjoni ikbar fiż-żoni interni wesgħin tagħhom. Dan ser ixekkel l-iżvilupp tat-tbaħħir fuq distanza qasira. Il-prestazzjoni batuta ta' wħud mill-portijiet tat-TEN-T hija opportunità mitlufa għall-iżvilupp ekonomiku taż-żoni li huma jaqdu, u b'hekk anki tal-Unjoni kollha kemm hi. Infrastruttura ta' port qadima u inadattata tista' taffettwa l-kompetittività tal-industriji Ewropej.

    Jekk ma jiġux indirizzati dawn il-problemi, il-kisba tal-għanijiet tat-TEN-T ser tkun f'riskju.

    Finalment, hemm tħassib serju dwar il-kompetizzjoni inġusta bejn il-portijiet marbutin ma' prattiki ta' finanzjament pubbliku. It-trejdjunjins tal-ħaddiema tal-portijiet huma kontra dispożizzjonijiet tal-UE li jibdlu l-iskemi tax-xogħol eżistenti fil-portijiet fl-Istati Membri.

    3.           Kawżi ewlenin

    Il-Kummissjoni identifikat tliet problemi prinċipali. L-ewwel, in-nuqqas ta' konnessjonijiet adegwati bejn il-portijiet u n-netwerks ferrovjarji, il-passaġġi tal-ilma interni u tat-triq, huwa indirizzat mill-politika tat-TEN-T u għalhekk ma reġax ġie indirizzat fil-valutazzjoni tal-impatt. Il-kawżi l-oħrajn huma spjegati hawn taħt.

    3.1.        L-ewwel kawża tal-problema (1): Servizzi u operazzjonijiet portwali mhux ottimali f'ċerti portijiet tat-TEN-T

    Ma' din il-kwistjoni hemm marbutin tliet kawżi ewlenin:

    (1) ħafna mis-servizzi portwarji huma soġġetti għal pressjoni kompetittiva dgħajfa minħabba restrizzjonijiet tal-aċċess għas-suq;

    (2) id-drittijiet esklussivi jew speċjali, għad li ġustifikati f'numru ta' sitwazzjonijiet, jistgħu jwasslu għal abbużi tas-suq u

    (3) f'ċerti portijiet, dawk li jużawhom jiltaqgħu ma' piż amministrattiv żejjed minħabba nuqqas ta' koordinazzjoni bejn il-portijiet.

    3.2.        It-tieni kawża tal-problema (2): Oqfsa ta' governanza tal-portijiet mhux attraenti biżżejjed għal investimenti fil-portijiet marittimi kollha tat-TEN-T

    Żewġ kawżi ewlenin jispjegaw il-klima ġenerali mhux attraenti għall-investiment f'bosta portijiet:

    (4) relazzjonijiet finanzjarji mhux ċari bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-awtoritajiet tal-portijiet u l-fornituri tas-servizzi portwarji u

    (5) awtonomija dgħajfa tal-portijiet biex jiddefinixxu n-nollijiet tal-infrastruttura u r-rabta mhux trasparenti mal-ispejjeż.

    4.           Analiżi tas-sussidjarjetà

    L-Artikoli 58, 90 u 100 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jestendu għall-portijiet l-għanijiet ta' suq intern ġenwin fil-kuntest tal-Politika Komuni tat-Trasport.

    Minkejja l-għamla speċifika tas-settur tal-portijiet u l-istorja u l-kultura lokali dejjiema tiegħu, is-settur tal-portijiet għandu dimensjoni internazzjonali u Ewropea b'saħħitha. Minħabba din tal-aħħar u raġunijiet tas-suq intern u l-effetti transfruntiera tan-netwerk, l-inizjattiva proposta li fil-mira tagħha għandha l-portijiet tat-TEN-T hija konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà.

    5.           Għanijiet

    5.1.        Għan ġenerali

    L-għan ġenerali huwa li titjieb il-prestazzjoni tal-portijiet tat-TEN-T biex jikkontribwixxu għall-għan ta' funzjonament iktar effiċjenti, interkonness u sostenibbli tat-TEN-T b'konformità mal-għanijiet tal-White Paper dwar it-Trasport u l-istrateġija tal-UE 2020 għal tkabbir effiċjenti fir-riżorsi.

    5.2.        Għanijiet speċifiċi (SO)

    SO1.    Modernizzar tas-servizzi u l-operazzjonijiet portwarji fil-portijiet marittimi kollha tat-TEN-T

    SO2.    Ottimizzazzjoni tal-oqfsa ta' governanza tal-portijiet biex ikun hemm klima ta’ investiment iktar attraenti

    5.3.        Għanijiet operazzjonali (OO)

    5.3.1.     Modernizzar tas-servizzi u l-operazzjonijiet portwarji

    (a) OO1. Kjarifika u tħaffif tal-aċċess għas-suq tas-servizzi portwarji.

    (b) OO2. Prevenzjoni tal-abbuż tas-suq minn fornituri tas-servizzi portwarji maħtura.

    (c) OO3. Jiġi żgurat li dawk li jużaw il-portijiet jiġu kkonsultati dwar id-deċiżjonijiet ewlenin li jolqtu l-funzjonament tal-port fil-portijiet kollha (100%) tat-TEN-T sad-data ta' implimentazzjoni tal-inizjattiva.

    5.3.2.     Il-ħolqien ta' kundizzjonijiet tal-qafas li jattiraw investimenti lejn il-portijiet

    (d) OO4. Tiġi żgurata trasparenza fir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-awtoritajiet tal-portijiet u l-fornituri tas-servizzi portwarji fil-portijiet kollha (100%) tat-TEN-T sad-data ta' implimentazzjoni tal-inizjattiva.

    (e) OO5. Jiġi żgurat li l-awtoritajiet tal-portijiet kollha (100%) tat-TEN-T huma liberi biex b'mod awtonomu jfasslu n-nollijiet tal-infrastruttura tal-port tagħhom fid-data ta' implimentazzjoni tal-inizjattiva, bil-possibbiltà ta' modulazzjoni ambjentali tan-nollijiet.

    6.           Għażliet politiċi

    6.1.        Miżuri politiċi mwarrbin

    Il-Kummissjoni warrbet il-miżuri li ġejjin wara li kkonsultat mal-partijiet interessati:

    (1) Riforma fis-suq tax-xogħol tal-portijiet la hija kkunsidrata u lanqas proposta fl-ebda wieħed mill-pakketti tal-politika (PPs) minħabba l-progress riċenti li sar fit-tnedija tad-djalogu soċjali bejn l-impjegaturi u l-impjegati: il-Kumitat tad-Djalogu Soċjali għall-Ħaddiema tal-Portijiet għandu jkun beda jaħdem matul l-2013.

    (2) Mill-konsultazzjoni, jidher li l-problema ta' "awtoġestjoni" ma għadhiex problema li trid tiġi indirizzata fil-livell tal-UE.

    (3) Peress li t-TFUE jipprevedi diskrezzjoni usa' sabiex l-Istati Membri jorganizzaw Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali skont kif iqisu li huwa xieraq, l-ebda wieħed mill-PPs ma jaffettwa din il-marġni ta' diskrezzjoni.

    6.2.        Pakketti tal-Politika

    6.2.1.     PP1: “Strumenti Orizzontali u Trasparenza”

    PP1 jgħaqqad l-użu ta' strumenti orizzontali, miżuri "ħfief" fuq l-aċċess għas-suq u dispożizzjonijiet legalment vinkolanti fuq it-trasparenza finanzjarja, il-koordinazzjoni intraportwarja u n-nollijiet fuq l-aċċess għall-infrastruttura tal-portijiet. Il-miżura ħafifa hija Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ma torbotx u li tispjega r-regoli tat-TFUE dwar in-nondiskriminazzjoni u d-Direttiva li ħierġa fil-ġejjieni dwar il-konċessjoni.

    6.2.2.     PP2: “Kompetizzjoni rregolata”

    PP2 jintroduċi l-libertà ta' forniment tas-servizzi lill-forniment tas-servizzi portwarji. Din il-libertà tista' tkun limitata jekk ikun hemm bżonn, fuq il-bażi ta' raġunijiet oġġettivi u trasparenti relatati man-nuqqas ta' spazju jew raġunijiet ta' interess pubbliku. Meta tillimita l-libertà, l-awtorità pubblika jew portwarja jkollha bżonn tidħol fi ftehim kuntrattwali ma' fornitur tas-servizz portwarju permezz ta' proċedura miftuħa tal-offerti, minbarra f'każijiet iġġustifikati.

    It-trasparenza hija infurzata f'dawk il-każijiet fejn ikun involut finanzjament pubbliku sabiex ikunu jistgħu jiġu ntraċċati għajnuniet mill-istat li jfixklu u kontrosussidji bejn servizzi portwarji. Jekk is-servizz jiġi pprovdut minn operatur intern jew operatur ieħor bi dritt esklussiv, l-obbligu ta' restrizzjoni jiżgura reċiproċità fl-ewwel każ u s-sorveljanza regolatorja fuq il-prezzijiet tevita abbużi fiż-żewġ każijiet.

    In-nollijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-portijiet iridu jkunu trasparenti u bbażati fuq il-kost.

    Kumitat tal-utenti tal-port jgħin sabiex l-attivitajiet tal-port jiġu orjentati iktar lejn l-utenti u l-klijenti tal-port.

    6.2.3.     PP2a: “Kompetizzjoni rregolata u awtonomija tal-port”

    PP2a jikkonsisti f'PP2 bil-varjazzjonijiet li ġejjin:

    · L-obbligu li jintużaw offerti miftuħin fil-każ ta' restrizzjonijiet fl-ispazju jew obbligi ta’ servizz pubbliku japplika mhux biss għal kuntratti ġodda iżda wkoll għal bidliet sostanzjali fil-kuntratti eżistenti.

    · Is-sorveljanza regolatorja tal-fornituri tas-serizzi bi drittijiet esklussivi tapplika biss għas-swieq li ma ngħatawx permezz ta' offerti miftuħin (jekk ma tintuża ebda proċedura miftuħa, is-suq ma jistax jiġi kkontestat).

    · Kull port jingħata d-dritt li jistabbilixxi l-istruttura u l-livell tan-nollijiet tal-infrastruttura tal-port kemm-il darba l-politika dwar in-nollijiet tibqa' trasparenti. L-inizjattiva tħeġġeġ ukoll li ssir distinzjoni skont il-prestazzjoni ambjentali tal-bastimenti jew il-fjuwils.

    6.2.4.     PP3: “Kompetizzjoni sħiħa u awtonomija tal-port”

    PP3 jibni fuq PP2a billi jeħtieġ ukoll tal-inqas żewġ operaturi kompetituri u indipendenti għal kull servizz portwarju fejn in-numru ta' operaturi jkun limitat minħabba restrizzjonijiet ta' spazju. Hemm ukoll separazzjoni funzjonali/legali. Biex jiġi żgurat li l-port jibqa' jaħdem, issaħħaħ ir-rwol ta' koordinazzjoni ċentrali tal-awtoritajiet tal-port.

    7.           Valutazzjoni tal-impatti

    7.1.        Impatti ekonomiċi

    Ġew stmati l-impatti tal-PPs f'termini tal-ispejjeż tat-trasport. L-iffrankar potenzjali tal-ispejjeż totali relatati mal-port huma ppreżentati fit-Tabella 1 hawn taħt.

    Tabella 1: Effetti ta' pakketti tal-politika fuq l-iffrankar fl-ispejjeż totali tal-port (PwC, 2013)

    || Bidla (%) fl-Ispejjeż Totali tal-Portijiet || Iffrankar Annwali (€ miljun)

    PP1 || -2.0% || 318.15

    PP2 || -3.0 % || 481.47

    PP2a || -6.8 % || 1,071.37

    PP3 || -7.9 % || 1,245.21

    Biex jiġi ġġudikat jekk il-pakketti tal-potitika jattirawx iktar investiment, dawn ġew ivvalutati fuq erba' kriterji. Ir-riżultati huma ppreżentati fit-Tabella 2.

    It-trasparenza finanzjarja ser tħeġġeġ li jiġu allokati riżorsi pubbliċi b'mod iktar effiċjenti u ser tnaqqas ir-riskju ta' għajnuniet mill-Istat li jfixklu. L-investituri privati ser jaraw inqas riskji ta' kompetizzjoni inġusta li ġejja minn għajnuniet mill-Istat potenzjalment illeċiti.

    Tabella 2: Impatt tal-pakketti tal-politika fuq il-klima tal-investiment

    || PP1 || PP2 || PP2a || PP3

    Allokazzjoni effiċjenti tal-fondi pubbliċi || + || ++ || ++ || +++

    Inqas riskji ta' għajnuniet mill-Istat li jfixklu lill-portijiet || + || ++ || ++ || +++

    Klima aħjar għall-investiment privat || + || ++ || +++ || ++

    Ħsieb ekonomiku fin-nollijiet tal-portijiet || + || +++ || ++ || +

    ("+" jirreferi għall-intensità ta' korrelazzjoni pożittiva: pereżempju fil-każ ta' "riskji inqas ta' għajnuna mill-Istat li tfixkel lill-portijiet", a "+" ifisser inqas riskju f'għajnuniet mill-istat li jfixklu)

    L-ispejjeż amministrattivi ġenerali tal-pakketti tal-politika huma kkalkolati u ppreżentati fit-Tabella 3.

    Tabella 3: Spejjeż amministrattivi addizzjonali għal kull pakkett tal-politika fl-isfond tax-xenarju bażi (PwC, 2013)

    || Rikorrenti (€ mijun / sena) || Ta' darba (€ miljun)

    || Settur pubbliku || Negozji || Settur pubbliku || Negozji

    PP1 || 9.0 || 16.2 || 9.9 || 15.7

    PP2 || 7.7 || 14.0 || 32.4 || 15.7

    PP2a || 2.3 || 2.2 || 24.4 || 0.8

    PP3 || 33.0 || 3.9 || 121.8 || 0.8

    Għall-SMEs u l-mikroimpriżi l-effett totali diffiċli jiġi apprezzat. B'mod ġenerali, ambjent kummerċjali aħjar jgħin lill-SMEs il-ġodda fis-settur tal-portijiet, u b'hekk jinfetħu opportunitajiet ta' investiment u ħolqien tal-impjiegi.

    Ġew stmati wkoll l-impatti fuq il-multimodalità, it-tbaħħir fuq distanza qasira u l-bidliet fit-traffiku mill-art għall-baħar. Hemm impatti reġjonali li jvarjaw minħabba d-distribuzzjoni żbilanċjata (u varjabbli) tal-flussi tal-merkanzija. Dan jispjega għaliex ir-reġjuni speċifiċi ser jibbenefikaw iktar mit-tbaħħir fuq distanza qasira meta mqabbla mal-medja tal-UE (Tabella 4).

    Minn perspettiva tal-kompetittività internazzjonali, il-portijiet Ewropej (MED u Baltiċi) li bħalissa qed jitilfu negozju tat-trasbord lejn portijiet mhux fl-UE, ser jissaħħu billi jkollhom bażi ta’ investiment soda. Filwaqt li għandhom jitqiesu pożizzjonijiet dominanti possibbli minn integrazzjoni vertikali, aċċess għas-suq miftuħ jista' jħaffef l-investiment internazzjonali u jista' jġib miegħu aċċess reċiproku lejn is-swieq tal-pajjiżi terzi għal operaturi ta' portijiet u terminals fl-Ewropa.

    Tabella 4: Żidiet potenzjali (%) tat-tunnellaġġ bit-tbaħħir fuq distanza qasira bejn ir-reġjuni (PwC, 2013)

    Bidliet potenzjali fit-tbaħħir fuq distanza qasira bejn reġjuni kostali differenti

    || Lvant Med || Ċent Med || Punent Med / Atl || Renju Unit / IRL || Medda tat-Tramuntana || Skand / Balt

    Lvant Med || 1.51 || 6.50 || 1.98 || 0.68 || 0.64 || 0.24

    Ċent Med || 8.39 || 6.12 || 6.43 || 0.25 || 2.68 || 1.19

    Punent Med / Atl || 1.25 || 4.79 || 6.56 || 2.67 || 2.35 || 0.83

    UK / IRL || 0.16 || 0.07 || 3.90 || 3.23 || 1.10 || 1.36

    Medda tat-Tramuntana || 0.51 || 4.54 || 1.80 || 1.54 || 4.34 || 2.59

    Skand / Balt || 0.37 || 0.84 || 3.09 || 5.04 || 5.35 || 2.49

    Il-kategoriji jkopru: Lvant Med (il-Greċja, il-Baħar l-Iswed fl-UE, is-Slovenja); Ċent Med (l-Italja, Malta, Med Franċiż); Punent Med/Atl (Spanja, il-Portugall, Atlantiku Franċiż); ir-Renju Unit/IRL; Medda tat-Tramuntana (Hamburg-Le Havre); Skand/Balt

    7.2.        Impatti ambjentali

    Il-PPs kollha jgħinu biex jittaffa l-impatt ambjentali ġenerali tat-trasport. Ir-riżultat ġenerali huwa ppreżentat fit-Tabella 5:

    Tabella 5: Effetti tal-pakketti tal-politika fuq l-iffrankar annwali fi spejjeż esterni (PwC, 2013)

    || Iffrankar fi spejjeż esterni (€ miljun fis-sena)

    PP1 || 23

    PP2 || 34

    PP2a || 69

    PP3 || 76

    7.3.        Impatti soċjali

    Il-PPs kollha ser joħolqu ambjent kummerċjali aħjar li ser iwassal għal iktar attività u tkattir tal-impjiegi. Peress li twarrbu miżuri li jolqtu l-iskemi tax-xogħol, ma hu mistenni li jkun hemm l-ebda impatt partikolari f'termini ta' pagi, relazzjonijiet tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol.

    Tabella 6: Sommarju tal-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali aggregati

    L-impatt imqabbel max-xenarju bażi || PP1 || PP2 || PP2a || PP3

    Effiċjenza || + || ++ || +++ || +++

    Investimenti || + || + || ++ || ++

    Piż amministrattiv || + || ++ || +++ || +

    SMEs || ++ || ++ || ++ || ++

    Impatt fuq it-trasport || + || + || ++ || ++

    Impatt fuq l-ambjent || + || + || ++ || ++

    Impatt Soċjali || + || ++ || ++ || ++

    + jirreferi għal korrelazzjoni pożittiva: eż. fil-każ ta' piż amministrattiv, iktar + ifissru inqas piż, fil-każ tal-impatti ambjentali, iktar + ifissru kunsiderazzjoni aħjar mogħtija lill-ambjent

    8.           Tqabbil tal-għażliet

    8.1.        Effettività

    Il-PPs kollha jkunu effettivi, għad li kull wieħed minnhom juri riżultati fi skala ta' żmien differenti u mhux bl-istess affidabbiltà.

    8.2.        Effiċjenza

    Fir-rigward tal-gwadanni netti fl-effiċjenza annwali, PP3 imur l-aħjar, iżda huwa segwit ferm mill-qrib minn PP2a, li għandu kost amministrattiv ferm inqas mill-PP3 u huwa kważi xejn għan-negozju. PP1 u PP2 imorru ferm agħar kemm minn PP2a kif ukoll minn PP3.

    8.3.        Koerenza

    Il-PPs kollha huma konformi mat-tlestija tas-suq intern u huma koerenti mal-għanijiet politiċi tal-UE riflessi fl-Att dwar is-Suq Uniku, il-White Paper dwar it-Trasport u l-istrateġija tat-tkabbir tal-Ewropa 2020. PP2, PP2a, u, sa ċertu punt iktar prominenti, PP3, juru kompromess importanti bejn l-impatti ekonomiċi u soċjali.

    8.4.        Sommarju tal-paragun tal-pakketti tal-politika

    Tabella 7: effettività, effiċjenza u koerenza tal-pakketti tal-politika

    || PP1 || PP2 || PP2a || PP3

    Effettività || + || ++ || +++ || +++

    001 Kjarifika u tħaffif tal-aċċess għas-suq tas-servizzi portwarji || + || ++ || +++ || +++

    002 Prevenzjoni tal-abbuż mis-suq minn fornituri tas-servizzi portwarji bi drittijiet esklussivi jew speċjali || + || ++ || ++ || ++

    003 Titjib tal-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni fil-portijiet || ++ || + || + || ++

    004 Żgurar ta' qafas iktar trasparenti għal relazzjonijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-awtoritajiet tal-portijiet u l-fornituri tas-servizzi portwarji || + || ++ || ++ || +++

    005 Żgurar li n-nollijiet tal-infrastrutturi tal-portijiet huma stabbiliti b'mod awtonomu, biex tkun tista' ssir l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni || + || ++ || +++ || ++

    Effiċjenza || + || + || +++ || +++

    Koerenza || Kompromess żgħir || Kompromess limitat ħlief għall-immaniġġjar tal-merkanzija (kompromess importanti) || Kompromess limitat ħlief għall-immaniġġjar tal-merkanzija (kompromess importanti) || Kompromess importanti

     "+" jirreferi għall-intensità ta' korrelazzjoni pożittiva, ma nstabet l-ebda korrelazzjoni negattiva jew newtrali

    9.           Għażla preferita

    Fuq il-bażi tal-analiżi stabbilita fil-valutazzjoni tal-impatt, PP2a huwa l-għażla politika preferita. Skont l-istimi, PP2a ser jiġġenera ffrankar tal-ispejjeż tal-portijiet li jlaħħqu mal-EUR 1 biljun fis-sena. Ser iġib miegħu traffiku addizzjonali tat-tbaħħir fuq distanza qasira ta' madwar 13.3 biljun tunnellata-kilometru (żieda sa 6.5% fuq għadd ta' rotot). Dan ser iwassal għal żieda fl-attivitajiet tal-portijiet, li ser joħloq impjiegi diretti u indiretti relatati mal-portijiet.

    Madankollu, din il-valutazzjoni tal-impatt teħtieġ attenzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għas-suq tal-immaniġġjar tal-merkanzija, minħabba tliet aspetti:

    – Hemm kompromess importanti ma' kwistjonijiet soċjali.

    – Is-servizzi tal-immaniġġjar tal-merkanzija diġà huma esposti għal pressjoni kompetittiva f'ċerti portijiet.

    – Ħafna mis-servizzi tal-immaniġġjar tal-merkanzija huma konċessjoni koperta mid-Direttiva li ħierġa fil-ġejjieni dwar il-konċessjoni.

    B'hekk, rigward il-kjarifika u t-tħaffif tal-aċċess għas-suq għas-servizzi ta' mmaniġġjar tal-merkanzija, l-approċċ ta-PP1 jista' jkun adattat daqstantieħor.

    Li kieku kellu jingħażel dan il-varjant tal-PP2a[1] l-impatti stmati inizjalment għal PP2a jonqsu ftit fl-intensità iżda jibqgħu ġenerament simili fit-tendenza; l-iffrankar fl-ispejjeż tal-portijiet xorta jibqgħu jirrappreżentaw sa 10 biljuni sal-2030. Id-dettalji fuq l-impatti kkwantifikati huma ppreżentati fit-tabella 8.

    Tabella 8: Tqabbil bejn PP2a u l-"varjant tal-PP2a" (esklużi miżuri ta' aċċess għas-suq għall-immaniġġjar tal-merkanzija) (PwC, 2013)

    || PP2a || Varjant tal-PP2a

    Bidla (%) fl-ispejjeż totali tal-portijiet || -6.8. || -4.

    Iffrankar annwali fl-ispejjeż totali tal-portijiet (€ miljun) || 1071.37 || 635

    Żieda fit-Tbaħħir fuq Distanza Qasira (%) || 1.63 || 0.97

    Tunnellati Km (f'biljuni) miġjuba fil-portijiet tal-UE || 13.311 || 7.205

    Kostijiet amministrattivi (rikorrenti – pubbliċi) (€ miljun) || 2.3 || 2.1

    Kostijiet amministrattivi (rikorrenti - kummerċjali) (€ miljun) || 2.2 || 1.7

    Iffrankar tal-ispejjeż esterni annwali (€ miljun) ||  69 || 46

    L-istess raġunament jgħodd għas-servizzi tal-passiġġieri, u għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat approċċ simili. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta' disponibbiltà ta' dejta, ma kienx possibbli li jsir kalkolu tal-impatt separat.

    10.         Monitoraġġ u evalwazzjoni

    Il-Kummissjoni ser tissorvelja l-implimentazzjoni u l-effettività ta' din l-inizjattiva permezz ta' sett ta' indikaturi prinċipali. Id-dejta ser tinġabar billi jintuża metodu żviluppat mill-proġett PPRISM[2] u l-proġett tal-FP7 tal-RTD li l-Kummissjoni qiegħda tniedi biex tiġi pprovduta dejta fuq bażi kontinwa.

    Rigward l-evalwazzjoni, l-idea hija li, tliet snin wara li tidħol fis-seħħ il-leġiżlazzjoni proposta, il-Kummissjoni ser tevalwa jekk inkisbux l-għanijiet tal-inizjattiva. Din l-evalwazzjoni ser tkun ibbażata b'mod parzjali fuq l-indikaturi prinċipali tal-progress imsemmija iktar 'il fuq.

    [1]               ‘Varjant tal-PP2a’ = PP2a b'differenza waħda: komunikazzoni spjegattiva tal-Kummissjoni dwar kif ir-regoli eżistenti japplikaw għas-servizzi ta' mmaniġġjar tal-merkanzija, minflok ma jiġu proposti dispożizzjonijiet legali ġodda fuq il-kwistjoni.

    [2]               http://pprism.espo.be .

    Top