EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013SC0064

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument PROPOSTA GĦAL DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar spazjali marittimu u għall-ġestjoni integrata tal-kosta

/* SWD/2013/064 final */

52013SC0064

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument PROPOSTA GĦAL DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar spazjali marittimu u għall-ġestjoni integrata tal-kosta /* SWD/2013/064 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

PROPOSTA GĦAL DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar spazjali marittimu u għall-ġestjoni integrata tal-kosta

1.           Introduzzjoni

Din il-Valutazzjoni tal-Impatt għandha l-għan li tivvaluta l-azzjoni tal-UE lejn governanza integrata tal-kosti, l-ibħra u l-oċeani, b'bidla minn approċċ settorjali għal proċess integrat u koerenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-azzjoni proposta mhijiex speċifika għas-settur, iżda tittratta l-oqsma kollha ta' politika tat-Trattat li jaffettwaw l-attivitajiet tal-bniedem fir-reġjuni tal-ibħra u ż-żoni kostali u l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u dak kostali.

L-Ewropa għaddejja minn kriżi finanzjarja li teħtieġ fokus fuq l-effiċjenza tar-riżorsi u l-inizjattivi li jattivaw it-tkabbir. L-attivitajiet tal-bniedem fuq il-kosti u l-ibħra Ewropej qed jiżdiedu u għandhom potenzjal sinifikanti ta’ tkabbir. Madankollu, huma jaffaċċjaw dejjem aktar limitazzjonijiet minħabba l-kompetizzjoni għall-ispazju jew it-theddid ambjentali. Għalhekk jeħtieġ li tiġi implimentata mill-aktar fis possibbli inizjattiva ta’ politika biex tiżgura ġestjoni koordinata u effettiva tal-użi tal-bniedem fir-reġjuni tal-baħar u ż-żoni kostali

L-Ippjanar Spazjali Marittimu (MSP) kien identifikat bħala għodda biex jiġu integrati l-attivitajiet tal-bniedem fuq il-baħar fil-Blue Book tal-UE tal-2007 "Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea". Bl-istess mod, il-Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali (ICZM) ġiet stabbilita bħala proċess biex tgħin fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE permezz tar-Rakkomandazzjoni 2002/413/KE u l-Protokoll ICZM għall-Konvenzjoni ta' Barċellona.

Il-Kummissjoni issa qed tipproponi li tiżviluppa dawn iż-żewġ għodod flimkien. L-MSP u l-ICZM huma konnessi permezz tal-kopertura ġeografika tagħhom (żona ta' tranżizzjoni mill-art għall-baħar) u l-għan ġenerali tagħhom (biex jimmaniġġjaw l-użi tal-bniedem fl-oqsma rispettivi tagħhom tal-applikazzjoni). Twettqet Valutazzjoni tal-Impatt dwar l-azzjoni futura biex tiġi żgurata effiċjenza massima u valur miżjud fir-riżultat magħżul.

2.           Definizzjoni tal-Problema u Għanijiet

Il-problema ġenerali identifikata tirrigwarda l-kompetizzjoni għall-ispazju marittimu u kostali u t-tnaqqis drastiku tar-riżorsi li jistgħu jinqasmu f’sitt problemi ewlenin:

· (1) Pretensjonijiet kunfliġġenti fuq l-ispazju: Iż-żieda fid-domanda għall-ispazju limitat tar-reġjuni tal-baħar tikkawża kunflitti bejn l-użi tal-baħar. L-attivitajiet tradizzjonali bħas-sajd, it-tbaħħir, it-tħammil u l-isfruttament taż-żejt qed jespandu filwaqt li użi ġodda inkluż it-turiżmu, l-estrazzjoni minerali, u iktar reċentement l-enerġija mir-riħ u l-akkwakultura tal-baħar lil hinn mill-kosta jippretendu l-ispazju tagħhom stess.

· (2) Użu ineffiċjenti tal-ispazju tal-baħar: In-nuqqas ta' koordinazzjoni transsettorjali fl-għoti tal-ispazju tal-baħar għall-użi wassal għat-tixrid tal-attivitajiet u għall-okkupazzjoni ta' erjas akbar milli meħtieġ. Dan iwassal ukoll għal spejjeż ogħla.

(3) Użu żbilanċjat tal-ispazju kostali: L-impatt tal-bniedem fuq iż-żoni kostali qed jikber. Iż-żoni mibnija fir-reġjuni kostali tal-UE żdiedu b'aktar minn 20 % matul l-aħħar żewġ deċennji. Il-lakuni fil-leġiżlazzjoni tal-UE, eż. fuq l-erożjoni kostali, ifixklu l-ġestjoni sostenibbli u koerenti ta' dan l-iżvilupp.

· (4) Sfruttament subottimali tal-potenzjali ekonomiċi: In-nuqqas ta' proċessi koerenti u trasparenti għall-ġestjoni tal-użi tal-bniedem iwassal għal spejjeż bla bżonn. L-inċertezza u l-imprevedibbiltà ta' aċċess xieraq għall-ispazju tal-baħar jikkawża klima subottimali tan-negozju għall-investituri. Il-proċess ta’ konsultazzjoni kkonferma li l-industrija teħtieġ trasparenza, stabbiltà u prevedibbiltà.

· (5) Adattament insuffiċjenti għar-riskji tal-klima: Ir-riskji tat-tibdil fil-klima huma sinifikanti fiż-żoni kostali tal-Ewropa, iżda m'hemm l-ebda qafas koerenti għall-integrazzjoni kemm tal-miżuri ta' mitigazzjoni kif ukoll ta' dawk ta' adattament fl-ippjanar ġenerali tal-użu tal-baħar jew kostali. Il-maġġoranza tal-Istati Membri kostali tal-UE m’għandhomx pjan jew strateġija ta’ adattament għat-tibdil fil-klima ddedikati għaż-żoni kostali tagħhom.

· (6) Degradazzjoni tal-ambjent marittimu u kostali: L-użu intens u li qed jiżdied taż-żoni kostali u marittimi u l-interazzjoni mill-qrib bejn l-attivitajiet ibbażati fuq l-art u fuq il-baħar wasslu għal żieda fil-pressjonijiet ambjentali u fit-tnaqqis ta’ riżorsi. Il-leġiżlazzjoni biex jiġi protett l-ambjent qiegħda fis-seħħ, iżda hemm nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn is-setturi u bejn il-fruntieri.

Il-kawżi sottostanti għall-problemi li jirrelataw (1) man-nuqqas ta’ ppjanar koerenti u sostenibbli tal-użi marittimi inkluż in-nuqqas tal-qsim tad-dejta; (2) ma' koerenza jew rabta insuffiċjenti bejn il-politiki u l-programmi differenti tal-UE li jaffettwaw il-baħar u l-kosti; (3) man-nuqqas ta’ kooperazzjoni transkonfinali koerenti u sostenibbli bejn ir-reġjuni tal-baħar u (4) mal-involviment inadegwat tal-partijiet interessati.

L-għan ġenerali tal-azzjoni tal-UE huwa li tiżgura l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni kostali u ż-żoni marittimi tal-UE skont l-approċċ tal-ekosistema. Hija timmira wkoll li tappoġġa l-kisba ta’ diversi għanijiet oħra tat-Trattat tal-EU, leġiżlattivi u ta' politika inklużi Ewropa 2020, l-ambjent, l-enerġija, is-sajd, it-trasport marittimu u l-politika ta' koeżjoni. Kull azzjoni tal-UE f'dan il-kuntest għandha tillimita ruħha għall-istabbiliment ta' strumenti għall-ksib tal-għanijiet ta’ politika msemmija hawn fuq. Għal dan il-għan, l-għanijiet operattivi huma ta' natura proċedurali: l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' proċessi b'mod koerenti biex jimmaniġġjaw u jippjanaw l-użi tal-bniedem tal-ispazju marittimu (definiti bħala MSP) u biex jikkoordinaw l-istrumenti ta' politika tal-ġestjoni kostali fl-Istati Membri kostali kollha (definiti bħala ICZM), il-kunsinna u aktar żvilupp tal-prinċipji u l-approċċi komuni għall-proċess tal-MSP u l-ICZM u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' kooperazzjoni transkonfinali xierqa.

3.           Analiżi tas-Sussidjarjetà u tal-Valur Miżjud tal-UE

L-MSP u l-ICZM huma integrati fil-Politika Marittima Integrata tal-Unjoni Ewropea (PMI). L-għan tal-PMI huwa li tiġi żgurata koerenza aħjar bejn il-politiki settorjali tat-TFUE u li jinkisbu l-għanijiet konkorrenti multipli ta' natura ekonomika, soċjali u ambjentali. L-inizjattivi meħuda s’issa taħt il-PMI, bħar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1255/2011, għandhom għalhekk jiġu adottati b’diversi bażijiet legali, li jirrappreżentaw dawk il-politiki settorjali li jaffettwaw l-ibħra, il-kosti u l-oċeani.

L-istess raġunament japplika għall-azzjoni leġiżlattiva dwar l-MSP. Il-politiki settorjali affettwati jinkludu s-sajd, l-enerġija, it-trasport, il-koeżjoni territorjali u l-ambjent.

· Ir-Rakkomandazzjoni tal-UE tal-2002 dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali kienet ibbażata fuq l-Artikolu 192(1) TFUE. Madankollu, l-ICZM (bħall-MSP) hija parti minn politika transsettorjali (PMI) li timmira li tiżgura l-konsistenza bejn l-oqsma politiċi differenti tat-Trattat.

Għalhekk, l-azzjoni futura dwar l-MSP u l-ICZM għandha sserraħ fuq bażi legali usa’ biex tiżgura li l-kamp ta' applikazzjoni jkopri l-firxa sħiħa tal-politiki tal-UE rilevanti għall-ġestjoni tal-ibħra u l-kosti.

Għandu jitwettaq ippjanar dettaljat fil-livell tal-Istati Membri skont il-governanza u l-istrutturi kostituzzjonali rispettivi tagħhom. Mhux maħsub li l-UE tindirizza proċessi prattiċi tal-ippjanar. L-azzjoni tal-UE hija, madankollu, relevanti sal-punt li l-użi marittimi u kostali u l-ekosistemi jittraversaw il-fruntieri nazzjonali u għandha żżid il-valur billi tiżgura l-koerenza tal-miżuri li jindirizzaw dan. B'mod partikolari, se tevita approċċi diverġenti u livelli differenti ta’ progress. It-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika rrikonoxxew il-valur miżjud tal-azzjoni tal-UE.

L-għanijiet għal azzjoni futura dwar l-MSP u l-ICZM huma ġeneralment simili. It-tnejn li huma jipprevedu l-adozzjoni ta’ approċċ integrat għall-ġestjoni tal-oċeani permezz tat-tisħiħ tal-governanza marittima u kostali. Għandhom ukoll fatturi komuni oħrajn, bħall-ħtiġijiet tad-dejta. Għalhekk, jistgħu jinkisbu sinerġiji konsiderevoli permezz ta' inizjattiva leġiżlattiva konġunta. Inizjattivi separati jżidu r-riskju tal-inkonsistenzi, tal-konfużjoni u fl-aħħar mill-aħħar ta' spejjeż ta' implimentazzjoni ogħla.

4.           Għażliet

Il-Valutazzjoni tal-Impatt tidentifika u tiddiskuti diversi (sub)għażliet u kombinazzjonijiet possibbli, kif ukoll ix-xenarju bażi. It-tliet għażliet diskussi huma (1) il-gwida u l-elaborazzjoni tal-aħjar prattiki, (2) miżuri mhux vinkolanti u (3) miżuri legalment vinkolanti inklużi Direttiva "tat-tip qafas", Direttiva u Regolament. Għal spjegazzjoni aktar dettaljata tal-għażliet ara l-Valutazzjoni tal-Impatt, il-paragrafu 5 "Għażliet ta' Politika".

5.           Analiżi tal-Impatti

L-istudji li jappoġġjaw il-Valutazzjoni tal-Impatt urew li l-għażliet ta' politika identifkati kollha jwasslu għal impatti simili filwaqt li l-effettività tagħhom tvarja f'termini ta' żmien, kobor jew skala. Minħabba n-natura tas-suġġett (governanza) u n-nuqqas ta’ dejta disponibbli għal xi aspetti japplikaw limitazzjonijiet għall-analiżi kwantitattiva tal-impatti.

5.1.        Effikaċja

L-effikaċja tal-ksib tal-għanijiet operattivi ġeneralment tiżdied mill-għażla 1 sal-għażla 3, b'mod partikolari:

· Il-provvediment ta' gwida u elaborazzjoni tal-aħjar prattiki (Għażla 1) mhux mistenni li jkun effettiv ħafna billi dan ikun prinċipalment jappoġġa l-azzjoni minn dawk li diġà huma impenjati għaliha. Madankollu, dan ma għandux jikkumpensa għan-nuqqas ta’ mekkaniżmi legali u istituzzjonali.

· L-istimulazzjoni tal-implimentazzjoni tal-MSP/ICZM permezz ta’ miżuri mhux vinkolanti (Għażla 2) mistennija tipprovdi status aktar b’saħħtu lill-MSP fuq il-livell tal-UE, imma mhux probabbli li jiġi żgurat livell suffiċjenti ta' prijorità għall-implimentazzjoni tiegħu. Din tista' wkoll twassal għal approċċ ta' "aqbad u agħżel" fost l-Istati Membri. Għall-ICZM, in-natura nonvinkolanti ta’ Rakkomandazzjoni ma twassalx għal żieda fil-livell u l-kwalità tal-implimentazzjoni. Dan kien ikkonfermat mill-konsultazzjoni pubblika.

· L-istabbiliment ta' qafas vinkolanti għall-implimentazzjoni ta' MSP/ICZM (Għażla 3) jkun l-aktar mod effettiv biex jinkisbu l-għanijiet operattivi. Madankollu, hemm xi differenza fin-natura u l-livell ta' dettall ta' strument vinkolanti u dan ġie vvalutat fi tliet subgħażliet, Direttiva ta’ Qafas, Direttiva u Regolament.

Direttiva jew Regolament dettaljat ikunu aktar preskrittivi minn Direttiva "tat-tip qafas", inaqqsu l-flessibbiltà għall-Istati Membri u jnaqqsu l-possibbiltajiet tal-użu ta' proċessi diġà eżistenti u dan iwassal għal żieda fl-ispejjeż amministrattivi. B’kuntrast, Direttiva "tat-tip qafas" li tistabbilixxi obbligi ġenerali u tipprovdi gwida għall-implimentazzjoni speċifika mill-Istati Membri tiggarantixxi l-previdibbiltà, l-istabilità u t-trasparenza. Barra minn hekk, din tista’ tkun f'waqtha minħabba x-xejra attwali tal-iżvilupp ta’ attivitajiet ġodda. Hija tippermetti lill-Istati Membri jqisu din l-inizjattiva filwaqt li jiżviluppaw il-politiki nazzjonali tagħhom. Fl-aħħar nett, tissalvagwardja l-proporzjonalità u s-sussidjarjetà billi ma tindaħalx fil-proċessi u l-proċeduri tal-ippjanar tal-Istati Membri per se.

Barra minn hekk, għażla trażversali għat-titjib tad-dejta u tal-informazzjoni disponibbli ittejjeb l-effikaċja tal-għażliet kollha analizzati hawn fuq. Azzjoni komplementari li tibni fuq sistemi ta' informazzjoni eżistenti (b'mod partikolari l-Għarfien dwar il-Baħar 2020) tkun tindirizza l-ħtiġijiet f'dan l-istadju, għall-inqas fil-livell tal-UE.

5.2.        Impatti

Il-Valutazzjoni tal-Impatt identifikat għadd ta' impatti ekonomiċi bħala konsegwenza tal-implimentazzjoni tal-MSP u l-ICZM, b'mod partikolari:

· Spejjeż imnaqqsa tat-tranżazzjonijiet għan-negozji marittimi, permezz ta' teħid tad-deċiżjonijiet aktar rapidu u simplifikat u żieda fit-trasparenza.

· Żieda fiċ-ċertezza u fil-prevedibbiltà għall-investimenti privati, inkluż titjib fiċ-ċertezza biex jinkiseb il-finanzjament għal investimenti lil hinn mill-kosta.

· Titjib fl-użu tal-ispazju tal-baħar u l-aħjar koeżistenza possibbli tal-użi fiż-żoni kostali u l-ilmijiet tal-ibħra.

· Titjib fil-livell ta' attrazzjoni tar-reġjuni kostali permezz tal-preservazzjoni tal-valuri u tal-kumditajiet naturali.

· Koordinazzjoni mnaqqsa tal-ispejjeż għall-awtoritajiet pubbliċi, permezz ta’ effiċjenza u trasparenza msaħħin.

· L-Innovazzjoni u r-Riċerka: il-ħtiġijiet tad-dejta tal-MSP u tal-ICZM jistgħu jikkontribwixxu biex jitjieb il-ġbir tad-dejta, l-analiżi tal-ġestjoni, kif ukoll il-bażi tal-għarfien dwar l-interazzjoni u l-kumplimentarjetà bejn l-użi u l-ambjent tal-baħar.

· Dejta u informazzjoni mtejba u integrati.

Impatti ambjentali:

· Tnaqqis tal-pressjoni fuq l-ambjent b'mod partikolari permezz ta' titjib fl-użu tal-ispazju kostali u marittimu u ġestjoni aħjar tal-attivitajiet tal-bniedem.

· Titjib fil-konservazzjoni tal-bijodiversità u fil-kwalità ambjentali permezz ta' tnaqqis fil-frammentazzjoni taż-żoni naturali, u l-użu ta' riżorsi rinnovabbli u mhux rinnovabbli fil-fażi tal-ekosistema.

· Titjib fir-reżiljenza għar-riskji u/jew il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

Impatti soċjali:

· Titjib fl-impenn tal-popolazzjoni u tal-partijiet interessati u titjib fil-klima tal-kooperazzjoni politika.

· Titjib fil-kumditajiet u fil-wirt kulturali permezz tal-inklużjoni tal-pajżaġġ kostali u fl-ambjent urban tal-portijiet fil-proċessi tal-MSP/ICZM.

· Żieda fit-tkabbir u l-impjiegi permezz tal-attivazzjoni tat-tkabbir tas-setturi marittimi (b'mod partikolari dawk emerġenti) u l-għoti ta' kontribut għall-impjiegi fl-ekonomija marittima.

· Titjib fis-sikurezza marittima.

· Titjib fil-klima tal-kooperazzjoni politika.

· L-ispejjeż tal-implimentazzjoni tat-twassil ta' ICZM sħiħa fl-UE huma stmati għal EUR 200 miljun fi spejjeż tal-bidu u EUR 20 miljun fi spejjeż operattivi. L-ispejjeż tal-bidu huma inċerti peress li jiddependu mill-kuntesti nazzjonali u reġjonali fl-Istati Membri. Il-kwantifikazzjoni tal-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-MSP hija diffiċli minħabba nuqqas ta' dejta mill-UE kollha. Irrispettivament mill-varjazzjonijiet fl-ispejjeż totali, il-proporzjon ġenerali tal-kost-benefiċċju huwa pożittiv. X'aktarx li approċċ obbligatorju jwassal għal spejjeż ogħla ta' implimentazzjoni fuq żmien qasir. Madankollu, fl-istess ħin, huwa l-uniku wieħed li jiggarantixxi l-implimentazzjoni u għalhekk it-twettiq tal-benefiċċji ekonomiċi deskritti hawn fuq.

6.           Tqabbil tal-għażliet u Konklużjoni

Mal-Valutazzjoni tal-Impatt, bħala l-Anness 1, qed tiżdied tabella li tagħti ħarsa ġenerali li torbot l-effikaċja tas-soluzzjonijiet possibbli biex jiġu riżolti l-kawżi tal-problemi u safejn dawn huma koperti mill-għażliet ta' politika differenti.

It-tqabbil tal-għażliet identifikati juri li l-aqwa azzjoni li tissodisfa l-għanijiet tkun l-għażla 3, is-subgħażla 1, jiġifieri Direttiva ta' Qafas tal-UE dwar l-MSP u l-ICZM b'sett limitat ta' obbligi, inkluż proċess għall-iżvilupp tal-aqwa prattiki.

L-approċċi volontarji, inkluż gwida u/jew rakkomandazzjonijiet ma jagħtux ir-riżultati mixtieqa. Għażla aktar preskrittiva (l-armonizzazzjoni) permezz ta’ Direttiva jew Regolament dettaljat tkun sproporzjonata, mhux f’konformità mas-sussidjarjetà u twassal għal spejjeż ogħla.

Fl-aħħar nett, azzjoni deċiżiva iżda proporzjonata fil-livell tal-UE fi żminijiet ta’ kriżi finanzjarja tista' tagħti kontribut sinifikanti sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal ekonomiku tal-ekonomija marittima lil hinn mill-kosta.

Top