Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0925

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra

/* COM/2013/0925 final - 2013/0441 (NLE) */

52013PC0925

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra /* COM/2013/0925 final - 2013/0441 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

F’Novembru 2004, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehimiet Qafas Individwali ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) mat-Tajlandja, l-Indoneżja, Singapor, il-Filippini, il-Malażja u l-Brunej. In-negozjati mal-Filippini bdew fi Frar 2009 u ġew konklużi f’Ġunju 2010. Wara l-approvazzjoni tal-Coreper, iż-żewġ naħat iffirmaw il-FSK fil-25 ta' Ġunju 2010. Fl-okkażjoni tal-laqgħa ministerjali tal-Forum Reġjonali ASEAN, ġie ffirmat il-FSK fi Phnom Penh fil-11 ta’ Lulju 2012.

Il-FSK mal-Filippini huwa l-ewwel ftehim bilaterali mal-Filippini u jissostitwixxi l-qafas legali ta' bħalissa tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-1980 bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tal-Asja tax-Xlokk (ASEAN). Politikament, il-FSK mal-Filippini jimmarka pass importanti lejn it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali u r-rwol tal-UE fl-Asja tax-Xlokk, ibbażati fuq valuri universali kondiviżi bħad-demokraziija u d-drittijiet tal-bniedem. Dan iwitti t-triq sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni politika, reġjonali u globali.

Il-FSK jinkludi impenji li huma ċentrali għall-politika barranija tal-UE, kif ukoll dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, in-nonproliferazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-Qorti Kriminali Internazzjonali. Jinkludi wkoll oqsma ta' interess attwali bħalma huma l-proċess tal-paċi u l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri.

Il-FSK isaħħaħ il-kooperazzjoni settorjali fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, bħalma huma l-migrazzjoni, it-tassazzjoni, l-ambjent, l-enerġija, ix-xjenza u t-teknoloġija, it-trasport marittimu u bl-ajru, it-turiżmu, il-kultura, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, id-drogi illeċiti, il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni.

Il-FSK jwessa’ b’mod konsiderevoli l-kamp ta' applikazzjoni tal-impenn reċiproku fil-qasam ekonomiku u kummerċjali. Dan għandu taqsima importanti dwar il-kooperazzjoni kummerċjali, li għandha taġevola n-negozjati dwar il-ftehim ta’ kummerċ ħieles (FKĦ). Il-konklużjoni tal-FSK hija konformi mal-objettiv tal-UE li toħloq qafas ekonomiku u politiku komprensiv u koerenti għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi tal-ASEAN. Barra minn hekk, il-FSK għandu komponent tal-iżvilupp importanti, li jinkludi dispożizzjonijiet stretti dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

Il-Kummissjoni tosserva li d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2012/272/UE dwar l-iffirmar tal-FSK mal-Filippini hija s-suġġett tal-Kawża tal-Qorti C-377/12: il-Kummissjoni talbet lill-Qorti sabiex tħassar id-Deċiżjoni msemmija hawn fuq minħabba li l-Kunsill żied il-bażi legali fir-rigward tat-trasport (Artikoli 91 u 100 TFUE), tar-riammissjoni (Artikolu 79(3) TFUE) u tal-ambjent (Artikolu 191(4) TFUE). Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti sabiex iżżomm fis-seħħ l-effetti tad-Deċiżjoni kkontestata. Skont kif tinqata' s-sentenza tal-Qorti fil-Kawża 377/12, din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-FSK hija bbażata fuq l-Artikoli 207, 209 u 218(6).

Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill dwar il-premessa fil-Ftehim li għandha x'taqsam mal-pożizzjoni speċifika tar-Renju Unit, tal-Irlanda u tad-Danimarka abbażi tal-Protokolli 21 u 22 tat-Trattati. Iż-żieda ta’ din il-premessa hija minħabba l-ħolqien ta’ dan it-test biss. Skont ir-riżultat tal-Kawża C-377/12 li attwalment tinsab quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-premessa tista' titneħħa jew tinkiteb mill-ġdid fi stadju aktar tard. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, sakemm din il-kawża għadha pendenti, il-proċedura għall-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim ma tistax tiġi ffinalizzata.

2013/0441 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)       F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2012/272/UE[1], il-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini min-naħa l-oħra, ġie ffirmat fil-11 ta’ Lulju 2012, u huwa suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(2)       Il-Ftehim għandu jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini min-naħa l-oħra, huwa b’hekk approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà jippresjedi l-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 48 tal-Ftehim.

L-Unjoni jew, kif jista’ jkun il-każ, l-Unjoni u l-Istati Membri, jkunu rrappreżentati fil-Kumitat Konġunt skont is-suġġett.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill jinnomina lill-persuna li għandha s-setgħa tagħti, f’isem l-Unjoni Ewropea, in-notifika prevista fl-Artikolu 57(1) tal-Ftehim.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha. Tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 134, 24.5.2012, p. 3.

Top